21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 162/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Mejju 2008

dwar il-projbizzjoni provviżorja ta’ l-użu u l-bejgħ fl-Awstrija ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L. linja T25) skond id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1715)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/470/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 18(1) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/293/KE tat-22 ta’ April 1998 rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L. linja T25), skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (2) ġie deċiż li jingħata l-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta’ dak il-prodott.

(2)

Fit-3 ta’ Awwissu 1998 l-awtoritajiet Franċiżi taw dan il-kunsens. Dan il-kunses ikopri l-użi kollha tal-prodott, jiġifieri l-importazzjoni, l-ipproċessar f’i prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf, kif ukoll il-kultivazzjoni.

(3)

Skond l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2001/18/KE li ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (3), proċeduri rigward notifiki dwar it-tqegħid fis-suq ta’ organiżmi modifikati ġenetikament li jkunu għadhom ma ġewx kompletati sas-17 ta’ Ottubru 2002 huma suġġetti għad-Direttiva 2001/18/KE.

(4)

Fit-8 ta’ Mejju 2000 l-Awstrija għarrfet il-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tipprojbixxi provviżorjament l-użu u l-bejgħ taż-Zea mays L. linja T25 u tat raġunijiet għal dik id-deċiżjoni skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 90/220/KEE.

(5)

Il-prodotti dderivati miż-Zea mays L. linja T25 (il-lamtu u d-derivattivi kollha tiegħu, żejt mhux ipproċessat u rfinut, il-prodotti kollha pproċessati bis-sħana jew fermentati miksuba miż-Zea mays L. linja T25) huma awtorizzati skond ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dawn l-użi mhumiex suġġetti għall-klawżola ta’ salvagwardja nnotifikata mill-Awstrija.

(6)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti kkonkluda fl-20 ta’ Lulju 2001 li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma kkostitwietx prova xjentifika ġdida rilevanti li ma kenitx tqieset matul il-valutazzjoni oriġinali tal-fajl u li kieku kienet tagħti lok għal reviżjoni ta’ l-opinjoni oriġinali ta’ dak il-Kumitat dwar dan il-prodott.

(7)

Fid-9 ta’ Jannar 2004, kif ukoll fid-9 u s-17 ta’ Frar 2004, l-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali biex issostni l-miżuri nazzjonali dwar il-linja tal-qamħirrum T25.

(8)

Skond l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-Kummissjoni kkonsultat ma’ l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA), kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), skond limea Regolament issostitwiet il-kumitati xjentifiċi rilevanti.

(9)

Fit-8 ta’ Lulju 2004 (7), l-EFSA kkonkludiet li l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija ma tikkostitwix prova xjentifika ġdida suffiċjenti biex tinvalida l-valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent tal-linja tal-qamħirrum T25 u li għalhekk tiġġustifika l-projbizzjoni ta’ l-użu u l-bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Awstrija.

(10)

Billi, f’dawn iċ-ċirkostanzi, m’hemm l-ebda raġuni sabiex il-prodott jitqies bħala riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, il-Kummissjoni, fid-29 ta’ Novembru 2004, ressqet abbozz ta’ Deċiżjoni, li titlob lill-Awstrija tirrevoka l-miżura ta’ salvagwardja provviżorja tagħha, sabiex titqies mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) ta’ dik id-Direttiva.

(11)

Madankollu, dak il-Kumitat ma tax opinjoni u, skond l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8), il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

(12)

Fl-24 ta’ Ġunju 2005, skond l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, ma laqax din il-proposta.

(13)

Il-Kunsill, fid-dikjarazzjoni tiegħu, stqarr li “għad hemm xi grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-miżuri nazzjonali ta’ salvagwardja fis-suq tal-varjetà ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament T25”, u sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex “tiġbor evidenza oħra dwar l-OMĠ kkonċernat u tivvaluta ulterjorment jekk il-miżura meħuda mill-Awstrija mmirata biex tissospendi bħala miżura temporanja ta’ prekawzjoni t-tqegħid fis-suq tiegħu hijiex ġustifikata u, jekk l-awtorizzazzjoni ta’ organiżmu bħal dan għadux jissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza tad-Direttiva 2001/18/KE”.

(14)

F’Novembru ta’ l-2005, l-EFSA ġiet ikkonsultata għal darb’oħra mill-Kummissjoni dwar jekk hemmx xi raġuni xjentifika għala l-issuktar tat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum T25 kien probabbli li jikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent skond il-kundizzjonijiet tal-kunsens. B’mod partikolari, L-EFSA ntalbet tqis kwalunkwe informazzjoni xjentifika oħra li ħarġet sussegwentement għall-opinjonijiet xjentifiċi preċendenti dwar is-sikurezza ta’ dan l-OMĠ.

(15)

Fl-opinjoni tagħha tad-29 ta’ Marzu 2006 (9), l-EFSA kkonkludiet li mhemm l-ebda raġuni għala l-issuktar tat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum T25 huwa probabbli li jikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali jew għall-ambjent skond il-kundizzjonijiet tal-kunsens tagħha.

