15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 220/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Awwissu 2008

li temenda d-Deċiżjoni 2007/683/KE li tapprova l-pjan għall-qerda tad-deni klassiku fil-ħnieżer slavaġ f’ċerti żoni ta’ l-Ungerija

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4321)

(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)

(2008/674/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ l-infafet vesikolari (deni klassiku) tal-ħnieżer (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/683/KE (2) approvat pjan imressaq mill-Ungerija fil-11 ta’ Lulju 2007 għall-qerda tad-deni klassiku fil-ħnieżer slavaġ fiż-żoni ta' dak l-Istat Membru stabbilit fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni.

(2)

L-Ungerija infurmat lill-Kummissjoni bl-evoluzzjoni reċenti tad-deni klassiku fi ħnieżer slavaġ f'dak l-Istat Membru. Fid-dawl tat-tagħrif epidemjoloġiku disponibbli, il-miżuri tal-pjan stabbiliti għall-qerda tad-deni klassiku fil-ħnieżer slavaġ hemm bżonn li jiġu estiżi għal ċerti żoni tal-kontea ta' Heves u l-kontea ta' Borsod-Abaúj-Zemplén.

(3)

Fl-interess tat-trasparenza tal-leġislazzjoni Komunitarja, l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/683/KE għandu jiġu sostitwit bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni 2007/683/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/683/KE jinbidel bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Ungerija.

Magħmula fi Brussell, 13 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/729/KE (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 26).

(2)   ĠU L 281, 25.10.2007, p. 27. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/159/KE (ĠU L 51, 26.2.2008, p. 21).


ANNESS

“ANNESS

Żoni fejn il-pjan għall-eradikazzjoni tad-deni klassiku fi ħnieżer slavaġ għandu jiġi implimentat

It-territorju tal-kontea ta' Nógrád u t-territorju tal-kontea ta' Pest li jinsabu fit-Tramuntana u fil-Lvant tad-Danubju, fin-Nofsinhar tal-fruntiera mas-Slovakkja, fil-Punent tal-fruntiera mal-kontea ta' Nógrád u fit-Tramuntana tal-awtostrada E71, it-territorju tal-kontea ta' Heves li jinsab fil-Lvant tal-fruntiera tal-kontea ta' Nógrád, fin-Nofsinhar u l-Punent tal-fruntiera mal-kontea ta' Borsod-Abaúj-Zemplén u fit-tramuntana tal-awtostrada E71, u t-territorju tal-kontra ta' Borsod-Abaúj-Zemplén li tinsab fin-Nofsinhar tal-fruntiera mas-Slovakkja, fil-Lvant tal-fruntiera mal-kontea ta' Heves, fit-Tramuntana u l-Punent tal-awtostrada E71, fin-Nofsinhar tat-triq prinċipali Nru 37 (il-parti bejn l-awtostrada E71 u t-triq prinċipali Nru 26) u fil-Punent tat-triq prinċipali Nru 26.”