17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 157/98


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Mejju 2008

li tikkonċerna dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda ta’ nitritu ma’ ċerti prodotti tal-laħam

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2168)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

(2008/448/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95(6) tiegħu,

Billi:

I.   IL-FATTI U L-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2007, li waslet għand il-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2007, ir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Renju tad-Danimarka għall-Unjoni Ewropea, innotifikat lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha dwar iż-żieda ta’ nitriti ma’ ċerti prodotti tal-laħam, skond l-Artikolu 95 (4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Ir-Renju tad-Danimarka jqis li hu meħtieġ li jżomm dawn id-dispożizzjonijiet minkejja l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 li temenda d-Direttiva 95/2/KE dwar l-addittivi ta’ l-ikel għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa u d-Direttiva 94/35/KE dwar sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel (1) u ma għandux il-ħsieb li jittrasponi d-Direttiva 2006/52/KE fil-liġi nazzjonali safejn tikkonċerna ż-żieda ta’ nitritu ma’ prodotti tal-laħam.

1.   LEĠIŻLAZZJONI KOMUNITARJA

1.1.   L-ARTIKOLU 95(4) U (6) KE

(2)

L-Artkolu 95(4) KE jistipula li “Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.”

(3)

Skond l-Artikolu 95(6) KE, il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika, tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le u jekk humiex ta’ xkiel għat-tħaddim tas-suq intern jew le.

1.2.   ID-DIRETTIVA 2006/52/KE

(4)

Skond il-prinċipji ġenerali tad-Direttiva 89/107/KEE tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-addittivi ta’ l-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għal konsum mill-bniedem (2), l-addittiv ta’ l-ikel jiġi approvat biss jekk ikun hemm ħtieġa teknoloġika raġjonevoli, jekk ikun aċċettat mil-lat ta’ saħħa u jekk l-użu tiegħu ma jkunx qarrieqi għall-konsumatur.

(5)

In-nitriti ilhom jintużaw fil-laħam u fil-prodotti tal-laħam għal bosta għexieren ta’ snin, inter alia, biex jiżguraw, flimkien ma’ fatturi oħra, il-preservazzjoni u s-sikurezza mikrobijoloġika tal-prodotti tal-laħam, b’mod partikolari prodotti tal-laħam ippreservati, filwaqt li jżommu lura, fost affarijiet oħra, il-multiplikazzjoni ta’ Clostridium botulinum, il-batterja responsabbli għal botuliżmu li huwa ta’ theddida għall-ħajja. Fl-istess waqt, huwa rikonoxxut li l-preżenza ta’ nitriti fi prodotti tal-laħam tista’ twassal għall-formazzjoni ta’ nitrosamini, li nstab li huma karċinoġeniċi. Il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam għandha, għaldaqstant, toħloq bilanċ bejn ir-riskju tal-formazzjoni ta’ nitrosamini permezz tal-preżenza ta’ nitriti fi prodotti tal-laħam, minn naħa waħda, u l-effetti ta’ ħarsien ta’ nitriti kontra l-multiplikazzjoni ta’ batterji, b’mod partikolari dawk responsabbli għal botuliżmu.

(6)

Id-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Frar 1995 dwar l-addittivi ta’ l-ikel għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (3), kif kienet adottata oriġinarjament, kienet tistabbilixxi livelli massimi ta’ residwu għan-nitriti u n-nitrati għal prodotti varji tal-laħam kif ukoll “ammonti miżjuda indikattivi”. L-Anness I (3) (ċ) għad-Direttiva 2006/52/KE jemenda l-Anness III, Parti Ċ għad-Direttiva 95/2/KE b’rabta ma’ E 249 (nitritu tal-potassju) u E 250 (nitritu tas-sodju).

(7)

B’kuntrast ma’ dan, bħala regola ġenerali, id-Direttiva 2006/52/KE fiha ammonti massimi għal E 249 nitritu tal-potassju u E 250 nitritu tas-sodju li jistgħu jiġu miżjuda matul il-manifattura. L-ammont miżjud massimu huwa ta’ 150 mg/kg għal prodotti tal-laħam b’mod ġenerali u 100 mg/kg għal prodotti tal-laħam sterelizzati. Għal xi prodotti tal-laħam ippreservati speċifikati li saru b’mod tradizzjonali fi Stati Membri speċifiċi l-ammont massimu huwa ta’ 180 mg/kg.

(8)

Dan l-approċċ isegwi l-opinjonijiet mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (minn hawn ‘il quddiem is-“SCF”) ta’ l-1990 (4) u l-1995 (5) kif ukoll mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem l-“EFSA”) tas-26 ta’ Novembru 2003 (6), li kkonkludew li l-ammont miżjud ta’ nitritu, aktar mill-ammont ta’ residwu, jikkontribwixxi għall-effett inibitorju kontra ċ-C. botulinum u rrakkomandaw li l-“ammonti miżjuda indikattivi” jiġu sostitwiti b’“ammonti miżjuda massimi”. Hi meqjusa wkoll is-sentenza tal-Qorti fil-Każ Ċ-3/00 id-Danimarka./.il-Kummissjoni rigward talba preċedenti tad-Danimarka skond l-Artikolu 95 (4) KE u li fiha l-Qorti ddeċidiet li, meta rrifjutat it-talba tad-Danimarka b’rabta ma’ l-użu ta’ nitriti fi prodotti tal-laħam, il-Kummissjoni ma qisitx biżżejjed l-opinjonijiet tas-SCF ta’ l-1990 u l-1995, li jesprimu dubju dwar kemm huma xierqa l-ammonti ta’ nitritu awtorizzati mid-Direttiva 95/2/KE (7).

