16.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 188/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Lulju 2008

li teżenta l-produzzjoni ta’ l-elettriku fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ l-akkwisti ta’ l-entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u tal-posta

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3382)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/585/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ l-akkwisti ta’ l-entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u tal-posta (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 30(4) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba sottomessa mir-Repubblika ta’ l-Awstrija permezz tal-posta elettronika fil-10 ta’ Jannar 2008,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

Billi:

I.   IL-FATTI

(1)

Fl-10 ta’ Jannar 2008, l-Awstrija bagħtet talba skond l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2004/17/KE lill-Kummissjoni bil-posta elettronika. Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni talbet, permezz tal-posta elettronika, għal informazzjoni addizzjonali li, wara proroga ta’ l-iskadenza inizjali, intbagħtet bil-posta elettronika mill-awtoritajiet Awstrijaċi fid-29 ta’ Frar 2008.

(2)

It-talba sottomessa mir-Repubblika ta’ l-Awstrija tikkonċerna l-produzzjoni ta’ l-elettriku.

(3)

It-talba hija akkumpanjata b’ittra mingħand l-awtorità indipendenti nazzjonali, E-Control (Energie-Control GmbH, ir-regolatur tas-swieq Awstrijaċi ta’ l-elettriku u l-gass naturali, li tillimita lilha nnifisha għal dikjarazzjoni li “ma teżisti l-ebda oġġezzjoni kontra eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi fil-qasam tal-produzzjoni ta’ l-elettriku.”

II.   IL-QAFAS ĠURIDIKU

(4)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fuq swieq li għalihom l-aċċess m’huwiex ristrett. L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni għandha tiġi vvalutat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, waqt li jitqiesu l-karatterisitiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqis mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI għad-Direttiva 2004/17/KE, li, fil-qasam ta’ l-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (3), li tirrikjedi grad saħansitra ogħla ta’ ftuħ tas-suq.

(5)

L-Awstrija implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE iżda wkoll id-Direttiva 2003/54/KE u għażlet is-separazzjoni ġuridika u funzjonali tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tan-netwerks għajr għall-iżgħar kumpaniji, li huma eżenti mir-rekwiżiti tas-separazzjoni funzjonali. Konsegwentement, u f’konformità ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jiġi kkunsidrat li mhux ristrett.

(6)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv fih innifsu. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati b’din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju li għandu jitqies. Kriterju ieħor huwa l-livell tal-konċentrazzjoni f’dawk is-swieq. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jitqiesu kriterji ulterjuri bħalma huma l-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ, il-kompetizzjoni fuq il-prezz u l-grad ta’ konsumaturi li jibdlu l-fornituri.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   VALUTAZZJONI

(8)

It-talba sottomessa mill-Awstrija tikkonċerna l-produzzjoni ta’ l-elettriku fl-Awstrija.

(9)

L-Awstrija hija maqsuma fi tliet żoni ta’ bilanċ u waħda minnhom tesperjenza punti ta’ konġestjoni interna (iż-żona ta’ bilanċ APG fejn tista’ tinħoloq konġestjoni bejn iż-żoni ta’ Vjenna u Graz, interkonnessi bl-hekk imsejjaħ “Steirmarkleitung”). Għalhekk tista’ titqajjem il-mistoqsija jekk is-suq ġeografiku jkunx iżgħar minn dak nazzjonali (4). Madanakollu, skond l-informazzjoni disponibbli, fil-biċċa l-kbira tal-każi l-effett ta’ dawn il-punti ta’ konġestjoni interni jissolvew bl-applikazzjoni ta’ miżuri tekniċi bħall-applikazzjoni phase shifters biex jikkontrollaw il-kapaċità tat-trażmissjoni. Fi ftit każijiet jista’ jkun meħtieġ li jintużaw impjanti ta’ l-enerġija addizzjonali biex jistabbilizzaw in-netwerk. Meta dawn il-punti ta’ konġestjoni interni jkunu jeħtieġu li l-produtturi tat-Tramuntana ta’ l-Awstrija jnaqqsu l-ġenerazzjoni tal-kapaċità tagħhom, xi ħaġa li skond l-awtoritajiet Awstrijaċi isseħħ b’mod eċċezzjonali, dawn il-produtturi jitħallsu għall-ħsara mill-operatur tan-netwerk. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda punti ta’ konġestjoni bejn din iż-żona ta’ bilanċ u ż-żewġ żoni ta’ bilanċ l-oħrajn Awstrijaċi, l-anqas bejn iż-żona ta’ bilanċ APG u l-Ġermanja. L-effett tal-punti ta’ konġestjoni interni huma għalhekk, skond l-informazzjoni disponibbli, mhux sinifikanti f’termini ta’ forniment ta’ l-enerġija u l-kompetizzjoni. In-nuqqas ta’ konġestjoni fil-konnessjonijiet mal-Ġermanja qajmet il-mistoqsija jekk jistax jeżisti suq ġeografiku li jkopri dawn iż-żewġ pajjiżi, li l-Kummissjoni kkonkludiet li mhux il-każ (5). Konsegwentament, it-territorju tar-Repubblika ta’ l-Awstrija għandu jitqies li jikkosistwixxi suq rilevanti għall-għanijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, għalkemm ma jistax jitqies li huwa iżolat mill-pajjiżi ta’ madwaru.

