11.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 151/36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-5 ta’ Ġunju 2008
li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jirratifikaw, jew jaderixxu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal u li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi Komunitarja
(2008/431/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(ċ) u l-Artikolu 67(1) flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Il-Komunità qed taħdem għall-istabbiliment ta’ spazju ġudizzjarju komuni bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. |
(2) |
Il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Koperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal li ġiet konkluża fid-19 ta’ Ottubru 1996 fil-Konferenza ta’ l-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni”) tagħti kontribut prezzjuż lill-protezzjoni tat-tfal fil-livell internazzjonali. Għalhekk huwa mixtieq li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikati kemm jista’ jkun malajr. |
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/93/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 (2), awtorizzat lill-Istati Membri, biex jiffirmaw il-Konvenzjoni fl-interess tal-Komunità. Dawk l-Istati li kienu Stati Membri tal-Komunità f’dak iż-żmien iffirmaw il-Konvenzjoni fl-Aja fl-1 ta’ April 2003, bl-eċċezzjoni ta’ l-Olanda li kienet diġà ffirmat il-Konvenzjoni. Stati Membri oħrajn li ma kienux Stati Membri tal-Komunità fl-1 ta’ April 2003 ffirmaw il-Konvenzjoni wkoll. |
(4) |
Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/93/KE l-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li d-Deċiżjoni tiġi segwita minn proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri li jirratifikaw, jew jaderixxu mal-Konvenzjoni fl-interess tal-Komunità fil-ħin xieraq. |
(5) |
Xi Stati Membri diġà rratifikaw, jew aderixxew mal-Konvenzjoni. |
(6) |
Ċerti Artikoli tal-Konvenzjoni jaffettwaw il-leġislazzjoni sekondarja Komunitarja dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 rigward il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u l-materji tar-responsabbiltà tal-ġenituri (3). L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni li ma jaffettwawx il-liġi Komunitarja. B’hekk, il-Komunità u l-Istati Membri jikkondividu l-kompetenza biex jikkonkludu l-Konvenzjoni. |
(7) |
Skond il-Konvenzjoni, l-Istati sovrani biss jistgħu jagħmlu parti minnha. Għal dik ir-raġuni, il-Komunità ma tistax tirratifika, jew taderixxi mal-Konvenzjoni. |
(8) |
Għalhekk il-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri, b’eċċezzjoni, biex jirratifikaw, jew jaderixxu mal-Konvenzjoni fl-interess tal-Komunità, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, madankollu mhux dawk l-Istati Membri li diġà rratifikaw, jew aderixxew l-Konvenzjoni. |
(9) |
Sabiex jissalvagwardja l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fil-Komunità, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/93/KE ħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni fil-ħin ta’ l-iffirmar tal-Konvenzjoni. |
(10) |
L-Istati Membri li ffirmaw il-Konvenzjoni fl-1 ta’ April 2003 għamlu d-dikjarazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/93/KE f’dik l-okkażjoni. Stati Membri oħrajn li ma ffirmawx il-Konvenzjoni skond id-Deċiżjoni 2003/93/KE għamlu d-dikjarazzjoni ta’ hawn fuq wara l-adeżjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea. Madankollu xi Stati Membri m’għamlux id-dikjarazzjoni u għalhekk issa għandhom jagħmlu d-dikjarazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni. |
(11) |
L-Istati Membri li huma awtorizzati jirratifikaw, jew jaderixxu mal-Konvenzjoni b’din id-Deċiżjoni, għandhom jagħmlu dan simultanjament. Dawk l-Istati Membri għandhom għalhekk jiskambjaw informazzjoni dwar l-istat tar-ratifika jew il-proċeduri ta’ l-adeżjoni sabiex jippreparaw id-depożitu simultanju ta’ l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, jew adeżjoni. |
(12) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(13) |
Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit biex jirratifikaw, jew jaderixxu mal-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Koperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”), fl-interess tal-Komunità, suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4.
2. It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja, Malta, l-Olanda u l-Polonja li jagħmlu d-dikjarazzjoni li ġejja:
“L-Artikoli 23, 26 u 52 tal-Konvenzjoni jippermettu lill-Partijiet Kontraenti ċerta flessibbiltà sabiex japplikaw sistema sempliċi u rapida għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi. Ir-regoli Komunitarji jipprevedu sistema ta’ rikonoxximent u infurzar li hija favorevoli mill-inqas daqs ir-regoli stabbiliti fil-Konvenzjoni. Għaldaqstant, sentenza mogħtija minn Qorti ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ materja relatata mal-Konvenzjoni, għandha tiġi rikonoxxuta u infurzata fi … (4)bl-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi Komunitarja (5).
Artikolu 3
1. L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw simultanjament l-istrumenti tar-ratifika jew adeżjoni tagħhom mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ l-Olanda, jekk jista’ jkun qabel il-5 ta’ Ġunju 2010.
2. L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiskambjaw l-informazzjoni mal-Kummissjoni fil-Kunsill, qabel il-5 ta’ Diċembru 2009, dwar id-data prospettiva ta’ meta jitlestew il-proċeduri parlamentari tagħhom meħtieġa għar-ratifika jew l-adeżjoni. Id-data u l-modalitajiet tad-depożitu simultanju għandhom jiġu determinati abbażi ta’ dan.
Artikolu 4
L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jinfurmaw lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ l-Olanda bil-miktub meta l-proċeduri parlamentari tagħhom meħtieġa għar-ratifika jew adeżjoni jkunu twettqu filwaqt li jindikaw li l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni tagħhom ser jiġu depożitati fi stadju aktar tard skond din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, l-Ungerija, is-Slovenja u s-Slovakkja.
Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Ġunju 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
D. MATE
(1) ĠU C 82 E, 1.4.2004, p. 307.
(3) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2116/2004 (ĠU L 367, 14.12.2004, p. 1).