(9)

B’eċċezzjoni għar-regola ġenerali, id-Direttiva 2006/52/KE fiha livelli massimi ta’ residwi għal ċerti prodotti speċifikati u tradizzjonali tal-laħam ippreservati, li huma prodotti permezz ta’ metodi ta’ manifattura tradizzjonali. Hemm livelli massimi ta’ residwi ta’ 50 mg/kg, 100 mg/kg u 175 mg/kg li japplikaw għal gruppi differenti ta’ tali prodotti, eż. 175 kg/kg għal Wiltshire bacon, dry cured bacon u prodotti simili, u 100 mg/kg għal Wiltshire ham u prodotti simili. B’rabta ma’ dawn il-prodotti ġew stabbiliti valuri massimi ta’ residwi billi mhuwiex possibbli li jiġi kkontrollat l-ammont miżjud ta’ melħ għall-preservazzjoni assorbit mil-laħam minħabba n-natura tal-proċess ta’ manifattura marbut ma’ dawn il-prodotti. Il-proċess ta’ produzzjoni ta’ dawn il-prodotti speċifiċi huwa deskritt fid-Direttiva biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-“prodotti simili” u jkun ċar liema prodotti huma koperti mil-livelli massimi differenti. It-tabella ta’ hawn taħt fiha l-livelli massimi stabbiliti mid-Direttiva 2006/52/KE (8):

Nru E

Isem

Oġġett ta’ l-ikel

Ammont massimu li jista’ jiġi miżjud waqt il-manifattura

(espress bħala NaNO3)

Livell massimu ta’ residwi

(espress bħala NaNO3)

E 249

Nitritu tal-potassju (x)

Prodotti tal-laħam

150 mg/kg

 

E 250

Nitritu tas-sodju (x)

Prodotti tal-laħam sterilizzati (Fo > 3,00) (y)

100 mg/kg

 

Prodotti tradizzjonali tal-laħam ippreservati permezz ta’ immersjoni (1):

 

 

Wiltshire bacon (1.1);

 

 

Entremeada, entrecosto, chispe, orelheira e cabeça (salgados)

 

175 mg/kg

Toucinho fumado (1.2);

 

 

u prodotti simili

 

 

Wiltshire ham (1.1);

 

100 mg/kg

u prodotti simili

 

 

Rohschinken, nassgepökelt (1.6);

 

50 mg/kg

u prodotti simili

 

 

Cured tongue (1.3)

 

50 mg/kg

Prodotti tradizzjonali tal-laħam ippreservati xotti (2):

 

 

Dry cured bacon (2.1);

 

175 mg/kg

u prodotti simili

 

 

Dry cured ham (2.1);

 

100 mg/kg

Jamón curado, paleta curada, lomo embuchado y cecina (2.2);

 

 

Presunto, presunto da pá and paio do lombo (2.3);

 

 

u prodotti simili

 

 

Rohschinken, trockengepökelt (2.5);

 

50 mg/kg

u prodotti simili

 

 

Prodotti oħra tal-laħam ippreservati b’mod tradizzjonali (3):

 

 

Vysočina

180 mg/kg

 

Selský salám

 

 

Turistický trvanlivý salám

 

 

Poličan

 

 

Herkules

 

 

Lovecký salám

 

 

Dunajská klobása

 

 

Paprikáš (3.5);

 

 

u prodotti simili

 

 

Rohschinken, trocken-/nassgepökelt (3.1);

 

50 mg/kg

u prodotti simili

 

 

Jellied veal and brisket (3.2)

 

 

(10)

Kif irrakkomandat fl-opinjonijiet rilevanti tas-SCF u ta’ l-EFSA, id-Direttiva 2006/52/KE hija bbażata fuq l-istabbiliment ta’ ammonti miżjuda massimi u tirrifletti l-firxiet imsemmija f’dawn l-opinjonijiet xjentifiċi billi tispeċifika li sa 100 mg/kg ta’ nitritu huma permessi fi prodotti tal-laħam sterilizzati u 150 mg/kg fi prodotti oħra tal-laħam. Minħabba l-varjetà kbira ta’ prodotti tal-laħam (ippreservati) u ta’ metodi ta’ manifattura fil-Komunità, il-leġiżlatur tal-Komunità sostna li, għalissa, ma kienx possibbli li jkun speċifikat il-livell xieraq ta’ nitritu għal kull prodott.

(11)

L-eċċezzjonijiet għar-regola ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ammonti miżjuda massimi huma ta’ natura limitata. Dawn japplikaw għal prodotti speċifiċi li huma mmanifatturati b’mod tradizzjonali f’ċerti Stati Membri u li għalihom mhuwiex possibbli li jiġi kkontrollat l-ammont miżjud ta’ melħ għall-preservazzjoni assorbit mil-laħam minħabba n-natura tal-proċess ta’ manifattura marbut ma’ dawn il-prodotti. Il-prodotti tradizzjonali li għalihom japplikaw l-eċċezzjonijiet huma definiti, b’mod partikolari, permezz ta’ deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni.

(12)

Id-Direttiva 2006/52/KE kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-15 ta’ Frar 2008 biex tippermetti l-kummerċ u l-użu ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-15 ta’ Frar 2008 u tipprojbixxi l-kummerċ u l-użu ta’ prodotti li mhumiex konformi sal-15 ta’ Awwissu 2008.

2.   DISPOŻIZZJONIJIET NAZZJONALI NNOTIFIKATI

(13)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka huma l-Ordni Nru 22 tal-11.1.2005 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (Bekendtgørelse nr 22 af 11.1.2005 om tilsætningsstoffer til fødevarer) u l-lista pożittiva ta’ addittivi ta’ l-ikel permessi (Liste over tilladte tilsætningsstoffer til fødevarer, “Positivlisten” ).

(14)

L-Ordni Nru 22 fih il-prinċipju li l-addittivi li jinsabu fil-lista pożittiva biss jistgħu jintużaw għall-oġġetti ta’ l-ikel skond kundizzjonijiet speċifikati, u bl-objettivi u r-restrizzjonijiet speċifikati (9). Dan jipprovdi wkoll li, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-valuri massimi stabbiliti fil-lista pożittiva jirreferu għall-ammonti massimi ta’ l-addittiv li jistgħu jkunu preżenti f’oġġett ta’ l-ikel fl-għamla li fiha jinbiegħ (10). Għaldaqstant, jistgħu jinbiegħu biss fis-suq Daniż l-oġġetti ta’ l-ikel li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Ordni Nru 22 u tal-lista pożittiva. Il-lista pożittiva stabbilita mill-Amministrazzjoni Veterinarja u ta’ l-Ikel tad-Danimarka fuq il-bażi ta’ l-Ordni Nru 22 tindika liema addittivi jistgħu jintużaw għall-oġġetti ta’ l-ikel individwali u f’liema ammonti. Il-verżjoni notifikata tapplika b’effett mid-29 ta’ Jannar 2005.

