5.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 146/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Mejju 2008

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fir-Renju Unit fl-2007

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2169)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

(2008/415/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) u 3a(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skond l-Artikolu 3a ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri jistgħu jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-ispejjeż ta’ ċerti miżuri għall-qerda ta’ l-influwenza avjarja.

(2)

L-Artikolu 3a(3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistabbilixxi regoli dwar il-perċentwal ta’ l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri li jistgħu jiġu koperti mill-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard ta’ l-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), wara l-emenda tad-Deċiżjoni 90/424/KEE mid-Deċiżjoni 2006/53/KE (3), ma għadux ikopri l-influwenza avjarja. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi espressament stipulat fid-Deċiżjoni attwali li l-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lir-Renju Unit jkun soġġett għal konformità ma’ ċerti regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(4)

Fl-2007 kien hemm tifqigħat ta’ l-influwenza avjarja fir-Renju Unit. Il-preżenza ta’ din il-marda tirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità. Ir-Renju Unit ħa miżuri, kif jissemma fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, biex jiġġieled kontra dawn it-tifqigħat.

(5)

Ir-Renju Unit ikkonforma bis-sħiħ ma’ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tiegħu kif stipulat fl-Artikoli 3(3) u 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(6)

Fit-13 ta’ Diċembru 2007 ir-Renju Unit bagħat tagħrif dwar l-ispejjeż imġarrba lill-Kummissjoni, u kompla jipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ dwar l-ispejjeż ta’ kumpens u l-ispiża operattiva.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lir-Renju Unit

1.   Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista’ tingħata lir-Renju Unit għall-ispejjeż imġarrba minn dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE fil-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fl-2007.

2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Artikoli 2 sa 5, l-Artikoli 7 u 8 u l-Artikolu 9(2), (3) u (4) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37.