TRADUZZJONI
KONVENZJONI FUQ IL-ĠURISDIZZJONI, IL-LIĠI APPLIKABBLI, RIKONOXXIMENT, INFURZAR U KOOPERAZZJONI DWAR IR-RESPONSABBILTÀ TAL-ĠENITURI U MIŻURI GĦALL-PROTEZZJONI TAT-TFAL
(Konkluż fid-19 ta’ Ottubru 1996)
L-Istati firmatarji għal din il-Konvenzjoni,
Waqt li kkunsidraw il-bżonn li tittejjeb il-protezzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet internazzjonali,
Waqt li jixtiequ jevitaw kunflitti dwar il-ġurisdizzjoni bejn is-sistemi legali tagħhom, il-liġi applikabbli, rikonoxximent u nfurzar ta’ miżuri għall-protezzjoni tat-tfal,
Waqt li jiftakkru l-importanza ta’ koperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal,
Waqt li jikkonfermaw li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom ikunu konsiderazzjoni ewlenija,
Waqt li jinnutaw li l-Konvenzjoni tal-5 t’Ottubru 1961 dwar il-poteri ta’ awtoritajiet u l-liġi applikabbli fir-rigward għall-protezzjoni ta’ minuri għandha bżonn tiġi riveduta,
Waqt li jixtiequ jistabbilixxu dispożizzjonijiet komuni għal dan il-għan, b’kont meħud tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Maqgħuda fuq id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989,
Ftehmu fuq id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
KAPITOLU I
L-ISKOP TAL-KONVENZJONI
Artikolu 1
1. L-ghanijiet ta’ din il-Konvenzjoni huma:
(a) |
li tistabbilixxi l-Istat li l-awtoritajiet tiegħu għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu miżuri diretti lejn il-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tat-tifel; |
(b) |
li tistabilixxi liema liġi għandha tiġi applikata minn dawn l-awtoritajiet fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom; |
(ċ) |
li tistabbilixxi l-liġi applikabbli lir-reponsabbilità tal-ġenituri; |
(d) |
li tipprovdi għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ dawn il-miżuri ta’ protezzjoni fl-Istati Kontraenti kollha; |
(e) |
li tistabbilixxi l-kooperazzjoni kif tista’ tkun meħtieġa bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Kontraenti sabiex jiġu miksubin l-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni. |
2. Għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni, it-terminu “reponsabbilità tal-ġenituri” jinkludi s-setgħa tal-ġenituri, jew kwalunkwe relazzjoni ta’ awtorità analoga li tistabbilixxi d-drittijiet, poteri u responsabiltajiet ta’ ġenituri, gwardjani jew rapreżentanti legali oħra fir-rigward tal-persuna jew il-proprjetà tat-tifel.
Artikolu 2
Il-Konvenzjoni tapplika għat-tfal mit-twelid tagħhom sakemm jilħqu l-età ta’ 18-il sena.
Artikolu 3
Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jkollhom x’jaqsmu partikolarment ma’:
(a) |
l-attribuzzjoni, eżerċizzju, terminazzjoni jew restrizzjoni ta’ reponsabbilità tal-ġenituri, kif ukoll mad-delegazzjoni tiegħu; |
(b) |
drittijiet ta’ kustodja, inklużi drittijiet dwar il-kura tal-persuna tat-tifel u, partikolarment, id-dritt li tistabbilixxi l-post tar-residenza tat-tifel, kif ukoll id-drittijiet ta’ aċċess inkluż id-dritt li tieħu tifel għal perjodu limitat f’post minbarra dak li jikkostitwixxi r-residenza abitwali tat-tifel; |
(ċ) |
tutela, kuratela u istituzzjonijiet simili; |
(d) |
in-nomina u funzjonijiet ta’ kwalunkwe persuna jew korp li hija resposabbli għall-persuna jew proprjetà tat-tifel, li tirrapreżenta jew tassisti t-tifel; |
(e) |
it-tqegħid tat-tifel ġo familja foster jew f’kura istituzzjonali, jew l-proviżjoni ta’ kura minn “kafala” jew istituzzjoni simili; |
(f) |
is-superviżjoni minn awtorità pubblika tal-kura ta’ tifel minn kwalunkwe persuna li hija responsabbli għat-tifel; |
(g) |
l-amministrazzjoni, konservazzjoni jew aljenazzjoni tal-proprjetà tat-tifel. |
Artikolu 4
Il-Konvenzjoni ma tapplikax għal:
(a) |
stabbiliment jew kontestazzjoni ta’ relazzjoni bejn ġenitur u tifel; |
(b) |
deċiżjonijiet fuq l-adozzjoni, miżuri preparatorji għall-adozzjoni, jew l-annullament jew revoka ta’ adozzjoni; |
(ċ) |
l-isem tat-tifel; |
(d) |
emanċipazzjoni; |
(e) |
obligazzjonijiet tal-manteniment; |
(f) |
trusts jew suċċessjoni; |
(g) |
sigurtà soċjali; |
(h) |
miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali f’materji ta’ edukazzjoni jew saħħa; |
(i) |
miżuri li jirriżultaw minn offiżi penali mwettqin mit-tfal; |
(j) |
deċiżjonijiet fuq id-dritt ta’ l-ażil u fuq l-immigrazzjoni. |
KAPITOLU II
ĠURISDIZZJONI
Artikolu 5
1. L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ l-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel għandhom ġurisdizzjoni li jieħdu miżuri bil-għan li jipproteġu l-persuna jew il-proprjetà tat-tifel.
2. Suġġett għall-Artikolu 7, f’każ ta’ tibdil fir-residenza abitwali tat-tifel għal Stat Kontraenti ieħor, l-awtoritajiet ta’ l-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandhom ġurisdizzjoni.
Artikolu 6
1. Għat-tfal refuġjati u tfal li, minħabba inkwiet fil-pajjiż tagħhom, huma internazzjonalment spostati, l-awtoritatajiet ta’ l-Istat Kontraenti fuq it-territorju ta’ liema dawn it-tfal huma preżenti bħala riżultat ta’ l-ispostament tagħhom, għandhom il-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1).
2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan japplikaw ukoll għal tfal li r-residneza abitwali tagħhom ma tistax tiġi stabbilita.
Artikolu 7
1. F’każ ta’ tneħħija nġusta jew ritenzjoni tat-tifel, l-awtoritajiet ta’ l-Istat Kontraenti li fih it-tifel kien abitwalment jkun residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew ritenzjoni, jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sakemm it-tifel ikun akkwista residenza abitwali fi Stat ieħor, u
(a) |
kull persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandu drittijiet ta’ kustodja kkunsenta fit-tneħħija jew ritenzjoni; jew |
(b) |
it-tifel għex f’dak l-Istat ieħor għal perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandu drittijiet ta’ kustodja għandu jew missu kellu għarfien ta’ fejn hu t-tifel, l-ebda talba għar-ritorn li ġiet magħmula f’dak il-perjodu għadha pendenti, u t-tifel qed jgħix ħajja stabbli fl-ambjent ġdid tiegħu jew tagħha. |
2. It-tneħħija jew ir-ritenzjoni ta’ tifel għandha tiġi kkunsidrata inġusta fejn:
(a) |
Tikser id-drittijiet ta’ kustodja attribwiti lil persuna, istituzzjoni jew korp ieħor, jew konġuntivament jew waħedha, taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn it-tifel kellu r-residenza abitwali immedjament qabel it-tneħħija jew ritenzjoni; u |
(b) |
fi żmien tat-tneħħija jew ritenzjoni dawk id-drittijiet kienu fil-fatt eżerċitati, jew konġuntivament jew waħedhom, jew kienu jkunu eżerċitati jekk mhux għat-tneħħija jew ritenzjoni. |
Id-drittijiet ta’ kustodja msemmija hawn fuq fis-subaragrafu (a), jistgħu jqumu partikolarment b’operazzjoni tal-liġi jew minħabba deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew minħabba ftehim li għandu effetti legali taħt il-liġi ta’ dak l-Istat.
