17.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 129/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta' April 2008

dwar il-konlużjoni tal-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000

(2008/373/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 310 tiegħu, flimkien mat-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi

(1)

Skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (2) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta' Sħubija”), dik il-Parti li, wara li tkun għamlet djalogu politiku approfondit tqis li Parti oħra naqset milli twettaq obbligu fir-rigward ta' wieħed mill-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija, tista' tistieden lill-Parti l-oħra għal konsultazzjonijiet u, f'ċerti ċirkostanzi, tieħu miżuri adatti, anke fejn tkun meħtieġa, is-sospensjoni parzjali jew sħiħa ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fir-rigward tal-Parti konċernata.

(2)

Skond l-Artikolu 97 tal-Ftehim ta' Sħubija, dik il-Parti li tikkonsidra li seħħ xi każ serju ta' korruzzjoni tista' tistieden lill-Parti l-oħra għal konsultazzjonijiet u, f'ċerti ċirkostanzi, tieħu miżuri adatti, anke fejn tkun meħtieġa, is-sospensjoni parzjali jew sħiħa ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fir-rigward tal-Parti konċernata.

(3)

Skond l-Artikolu 11b tal-Ftehim ta' Sħubija, dik il-Parti li, wara li tkun għamlet djalogu politiku approfondit, informata b'mod partikolari minn rapporti mill-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (IAEA), mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' l-Armi Kimiċi (OPCW) u minn istituzzjonijiet multilaterali oħra relevanti, tqis li l-Parti l-oħra naqset milli twettaq xi obbligu li jkun ġej mill-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu dwar in-nonprofilerazzjoni ta' l-armi ta' distruzzjoni massiva, għandha tistieden lill-Parti l-oħra għal konsultazzjonijiet u, f'ċerti ċirkostanzi, tieħu miżuri adattati, anke fejn tkun meħtieġa s-sospensjoni parzjali jew sħiħa ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fir-rigward tal-Parti konċernata.

(4)

Għandha tiġi adottata proċedura effettiva meta jkun maħsub li jittieħdu miżuri adatti taħt l-Artikolu 96, l-Artikolu 97 jew il-paragrafi 4, 5 u 6 ta' l-Artikolu 11b tal-Ftehim ta' Sħubija.

(5)

Il-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta' Sħubija għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, u d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Komunità unilateralment jew konġuntement ma' Partijiet oħra u mehmużin ma' l-Att Finali, huma b'dan approvati f'isem il-Komunità Ewropea (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 93 tal-Ftehim ta' Sħubija f'isem il-Komunità Ewropea.

Artikolu 3

1.   Fejn, bl-inizjattiva tal-Kummissjoni jew ta' xi Stat Membru, wara li l-Kunsill ikun eżawrixxa kull possibbiltà għal djalogu taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija, il-Kunsill jikkonsidra li xi Stat ta' l-AKP naqas milli jwettaq xi obbligu li jikkonċerna wieħed mill-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija, jew f'każijiet serji ta' korruzzjoni, l-Istat ta' l-AKP konċernat għandu jkun mistieden, sakemm ma jkunx hemm urġenza speċjali, għal konsultazzjonijiet skond l-Artikoli 96 u 97 tal-Ftehim ta' Sħubija.

Fejn, bl-inizjattiva tal-Kummissjoni jew ta' xi Stat Membru, informati b'mod partikolari minn rapporti mill-IAEA, mill-OPCW u minn istituzzjonijiet multilaterali oħra relevanti, il-Kunsill jikkonsidra li xi Stat ta' l-AKP naqas milli jwettaq xi obbligu li jkun ġej mill-Artikolu 11b(1) tal-Ftehim ta' Sħubija dwar in-nonprofilerazzjoni ta' l-armi ta' distruzzjoni massiva, jew f'każijiet serji ta' korruzzjoni, l-Istat ta' l-AKP konċernat għandu jkun mistieden, sakemm ma jkunx hemm urġenza speċjali, għal konsultazzjonijiet skond l-Artikolu 11b(4), (5) u (6) tal-Ftehim ta' Sħubija.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Fil-konsultazzjonijiet, il-Komunità għandha tiġi rappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill u mill-Kummissjoni.

2.   Jekk, fl-iskadenza tat-termini ta' żmien perentorji għall-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 11b(5), l-Artikolu 96(2) jew l-Artikolu 97(2) tal-Ftehim ta' Sħubija, u minkejja kull sforz, ma tinstab l-ebda soluzzjoni, jew immedjatament f'każ ta' urġenza jew ta' rifjut li jsiru konsultazzjonijiet, il-Kunsill jista', skond dawk l-Artikoli, jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni u b'maġġoranza kwalifikata, li jieħu miżuri adatti inkluża dik ta' sospensjoni parzjali.

Il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament fil-każ ta' sospensjoni sħiħa ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fir-rigward ta' l-Istat ta' l-AKP konċernat.

Dawn il-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sa meta l-Kunsill ikun uża l-proċedura applikabbli kif stipulata fl-ewwel subparagrafu sabiex jieħu deċiżjoni li temenda jew tirrevoka l-miżuri adottati qabel, jew fejn applikabbli, għall-perjodu indikat fid-Deċiżjoni.

Għal dak il-għan il-Kunsill għandu jipproċedi billi jirrivedi regolarment, u mill-inqas kull sitt xhur, il-miżuri ta' hawn fuq.

Il-President tal-Kunsill għandu jinnotifika l-miżuri adottati b'dan il-mod lill-Istat ta' l-AKP konċernat u lill-Kunsill tal-Ministri AKP-KE qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn il-miżuri jiġu adottati immedjatament, in-notifika ta' dan għandha tiġi indirizzata lill-Istat ta' l-AKP u lill-Kunsill tal-Ministri AKP-KE fl-istess waqt bħala stedina sabiex isiru konsultazzjonijiet.

3.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat immedjatament u b'kollox dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda taħt il-paragrafi 1 u 2.

4.   Jekk il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE jelabora xi modalitajiet ulterjuri għall-konsultazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta' l-Anness VII tal-Ftehim ta' Sħubija, il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Kunsill fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE għandha tkun ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi publikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, 28 ta’ April 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  Kunsens mogħti fit-18 ta' Jannar 2007 (Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat l-aħħar mill-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta' Sħubija (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27).

(3)  It-testi tal-Ftehim u ta' l-Att Finali diġà ġew pubblikati fil-ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.