4.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 176/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-24 ta’ Ġunju 2008

li tawtorizza għajnuna Finlandiża għaż-żrieragħ u għaż-żerriegħa taċ-ċereali fir-rigward tas-snin ta’ ħsad 2007 u 2008

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2700)

(It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(2008/548/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1947/2005 tat-23 ta’ Novembru 2005 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żrieragħ u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2358/71 u (KEE) Nru 1674/72 (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Bl-ittra tas-17 ta’ Diċembru 2007, il-Gvern Finlandiż talab l-awtorizzazzjoni għas-snin 2007-2010, biex jagħti għajnuna lill-bdiewa għal ċerti kwantitajiet ta’ tipi ta’ żrieragħ u żrieragħ taċ-ċereali li huma prodotti biss fil-Finlandja minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-klima tagħha. Informazzjoni supplimentari kienet provduta bl-ittri tas-16 ta’ Jannar u ta’ l-20 ta’ Frar 2008.

(2)

Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1947/2005, il-Finlandja għandha tgħaddi lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008 rapport dettaljat dwar ir-riżultati ta’ l-għajnuna awtorizzata. Sabiex ma tantiċipax din ir-reviżjoni interim, żrieragħ ikkultivati fl-2007 u fl-2008 biss jistgħu jirċievu l-għajnuna f’dan l-istadju.

(3)

Il-Finlandja talbet awtorizzazzjoni biex tagħti għajnuna għal kull ettaru ta’ ċerti taqsimiet taħt l-ispeċi taż-żrieragħ tal-Gramineae (ħaxix) u tal-Leguminosae (legumi) kif stabbiliti fl-Anness XI għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ għajnuna diretta taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sapport għall-bdiewa u li jimmodifika ir-Regolamenti (KEE) 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (2), bl-eċċezzjoni tal-Phleum pratense L. (Timothy), u għal ċerti taqsimiet taħt iż-żrieragħ taċ-ċereali.

(4)

L-għajnuna proposta għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1947/2005. L-għajnuna tikkonċerna l-varjetajiet taż-żrieragħ u taż-żrieragħ taċ-ċereali kkultivati fil-Finlandja li huma adattati għall-kundizzjonijiet tal-klima ta’ dak il-pajjiż u li ma jitkabbrux fi Stati Membri oħrajn. L-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun limitata għall-varjetajiet elenkati fil-lista ta’ varjetajiet Finlandiżi li huma prodotti fil-Finlandja biss.

(5)

Għandu jkun hemm dispożizzjoni biex il-Kummissjoni tkun informata dwar il-miżuri meħuda mill-Finlandja biex tikkonforma mal-limiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Finlandja hija awtorizzata biex, mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2008, tagħti għajnuna lil dawk li jkabbru, u li huma stabbiliti fit-territorju tagħha, iż-żrieragħ u ż-żrieragħ taċ-ċereali ċċertifikati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, fil-limiti ta’ l-ammonti stabbiliti f’dak l-Anness.

L-awtorizzazzjoni għandha tkopri esklussivament il-varjetajiet elenkati fil-katalogu nazzjonali Finlandiż u li jitkabbru fil-Finlandja biss.

Artikolu 2

Il-Finlandja għandha tiżgura, b’sistema ta’ spezzjoni xierqa, li l-għajnuna tingħata biss għall-varjetajiet elenkati fl-Anness.

Artikolu 3

Il-Finlandja għandha tibgħat lill-Kummissjoni lista tal-varjetajiet iċċertifikati kkonċernati u kwalunkwe emendi f’din il-lista u tinforma lill-Kummissjoni dwar t-taqsimiet u l-kwantitajiet ta’ żrieragħ u żrieragħ taċ-ċereali li jirċievu l-għajnuna.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmula fi Brussell, 24 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 312, 29.11.2005, p. 3. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1247/2007 (ĠU L 282, 26.10.2007, p. 1).

(2)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (OJ L 148, 6.6.2008, p. 1).


ANNESS

Żrieragħ

Eleġibbli

:

It-taqsima taħt iż-żrieragħ tal-Gramineae (ħaxix) u tal-Leguminosae (legumi) iċċertifikati ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness XI għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 bl-eċċezzjoni tal-Phleum pratense L. (Timothy).

L-għajnuna massima għal kull ettaru

:

EUR 220

Il-bagit massimu

:

EUR 442 200

Żrieragħ taċ-ċereali

Eleġibbli

:

It-taqsima taħt iż-żrieragħ ċċertifikati tal-qamħ, il-ħafur, ix-xgħir u s-sikrana.

L-għajnuna massima għal kull ettaru

:

EUR 73

Il-baġit massimu

:

EUR 2 190 000