3. Sakemm l-awtoritajiet imsemmijin għall-ewwel darba fil-paragrafu 1 iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Kontraenti għal liema t-tifel kien spostat jew f’liema hu jew hi kien ritenut jistgħu jieħdu biss dawk il-mizuri urġenti taħt l-Artikolu 11 kif huma neċessarji għall-protezzjoni tal-persuna jew il-proprjetà tat-tifel.
Artikolu 8
1. B’eċċezzjoni, l-awtorità ta’ Stat Kontraenti li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6, jekk tikkusidra li l-awtorità ta’ Stat Kontraenti ieħor kienet tkun, fil-każ partikolari, aħjar biex tagħmel stima ta’ l-aħjar interessi tat-tifel, tista’ jew:
— |
titlob dik l-awtorità l-oħra, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Awtorità Ċentrali ta’ l-Istat tagħha, tassumi l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu dawk il-mizuri ta’ protezzjoni li tikkunsidra li huma neċessarji, jew |
— |
tissospendi l-konsiderazzjoni tal-każ u tistieden il-partijiet biex jintroduċu din it-talba qabel l-awtorità ta’ dak l-Istat ieħor. |
2. L-Istati Kontraenti li l-awtoritajiet tagħhom jistgħu jiġu ndirizzati kif previst fil-paragrafu ta’ qabel dan huma:
(a) |
Stat ta’ liema t-tifel huwa ċittadin; |
(b) |
Stat li fih tinstab proprjetà tat-tifel; |
(ċ) |
Stat l-awtoritajiet ta’ liema għandhom applikazzjoni għad-divorzju jew separazzjoni legali tal-ġenituri tat-tifel, jew għall-annullament taż-żwieġ tagħhom; |
(d) |
Stat li miegħu t-tifel għandu konnessjoni sostanzjali. |
3. L-awtoritajiet involuti jistgħu jipproċedu għal skambju ta’ fehmiet.
4. L-awtorità ndirizzata kif previst fil-paragrafu 1 tista’ tassumi ġurisdizzjoni, fil-post ta’ l-awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6, jekk tikkunsidra li dan huwa fl-aqwa interessi tat-tifel.
Artikolu 9
1. Jekk l-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti msemmijin fl-Artikolu 8(2), jikkunsidraw li fil-każ partikolari huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jagħmlu stima ta’ l-aħjar interessi tat-tifel, jistgħu jew:
— |
jitlobu lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Awtorita’ Ċentrali ta’ dak l-Istat, li jkunu awtorizzati biex jeżerċitaw ġurisdizzjoni biex jieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni li jikkunsidraw neċessarji, jew, |
— |
jistiednu l-partijiet sabiex jintroduċu din it-talba qabel l-awtorità ta’ l-Istat Konraent tar-residenza abitwali tat-tifel. |
2. L-awtoritajiet involuti jistgħu jipproċedu għal skambju ta’ fehmiet.
3. L-awtorità li tibda t-talba tista’ teżerċita ġurisdizzjoni minflok l-awtorità ta’ l-Istat Kontraent tar-residenza abitwali tat-tifel biss jekk l-awtorità ta’ l-aħħar aċċetat it-talba.
Artikolu 10
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 9, l-awtoritajiet ta’ Stat Kontraent li jeżerċitaw ġurisdizzjoni li jiddeċiedu applikazzjoni għad-divorzju jew separazzjoni legali tal-ġenituri ta’ tifel li abitwalment jkun residenti fi Stat Kontraenti ieħor, jew għall-annullament taż-żwieġ tagħhom, jistgħu, jekk il-liġi ta’ l-Istat tagħhom hekk tipprovdi, jieħdu miżuri bil-għan li jipproteġu l-persuna jew il-proprjetà ta’ dan it-tifel jekk:
(a) |
fil-ħin tal-bidu tal-proċeduri, wieħed mill-ġenituri tiegħu jew tagħha abitwalment jkun residenti f’dak l-Istat u wieħed minnhom għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifel, u |
(b) |
il-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet biex jieħdu dawn il-miżuri hi aċċettata mill-ġenituri, kif ukoll minn kwalunkwe persuna oħra li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifel, u hi fl-aħjar interessi tat-tifel. |
2. Il-ġurisdizzjoni prevista mill-paragrafu 1 biex jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tat-tifel tieqaf malli d-deċiżjoni li taċċetta jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ tkun saret res judicata, jew il-proċeduri ngħalqu għal raġuni oħra.
Artikolu 11
1. F’kull każ ta’ urġenza, l-awtoritajiet ta’ kwalunkwe Stat Kontraenti, fit-territorju ta’ liema huwa preżenti t-tifel jew proprjetà tat-tifel, għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu kwalunkwe miżuri ta’ protezzjoni neċessarji.
2. L-effetti tal-miżuri meħudin taħt il-paragrafu ta’ qabel dan b’rigward tifel li abitwalment jkun residenti f’Stat Kontraenti għandhom jieqfu malli l-awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 ħadu l-miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni.
3. L-effetti ta’ miżuri meħudin taħt paragrafu 1 fir-rigward tat-tifel li abitwalment jkun residenti f’Stat mhux Kontraenti għandhom jieqfu f’kull Stat Kontraenti malli miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni u meħudin mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor huma rikonoxxuti fl-Istati Kontraenti in kwistjoni.
Artikolu 12
1. Bla ħsara għall-Artikolu 7, l-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti, fit-territorju ta’ liema hu preżenti t-tifel jew proprjetà tat-tifel, għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu miżuri ta’ natura proviżorja għall-protezzjoni tal-persuna jew proprjetà tat-tifel li għandhom effett territorjali limitat għall-Istat in kwistjoni, sakemm dawn il-miżuri mhumiex inkompatibli ma’ miżuri li jkunu ttieħdu minn awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10.
2. Il-miżuri meħudin taħt il-paragrafu ta’ qabel fir-rigward tat-tifel li abitwalment jkun residenti fi Stat Kontraenti għandhom jispiċċaw malli l-awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 jkunu ħadu deċiżjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa mis-sitwazzjoni.