(16)

Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/468/KE, il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill bit-talba li l-Awstrija tirrevoka l-miżura ta’ salvagwardja tagħha.

(17)

Skond l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Kunsill ta’ l-Ambjent, fit-18 ta’ Diċembru 2006, indika l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta, b’maġġoranza kwalifikata.

(18)

Fid-Deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill irrefera għall-istima ta’ impatt kif tipprovdi d-Direttiva 2001/18/KE, u unidka li “d-diversi strutturi agrikoli u karatteristiċi ekoloġiċi reġjonali fl-Unjoni Ewropea jeħtiġilhom jitqiesu b’mod aktar sistematiku fl-istima tar-riskju ambjentali”.

(19)

Skond l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Kummissjoni ressqet proposta emendata biex tqis id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li tirreferi biss għall-aapsetti ambjentali tal-klawżola ta’ salvagwardja Awstrijaka, jiġifieri l-aspetti tal-kultivazzjoni.

(20)

L-Awstrija bdiet il-ħidma biex tiġbor kwalunkwe evidenza xjentifika rilevanti dwar dawn l-aspetti, li fil-fehma ta’ l-Awstrija proviżorjament jiġġustifika ż-żamma tal-klawżola ta’ salvagwardja, partikolarment b’referenza għad-’diversi strutturi agrikoli u karatteristiċi ekoloġiċi reġjonali’ kif indikat fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija. Skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Awstrija hija mistiedna tagħti lill-Kumissjoni kull evidenza xjentifika li ġabret, kif ukoll kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju ġdida hekk kif titlesat, u tgħarraf b’dan lill-Istati Membri kollha.

(21)

Abbażi tas-sottomissjoni ta’ l-Awstrija kif ukoll tal-valutazzjoni xjentifika tagħha, il-Kummissjoni sejra taġixxi skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE fuq dawn l-aspetti tal-miżura Awstrijaka.

(22)

L-aspetti li jorbtu ma’ l-ikel u l-għalf taż-Zea mays L. linja T25 kopert mill-kunsens mogħti skond id-Direttiva 90/220/KEE (inklużi l-importazzjoni u l-ipproċessar) huma identiċi fi ħdan l-Ewropa kollha kemm hi u ġew evalwati mill-EFSA, li kkonkludiet li dan il-prodott mhuwiex probabbli li jikkawża effetti ħżiena għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali.

(23)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni jidhrilha li l-proposta għandha tiġi emendata biex tqis biss l-aspetti relatati ma’ l-ikel u l-għalf tal-projbizzjoni Awstrijaka, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ l-importazzjoni u l-ipproċessar ta’ ħbub mhux ipproċessati bħala materjali ta’ sors għal ipproċessar ulterjuri, jew għall-użu dirett fl-ikel u l-għalf.

(24)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awstrija għandha tħassar il-miżuri ta’ salvagwardja tagħha, talanqas fir-rigward l-importazzjoni u l-ipproċessar f’ikel u f’għalf taż-Zea mays L. linja T25.

(25)

Il-miżuri pprovduti b’din id-Deċiżjoni mhumiex konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Kummissjoni għaldaqstant ressqet proposta relatata ma’ dawn il-miżuri quddiem il-Kunsill. Ġaladarba li, sa l-iskadenza tal-perjodu stipulat fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-Kunsill la kien adotta l-miżuri proposti u lanqas ma indika l-oppożizzjoni tiegħu għalihom, skond l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri meħuda mill-Awstrija biex tipprojbixxi l-importazzjoni u l-ipproċessar fi prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf taż-Zea mays L. linja T25, awtorizzat għat-tqegħid fuq is-suq bid-Deċiżjoni 98/293/KE, mhumiex ġustifikati skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE.

Artikolu 2

L-Awstrija għandha tieħu l-passi neċessarji biex ittemm il-projbizzjoni ta’ l-importazzjoni u l-ipproċessar fi prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf taż-Zea mays L. linja T25, sa mhux aktar tard minn 20 jum min-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija.

Magħmula fi Brussell, 7 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/27/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 45).

(2)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 30.

(3)  ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/35/KE (ĠU L 169, 27.6.1997, p. 72).

(4)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 298/2008 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 64).

(6)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).

(7)  Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward l-invokazzjoni Awstrijaka ta’ l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2004) 78, 1-13.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendat bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(9)  Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament dwar it-talba mill-Kummissjoni rigward għelejjel modifikati ġenetikament (Bt176 qamħirrum, MON810 qamħirrum, T25 qamħirrum, Topas 19/2 żrieragħ tal-lift u Ms1xRf1 żrieragħ tal-lift) suġġetta għall-klawżoli ta’ salvagwardja invokati skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 90/220/KEE, il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2006) 338, 1-15.