(15)

Fir-rigward ta’ l-użu ta’ nitriti E 249 u E 250 fil-laħam u fi prodotti tal-laħam il-lista pożittiva Daniża tistabbilixxi ammonti miżjuda esklużivament u fiha l-livell massimu li ġej:

Oġġett ta’ l-ikel

Ammont ta’ nitriti miżjuda (mg/kg)

8.2.1.

Prodotti magħmulin mil-laħam u mhux trattati bis-sħana derivati minn biċċiet sħaħ tal-laħam, inklużi flieli ta’ prodotti b’mod ġenerali)

60

Bejken tat-tip Wiltshire u qatgħat simili, inkluż il-perżut immellaħ

150

8.2.2.

Prodotti magħmulin mil-laħam u trattati bis-sħana derivati minn biċċiet sħaħ tal-laħam, inklużi flieli ta’ prodotti (b’mod ġenerali)

60

Rullepølse (zalzett tal-laħam irromblat)

100

Prodotti kompletament ippreservati jew nofshom ippreservati, bejken tat-tip Wiltshire u qatgħat minnu, inkluż il-perżut immellaħ

150

8.3.1.

Prodotti magħmulin mil-laħam u mhux trattati bis-sħana derivati mil-laħam ikkapuljat, inklużi flieli ta’ prodotti (b’mod ġenerali)

60

Salami ffermentat

100

Prodotti magħmulin mil-laħam u mhux trattati bis-sħana kompletament ippreservati jew nofshom ippreservati derivati mil-laħam ikkapuljat

150

8.3.2.

Prodotti magħmulin mil-laħam u trattati bis-sħana derivati mil-laħam ikkapuljat

60

Pulpetti tal-laħam u paté tal-fwied (kødboller and leverpostej)

0

Prodotti magħmulin mil-laħam u trattati bis-sħana kompletament ippreservati jew nofshom ippreservati derivati mil-laħam ikkapuljat

150

(16)

Jidher, għaldaqstant, li l-limitu ta’ 60 mg/kg (11) japplika għal ħafna tipi ta’ prodotti tal-laħam, filwaqt li l-limiti massimi korrispondenti tad-Direttiva 2006/52/KE huma 100 jew 150 mg/kg. Għal ċerti tipi ta’ zalzett il-massimu aċċettat fid-Danimarka huwa 100 mg/kg. Għal prodotti speċifiċi tal-laħam kompletament jew nofshom ippreservati, inkluż “il-bejken tat-tip Wiltshire u qatgħat simili”, il-massimu huwa 150 mg/kg.

3.   PROĊEDURA

(17)

Fis-17 ta’ Awwissu 2007 l-Kummissjoni rċeviet l-ewwel komunikazzjoni mir-Renju tad-Danimarka, bid-data ta’ l-14 ta’ Awwissu 2007, li fiha d-Danimarka kkritikat aspetti differenti tad-Direttiva 2006/52/KE u għarrfet lill-Kummissjoni li ma għandhiex il-ħsieb li tittrasponi d-Direttiva 2006/52/KE b’rabta man-nitriti fi prodotti tal-laħam. Madankollu, id-Danimarka ma nnotifikatx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li hi tixtieq iżżomm. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2007 il-Kummissjoni għarrfet lill-gvern Daniż dwar dan. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2007, li waslet għand il-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2007, ir-Rappreżentanza Permanenti tar-Renju tad-Danimarka lill-Unjoni Ewropea, innotifikat id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti lill-Kummissjoni. F’korrispondenza oħra tat-22 ta’ Novembru 2007, li waslet għand il-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2007 u li fiha rapport ta’ l-Istitut Nazzjonali għall-Ikel tat-30 ta’ Ottubru 2007, id-Danimarka ssostanzjat l-applikazzjoni tagħha.

(18)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet in-notifika u li l-perjodu ta’ sitt xhur għall-eżami tagħha skond l-Artikolu 95(6) beda fl-24 ta’ Novembru 2007, il-jum ta’ wara dak li fih waslet in-notifika.

(19)

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2008 id-Danimarka pprovdiet data dwar il-konsum ta’ prodotti tal-laħam fid-Danimarka.

(20)

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2008 il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istati ta’ l-EFTA dwar in-notifika u tathom l-opportunità li jippreżentaw xi kummenti dwarha fi żmien 30 jum. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar in-notifika fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (12) biex tinforma xi partijiet interessati oħra dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Danimarka, kif ukoll ir-raġunijiet li ngħataw biex jappoġġjaw it-talba. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Estonja, Franza, l-Ungerija u n-Norveġja (13).

L-Estonja enfasizzat li, minħabba l-effett restrittiv tal-leġiżlazzjoni Daniża dwar il-kummerċ, huwa essenzjali li r-restrizzjonijiet ikunu xjentifikament iġġustifikati.

Franza tisħaq li n-nitriti huma inibitur qawwi kontra l-proliferazzjoni ta’ ċerti batterji, inkluż il-Clostridium botulinum u, għaldaqstant, sinifikanti fil-prevenzjoni ta’ avvelenament mill-ikel u li mhemm l-ebda alternattiva b’rabta ma’ prodotti tal-laħam. Fil-fehma tagħha, id-Direttiva 2006/52/KE hi bbażata fuq l-opinjoni ta’ l-EFSA tas-26.11.2003 u tillimita kemm jista’ jkun il-konċentrazzjoni ta’ nitrosamini filwaqt li tassigura s-sikurezza mikrobijoloġika. Kif ġie rrakkomandat mill-EFSA, hi tirregola l-ammonti miżjuda. Hi tirreferi biss għal valuri massimi ta’ residwi bħala eċċezzjoni u fejn ma kienx possibbli li jkunu stabbiliti ammonti miżjuda massimi. Għandha ssir analiżi ġdida biss ladarba jkunu disponibbli r-riżultati ta’ l-istudji fl-Istati Membri dwar il-konsum ta’ addittivi fuq il-bażi tar-regoli ġodda.