3. Il-miżuri meħudin taħt paragrafu 1 b’rigward ta’ tifel li abitwalment jkun residenti fi Stat mhux Kontraenti għandom jispiċċaw fl-Istat Kontraenti fejn il-miżuri kienu meħudin malli miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni u meħudin mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor jiġu rikonoxxuti fl-Istat Kontraenti in kwistjoni.
Artikolu 13
1. L-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 li jieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-persuna jew proprjetà tat-tifel għandhom jastjenu milli jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni jekk, fil-ħin tal-bidu tal-proċeduri, miżuri korrispondenti kienu mitlubin mill-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti ieħor li għandu ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 fil-ħin tat-talba u għadhom taħt konsiderazzjoni.
2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan m’għandhomx jgħoddu jekk l-awtoritajiet quddiem liema t-talba għal miżuri kienet inizjalment introdotta ma aċċettawx il-ġurisdizzjoni.
Artikolu 14
Il-miżuri meħudin skond l-Artikoli 5 sa 10 jibqgħu fis-seħħ skond it-termini tagħhom, anki jekk bidla fiċ-ċirkostanzi eliminat il-bażi fuq liema kienet mibnija l-ġurisdizzjoni, sakemm l-awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt il-Konvenzjoni ma mmodifikawx, bidlu jew waqqfu dawn il-miżuri.
KAPITOLU III
LIĠI APPLIKABBLI
Artikolu 15
1. Fl-eżerċizju tal-ġurisdizzjoni tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Kontraenti għandhom japplikaw il-liġi tagħhom.
2. Madankollu, sa fejn il-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tat-tifel jeħtieġ, jistgħu eċċezzjonalment japplikaw jew jieħdu in konsiderazzjoni il-liġi ta’ Stat ieħor ma’ liema s-sitwazzjoni għandha konnessjoni sostanzjali.
3. Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel tinbidel għal Stat Kontraenti ieħor, il-liġi ta’ dak l-Istat ieħor tibda tirregola, mill-ħin tal-bidla, il-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri meħudin fl-Istat tar-residenza abitwali ta’ qabel.
Artikolu 16
1. L-attribuzzjoni jew estinzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri b’operazzjoni tal-liġi, mingħajr intervenzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel.
2. L-attribuzzjoni jew l-estinzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri permezz ta’ ftehim jew att unilaterali, mingħajr l-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel fiż-żmien meta l-ftehim jew att unlilaterali jieħu effett.
3. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri li teżisti taħt il-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel tkompli wara bidla ta’ dik ir-residenza abitwali għal Stat ieħor.
4. Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel tinbidel, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri permezz ta’ l-operazzjoni tal-liġi lil persuna li m’għandhiex diġà din ir-responsabbiltà hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali ġdida.
Artikolu 17
L-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel. Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel tinbidel, hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali ġdida.
Artikolu 18
Ir-responsabbiltà tal-ġenituri msemmija fl-Artikolu 16 tista’ tiġi tterminata, jew il-kondizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju tagħha mmodifikati, minn miżuri meħudin taħt din il-Konvenzjoni.
Artikolu 19
1. Il-validità ta ’transazzjoni magħmula bejn parti terza u persuna oħra li tkun intitolata li taġġixxi bħala r-rappreżentant legali tat-tifel taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn it-transazzjoni kienet saret ma tistax tiġi kkontestata, u l-parti terza ma tistax tinsab ħatja, fuq il-bażi tar-raġuni unika li l-persuna l-oħra ma kenitx intitolata taġġixxi bħala r-rappreżentant legali taħt il-liġi indikata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, sakemm il-parti terza kienet taf jew jew kellha tkun taf li r-responsabbiltà tal-ġenituri kienet irregolata mil-liġi ta’ l-aħħar.
2. Il-paragrafu ta’ qabel dan jgħodd biss jekk it-transazzjoni kienet magħmula bejn persuni preżenti fuq it-teritorju ta’ l-istess Stat.
Artikolu 20
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jgħoddu anki jekk il-liġi indikata minnhom hija l-liġi ta’ Stat li mhux Kontraenti.
Artikolu 21
1. F’dan il-Kapitolu t-terminu “liġi” jfisser il-liġi fis-seħħ fi Stat minbarra r-regoli tiegħu dwar l-għażla tal-liġi (choice of law rules).
2. Madankollu, jekk il-liġi applikabbli skond l- Artikolu 16 hi dik ta’ Stat li mhuwiex Kontraenti u jekk ir-regoli dwar l-għażla tal-ligi (choice of law rules) ta’ dak l-Istat jinnominaw il-liġi ta’ Stat mhux Kontraenti ieħor li kien japplika l-liġi tiegħu, il-liġi ta’ l-Istat ta’ l-aħħar japplika. Jekk dak l-Istat mhux Kontraenti ieħor ma kienx japplika l-liġi proprja, il-liġi applikabbli hi dik indikata fl-Artikolu 16.
Artikolu 22
L-appliakazzjoni tal-ligi indikata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu tista’ tiġi rrifjutata biss jekk din l-applikazzjoni kienet tkun tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel.
KAPITOLU IV
RIKONOXXIMENT U INFURZAR
Artikolu 23
1. Il-miżuri meħudin mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Kontraenti għandhom jiġu rikonoxxuti skond l-operazzjoni tal-liġi fl-Istati Kontraenti oħra kollha.
2. Rikonoxximent jista’ madankollu jiġi rrifjutat:
(a) |
jekk il-miżura ttieħdet minn awtorità l-ġurisdizzjoni ta’ liema ma kenitx ibbazata fuq waħda mir-raġunijiet previsti fil-Kapitolu II; |
(b) |
jekk il-miżura ttieħdet, ħlief f’każ t’urġenza, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, mingħajr ma tkun ingħatat opportunità lit-tifel biex jinstema, bi ksur tal-prinċipji fundamentali tal-proċedura ta’ l-Istat rikjest; |
(ċ) |
fuq it-talba ta’ kwalunkwe persuna li tippretendi li l-miżura tikser ir-responsabbiltà tal-ġenitur tiegħu jew tagħha, jekk din il-miżura kienet meħuda, ħlief f’każ t’urġenza, mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat opportunità biex tinstema; |
(d) |
jekk dan ir-rikonoxximent jmur manifestament kontra għall-ordni pubbliku ta’ l-Istat rikjest, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel; |
(e) |
jekk il-miżura hi inkompatibbli ma’ miżura meħuda aktar tard fl-Istat mhux Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel, fejn din il-miżura meħuda aktar tard taderixxi mar-rekwiżiti għar-rikonoxximent fl-Istat rikjest; |
(f) |
jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 33 ma kenitx segwita. |
Artikolu 24
Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 23(1), kwalunkwe persuna interessata tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Kontraenti li jiddeċiedu fuq ir-rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ miżura meħuda fi Stat Kontraenti ieħor. Il-proċedura hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat rikjest.
