16.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 128/6


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-10 ta’ April 2008

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b’applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod

(2008/370/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod (1), u b’mod partikolari l-punt 28 tagħha,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (“il-Fond”) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati li qed isofru l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija, u sabiex jgħinhom biex jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(3)

Fit-12 ta’ Settembru 2007, Malta ressqet applikazzjoni sabiex tuża l-Fond fir-rigward tas-sensji fis-settur tat-tessuti, speċifikament għal ħaddiema li ngħataw is-sensja minn VF (Malta) Ltd u Bortex Clothing Ind Co Ltd. L-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

(4)

Fid-9 ta’ Ottubru 2007, il-Portugall ressaq applikazzjoni sabiex jiġi wżat il-Fond, fir-rigward tas-sensji fis-settur tal-karrozzi, speċifikament għal ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Opel f’Azambuja, Alcoa Fujikura f’Seixal u Johnson Controls f’Portalegre. L-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

(5)

Il-Fond għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjonijiet,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 3 106 882 f’approprjazzjonijiet għall-impennji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 10 ta’ April 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Ftehima kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7).

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.