L-Ungerija, filwaqt li tappoġġja n-nuqqas fl-esponiment għal nitriti u nitrosamini bil-mezzi kollha possibbilment disponibbli, tenfasizza l-ħtieġa li tirregola l-livelli xierqa ta’ nitritu għall-UE kollha, inkluż għal prodotti tal-laħam ippreservati, li jistgħu jvarjaw mill-prodotti tal-laħam Daniżi u fejn iż-żieda ta’ livelli ogħla ta’ nitritu tista’ tkun iġġustifikata. Hi tikkontesta l-argument tad-Danimarka li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/52 tista’ twassal għal żieda ta’ nitriti ta’ 2.3 sa 2.4 darbiet fid-Danimarka, filwaqt li tqis il-fatt li l-manifatturi huma obbligati li japplikaw inqas mill-ammont massimu permess t’hekk jistgħu jiggarantixxu s-sikurezza mikrobijoloġika meħtieġa. Il-kultura Ewropea tifqar li kieku l-prodotti tradizzjonali tal-laħam ippreservati kellhom jgħibu mis-suq.

In-Norveġja tqis li l-miżura Daniża hi ġġustifikata fuq ir-raġunijiet ta’ ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 30. Fil-fehma tagħha, il-miżura hi maħsuba biex tassigura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem ibbażat fuq parir xjentifiku u mhijiex diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ. Hi ssostni li x-xkiel għat-tħaddim tas-suq intern maħluq minnha huwa neċessarju u proporzjonat. In-Norveġja taqbel mad-Danimarka li, b’rabta man-nitriti fi prodotti tal-laħam, id-Direttiva 2006/52/KE ma tirriflettix għal kollox il-parir xjentifiku minħabba li ma tiżgurax li l-aktar livell baxx ta’ nitriti meħtieġ biex jinkiseb l-effett mixtieq huwa applikat u l-applikazzjoni ta’ livelli ta’ residwi b’rabta ma’ għadd ta’ prodotti tal-laħam.

4.   TALBA LILL-EFSA

(21)

Permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Marzu 2008 id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur talab lill-EFSA tipprovdi opinjoni xjentifika dwar jekk l-opinjonijiet preċedenti tas-SCF ta’ l-1990 u l-1995 u ta’ l-EFSA ta’ l-2003 għadhomx validi fid-dawl tat-tagħrif ippreżentat mid-Danimarka. Fit-tweġiba tagħha tat-28 ta’ Marzu 2008, l-EFSA kkonkludiet li l-opinjonijiet preċedenti tas-SCF u ta’ l-EFSA għadhom validi fid-dawl tat-tagħrif mogħti mid-Danimarka.

(22)

Fir-rigward ta’ l-effetti ta’ nitriti/nitrati fuq is-sikurezza mikrobijoloġika ta’ prodotti tal-laħam l-EFSA tirreferi għall-opinjoni tal-Bord Xjentifiku tagħha dwar il-Perikli Bijoloġiċi tas-26 ta’ Novembru 2003. F’din l-opinjoni ġie ddikjarat li diversi fatturi kkontribwew għas-sikurezza tal-prodotti tal-laħam (il-proċess ta’ tisjir, il-konċentrazzjoni ta’ melħ, l-attività ta’ l-ilma eċċ. u li l-ammont miżjud ta’ nitriti huwa importanti għas-sikurezza mikrobijoloġika, u għalhekk l-ammonti miżjuda għandhom jiġu kkontrollati (minflok l-ammont ta’ residwi). L-EFSA tirreferi wkoll għall-fatt li l-Bord Xjentifiku tagħha dwar il-Perikli Bijoloġiċi qabel mal-fehma tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (SCF) li 50-100 mg ta’ nitritu miżjud għal kull kg ta’ prodotti tal-laħam jista’ jkun biżżejjed għal ħafna prodotti u fi prodotti oħra, speċjalment dawk b’kontenut baxx ta’ melħ u li jkollhom tul iżjed ta’ żmien qabel jiskadu, żieda ta’ bejn 50 u 150 mg/kg ta’ nitritu hija biżżejjed biex trażżan it-tkabbir ta’ C. botulinum.

II.   VALUTAZZJONI

1.   AMMISSIBILITÀ

(23)

Skond l-Artikolu 95(4) u (6) KE Stat Membru jista’, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali minħabba ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 30, jew relatati mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol, jekk jinnotifika dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni u jekk il-Kummissjoni tapprova l-applikazzjoni.

(24)

In-notifika Daniża tirreferi għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn dawk ta’ l-Anness I (3) (ċ) għad-Direttiva 2006/52/KE li temenda l-Anness III, Parti Ċ għad-Direttiva 95/2/KE b’rabta ma’ E 249 u E 250. Id-dispożizzjonijiet Daniżi attwali kienu diġà jeżistu fi żmien l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/52/KE.

(25)

L-Ordni Nru 22 u l-lista pożittiva Daniża fihom dispożizzjonijiet aktar stretti b’rabta ma’ l-użu ta’ nitriti fil-laħam u fi prodotti tal-laħam mid-Direttiva 2006/52/KE minħabba li jistipulaw ammonti miżjuda massimi aktar baxxi mid-Direttiva 2006/52/KE għal diversi tipi ta’ prodotti (f’ħafna każijiet 60 mg/kg) u minħabba li, għall-kuntrarju tad-Direttiva 2006/52/KE, ma jippermettux it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tradizzjonali tal-laħam fuq il-bażi ta’ valuri massimi ta’ residwi.

(26)

Skond l-Artikolu 95(4), in-notifika kienet issuplimentata b’deskrizzjoni tar-raġunijiet marbuta ma’ waħda jew iktar mill-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 30 jew mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, f’dan il-każ il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin. Il-pożizzjoni Daniża hija spjegata f’aktar detall f’rapport ta’ l-Istitut Daniż għall-Ikel tat-30 ta’ Ottubru 2007, li ġie ppreżentat fis-27 ta’ Novembru 2007, kif ukoll fid-dokumenti l-oħra msemmija fil-punti 14 u 16 hawn fuq.