Artikolu 25
L-awtorità ta’ l-Istat rikjest hi marbuta konklużjonijiet ta’ fatt fuq liema l-awtorità ta’ l-Istat fejn ittieħdet il-miżura bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.
Artikolu 26
1. Jekk miżuri meħudin fi Stat Kontraenti wieħed u nfurzabbli hemm jeħtieġu nfurzar fi Stat Kontraenti ieħor, għandhom, fuq talba minn parti interessata, jiġu ddikjarati infurzabbli jew reġistrati għall-għan ta’ infurzar f’dak l-Istat ieħor skond il-proċedura prevista fil-liġi ta’ l-Istat ta’ l-aħħar.
2. Kull Stat Kontraenti għandu japplika proċedura sempliċi u rapida fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ infurzabblità jew reġistrazzjoni.
3. Id-dikjarazzjoni ta’ infurzabblità jew reġistrazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(2).
Artikolu 27
Mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni kif hi neċcessarja fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli ta’ qabel dan, m’għandux ikun hemm reviżjoni tal-merti tal-miżura meħuda.
Artikolu 28
Miżuri meħudin fi Stat Kontraenti wieħed u ddikjarati infurzabbli, jew reġistrati għall-infurzar, fi Stat Kontraenti ieħor għandhom jiġu nfurzati fl-Istat ta’ l-aħħar bhallikieku kienu meħudin mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat. L-infurzar jseħħ skond il-liġi ta’ l-Istat rikjest sal-punt previst minn din il-liġi, b’kont tenut ta’ l-aħjar interessi tat-tifel
KAPITOLU V
KOPERAZZJONI
Artikolu 29
1. Stat Kontraenti għandu jinnomina Awtorità Ċentrali biex twettaq id-doveri li kienu imposti mill-Konvenzjoni fuq dawn l-awtoritajiet.
2. Stati Federali, Stati b’iżjed minn sistema waħda ta’ liġi jew Stati li għandhom unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru iżjed minn Awtorità Ċentrali waħda u li jispeċifikaw il-limitu territorjali jew personali tal-funzjonijiet tagħhom. Fejn Stat ħatar iżjed minn Awtorità Ċentrali waħda, għandu jinnomina l-Awtorità Ċentrali lil liema kwalunkwe komunikazzjoni tista’ tiġi indirizzata għat-trażmissjoni lill-Awtorità Ċentrali xierqa f'dak l-Istat.
Artikolu 30
1. L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom jikooperaw ma’ xulxin u jipporomovu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati tagħhom sabiex jilħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni.
2. Dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, huma għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jipprovdu informazzjoni dwar il-liġijiet ta’, u s-servizzi disponibbli fl-Istati tagħhom li jirrigwardaw il-protezzjoni tat-tfal.
Artikolu 31
L-Awtorità Ċentrali ta’ l-Istat Kontraenti, direttament jew permezz ta’ awtoritajiet pubbliċi jew organi oħra, għandha tieħu l-passi xierqa kollha biex:
(a) |
tiffaċilita l-komunikazzjonijiet u toffri l-assistenza prevista fl-Artikoli 8 u 9 u f’dan il-Kapitolu; |
(b) |
tiffaċilita, permezz ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew mezzi simili, soluzzjonijiet miftehmin għall-protezzjoni tal-persuna jew proprjetà tat-tifel f’sitwazzjonijet fejn tapplika l-Konvenzjoni; |
(ċ) |
tipprovdi, fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Kontraenti ieħor, assistenza fl-iskopertà ta’ fejn jinstab it-tifel fejn jidher li t-tifel jista’ jkun preżenti u fi bżonn ta’ protezzjoni ġewwa t-territorju ta’ l-Istat rikjest. |
Artikolu 32
Fuq talba magħmula b’raġunijiet li jsostnuha mill-Awtorità ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ kwalunkwe Stat Kontraenti ma’ liema t-tifel għandu konnessjoni sostanzjali, l-Awtorità ċentrali ta’ l-Istat Kontraenti fejn it-tifel abitwalment jkun residenti u preżenti tista’, direttament jew permezz ta’ awtoritajiet pubbliċi jew organi oħra:
(a) |
tipprovdi rapport fuq is-sitwazzjoni tat-tifel; |
(b) |
titlob lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tagħha biex tikkunsidra l-bżonn li tieħu miżuri għall-protezzjoni tal-persuna jew proprjetà tat-tifel. |
Artikolu 33
1. Jekk awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 tikkontempla t-tqegħid tat-tifel ġo familja foster jew kura istituzzjonjonali, jew l-proviżjoni ta’ kura minn “kafala” jew istituzzjoni analoga, u jekk dan it-tqegħid jew din il-proviżjoni ta’ kura għandha sseħħ fi Stat Kontraenti ieħor, għandha l-ewwel tikkonsulta ma’ l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat Kontraenti ta’ l-aħħar. Għal dak il-għan tittrażmetti rapport fuq it-tifel flimkien mar-raġunijiet għat-tqegħid propost jew proviżjoni ta’ kura.
2. Id-deċiżjoni fuq it- tqegħid jew proviżjoni ta’ kura tista’ tiġi magħmula fl-Istat rikjest biss jekk l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat rikjest ikkonsentit għat-tqegħid jew provizjoni ta’ kura, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel.
Artikolu 34
1. Fejn miżura ta’ protezzjoni hi kkontemplata, l-awtoritajiet kompetenti taħt il-Konvenzjoni, jekk is-sitwazzjoni tat-tifel hekk jeħtieġ, jistgħu jitolbu kwalunkwe awtorità ta’ Stat Kontraenti ieħor li għandha informazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tat-tifel li tikkomunika din l-informazzjoni.
2. Stat Kontraenti jista’ jiddikjara li talbiet taħt il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet tiegħu biss permezz ta’ l-Awtorità Ċentrali tiegħu.
Artikolu 35
1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Kontraenti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti ieħor biex jassistu fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni meħudin taħt din il-Konvenzjoni, speċjalment fl-assigurazzjoni ta’ l-eżerċizzju effettiv ta’ drittijiet t’aċċess kif ukoll id-dritt li jżommu kuntatti diretti fuq bażi regolari.
