|
23.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 194/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-17 ta’ Ġunju 2008
li tistabbilixxi l-arkitettura fiżika u r-rekwiżiti ta’ l-Interfaces Nazzjonali u ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn il-VIS Ċentrali u l-Interfaces Nazzjonali għall-fażi ta’ l-iżvilupp
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2693)
(It-testi fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Olandiż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Germaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż biss huma awtentiċi)
(2008/602/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (1), u partikolarment l-Artikolu 4 (a) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni 2004/512/KE tistabbilixxi l-VIS bħala sistema għall-iskambju tad-data tal-viża bejn l-Istati Membri u tat il-mandat lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-VIS. |
|
(2) |
Għandhom isiru l-arranġamenti xierqa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b’mod partikolari rigward l-elementi ta’ l-Interface Nazzjonali li jinsabu f’kull Stat Membru. |
|
(3) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (2), ir-Renju Unit ma ħax sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/512/KE u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha għaliex din tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen. Għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux destinatarju ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
(4) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (3), l-Irlanda ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/512/KE u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha għaliex din tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen. Għaldaqstant, l-Irlanda mhix destinatarju ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
(5) |
F’konformità ma’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-13 ta’ Awwissu 2004 id-Danimarka ddeċidiet li timplimenta d-Deċiżjoni 2004/512/KE fil-liġi Daniża. Id-Deċiżjoni 512/2004/KE għalhekk torbot lid-Danimarka taħt il-liġi internazzjonali. Għalhekk, id-Danimarka għandha obbligu taħt il-liġi internazzjonali biex timplimenta din id-Deċiżjoni. |
|
(6) |
Fir-rigward ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (4), li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE dwar ċertu arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (5). |
|
(7) |
Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen, fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE dwar il-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim għan-nom tal-Komunità Ewropea (6). |
|
(8) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen preċedenti fl-ambitu tat-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen li jaqa’ fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE tat-28 ta’ Frar 2008 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (7). |
|
(9) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) (8), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-arkitettura fiżika u r-rekwiżiti ta’ l-Interfaces Nazzjonali u ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn il-VIS Ċentrali u l-Interfaces Nazzjonali għall-fażi ta’ l-iżvilupp għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika ta’ l-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran-Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblika ta’ l-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju ta’ l-Olanda, lir-Repubblika ta’ l-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju ta’ l-Iżvezja.
Magħmula fi Brussell, 17 ta’ Ġunju 2008.
Għall-Kummissjoni
Jacques BARROT
Viċi President
(1) ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5.
(2) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
(4) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(5) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.
(8) ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1988/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 1),
ANNESS
1. Introduzzjoni
Dan id-dokument jiddeskrivi r-rekwiżiti tan-netwerk u d-disinn ta’ l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni u l-komponenti tagħha.