(10)

Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Ir-rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku (6), minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ir-“Rapport ta’ l-2005”, jistqarr li “ħafna swieq nazzjonali juru grad għoli ta’ konċentrazzjoni ta’ l-industrija, li jtellef l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva” (7). Minħabba dan, huwa kkunsidrat li, fir-rigward tal-produzzjoni ta’ l-elettriku, “wieħed mill-indikaturi tal-grad tal-kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali tas-suq ta’ l-ikbar tliet produtturi” (8). Għall-2006, is-sehem tat-tliet l-ikbar produtturi ġie indikat li huwa 52.2 fid-Dokument ta’ Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni tal-15 ta’ April 2008, SEC(2008) 460 (9). Madanakollu, l-Awstrija għandha esportazzjoni u importazzjoni ta’ l-elettriku sostanzjali, fl-2005 fi kwantitajiet ta’ iktar minn 17 500 GWh f’esportazzjoni u minn 20 000 GWh f’importazzjoni. Għalhekk hija pajjiż importatur nett u l-elettriku importat jgħodd bejn wieħed u ieħor għal kwart (10) tal-bżonnijiet kollha tagħha (11), b’mod partikulari għall-enerġija ta’ tagħbija bażi. Hemm għalhekk ċertu grad ta’ restrizzjoni fiċ-ċaqliq tal-prezzijiet minn naħa tal-produtturi ewlenien Awstrijaċi minħabba l-importazzjoni ta’ l-elettriku minn barra t-territorju Awstrijak u b’riżultat l-investiment fis-settru ta’ l-elettriku fit-territorju Awstrijak iqies il-produtturi l-oħrajn fil-pajjiżi tal-madwar, b’mod partikulari fil-Ġermanja. Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jittieħdu bħala indikazzjoni ta’ ċertu grad ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni fejn tidħol il-produzzjoni ta’ l-elettriku.

(11)

Barra minn hekk, anke jekk tirrapreżenta parti żgħira mill-ammont totali ta’ l-elettriku prodott u/jew ikkunsmat fi Stat Membru, il-funzjoni tas-swieq ta’ bilanċ xorta għandha tkun meqjusa bħala indikatur ieħor. Fil-fatt, “kull parteċipant tas-suq li ma jsibhiex faċli li jqabbel il-portafoll tal-produzzjoni tiegħu mal-karatteristiċi tal-klijenti tiegħu jista’ jsib ruħu espost għad-differenza bejn il-prezz li bih l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni [TSO - transmission system operator] ibigħ l-enerġija minħabba żbilanċ, u l-prezz li bih jixtri lura l-produzzjoni żejda. Dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu imposti direttament mir-regolatur tat-TSO; jew inkella jintuża mekkaniżmu abbażi tas-suq, li fih il-prezz huwa ddeterminat minn offerti li jkunu għamlu produtturi oħra biex jirregolaw il-produzzjoni tagħhom ‘il fuq jew ‘l isfel […]. Diffikultà ewlenija għall-parteċipanti żgħar titfaċċa meta jkun hemm riskju ta’ differenza kbira bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u l-prezz tal-bejgħ. Dan jiġri f’għadd ta’ Stati Membri u x’aktarx ikun ta’ xkiel għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Differenza kbira tista’ tindika livell insuffiċjenti ta’ kompetizzjoni fis-suq ta’ bilanċ li jista’ jkun iddominat minn produttur wieħed jew tnejn biss.” (12) Is-suq ta’ bilanċ Awstrijak u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu - b’mod partikulari l-ipprezzar abbażi tas-suq u d-differenza relattivament żgħira (13) bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u l-prezz tal-bejgħ – huma tali li għandhom jittieħdu bħala indikaturi oħrajn li l-produzzjoni ta’ l-elettriku hija esposta direttament għall-kompetizzjoni.

(12)

Minħabba l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat (l-elettriku) u l-iskarsezza jew l-indisponibilità ta’ prodotti jew servizzi sostitwibbli adegwati, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u l-formazzjoni tal-prezzijiet jassumu importanza akbar fil-valutazzjoni tal-grad ta’ kompetizzjoni tas-swieq ta’ l-elettriku. Fir-rigward ta’ l-utenti industrijali kbar(finali), li huma l-aktar suġġetti li jixtru l-elettriku tagħhom direttament mingħand il-fornituri li huma wkoll produtturi, l-għadd ta’ konsumaturi li jibdlu l-fornitur jista’ sservi bħala indikatur għall-kompetizzjoni tal-prezz u b’hekk, indirettament, “indikatur naturali għall-effettività tal-kompetizzjoni. Jekk dan in-numru huwa baxx, x’aktarx li hemm problema ta’ funzjonament tas-suq, anki jekk il-benefiċċji mill-possibilità ta’ negozjar mill-ġdid mal-fornitur storiku ma għandhomx jiġu imwarrba” (14). Barra minn hekk, “l-eżistenza ta’ prezzijiet regolati għall-utenti finali hija bla dubju fattur determinanti ta’ l-imġiba ta’ l-klijenti[…]. Għalkemm iż-żamma tal-kontrolli tista’ tiġi ġġustifikata waqt perjodu ta’ tranżizzjoni, dawn ser jikkawżaw dejjem aktar tagħwiġ meta toqrob il-ħtieġa għall-investiment” (15).