(27)

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka bil-ħsieb li tikseb awtorizzazzjoni biex iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha dwar l-użu ta’ nitriti fil-laħam u fi prodotti tal-laħam hija aċċettabbli skond l-Artikolu 95(4) KE.

2.   VALUTAZZJONI TAL-MERTI

(28)

Skond l-Artikolu 95(4) u (6), l-ewwel subparagrafu, KE, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet kollha li jagħtu s-setgħa lil Stat Membru li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Komunità prevista f’dak l-Artikolu jintlaħqu.

(29)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex iġġustifikati jew le bil-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 30 KE jew marbuta mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol u ma jaqbżux dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, hi għandha tivverifika, skond l-Artikolu 95(6), jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le u jekk jikkostitwux xkiel għat-tħaddim tas-suq intern jew le.

(30)

Ta’ min jinnota li, fid-dawl tal-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Artikolu 95(6) KE, il-Kummissjoni, meta teżamina jekk il-miżuri nazzjonali notifikati skond l-Artikolu 95(4) humiex iġġustifikati, għandha tieħu bħala bażi “r-raġunijiet” imressqa mill-Istat Membru li jinnotifika. Dan ifisser li, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ir-responsabbiltà biex ikun ippruvat li l-miżuri nazzjonali huma ġġustifikati hija ta’ l-Istat Membru li jkun għamel it-talba biex iżommhom. Minħabba l-qafas proċedurali stabbilit mill-Artikolu 95 paragrafu 4 u 6 KE, inkluża b’mod partikolari data ta’ skadenza stretta għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni normalment ikollha tillimita ruħha li teżamina r-rilevanza tal-punti li huma ppreżentati mill-Istat Membru li jkun għamel it-talba, mingħajr ma jkollha tfittex hija nfisha r-raġunijiet possibbli ta’ ġustifikazzjoni.

(31)

Madankollu, meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif li fid-dawl tiegħu l-miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Komunità, li minnha jidderogaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, tista’ teħtieġ li tiġi rreveduta, hi tista’ tqis dan it-tagħrif fil-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati.

2.1.   IL-POŻIZZJONI TAD-DANIMARKA

(32)

Ir-Renju tad-Danimarka jiddikjara li l-leġiżlazzjoni tiegħu tiżgura livell ogħla ta’ ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem minħabba li tistabbilixxi ammonti miżjuda massimi ta’ E 249 (nitritu tal-potassju) u E 250 (nitritu tas-sodju) aktar baxxi minn dawk previsti fid-Direttiva 2006/52/KE, u ma tippermettix it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tradizzjonali tal-laħam li għalihom ma jista’ jiġi stabbilit l-ebda ammont miżjud. Id-Danimarka tqis li d-dispożizzjonijiet Daniżi huma għal kollox konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet li l-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (SCF) għamel fl-1990 u fl-1995, kif ukoll ma’ l-opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tas-26 ta’ Novembru 2003, billi ma fihom l-ebda eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ l-istabbiliment ta’ “ammonti miżjuda” massimi minflok livelli ta’ residwi u jistabbilixxu livelli massimi aktar differenzjati marbuta ma’ gruppi partikolari ta’ prodotti tal-laħam.

(33)

Id-Danimarka tirrikonoxxi li f’ċerti aspetti d-Direttiva 2006/52/KE tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi mis-SCF u mill-EFSA, b’mod partikolari fejn, għall-kuntrarju tal-verżjoni oriġinali tad-Direttiva 95/2/KE hi tipprovdi għal “ammonti miżjuda massimi”, minflok ammonti ta’ residwi u “ammonti miżjuda indikattivi”. Hi tikkritika, madankollu, li hemm eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, b’konsegwenza li diversi prodotti tal-laħam manifatturati b’mod tradizzjonali għadhom regolati mil-lat ta’ ammonti ta’ residwi u tqis li dan jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem. Hi tisħaq li l-konċentrazzjoni ta’ residwi ta’ nitritu hija indikazzjoni inċerta ħafna tan-nitritu miżjud u tirreferi għal studji li wrew li l-valuri tar-residwi jistgħu wkoll jaħbu żidiet ferm għolja ta’ nitriti, li jwasslu għal formazzjoni għolja u mhux mistennija ta’ komposti N-nitrużu.

(34)

Id-Danimarka tenfasizza wkoll li n-nitrosamini, li l-formazzjoni tagħhom tiddependi fuq il-preżenza ta’ nitritu fi prodotti tal-laħam, huma ġenotossiċi u karċinoġeniċi, u għalhekk l-użu ta’ nitriti għandu jkun permess biss fl-ammonti li huma assolutament neċessarji. Id-Danimarka tqis li l-ammonti miżjuda massimi stipulati fid-Direttiva 2006/52/KE huma għolja wisq mil-lat ta’ saħħa u li ma ġietx dokumentata ħtieġa teknoloġika għal dawn il-valuri. Hi ssostni li, fid-dawl tal-parir mogħti mill-korpi xjentifiċi tal-Komunità, it-trażżin tat-tkabbir ta’ Clostridium botulinum jista’ jinkiseb billi l-limiti jinżammu fil-firxa ta’ 50-150 mg/kg ta’ nitritu u jkunu speċifikati l-limiti għal kategoriji ta’ prodotti tal-laħam skond il-ħtiġijiet ibbażati xjentifikament.

(35)

Billi madwar 90 % tal-konsum ta’ prodotti tal-laħam ippreservati fid-Danimarka jikkonsisti fi prodotti li għalihom bħalissa fid-Danimarka japplika ammont massimu ta’ 60 mg/kg ta’ nitritu miżjud, id-Danimarka tinnota li t-traspożizzjoni tad-Direttiva u l-introduzzjoni ta’ limitu ġenerali ta’ 150 mg/kg għall-prodotti kollha tal-laħam ippreservati tista’ twassal biex il-konsum ta’ nitriti fid-Danimarka jiżdied b’fattur ta’ 2.3-2.4, li jista’ jimplika żieda korrispondenti fil-konsum ta’ nitrosamini ffurmati minn qabel.