1.1. Akronimi u abbrevjazzjonijiet
|
Akronimi u abbrevjazzjonijiet |
Spjegazzjoni |
|
BCU |
Backup Central Unit (Unità Ċentrali ta’ Riżerva) |
|
BLNI |
Backup Local National Interface (Interface Nazzjonali Lokali ta’ Riżerva) |
|
CNI |
Central National Interface (Interface Ċentrali Nazzjonali) |
|
CS |
Central System (Sistema Ċentrali) |
|
CS-VIS |
Visa Information System (Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża) |
|
CU |
Central Unit (Unità Ċentrali) |
|
DNS |
Domain Name Server (Server ta’ l-Isem tad-Domain) |
|
FTP |
File Transfer Protocol (Protokoll għat-Trażmissjoni tal-Fajls) |
|
HTTP |
Hypertext Transfer Protocol (Protokoll għat-Trażmissjoni ta’ Hyper Text) |
|
IP |
Internet Protocol (Protokoll ta’ l-Internet) |
|
LAN |
Local Area Network (Netwerk Lokali) |
|
LNI |
Local National Interface (Interface Nazzjonali Lokali) |
|
NI-VIS |
National Interface (Interface Nazzjonali) |
|
NTP |
Network Time Protocol (Protokoll għas-Sinkronizzazzjoni tan-Netwerk) |
|
SAN |
Storage Area Network (Netwerk għall-ħażna tad-data) |
|
SDH |
Synchronous Digital Hierarchy (Ġerarkija Diġitali Sinkrona) |
|
SMTP |
Simple Mail Transfer Protocol (Protokoll Sempliċi għat-Trażmissjoni ta’ Posta) |
|
SNMP |
Simple Network Management Protocol (Protokoll Sempliċi għall-Ġestjoni ta’ Netwerk) |
|
sTESTA |
Secure Trans-European Services for Telematics between Administrations (Servizzi Trans-Ewropej b’Sigurtà għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet), hija miżura tal-Programm IDABC (Il-forniment ta’ servizzi ta’ eGovernment madwar l-Ewropa lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2004/387/KE) (*1) |
|
TCP |
Transmission Control Protocol (Protokoll għall-Kontroll tat-Trażmissjoni) |
|
VIS |
Visa Information System (Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża) |
|
VPN |
Virtual Private Network (Netwerk Privata Virtwali) |
|
WAN |
Netwerk b’żona wiesgħa |
2. Arkitettura fiżika ta’ l-interfaces nazzjonali u ta’ l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn il-VIS ċentrali u l-interfaces nazzjonali
L-NI-VIS, kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, għandu jikkonsisti fi:
|
— |
Interface Nazzjonali Lokali (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “LNI”) f’kull Stat Membru, li huwa l-interface li fiżikament iqabbad lill-Istat Membru man-netwerk ta’ komunikazzjoni b’sigurtà (secure communication network) u li fih mezzi ta’ kriptar dedikati għall-VIS. L-LNI jinsab fil-bini ta’ l-Istat Membru. |
|
— |
Interface Nazzjonali Lokali ta’ Riżerva (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “BLNI”), li għandu l-istess kontenut u funzjoni bħal-LNI. |
Il-konfigurazzjoni speċifika ta’ l-LNI u l-BLNI ser ikunu speċifikati u miftiehma ma’ kull Stat Membru individwali.
L-LNI u l-BLNI għandhom jintużaw esklussivament għar-raġunijiet definiti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità applikabbli għall-VIS.
L-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni bejn is-CS-VIS u l-NI-VIS għandha tikkonsisti fi:
|
— |
Is-Servizzi Trans-Ewropej b’Sigurtà għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (sTESTA) li jipprovdi netwerk kriptat, virtwali u privat (vis.stesta.eu) dedikat għad-data tal-VIS u għall-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità relatata mal-VIS bejn l-Istati Membri u l-awtorità responsabbli għall-ġestjoni operattiva għas-CS-VIS. |
3. Servizzi tan-netwerk
Fil-Kapitoli 3, 5 u 7, kull fejn jissemmew teknoloġiji jew protokolli, għandu jkun mifhum li t-teknoloġiji jew il-protokolli ekwivalenti jistgħu jintużaw. L-użu tan-netwerk għandu jieħu in kunsiderazzjoni t-tħejjija ta’ l-Istati Membri.
3.1. Tqassim tan-netwerk
L-arkitettura tas-VIS tuża servizzi ċentralizzati li huma aċċessibbli mill-Istati Membri differenti. Għal skopijiet ta’ affidabilità, dawn is-servizzi ċentralizzati huma duplikati f’żewġ postijiet differenti, li huma Strasbourg fi Franza fejn tinsab is-CS-VIS, l-Unità Ċentrali (CU) u St Johann im Pongau fl-Awstrija fejn hemm is-CS-VIS ta’ riżerva, l-Unità Ċentrali ta’ Riżerva (BCU) skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5161 tat-3 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi s-siti għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża matul il-fażi ta’ l-iżvilupp (1).
