30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 232/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Awwissu 2008

li tiddikjara li l-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-Mediterran skond il-Politika Komuni tas-Sajd huwa operattiv

(2008/695/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE tad-19 ta' Lulju 2004 li tistabbilixxi Kunsilli Konsultattivi Reġjonali taħt il-Politika Komuni tas-Sajd (1), u partikolarment l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni mibgħuta mingħand l-Italja fis-16 ta’ Mejju 2008 f'isem Spanja, Franza, il-Greċja, Malta, is-Slovenja u Ċipru,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd [il-Politika Komuni tas-Sajd] (2) u d-Deċiżjoni 2004/585/KE jipprovdu l-qafas għat-twaqqif u l-operat tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali.

(2)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2004/585/KE jistabbilixxi l-Kunsill Konsultattiv Regġjonali li jkopri Mediterran.

(3)

Skond l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2004/585/KE, rappreżentanti tas-settur tas-sajd u gruppi oħra ta' interess ressqu talba dwar l-operat ta' dak il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali lill-Greċja, Spanja, Franza, Ċipru, Malta u s-Slovenja.

(4)

Kif jirrikjedi l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2004/585/KE, l-Istati Membri kkonċernati stabbilixxew jekk l-applikazzjoni rigward il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-Mediterran hix skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni. Fis-16 ta' Mejju 2008, l-Istati Membri kkonċernati ttrażmettew rakkomandazzjoni dwar dak il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali lill-Kummissjoni.

(5)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni tal-partijiet interessati u r-rakkomandazzjoni fid-dawl tad-Deċiżjoni 2004/585/KE u l-għanijiet u l-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd, u tqis li l-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-Mediterran huwa lest biex jibda jopera.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

L-Artikolu Uniku

Il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali tal-Mediterran, stabbilit bl-Artikolu 2(1)(e) tad-Deċiżjoni 2004/585/KE, għandu jibda jopera mill-15 ta’ Settembru 2008.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 3.8.2004, p. 17. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/409/KE (ĠU L 155, 15.6.2007, p. 68).

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).