(36)

Id-Danimarka tenfasizza li, minkejja l-fatt li r-regoli tagħha, li jipprovdu għal livelli aktar baxxi ta’ nitriti li jistgħu jiġu miżjuda, ilhom fis-seħħ għal ħafna snin, dawn urew li huma adegwati biex jipprevjenu l-botuliżmu. Il-gvern Daniż jinnota li dawn ir-regoli qatt ma ħolqu problemi bil-preservazzjoni tal-prodotti kkonċernati u li d-Danimarka għandha rata baxxa ħafna ta’ każijiet ta’ avvelenament mill-ikel ikkawżat miz-zalzett meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra. Hi tiddikjara li hemm inqas każijiet ta’ botuliżmu milli fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri l-oħra. Skond il-European Communicable Disease Bulletin, Eurosurveillance, ta’ Jannar 1999, li hija ħarġa speċjali dwar il-botuliżmu fl-Ewropa, il-botuliżmu huwa rari ħafna fid-Danimarka. L-istituzzjoni Daniża għas-sorveljanza tas-saħħa, l-Istitut Statens Serum, tiddikjara fuq il-websajt tagħha li wara l-1980 seħħew biss ħames każijiet ta’ botuliżmu fost il-popolazzjoni Daniża, u l-ebda wieħed minn dawn ma kien ikkawżat mill-konsum ta’ prodotti tal-laħam.

(37)

Barra minn hekk, id-Danimarka ssostni li d-dispożizzjonijiet tagħha dwar in-nitritu mhumiex ta’ xkiel għall-kummerċ, filwaqt li tirreferi għal ċifri li juru li l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam minn Stati Membri oħra kienu qed iseħħu u kienu qed jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin.

(38)

Fil-qosor, id-Danimarka tqis li hu leġittimu li tnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-esponiment għal nitrosamini lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/52/KE permezz ta’ l-applikazzjoni ssuktata tal-leġiżlazzjoni tagħha.

2.2.   EVALWAZZJONI TAL-POŻIZZJONI DANIŻA

2.2.1.   Ġustifikazzjoni fuq il-bażi ta’ ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 30

(39)

Il-leġiżlazzjoni Daniża timmira li tikseb livell ogħla ta’ ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin fir-rigward ta’ l-esponiment għal nitriti u l-formazzjoni possibbli ta’ nitrosamini fi prodotti tal-laħam, billi tispeċifika l-ammonti ta’ nitritu miżjuda massimi aktar baxxi b’rabta ma’ ħafna prodotti tal-laħam u ma tippermettix it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li għalihom jistgħu jiġu stabbiliti livelli massimi ta’ residwu biss.

(40)

Meta jkun qed jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni Daniża hijiex fil-fatt adegwata u neċessarja biex jinkiseb dan l-għan, għandhom jitiqiesu għadd ta’ fatturi. B’mod partikolari, irid jinstab bilanċ bejn żewġ riskji tas-saħħa, dak marbut mal-preżenza ta’ nitrosamini fi prodotti tal-laħam, fuq naħa waħda, u s-sikurezza mikrobijoloġika ta’ prodotti tal-laħam, fuq in-naħa l-oħra. L-aspett ta’ l-aħħar huwa aktar minn sempliċement ħtieġa teknoloġika, iżda huwa fih innifsu tħassib dwar is-saħħa ferm rilevanti. Filwaqt li hu rikonoxxut li l-livelli ta’ nitriti fi prodotti tal-laħam iridu jiġu limitati, il-livelli aktar baxxi ta’ nitritu fil-laħam mhumiex se jwasslu awtomatikament għal ħarsien akbar tas-saħħa tal-bniedem. L-aktar livell xieraq ta’ nitritu jiddependi fuq għadd ta’ fatturi rikonoxxuti fl-opinjonijiet rilevanti tas-SCF u ta’ l-EFSA, eż. iż-żieda ta’ melħ, l-umdità, il-pH, it-tul ta’ żmien tal-prodott qabel jiskadi, l-iġjene, il-kontroll tat-temperatura eċċ.

(41)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u dawk taħt il-punti (9) u (10) imsemmija aktar qabel, il-Kummissjoni tqis li, bħala prinċipju, id-Direttiva 2006/52/KE tikkostitwixxi rispons adegwat għall-isfidi biex jiġu rrikonċiljati żewġ riskji tas-saħħa konfliġġenti fid-dawl tad-diversità tal-prodotti tal-laħam madwar il-Komunità.

(42)

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni trid tevalwa l-għażliet speċifiċi li saru mir-regolatur Daniż u l-esperjenza mwettqa b’dawn ir-regoli, li ilhom fis-seħħ għal perjodu konsiderevoli ta’ żmien. Permezz taċ-ċifri li ngħataw dwar il-każijiet ta’ avvelenament mill-ikel u, b’mod partikolari ta’ botuliżmu, id-Danimarka wriet li s’issa kisbet riżultati sodisfaċenti bil-leġiżlazzjoni tagħha. Din id-data turi li l-livelli massimi speċifikati fil-leġiżlazzjoni Daniża jidhru li kienu biżżejjed biex jiżguraw is-sikurezza mikrobijoloġika tal-prodotti tal-laħam immanifatturati bħalissa fid-Danimarka u tal-metodi ta’ produzzjoni wżati bħalissa fid-Danimarka.

(43)

Il-Kummissjoni tinnota li l-leġiżlazzjoni Daniża hija kompatibbli ma’ l-opinjonijiet xjentifiċi rilevanti tal-korpi xjentifiċi tal-Komunità. Hija bbażata fuq regolazzjoni ta’ valuri miżjuda massimi u tirrispetta l-firxiet ta’ ammonti miżjuda ta’ nitritu msemmija f’dawn l-opinjonijiet, jiġifieri 50 – 150 mg/kg. Fl-istess waqt, id-Danimarka stabbiliet ammonti miżjuda massimi aktar speċifiċi għal gruppi partikolari ta’ prodotti tal-laħam, meta mqabbla mad-Direttiva, fid-dawl tat-tipi ta’ prodotti tal-laħam u tal-metodi ta’ manifattura prevalenti fid-Danimarka.