L-Unitajiet Ċentrali prinċipali u ta’ riżerva, għandhom ikunu aċċessibbli mill-Istati Membri differenti permezz ta’ punti ta’ aċċess għan-netwerk – LNI u BLNI – li jinterkonnettjaw is-Sistema Nazzjonali tagħhom mas-CS-VIS.
Il-konnessjoni bejn is-CS-VIS ċentrali u s-CS-VIS ta’ riżerva għandha tkun miftuħa għal kwalunkwe arkitetturi u teknoloġiji futuri ġodda u għandhom jippermettu sinkronizzazzjoni kontinwa bejn is-CU u l-BCU.
3.2. Bandwidth
Il-bandwidth meħtieġ għal-LNI u l-BLNI mhux obbligatorju jista’ jkun differenti minn Stat Membru għal ieħor.
L-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha toffri konnessjonijiet ta’ bandwidths mas-sit adattati għat-traffiku mistenni. In-netwerk għandha tipprovdi biżżejjed veloċità minima garantita ta’ upload u download għal kull konnessjoni u għandha tkun ta’ daqs li tiflaħ id-daqs tal-bandwidth totali tal-punti ta’ aċċess għan-netwerk.
3.3. Protokolli li jistgħu jintużaw
L-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha tiflaħ protokolli ta’ netwerk użati mis-CS-VIS, partikolarment HTTP, FTP, NTP, SMTP, SNMP, DNS, tunnelling protocols, protokolli ta’ replikazzjoni SAN u protokolli ta’ konnessjoni Java-to-Java ta’ BEA WebLogic fuq IP.
3.4. Speċifikazzjonijiet tekniċi
3.4.1. Indirizzar IP
L-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandu jkollha firxa ta’ indirizzi IP riżervati li jkunu jistgħu jintużaw biss fi ħdan dak in-netwerk. Fi ħdan il-firxa ta’ indirizzi IP riżervati, is-CS-VIS ser juża sett ta’ indirizzi IP dedikati li ma jintużaw imkien aktar.
3.4.2. L-użu ta’ Ipv6
In-netwerks lokali tal-biċċa l-kbira mis-siti ser jużaw IPv4 iżda wħud minnhom ser jużaw IPv6. Għalhekk il-punti ta’ aċċess għan-netwerk għandhom joffru l-possibbiltà li jaġixxu bħala portal ta’ IPv4/IPv6. Ser tkun meħtieġa koordinazzjoni ma’ l-Istati Membri li qed jimxu lejn IPv6, sabiex tkun żgurata tranżizzjoni bla problemi.
3.4.3. Rata ta’ Fluss Sostenuta
Sakemm il-konnessjoni tas-CU jew il-BCU jkollha load rate ta’ anqas minn 90 %, Stat Membru partikolari għandu jkun jista’ jżomm b’mod kontinwu 100 % tal-bandwidth speċifikat.
3.4.4. Speċifikazzjonijiet oħra
Biex tkun tiflaħ għas-CS-VIS, l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha għall-anqas tkun konformi ma’ sett minimu ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi:
|
|
Id-dewmien fit-tranżitu għandu jkun (inkluż f’sigħat ta’ attività kbira) mhux aktar minn 150 ms f’95 % tal-pakketti u anqas minn 200 ms f’100 % tal-pakketti. |
|
|
Il-probabilità ta’ telf ta’ pakketti għandha tkun (inkluż f’sigħat ta’ attività kbira) mhux aktar minn jew ugwali għal 10–4 f’95 % tal-pakketti u anqas minn 10–3 f’100 % tal-pakketti. |
|
|
L-ispeċifikazzjonijiet imsemmija qabel għandhom japplikaw għal kull punt ta’ aċċess separatament. |
|
|
Il-konnessjoni bejn is-CU u l-BCU għandu jkollha dewmien ta’ round trip ta’ mhux aktar minn 60 ms. |
3.5. Reżiljenza
L-Infrastruttura ta’ Komnuikazzjoni għandha toffri disponibilità għolja, partikolarment tal-komponenti li ġejjin:
|
— |
In-netwerk ewlieni (backbone network) |
|
— |
Il-mezzi ta’ routing |
|
— |
Il-Points of Presence |
|
— |
Il-konnessjonijiet mal-loop lokali (inklużi l-kejbils fiżikament żejda) |
|
— |
Il-mezzi tas-sigurtà (mezzi ta’ kriptar, firewalls, eċċ.), |
|
— |
Is-servizzi ġeneriċi kollha (DNS, eċċ.), |
|
— |
LNI u BLNI mhux obbligatorja |
Meta meħtieġ, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ sostituzzjoni tan-netwerk (network failover), koordinati bil-livell ta’ applikazzjoni biex tkun żgurata disponibilità massima tal-VIS b’mod ġenerali.
