11.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 183/31


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Ġunju 2008

li taħtar tliet Imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea

(2008/569/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, u b’mod partikolari, l-Artikolu 225 A tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari, l-Artikolu 140 B tiegħu,

Billi:

(1)

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”) ġie stabbilit mid-Deċiżjoni 2004/752/KE, Euratom (1). L-imsemmija Deċiżjoni żiedet, għal dan l-għan, Anness mal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ l-“Anness I għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja”).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/150/KE, Euratom (2), il-Kunsill stipula l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għall-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-kandidaturi bil-ħsieb tal-ħatra ta’ l-Imħallfin għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kif previst fl-Anness I, l-Artikolu 3(2) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/49/KE, Euratom (3), il-Kunsill stabbilixxa r-regoli tal-funzjonament tal-kumitat previst fl-Artikolu 3(3), ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/151/KE, Euratom (4) il-Kunsill ħatar il-membri tal-Kumitat.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/577/KE, Euratom (5), il-Kunsill, wara li kkonsulta l-Kumitat, ħatar is-seba’ Mħallfin tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Skond l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija Deċiżjoni, tlieta minn fost dawn l-Imħallfin inħatru għal perijodu ta’ tliet snin, bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 sat-30 ta’ Settembru 2008. Konsegwentement għall-għażla bix-xorti li saret mill-President tal-Kunsill matul il-laqgħa tat-12 ta’ Ottubru 2005, il-funzjonijiet ta’ l-Imħallfin Irena BORUTA, Horstpeter KREPPEL u Sean VAN RAEPENBUSCH ser jintemmu fit-30 ta’ Settembru 2008 (6).

(6)

Is-sejħa pubblika għall-kandidaturi għall-ħatra ta’ tliet imħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2014 ġiet ippubblikata fis-7 ta’ Diċembru 2007 (7). Il-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi skada fil-25 ta’ Jannar 2008. Ġew irreġistrati tlieta u ħamsin kandidatura, kompriżi dawk tat-tliet imħallfin li ser jispiċċaw.

(7)

Il-Kumitat iltaqa’ fit-3 u fl-4 ta’ Marzu kif ukoll fid-9 u l-10 ta’ April 2008. Fi tmiem il-ħidma tiegħu, hu ffinalizza l-opinjoni u l-lista previsti fl-Artikolu 3(4) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-lista fiha sitt kandidati.

(8)

Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 225 A tat-Trattat KE u r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 140B tat-Trattat, l-imħallfin tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huma maħtura mill-Kunsill.

(9)

Konsegwentement, għandhom jinħatru tlieta mill-persuni inklużi fil-lista hawn fuq imsemmija, waqt li jiġi żgurat li jkun hemm kompożizzjoni ekwilibrata tat-Tribunal fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali nazzjonali rappreżentati, kif previst fl-Artikolu 3(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(10)

Id-deċiżjoni sabiex jiġu maħtura għal mandat ġdid it-tliet imħallfin li ser jintemmilhom il-mandat tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija meħuda mill-Kunsill filwaqt li jieħu kont tal-ħidma eċċezzjonali li huma wettqu matul mandat effettiv ta’ sentejn. Fl-ebda każ dan ma jikkostitwixxi preċedent,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b’dan maħtura Mħallfin tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea għal perijodu ta’ sitt snin, mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2014:

Irena BORUTA,

Horstpeter KREPPEL,

Sean VAN RAEPENBUSCH.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 27 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 333, 9.11.2004, p. 7.

(2)  ĠU L 50, 23.2.2005, p. 7.

(3)  ĠU L 21, 25.1.2005, p. 13.

(4)  ĠU L 50, 23.2.2005, p. 9.

(5)  ĠU L 197, 28.7.2005, p. 28.

(6)  ĠU C 262, 21.10.2005, p. 1.

(7)  ĠU C 295, 7.12.2007, p. 26.