(44)

Barra minn hekk, għandu jitqies li, skond it-tagħrif mogħti mid-Danimarka, il-biċċa l-kbira tal-prodotti tal-laħam ikkonsmati mill-popolazzjoni Daniża, madwar 90 %, għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti tal-laħam li għalihom bħalissa hemm limitu ta’ 60 mg/kg u li jkollhom jiġu sostitwiti b’limitu ta’ 100 jew 150 mg/kg. Billi l-manifatturi Daniżi, bħal manifatturi fi Stati Membri oħra, ma jkunux obbligati li jżidu l-ammonti ta’ nitriti li bħalissa huma miżjuda mal-prodotti tagħhom għal-livelli massimi msemmija fid-Direttiva 2006/52/KE, mhuwiex probabbli li l-esponiment effettiv tal-popolazzjoni Daniża għal nitriti fi prodotti tal-laħam jiżdied safejn issuġġerit fis-sottomissjoni Daniża, jiġifieri b’fattur ta’ 2.3 - 2.4. Madankollu, ma tistax tiġi eskluża żieda ta’ l-esponiment effettiv tal-popolazzjoni Daniża għan-nitriti.

(45)

Fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli bħalissa, il-Kummissjoni tqis li t-talba biex jinżammu miżuri aktar stretti minn dawk li jinsabu fid-Direttiva 2006/52/KE tista’ tiġi aċċettata temporanjament fuq il-bażi ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika fid-Danimarka.

2.2.2.   In-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni arbitrarja, kull restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jew kull xkiel għat-tħaddim tas-suq intern

2.2.2.1.   Nuqqas ta’ diskriminazzjoni arbitrarja

(46)

L-Artikolu 95(6) jobbliga lill-Kummissjoni biex tivverifika li l-miżuri previsti mhumiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, sitwazzjonijiet simili ma jistgħux jiġu trattati b’modi differenti u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu trattati bl-istess mod.

(47)

Ir-regoli nazzjonali Daniżi japplikaw kemm għal prodotti domestiċi kif ukoll għal prodotti magħmula fi Stati Membri oħra. Fin-nuqqas ta’ xi evidenza fil-kuntrarju, jista’ jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali mhumiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja.

2.2.2.2.   Nuqqas ta’ restrizzjoni moħbija għall-kummerċ

(48)

Il-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-użu ta’ prodotti b’mod aktar estiż mid-Direttiva Komunitarja, normalment ikunu jikkostitwixxu xkiel għall-kummerċ, sakemm il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq u jintużaw b’mod legali fil-bqija tal-Komunità mhumiex mistennija, b’riżultat tal-projbizzjoni ta’ l-użu, li jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat. Il-prekondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 95(6) huma maħsuba biex iżommu r-restrizzjonijiet ibbażati fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu milli jiġu applikati għal raġunijiet mhux xierqa, u li jikkostitwixxu fil-fatt miżuri ekonomiċi li ma jħallux l-importazzjoni ta’ prodotti minn Stati Membri oħra, jiġifieri, bħala mezz biex iħarsu b’mod indirett il-produzzjoni nazzjonali.

(49)

Billi r-regoli Daniżi jimponu standards aktar stretti dwar iż-żieda ta’ nitriti ma’ prodotti tal-laħam anki fuq operaturi bbażati fi Stati Membri oħra f’settur normalment armonizzat, huma jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija tal-kummerċ jew xkiel għat-tħaddim tas-suq intern. Huwa rikonoxxut, madankollu, li l-Artikolu 95 (6) KE għandu jinqara fis-sens li l-miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu xkiel sproporzjonat għas-suq intern biss jistgħu ma jiġux approvati. F’dan ir-rigward, id-Danimarka ppreżentat ċifri li jindikaw li importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam minn Stati Membri oħra kienu qed jitwettqu minkejja l-leġiżlazzjoni tagħha u kienu qed jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin.

(50)

Fin-nuqqas ta’ xi evidenza li tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu fil-fatt miżura maħsuba biex tħares il-produzzjoni nazzjonali, jista’ jiġi konkluż li dawn ma jikkostitwux restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istai Membri.

2.2.2.3.   Nuqqas ta’ xkiel għat-tħaddim tas-suq intern

(51)

Din il-kundizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod li tipprekludi l-approvazzjoni ta’ xi miżura nazzjonali li x’aktarx taffettwa l-istabbiliment tas-suq intern. Tabilħaqq, kull miżura nazzjonali li tidderoga minn miżura ta’ armonizzazzjoni li timmira għall-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tikkostitwixxi sostanzjalment miżura li x’aktarx taffettwa s-suq intern. Għaldaqstant, sabiex jinżamm il-karattru utli tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 95 KE, il-kunċett ta’ xkiel għat-tħaddim tas-suq intern għandu, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 95(6) KE, jiġi miftiehem bħala effett sproporzjonat fir-rigward ta’ l-għan mixtieq.

(52)

Minħabba l-benefiċċji ta’ saħħa invokati mill-gvern Daniż b’rabta mat-tnaqqis ta’ esponiment għal nitriti fi prodotti tal-laħam u l-fatt li, fuq il-bażi ta’ ċifri disponibbli bħalissa, jidher li l-kummerċ ma ġie affettwat xejn jew sa ċertu punt biss, il-Kummissjoni tqis li r-regoli Daniżi notifikati jistgħu jinżammu temporanjament minħabba raġunijiet marbuta mal-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin filwaqt li jitqies il-fatt li dawn mhumiex sproporzjonati u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux xkiel għat-tħaddim tas-suq intern fis-sens ta’ l-Artikolu 95 (6) KE.

(53)

Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ xkiel għat-tħaddim tas-suq intern hija sodisfatta.