2. L-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti li fih it-tifel ma jkunx abitwalment residenti jistgħu, fuq it-talba ta’ ġenitur li jgħix f'dak l-Istat li qed ifittex li jikseb jew li jżomm aċċess għat-tifel, jiġbru informazzjoni jew prova u jistgħu jirrelataw dwar l-adattezza ta’ dak il-ġenitur sabiex jeżerċita aċċess u dwar il-kondizzjonijiet taħt liema l-aċċess għandu jiġi eżerċitat. Awtorità li teżerċita ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 biex tistabbilixxi applikazzjoni dwar aċċess għat-tifel, għandha taċċetta u tikkunsidra dik l-informazzjoni, prova u riżultati qabel ma tilħaq id-deċiżjoni tagħha.
3. Awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 li tiddeċiedi fuq l-aċċess tista’ taġġorna proċedura pendenti r-riżultat ta’ talba magħmula taħt il-paragrafu 2, partikolarment, meta qed tikkunsidra applikazzjoni biex tirrestrinġi jew ittemm drittijiet t’aċċess mogħtija fl-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel ta’ qabel.
4. Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 milli tieħu miżuri temporanji pendenti r-riżultat tat-talba magħmula taħt il-paragrafu 2.
Artikolu 36
Fi kwalunkwe każ fejn it-tifel hu espost għal periklu serju, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Kontraenti fejn miżuri għall-protezzjoni tat-tifel ittieħdu jew qegħdin taħt kusiderazzjoni, jekk huma infurmati li r-residenza tat-tifel nbiddlet għal, jew li t-tifel hu preżenti fi Stat ieħor, għandhom jinfurmaw l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat ieħor dwar il-periklu involut u l-miżuri meħudin jew taħt kunsiderazzjoni.
Artikolu 37
Awtorità m’għandhiex titlob jew titrasmetti kwlaunkwe informazzjoni taħt dan il-Kapitolu jekk dan, fl-opinjoni tagħha, x’aktarx ipoġġi l-persuna jew il-proprjetà tat-tifel in periklu, jew jikkostitwixxi thedida serja lil-libertà jew ħajja ta’ membru tal-familja tat-tifel.
Artikolu 38
1. Mingħajr preġudizzju għall-possibiltà li jimponu ħlasijiet raġonevoli għall-proviżjoni ta’ servizzi, Awtoritajiet Ċentrali u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ Stati Kontraenti għandhom iġorru l-ispejjeż tagħhom fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.
2. Kwalunkwe Stat Kontraenti jista’ jidħol fi ftehimiet ma’ wieħed jew iżjed Stati Kontraenti oħra dwar l-allokazzjoni ta’ ħlasijiet.
Artikolu 39
Kwalunkwe Stat Kontraenti jista’ jidħol fi ftehimiet ma’ wieħed jew aktar Stati Kontraenti oħra bil-għan li tittejjeb l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom. L-Istati li kkonkludew ftehim bħal dan għandhom jittrażmettu kopja lid-depożitarju tal-Konvenzjoni.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 40
1. L-awtoritajiet ta’ l-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel, jew ta’ l-Istat Kontraenti fejn ittieħdet miżura ta’ protezzjoni, tista’ tagħti lill-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri jew lill-persuna li għandha l-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tat-tifel, fuq it-talba tiegħu jew tagħha, ċertifikat li jindika l-kapaċità li biha l-persuna hi intitolata li taġixxi u l-poteri mogħtija lilu jew lilha.
2. Il-kapacitajiet u poteri indikati fiċ-ċertifikat huma meqjusin li jappartienu lil dik il-persuna, fl-assenza ta’ prova kontrarja.
3. Kull Stat Kontraenti għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu ċ-ċerifikat.
Artikolu 41
Id-data personali miġbura jew trażmessa taħt il-Konvenzjoni għandha tiġi użata biss għall-għanijiet għal liema kienu miġburin jew trażmessi.
Artikolu 42
L-awtoritajiet lil liema informazzjoni hi trasmessa għandhom jassiguraw il-konfidenzjalità tagħha, skond il-liġi ta’ l-Istat tagħhom.
Artikolu 43
Id-dokumenti kollha mgħoddija jew ikkunsinjati taħt din il-Konvenzjoni għandhom ikunu eżenti mil-legiżlazzjoni jew kwalunkwe formalità simili.
Artikolu 44
Kull Stat Kontraenti jista’ jinnomina l-awtoritajiet lil liema talbiet taħt l- Artikoli 8, 9 u 33 għandhom ikunu indirizzati.
Artikolu 45
1. Id-deskrizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 29 u 44 għandhom ikunu komunikati lil Bureau Permanenti tal-Konferenza ta’ l-Aja fuq id-Dritt Internazzjonali Privat.
2. Id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(2), għandha tiġi magħmula lid-depożitarju tal-Konvenzjoni.
Artikolu 46
Stat Kontraenti li fih sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi differenti japplikaw għall-protezzjoni tat-tifel u l-proprjetà tiegħu jew tagħha m’għandhomx ikunu marbutin li japplikaw ir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni lill-kunflitti unikament bejn dawn is-sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi differenti.
