7.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 212/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Lulju 2008
li temenda d-Deċiżjoni 97/126/KE dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra
(2008/645/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/126/KE (1) tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”). |
(2) |
Skond l-Artikolu 31 ta’ dak il-Ftehim, huwa stabbilit Kumitat Konġunt li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Ftehim u l-iżgurar ta’ l-implimentazzjoni xierqa tiegħu. Għal dak il-għan, il-Kumitat jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet, li għandhom ikunu implimentati mill-Partijiet Kontraenti skond ir-regoli proprji tagħhom. Għal dak il-għan, fid-Deċiżjoni 97/126/KE għandu jingħad espliċitament li l-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta tali regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni, fejn dan ikun meħtieġ. |
(3) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 31 tal-Ftehim għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2). |
(4) |
Id-Deċiżjoni 97/126/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Fid-Deċiżjoni 97/126/KE għandhom jiġu miżjuda l-Artikoli li ġejjin:
“Artikolu 3
Il-Kummissjoni għandha, fejn neċessarju, tadotta r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt stabbiliti bl-Artikolu 31 tal-Ftehim skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4 (2) ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Organizzazzjoni Komuni tas-swieq agrikoli stabbilit bl-Artikolu 195 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (*)
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (**).
Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun definit bħala xahar wieħed.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Lulju 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BARNIER
(2) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).