2.2.3.   Limitazzjoni fiż-żmien

(54)

Il-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq huma bbażati fuq it-tagħrif disponibbli bħalissa u, b’mod partikolari, fuq ċifri li jindikaw li d-Danimarka kienet kapaċi tikkontrolla l-botuliżmu minkejja livelli massimi aktar baxxi ta’ nitritu miżjuda ma’ tipi partikolari ta’ prodotti tal-laħam, u dan mingħajr ma fixklet il-kummerċ b’mod sproporzjonat.

(55)

Fattur importanti ieħor huwa r-rata ta’ konsum fid-Danimarka ta’ prodotti tal-laħam li b’relazzjoni għaliha l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/52/KE tista’ twassal għal żieda fl-esponiment tal-popolazzjoni Daniża għal nitriti u għalhekk għal nitrosamini.

(56)

Billi ma jistax jiġi mbassar bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza li dawn il-fatturi mhumiex se jinbidlu b’mod sinifikanti fil-medda taż-żmien, il-Kummissjoni tqis li hu xieraq li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sitwazzjoni għallinqas fi żmien sentejn fuq il-bażi ta’ tagħrif aġġornat.

(57)

Il-perjodu ta’ sentejn se jippermetti li l-gvern Daniż jintroduċi applikazzjoni mġedda, fi żmien xieraq, u li jipprovdi aktar data rilevanti dwar il-fatt li l-applikazzjoni tal-livelli stabbiliti fid-Direttiva 2006/52/KE ma tilħaqx il-livell ta’ ħarsien meħtieġ u tkun twassal għal riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem.

(58)

Sabiex tkun kapaċi tippreżenta data bħal din id-Danimarka se jkollha tissorvelja s-sitwazzjoni b’mod partikolari rigward il-kontroll ta’ botuliżmu, is-sehem ta’ prodotti tal-laħam koperti mil-limitu ta’ 60 mg/kg fil-konsum globali ta’ prodotti tal-laħam fid-Danimarka, inkluż, jekk rilevanti, kull fattur ieħor ta’ riskju ta’ drawwiet alimentari tipiċi, kif ukoll importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam minn Stati Membri oħra.

(59)

Fl-applikazzjoni mġedda tagħha d-Danimarka trid tipprovdi wkoll ġustifikazzjoni sħiħa għaż-żamma ssuktata tal-leġiżlazzjoni tagħha.

(60)

Fl-istess waqt, il-perjodu ta’ sentejn se jippermetti li l-Kummissjoni tikkontrolla u tanalizza t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/52/KE fl-Istati Membri u teżamina d-Direttiva 2006/52/KE skond it-termini ta’ l-Artikolu 95(7) KE, inklużi konsultazzjonijiet ulterjuri ta’ l-Istati Membri u ta’ l-EFSA.

(61)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sal-punt speċifikat hawn fuq, jistgħu jiġu approvati għal perjodu limitat. L-approvazzjoni għandha tkun estiża għaż-żmien meħtieġ biex jinġabar u jkun evalwat bir-reqqa t-tagħrif neċessarju. Il-Kummissjoni tqis li perjodu ta’ sentejn mid-data tad-deċiżjoni preżenti huwa neċessarju għal dak il-għan. Id-deċiżjoni se tiskadi f’dik id-data.

(62)

Id-Danimarka tibqa’ obbligata li tittrasponi d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2006/52/KE fil-liġi nazzjonali tagħha.

III.   KONKLUŻJONI

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, u filwaqt li jitqiesu l-kummenti mogħtija mill-Istati Membri dwar in-notifika ppreżentata mill-awtoritajiet Daniżi, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li t-talba tad-Danimarka, ippreżentata fit-23 ta’ Novembru 2007, biex iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha dwar iż-żieda ta’ nitriti, li huma aktar stretti minn dawk tad-Direttiva 2006/52/KE, tista’ tiġi approvata għal perjodu ta’ sentejn mid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni preżenti, sakemm jintwera mill-awtoritajiet Daniżi li l-livelli stabbiliti fid-Direttiva 2006/52/KE jistgħu jwasslu għal riskju mhux aċċettabbli.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda ta’ nitriti mal-laħam jew prodotti tal-laħam li jinsabu fl-Ordni Nru 22 tal-11.1.2005 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (Bekendtgørelse nr 22 af 11.1.2005 om tilsætningsstoffer til fødevarer) u l-lista pożittiva Daniża ta’ addittivi ta’ l-ikel permessi (Liste over tilladte tilsætningsstoffer til fødevarer, “Positivlisten” ), li r-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2007, skond l-Artikolu 95(4) KE, huma approvati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fit-23 ta’ Mejju 2010.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmula fi Brussell, 23 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 204, 26.7.2006, p. 10.

(2)   ĠU L 40, 11.2.1989, p. 27. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)   ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/52/KE (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 10).

(4)  Opinjoni dwar in-nitrati u n-nitriti espressa fid-19 ta’ Ottubru 1990, il-Kummissjoni Ewropea – Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel (is-sitta u għoxrin serje), p. 21.

(5)  Opinjoni dwar in-nitrati u n-nitriti espressa fit-22 ta’ Settembru 1995, il-Kummissjoni Ewropea – Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel (is-sitta u għoxrin serje), p. 1.

(6)  Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Perikli Bijoloġiċi fuq talba mill-Kummissjoni relatata ma’ l-effetti ta’ Nitriti/Nitrati fuq is-Sikurezza Mikrobijoloġika ta’ Prodotti tal-Laħam, Il-Ġurnal EFSA (2003) 14, 1-34.

(7)  Sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, b’mod partikolari l-punti 109 sa 115.

(8)  Id-Direttiva 2006/52/KE kif ikkoreġuta mill-Corrigendum (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 32).

(9)  Ara Artikolu 13 ta’ l-Ordni Nru 22 “L-użu ta’ addittivi”.

(10)  Ara Artikolu 20 ta’ l-Ordni Nru 22.

(11)  Għal kødboller u leverpostej l-użu ta’ nitritu huwa pprojbit skond id-Deċiżjoni 292/97/KE.

(12)   ĠU C 30, 2.2.2008, p. 5.

(13)  Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Irlanda fl-1 ta’ Mejju 2008, jiġifieri barra mil-limitu ta’ żmien iffissat mill-Kummissjoni.