(13)

Skond l-aħħar dejta disponibbli, r-rati ta’ bdil huma ta’ 41,5 % għall-klijenti industrijali kbar u kbar ħafna fl-Awstrija (16). Barra minn dan, fl-Awstrija ma jeżistix kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali (17), fi kliem ieħor, il-prezzijiet huma stabbiliti mill-operaturi ekonomiċi nfushom u ma huwa meħtieġ li jiġu approvati minn l-ebda awtorità qabel ma jiġu applikati. Is-sitwazzjoni fl-Awstrija hi għalhekk sodisfaċenti sa fejn jidħlu l-bdil tal-fornitur mill-utenti (finali) industrijali kbar u kbar ħafna u l-kontroll tal-prezz għall-utenti finali u għandha titqies bħala indikatur ta’ l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(14)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (9) sa (13), il-kundizzjoni ta’ l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li ntlaħqet fir-rigward tal-produzzjoni ta’ l-elettriku fl-Awstrija.

(15)

Barra minn hekk, ġaladarba l-kundizzjoni ta’ aċċess għas-suq mingħajr restrizzjonijiet titqies li ntlaħqet, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu l-produzzjoni ta’ l-elettriku fl-Awstrija, u lanqas meta jorganizzaw kompetizzjonijiet ta’ disinn sabiex jintlaħaq l-għan ta’ attività bħal din fl-Awstrija.

(16)

Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni tad-dritt u tal-fatt minn Jannar sa Frar 2008 kif tidher mill-informazzjoni sottomessa mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, mir-Rapport ta’ l-2005 u mill-Anness Tekniku tiegħu, mill-Komunikazzjoni ta’ l-2007 u mid-Dokument ta’ l-Istaff ta’ l-2007 kif ukoll mir-Rapport Finali. Din tista’ tiġi riveduta jekk, wara tibdiliet sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-dritt jew tal-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ l-applikabilità ta’ l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jibqgħux rispettati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettulhom jipproduċu l-elettriku fl-Awstrija.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija.

Magħmula fi Brussell, 7 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 213/2008 (ĠU L 74, 15.3.2008, p. 1).

(2)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(3)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/3/KE (ĠU L 17, 22.1.2008, p. 6).

(4)  Ara COM(2006) 851 finali ta’ 10.1.2007: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Inkjesta skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fis-setturi Ewropej tal-gass u ta’ l-elettriku, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Rapport Finali”, Anness B, punt A1, 2).

(5)  Ara r-Rapport Finali, Anness B, punt A2, 7

(6)  COM(2005) 568 finali, 15.11.2005.

(7)  Ir-Rapport ta’ l-2005, p. 2.

(8)  Ara r-Rapport ta’ l-2005, p. 7.

(9)  Tabella 6 “Pożizzjoni tas-Suq bl-Ingrossa 2006”, p 12 tad-“Dokument ta’ Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni: Dokument li jakkompanja ir-Rapport dwar il-Progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku”, COM(2008) 192 finali tal-15.4.2008.

(10)  23.5 % skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

(11)  jiġifieri l-kwantità ta’ l-elettriku meħtieġa għall-konsum intern u l-esportazzjoni.

(12)  Dokument ta’ Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni, Anness Teknilu għar-Rapport ta’ l-2005, SEC(2005)1448, minn hawn il-quddiem “l-Anness Tekniku”, p. 67–68.

(13)  Skond ir-Rapport Finali, paragrafu 993, tabella 52, is-suq ta’ bilanċ Awstrijak jaħdem b’differenza ta’ 27, li tpoġġih fl-iżgħar nofs għax id-differenza fis-swieq ta’ bilanċ fl-UE tvarja bejn 0 u 79. Din l-analiżi tħares lejn l-effetti tal-funzjoni tas-suq ta’ bilanċ fuq il-produzzjoni ta’ l-elettriku u mhux lejn il-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq ta’ bilanċ innifsu. Għalhekk, għal dan l-għan mhux importanti jekk differenza żgħira hija kkawżata mill-kompetizzjoni jew mit-trażżin tal-prezz impost mir-regolatur, l-istess kif il-konċentrazzjoni għolja fuq is-suq ta’ bilanċ mhix pertinenti għal din l-analiżi.

(14)  Ir-Rapport ta’ l-2005, p. 9.

(15)  L-Anness Tekniku, p. 17.

(16)  Ara d-dokument bl-isem “Awstrija – Skeda informattiva dwar is-Suq Intern”, ippubblikat f’ http://ec.europa.eu/energy/energy_policy/doc/factsheets/market/market_at_en.pdf, li juża informazzjoni mingħand l-Energie-Control GmbH, 2007.

(17)  L-Anness Tekniku, p. 107.