Artikolu 47
Fir-rigward ta’ Stat li fih tnejn jew aktar sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi fir-rigward ta’ kwalunkwe ħaġa li titratta din il-Konvenzjoni japplikaw f’unitajiet territorjali differenti:
1. |
kwalunkwe riferenza għar-residenza abitwali f’dak l-Istat għandu jittieħed bħala r-residenza abitwali f’unità territorjali; |
2. |
kwalunkwe riferenza għall-presenza tat-tifel f’dak l-Istat għandu jiġi jittieħed bħala riferenza għall-preżenza f’unità territorjali; |
3. |
kwalunkwe riferenza għal-lokalità ta’ proprjetà tat-tifel f’dak l-Istat għandha tiġi meħuda bħala riferenza għal-lokalità ta’ proprjetà tat-tifel f’unità territorjali; |
4. |
kwalunkwe riferenza għall-Istat ta’ liema t-tifel huwa ċittadin għandha tittieħed bħala riferenza għall-unità territorjali nnominata mil-liġi ta’ dak l-Istat jew, fl-assenza ta’ regoli rilevanti, għall-unità territorjali ma’ liema t-tifel għandu l-konnessjoni l-aktar viċina; |
5. |
kwalunkwe riferenza għall-Istat l-awtoritajiet ta’ liema għandhom applikazzjoni għad-divorzju jew separazzjoni legali tal-ġenituri tat-tifel, jew għall-annullament taż-żwieġ tagħhom, għandha tittieħed bħala riferenza għall-unità territorjali l-awtoritajiet ta’ liema għandhom din l-applikazzjoni; |
6. |
kwalunkwe riferenza għall-Istat ma’ liema t-tifel għandu konnessjoni sostanzjali għandha tiġi meħuda bħala riferenza għall-unità territorjali ma’ liema t-tifel għandu din il-konnessjoni; |
7. |
kwalunkwe riferenza għall-Istat minn fejn tneħħa it-tifel jew fejn qed qiegħda jinżamm/tinżamm għandha tittieħed bħala riferenza lill-unità territorjali lil liema t-tifel ġie mneħħi jew ġo liema hu jew hi ġie ritenut; |
8. |
kwalunkwe riferenza lill-awtoritajiet jew korpijiet ta’ dak l-Istat, barra l-Awtoritajiet ċentrali, għandha tiġi meħuda bħala riferenza għal dawk awtorizzati li jaġixxu fl-unità territorjali rilevanti; |
9. |
kwalunkwe riferenza għal-liġi jew proċedura jew awtorità ta’ l-Istat ġo liema l-miżura ttieħdet għandha tiġi meħuda bħala riferenza għal-liġi jew proċedura jew awtorità ta’ l-unità territorjali ġo liema din il-miżura ttieħdet; |
10. |
kwalunkwe riferenza għal-liġi jew proċedura jew awtorità ta’ l-Istat rikjest għandha tiġi meħuda bħala riferenza għal-liġi jew il-proċedura jew l-awtorità ta’ l-unità territorjali ġo liema rikonoxximent jew infurzar hu mfittex. |
Artikolu 48
Għall-iskop ta’ l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli taħt il-Kapitolu III, fir-rigward ta’ Stat li jikkomprendi tnejn jew aktar unitajiet territorjali li kull waħda minnhom għandha s-sistema ta’ liġi proprja jew settijiet ta’ regoli tal-liġi rigwardanti kwistjonijiet koperti minn din il-Konvenzjoni, ir-regoli li ġejjin japplikaw:
(a) |
jekk hemm regoli fis-seħħ f’dan l-Istat li jiddentifikaw il-liġi ta’ liema unità territorjali hija applikabbli, il-liġi ta’ dik l-unità tapplika; |
(b) |
fl-assenza ta’ dawn ir-regoli, il-liġi ta’ l-unità territorjali rilevanti kif definita fl- Artikolu 47 tapplika. |
Artikolu 49
Għall-iskop ta’ l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli taħt il-Kapitolu III, fir-rigward ta’ Stat li għandu tnejn jew aktar sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi applikabbi għal kategoriji differenti ta’ persuni rigward kwistjonijiet koperti minn din il-Konvenzjoni, ir-regoli li ġejjin japplikaw:
(a) |
jekk hemm regoli fis-seħħ f’dan l-Istat li jiddentikikaw liema fost dawn il-liġijiet tapplika, dik il-liġi tapplika; |
(b) |
fl-assenza ta’ dawn ir-regoli, il-liġi tas-sistema jew tas-settijiet ta’regoli tal-liġi ma liema t-tifel għandu l-konessjoni l-aktar viċina tapplika. |
Artikolu 50
Din il-Konvenzjoni m’għandhiex taffetwa l-Konvenzjoni tal-25 t’Ottubru 1980 fuq l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, kif bejn Partijiet għaż-żewġ Konvenzjonijiet. Xejn, madankollu, ma jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni milli jiġu nvokati għall-iskopijiet tal-ksubija tar-ritorn ta’ tifel li kien tneħħa jew irritenut inġustament jew ta’ organizazzjoni ta’ drittijiet ta’aċċess.
Artikolu 51
F’relazzjonijiet bejn l-Istati Kontraenti, din il-Konvenzjoni tieħu l-post tal-Konvenzjoni tal-5 t’Ottubru 1961 dwar il-poteri ta’awtoritajiet u l-liġi applikabbli fir-rigward għall-protezzjoni ta’ minuri, u l-Konvenzjoni li tirregola t-tutela ta’ minuri, iffirmata fl-Aja it-12 ta’ Ġunju 1902, mingħajr preġudizzju għar-rikonoxximnet ta’ miżuri meħudin taħt il-Konvenzjoni tal-5 t’Ottubru 1961 imsemmija hawn fuq.
Artikolu 52
1. Din il-Konvenzjoni ma taffetwa l-ebda strument internazzjonali għal liema Stati Kontraenti huma Partijiet u li jinsabu ġo fiha dispożizzjonijiet fuq materiji irregolati mill-Konvenzjoni, sakemm ma ssirx dikjarazzjoni kontrarja mill-Istati, Partijiet għal dan l-istrument.
2. Din il-Konvenzjoni ma taffetwax il-possibiltà għal wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti li jikkonkludu ftehimiet li jkunu jinsabu fihom, fir-rigward ta’ tfal li abitwalment jkunu residenti fi kwalunkwe mill-Istati, Partijiet għal dawn il-ftehimiet, dispożizzjonijiet fuq materji irregolati minn din il-Konvenzjoni.
3. Ftehimiet li għandhom jiġu konklużi minn wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti fuq materji fl-iskop ta’ din il-Konvenzjoni ma jaffetwawx, fir-relazzjoni ta’ dawn l-Istati ma’ Stati Kontraenti oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.
4. Il-paragrafi ta’ qabel dan japplikaw ukoll lil-liġijiet uniformi bbażati fuq rbit speċjali ta’ natura reġjonali jew oħra bejn l-Istati in kwistjoni.
Artikolu 53
1. Il-Konvenzjoni għandha tgħodd għall-miżuri biss jekk huma meħudin fi Stat wara l-Konvenzjoni ġiet fis-seħħ għal dak l-Istat.
2. Il-Konvenzjoni għandha tgħodd għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ miżuri meħudin wara d-dħul fis-seħħ bejn l-Istat fejn il-miżuri ġew meħudin u l-Istat rikjest.
Artikolu 54
1. Kwalunkwe komunikazzjoni mibgħuta lill-Awtorità Ċentral jew lill-awtorità oħra ta’ Stat Kontraenti għandu jkun fil-lingwa oriġinali, u għandha tkun akkumpanjati b’traduzzjoni għal-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ieħor jew, fejn dan mhux possibbli, traduzzjoni għall-Franċiż jew l-Ingliż.
2. Madankollu, Stat Kontraenti jista’, billi jagħmel riżerva skond l-Artikolu 60, jagħmel oġġezzjoni għall-użu jew tal-Franċiż jew l-Ingliż, imma mhux għat-tnejn.
