1.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 205/51


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta' Lulju 2008

li temenda d-Deċiżjoni 2006/805/KE fir-rigward ta’ ċerti reġjuni ta’ Stati Membri stipulati fl-Anness u l-estensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3964)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/631/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar l-iċċekkjar veterinarju fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju f’ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/805/KE ta’ l-24 ta’ Novembru 2006 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa ta’ l-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer f’ċerti Stati Membri (3) ġiet adottata bħala reazzjoni għat-tifqigħat tad-deni klassiku tal-ħnieżer f’ċerti Stati Membri. Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll tal-mard marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer f'dawk l-Istati Membri.

(2)

Id-Deċiżjoni 2006/805/KE tapplika sal-31 ta’ Lulju 2008. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-marda tad-deni klassiku tal-ħnieżer f'ċerti żoni tal-Bulgarija, il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija u s-Slovakkja, hu xieraq li jiġi estiż il-perjodu ta' applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni sal-31 ta' Lulju 2009.

(3)

Il-Bulgarija informat lill-Kummissjoni dwar l-evoluzzjoni riċenti tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer selvaġġi u ħnieżer f’irziezet tal-ħnieżer fit-territorju tagħha. Skond dik l-informazzjoni, is-sitwazzjoni tal-marda f’dak l-Istat Membru tjiebet b’mod sinifikanti fir-rigward tal-ħnieżer selvaġġi. Barra dan, id-deni klassiku tal-ħnieżer m’għadux aktar issuspettat li hu endemiku fi ħnieżer fl-irziezet. Il-Bulgarija informat ukoll lill-Kummissjoni li ttieħdu miżuri addizzjonali biex jeskludu l-preżenza ta’ l-infezzjoni tal-virus tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer f’irziezet kummerċjali li jintbagħtu għall-qatla. Il-projbizzjoni fuq li jintbagħtu laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal mill-Bulgarija għal Stati Membri oħrajn, prevista fid-Deċiżjoni 2006/805/KE għandha għalhekk ma tapplikax aktar.

(4)

Anke jekk is-sitwazzjoni tal-marda fil-ħnieżer selvaġġi fil-Bulgarija tjiebet, xorta għad hemm riskju kontinwu ta’ tifqigħat ta’ deni klassiku tal-ħnieżer f’dak l-Istat Membru. Għalhekk il-projbizzjoni fuq li jintbagħtu ħnieżer ħajjin lil Stati Membri oħrajn għandha tkompli tapplika fir-rigward tat-territorju kollu tal-Bulgarija. It-territorju kollu għandu għalhekk ikun inkluż fil-Parti II ta’ l-Anness mad-Deċiżjoni 2006/805/KE.

(5)

L-Ungerija u s-Slovakkja informaw ukoll lill-Kummissjoni dwar l-evoluzzjoni riċenti tad-deni klassiku tal-ħnieżer fi ħnieżer selvaġġi fit-territorji tagħhom. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni epidemjoloġika disponibbli, iż-żoni f’dawk l-Istati Membri fejn japplikaw il-miżuri ta’ kontroll relatati mad-deni klassiku tal-ħnieżer, jeħtieġ li jkunu estiżi biex jinkludu wkoll ċerti żoni tal-kontej ta’ Heves u Borsod-Abaúj-Zemplén fl-Ungerija u d-distretti sħaħ ta’ Rimavská Sobota, Nové Zámky, Levice and Komárno fis-Slovakkja. Id-Deċiżjoni 2006/805/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/805/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 14, id-data “31 ta' Lulju 2008” tinbidel bil-“31 ta' Lulju 2009”.

(2)

Il-Partijiet II u III ta' l-Anness huma sostitwiti permezz tat-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33; verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(3)  ĠU L 329, 25.11.2006, p. 67. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2008/225/KE (ĠU L 73, 15.3.2008, p. 32).


ANNESS

“Il-PARTI II

1.   Il-Bulgarija

It-territorju kollu tal-Bulgarija.

2.   L-Ungerija

It-territorju tal-kontea ta’ Nógrád u t-territorju tal-kontea ta’ Pest li jinsabu fit-Tramuntana u l-Lvant tad-Danubju, fin-nofsinhar tal-fruntiera mas-Slovakkja, fil-punent tal-fruntiera tal-kontea ta’ Nógrád u fit-tramuntana ta’ l-awtostrada E71, it-territorju tal-kontea ta’ Heves li jinsab fil-Lvant tal-fruntiera tal-kontea ta’ Nógrád, fin-nofsinhar u l-punent tal-fruntiera mal-kontea ta’ Borsod-Abaúj-Zemplén u fit-tramuntana ta’ l-awtostrada E71, u t-territorju tal-kontea ta’ Borsod-Abaúj-Zemplén li tinsab fin-nofsinhar tal-fruntiera mas-Slovakkja, fil-Lvant tal-fruntiera mal-kontea ta’ Heves, fit-tramuntana u l-punent ta’ l-awtostrada E71, fin-nofsinhar tat-triq prinċipali Nru 37 (il-parti bejn l-awtostrada E71 u t-triq prinċipali Nru 26) u fil-punent tat-triq prinċipali Nru 26.

3.   Is-Slovakkja

It-territorju ta’ l-Amministrazzjonijiet Distrettwali Veterinarji u Alimentari (ADVA) ta’ Žiar nad Hronom (li jinkludi d-distretti Žiar nad Hronom, Žarnovica u Banská Štiavnica), Zvolen (li jinkludi d-distretti Zvolen, Krupina u Detva), Lučenec (li jinkludi d-distretti Lučenec u Poltár), Veľký Krtíš (li jinkludi d-distretti Veľký Krtíš), Komárno (li jinkludi d-distrett Komárno), Nové Zámky (li jinkludi d-distrett Nové Zámky), Levice (li jinkludi d-distrett Levice) u Rimavská Sobota (li jinkludi d-distrett Rimavská Sobota).

PARTI III”