22.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 224/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-20 ta’ Awwissu 2008

li temenda l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 90/424/KEE fir-rigward tal-viremija tar-Rebbiegħa tal-karpjun (SVC)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4401)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/685/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lejn il-programmi nazzjonali għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard tal-annimali u żoonosi elenkat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/782/KE (2) tinkludi l-viremija tar-Rebbiegħa tal-karpjun (SVC) fuq il-lista ta' mard tal-annimali li għalihom l-Istati Membri jistgħu jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-programmi ta' eradikazzjoni nazzjonali.

(3)

Għall-annimali tal-ilma, l-Istati Membri għandhom ikunu eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-programmi nazzjonali għall-qerda għal dak li huwa biss mard mhux eżotiku li huwa elenkat fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-rekwiżiti ta' saħħa tal-annimali għall-annimali tal-ilma u prodotti minnhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard fl-annimali tal-ilma (3). Din id-Direttiva trid tibda tapplika mill-1 ta' Awwissu 2008.

(4)

Id-Direttiva 2006/88/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/53/KE, ma telenkax iktar il-viraemia tar-Rebbiegħa tal-Karpjun (SVC) fil-Parti II tal-Anness IV tagħha, billi l-ispejjeż marbuta mal-miżuri biex tinqered din il-marda jkunu mingħajr proporzjon imqabbla mat-telf ekonomiku kkawżat minnha.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li din il-marda titħassar ukoll mil-lista ta' mard tal-annimali u żoonosi stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(6)

L-Anness tad-Deċiżjoni 90/424/KE għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 90/424/KEE jinbidel bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Settembru 2008.

Artikolu 3

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).

(2)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 57.

(3)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/53/KE (ĠU L 117, 1.5.2008, p. 27).


ANNESS

“ANNESS

Mard tal-annimali u żoonosi

Tuberkulosi bovina

Bruċellosi bovina

Bruċellożi tan-nagħaġ u tal-mogħoż (B. melitensis)

Bluetongue f'żoni endemiċi jew b'riskju għoli

Id-Deni Afrikan tal-ħnieżer

Mard vesikulari tal-ħnieżer

Deni klassiku tal-ħnieżer

Antrax

Plewronewmonja tal-bovini li tittieħed

Influwenza tat-tjur

Ir-Rabja

Ekinokokkosi

Enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSE)

Kampilobatterjosi

Listerjosi

Salmonellosi (salmonella żoonotika)

Trikinellosi

Coli verotossiġenika

Settiċemija emorraġika virali (VHS)

In-nekrosi ematopojetika infettiva (IHN)

Marda bil-virus erpete tal-Koi (KHV)

L-anemija infettiva tas-salamun (ISA)

Infezzjoni bil-Marteilia refringens

Infezzjoni bil-Bonamia ostreae

Marda tal-white spot fil-krustaċji”.