14.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 156/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-4 ta' Ġunju 2008
dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja fl-2007
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2345)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(2008/441/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) u 3a(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skond l-Artikolu 3a ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri jistgħu jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-ispejjeż ta’ ċerti miżuri biex tinqered l-influwenza tat-tjur. |
(2) |
L-Artikolu 3a(3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistabbilixxi regoli dwar il-perċentwali ta’ l-ispejjeż li jġarrbu l-Istati Membri li jista’ jkun kopert mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità. |
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi regoli dwar il-finanzjament Komunitarju ta’ miżuri ta’ emerġenza u tal-kampanja għall-ġlieda kontra ċertu mard ta’ l-annimali skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), wara l-emenda tad-Deċiżjoni 90/424/KEE bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/53/KE (3), ma għadux ikopri l-influwenza tat-tjur. Għalhekk jeħtieġ li jiġi espressament ipprovdut fid-Deċiżjoni preżenti li l-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lill-Ġermanja jkun suġġett għal konformità ma’ ċerti regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
(4) |
Fl-2007, fil-Ġermanja kien hemm tifqigħat ta’ l-influwenza tat-tjur. Il-preżenza ta’ din il-marda tirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità. Il-Ġermanja ħadet il-miżuri, kif imsemmija fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, biex tiġġieled dawn it-tifqigħat. |
(5) |
Il-Ġermanja kienet konformi għal kollox ma’ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3(3) u 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005. |
(6) |
Il-Ġermanja ppreżentat lill-Kummissjoni tagħrif dwar l-ispejjeż imġarrba fit-30 ta’ Awwissu 2007, u kompliet tipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ dwar spejjeż ta’ kumpens u nefqa operattiva. |
(7) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Ġermanja
1. Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista’ tingħata lill-Ġermanja għall-ispejjeż imġarrba minn dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, fil-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fl-2007.
2. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Artikoli 2 sa 5 u l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9(2), (3) u (4) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Artikolu 2
Arranġamenti għall-ħlas
L-ewwel porzjon ta’ EUR 320 000 għandu jitħallas bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità stipulata fl-Artikolu 1.
Artikolu 3
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmula fi Brussell, 4 ta’ Ġunju 2008.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).