4. Il-monitoraġġ
Biex ikun faċilitat il-monitoraġġ, l-istrumenti ta’ monitoraġġ ta’ l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandu jkollhom il-kapaċità li jiġu integrati mal-faċilitajiet ta’ monitoraġġ għall-ġestjoni operattiva tas-CS-VIS.
5. Servizzi ġeneriċi
L-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha tkun tista’ toffri s-servizzi ġeneriċi mhux obbligatorji li ġejjin: DNS, mail relay u NTP.
6. Disponibilità
Id-disponibilità tal-punti ta’ konnessjoni sal-LAN ta’ l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha tkun ta’ 99,99 % fuq perjodu dejjem għaddej ta’ 28-il ġurnata.
7. Servizzi ta’ sigurtà
7.1. Kriptar tan-netwerk
L-ebda informazzjoni relatata mal-VIS m’għandha tiċċirkola fuq l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni mingħajr ma tkun kriptata.
Biex jinżamm livell ta’ sigurtà għoli, l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha tippermetti l-ġestjoni taċ-ċertifikati/keys użati mis-soluzzjoni ta’ kriptar tan-netwerk. Għandhom ikunu possibbli amministrazzjoni remota u monitoraġġ remot ta’ l-encryption boxes.
Algoritmi ta’ kriptar simetriċi (3DES 128 bits jew aħjar) u algoritmi ta’ kriptar asimetriċi (RSA 1 024 bit modulus jew aħjar) għandhom jintużaw skond l-ogħla livell ta’ żvilupp.
7.2. Karatteristiċi oħrajn tas-sigurtà
Minbarra l-protezzjoni tal-punti ta’ l-aċċess għan-netwerk tal-VIS (LNI u BLNI), l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha tipproteġi wkoll is-servizzi ġeneriċi mhux obbligatorji. Fil-każ li tali servizzi jsiru disponibbli, għandhom jilħqu miżuri ta’ protezzjoni kumparabbli ma’ dawk fis-CS-VIS. Barra dan, il-mezzi ta’ servizzi ġeneriċi u l-miżuri ta’ protezzjoni tagħhom għandhom ikunu taħt sorveljanza ta’ sigurtà kontinwa.
Biex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà, l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha tippermetti li jiġu rrappurtati l-inċidenti kollha ta’ sigurtà bla dewmien. Ir-rapporti dwar l-inċidenti kollha ta’ sigurtà għandhom jingħataw fuq bażi regolari, ngħidu aħna b’rappurtaġġ ta’ kull xahar u ad hoc.
8. Helpdesk u struttura ta’ appoġġ
Għandha tiġi stabbilita helpdesk u struttura ta’ appoġġ u din trid tkun tista’ tinteraġixxi mas-CS-VIS.
9. Interazzjoni ma’ sistemi oħrajn
L-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni għandha tiżgura li t-tixrid ta’ data lejn sistemi oħrajn jew netwerks oħrajn ma jseħħux fuq in-netwerk.