Artikolu 55
1. Stat Kontraenti jista’, skond l-Artikolu 60:
(a) |
jirriżerva l-ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet tiegħu li jieħdu miżuri diretti lejn il-protezzjoni ta’ prorjetà ta’ tifel li jinsab fuq it-territorju tiegħu; |
(b) |
jirriserva d-dritt li ma jirrikonoxxix kwalunkwe responsabbiltà tal-ġenituri jew miżura sal-punt li mhuwiex kompatibbli ma’ kwalunkwe miżura meħuda mill-awtoritajiet tiegħu fir-rigward ta’ dik il-proprjetà. |
2. Ir-riserva tista’ tiġi ristretta għal ċerti kategoriji ta’ proprjetà.
Artikolu 56
Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza ta’ l-Aja fuq id-Dritt Internazzjonali Privat għandu f’intervalli regolari jsejjaħ Kummissjoni Speċjali sabiex tirrevedi l-operazzjoni prattika tal-Konvenzjoni.
KAPITOLU VII
KLAWŻOLI FINALI
Artikolu 57
1. Il-Konvenzjoni għandha tinfetaħ għall-iffirmar mill-Istati li kienu Membri tal-Konferenza ta’ l-Aja fuq id-Dritt Internazzjonali Privat fi żmien it-Tmintax-il Sessjoni tagħha.
2. Għandha tkun irratifikata, aċċettata jew approvata u l-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ l-Olanda, depożitarju tal-Konvenzjoni.
Artikolu 58
1. Kwalunkwe Stat ieħor jista’ jagħmel adeżjoni għall-Konvenzjoni wara li tkun daħlet fis-seħħ skond l-Artikolu 61, paragrafu 1.
2. L-istrument ta’ adeżjoni għandu jiġi ddepożitat mall-depożitarju.
3. Din l-adeżjoni għandha jkollha effett biss għar-rigward ir-relazzjonijiet bejn l-Istat li għamel adeżjoni u dawk l-Istati Kontraenti li ma għamlux oġġezzjoni għall-adeżjoni tagħha fis-sitt xhur wara l-irċevuta tan-notifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 63(b). Oġġezzjoni bħal din tista’ ukoll tiġi mqajma minn Stati fil-ħin li jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni wara adeżjoni. Kwalunkwe oġġezzjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju.
Artikolu 59
1. Jekk Stat għandu tnejn jew aktar unitajiet territorjali ġo liema sistemi ta’ liġi differenti huma applikabbli fir-rigward ta’ kwistjonijiet ittrattati f’din il-Konvenzjoni, tista’ fil-ħin ta’ l-iffirmar, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tiddikjara li l-Konvenzjoni għandha testendi għall-unitajiet territorjaili kollha tagħha jew biss għal waħda jew aktar minnhom u tista’ timmodifika din id-dikjarazzjoni billi tagħti dikjarazzjoni oħra fi kwalunkwe ħin.
2. Kwalunkwe dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju u għandha tgħid espressament l-unitajiet territorjali għal liema tapplika l-Konvenzjoni.
3. Jekk Stat ma jagħmilx dikjarazzjoni taħt dan l-Artikolu, il-Konvenzjoni għandha tiġi estiża lill-unitajiet territorjali kollha ta’ dak l-Istat.
Artikolu 60
1. Kwlaunkwe Stat jista’, mhux aktar tard mill-ħin tar-ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, jew fil-ħin li jagħmel dikjarazzjoni skond it-termini ta’ l-Artikolu 59, jagħmel waħda jew iż-żewġ riżervi previsti fl-Artikolu 54(2), u l-Artikolu 55. L-ebda riżerva oħra għandha tiġi permessa.
2. Kwalunkwe Stat jista’ fi kwalunkwe ħin jirtira riserva li huwa għamel. Din l-irtira għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju.
3. Ir-riżerva għandha tieqaf milli jkollha effett fl-ewwel ġurnata tat-tielet xahar fil-kalendarju wara n-notifikazzjoni msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan.
Artikolu 61
1. Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem tat-tlett xhur ta’ wara d-depożitu tat-tielet istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 57.
2. Wara dan il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ:
(a) |
għal kull Stat li jirratifikaha, jaċċettaha jew japprovaha sussegwentement, fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem tat-tlett xhur ta’ wara d-depożitu ta’ l-istrument tiegħu tar-ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni; |
(b) |
għal kull Stat li jagħmel adeżjoni, fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem ta’ tliet xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 58(3); |
(ċ) |
għal unità territorjali lil liema l-Konvenzjoni ġiet estiża skond l-Artikolu 59, fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem ta’ tliet xhur wara n-notifikazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu. |
Artikolu 62
1. Parti Stat għall-Konvenzjoni jista’ jiddenunzja għalih permezz ta’ notifikazzjoni miktuba indirizzata lid-depożitarju. Id-denunzja tista’ tkun limitata għal ċerti unitajiet territorjali lil liema tapplika l-Konvenzjoni.
2. Id-denunzja tieħu effett fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem ta’ tnax-il xahar wara li n-notifikazzjoni hi rċevuta mid-depożitarju. Fejn perjodu aktar twil biex id-denunzja tieħu effett hi speċifikata fin-notifikazzjoni, id-denunzja tieħu effett mat-tmiem ta’ dan il-perjodu aktar twil.
Artikolu 63
Id-depożitarju għandu jinnotifika l-Istati Membri tal-Konferenza ta’ l-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Istati li għamlu adeżjoni skond l-Artikolu 58 ta’ dak li ġej:
(a) |
il-firem, ir-ratifiki, l-aċċettazzjonijiet u l-approvazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 57; |
(b) |
l-adeżjonijiet u l-oġġezzjonijiet magħmula lill-adeżjoni msemmijin fl-Artikolu 58; |
(ċ) |
id-data meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ skond l-Artikolu 61; |
(d) |
id-dikjarazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 34(2), u l-Artikolu 59; |
(e) |
il-ftehimiet msemmijin fl-Artikolu 39; |
(f) |
ir-riżervi msemmijin fl-Artikolu 54(2), u l-Artikolu 55 u r-ritirati msemmijin fl- Artikolu 60(2); |
(ġ) |
id-denunzji msemmijin fl-Artikolu 62. |
B’xiehda ta’ dan l’hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati għal dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.
Magħmula fl-Aja, 19 ta’ Ottubru 1996, fil-lingwi Franċiża u Ingliża, it-testi ugwalment awtentiċi, f’kopja singola li għandhom ikunu ddepożitati fl-arkivji tal-Gvern tar-Renju ta’ l-Olanda, u li kopja ċċertifikata għandha tintbagħat, permezz ta’ kanali diplomatiċi, lil kull wieħed mill-Istati Memberi tal-Konferenza ta’ l-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fid-data tat-Tmintax-il Sessjoni tagħha.