29.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 115/44


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ April 2008

li tistabbilixxi l-kriterji Komunitarji għal programmi nazzjonali għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard ta’ l-annimali u żoonożi

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1588)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/341/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari r-raba' subparagrafu ta’ l-Artikolu 24(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lejn il-programmi għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard ta’ l-annimali u żoonożi. B’segwitu għal dik id-Deċiżjoni għandha tiġi introdotta miżura finanzjarja Komunitarja sabiex tiġi rimborżata n-nefqa mill-Istati Membri għall-finanzjament ta’ programmi nazzjonali għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ tal-mard ta’ l-annimali u żoonożi elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula li kull sena, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April, l-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni l-programmi annwali jew multiannwali li jibdew fis-sena ta’ wara, u li jixtiequ jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għalihom.

(3)

L-Artikolu 24(2) ta’ dik id-Deċiżjoni jagħti lista ta’ ċerti elementi li għandhom ikunu inklużi fil-programmi sottomessi mill-Istati Membri, bħalma hi deskrizzjoni tal-qagħda epidemijoloġika tal-marda, iż-żona fejn se jiġi applikat il-programm, l-objettiv tal-programm u kemm x’aktarx se jdum, il-miżuri li se jiġu applikati u l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-programm.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/638/KEE tas-27 ta’ Novembru 1990, li tistipula l-kriterji Komunitarji għall-qerda u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard fl-annimali (2), stabbilixxiet ċerti kriterji għal programmi għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ biex jiġu approvati b’segwitu għad-Deċiżjoni 90/424/KEE. Id-Deċiżjoni 2006/965/KE irrevokat id-Deċiżjoni 90/638/KEE mid-data ta’ meta tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni preżenti.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji ġodda għall-programmi nazzjonali għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ ċertu mard ta’ l-annimali u żoonożi elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 90/424/KEE sabiex jaqblu mal-progress tekniku u xjentifiku u jqisu l-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-programmi skond id-Deċiżjoni 90/638/KEE. Dawk il-kriterji Komunitarji ġodda għandhom jiżguraw li l-miżuri stipulati f’dawk il-programmi huma effettivi u jassiguraw il-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ aktar rapidu tal-mard u ż-żoonożi kkonċernat.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sabiex ikunu approvati skond il-miżura finanzjarja tal-Komunità stipulata fl-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, programmi sottomessi mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ mard ta’ l-annimali u żoonożi elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom jissodisfaw ta’ l-anqas il-kriterji mniżżla fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 25 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).

(2)   ĠU L 347, 12.12.1990, p. 27. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 92/65/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p 54).


ANNESS

Kriterji għal programmi nazzjonali għall-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ

(1)   L-għan tal-programm

(a)

L-għan tal-programm ta’ monitoraġġ għandu jkun li jinvestiga l-popolazzjoni jew is-subpopolazzjoni ta’ annimali u l-ambjent tagħhom (inkluż riżervi fis-selvaġġ u l-organiżmi li jġorru l-mard) sabiex jiġu mgħarrfa l-bidliet fil-mod ta’ kif ifiġġ il-mard u ż-żoonożi fl-annimali elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 90/424/KEE (“mard ta’ l-annimali u żoonożi”) kif ukoll il-bidliet fl-iżvilupp ta’ infezzjoni tagħhom.

(b)

L-għan tal-programm ta’ kontroll għandu jkun li jġib jew li jżomm il-prevalenza tal-mard ta’ l-annimali u żoonożi elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 90/424/KEE taħt livell sanitarju aċċettabbli;

(ċ)

L-għan tal-programm ta’ qerda għandu jkun l-estinzjoni bijoloġika tal-mard ta’ l-annimali u żoonożi elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 90/424/KEE. L-objettiv finali ta’ programm ta’ qerda għandu jkun li jinkiseb l-istat ta’ ħelsien jew ħelsien uffiċjali tat-territorju skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, fejn din il-possibbiltà teżisti.

(d)

L-għan ta’ programm ta’ kontroll, jew ta’ monitoraġġ/stħarriġ, jew inkella ta’ qerda ta’ mard jew żoonożi fl-annimali, għandu jkun skond il-politiki Komunitarji.

(2)   Id-demarkazzjoni ġeografika tal-programm

Il-programm għandu japplika għat-territorju kollu kemm hu, jew jekk ġustifikat b’mod xieraq skond kriterji epidemijoloġiċi, għal parti definita tajjeb mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, jew, f’każ ta’ mard li jolqot ukoll lill-annimali selvaġġi, għal pajjiżi terzi.

(3)   It-tul tal-programm

It-tul tal-programm għandu jiġi stabbilit għaż-żmien minimu li hu stmat li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-programm. It-tul tiegħu għandu jkun limitat għaż-żmien li tulu jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli dak l-objettiv.

(4)   L-objettivi tal-programm

(a)

L-objettivi tal-programm għandhom jiġu stabbiliti b’mod li jinkisbu sad-data tat-tkomplija tal-programm. ta’ l-anqas darba fis-sena, għandhom jiġu stabbiliti objettivi interim bħala għanijiet intermedji li għandhom jinkisbu jekk il-programm ikopri aktar minn sena.

(b)

Għall-objettivi għandhom jingħażlu l-indikaturi l-aktar xierqa, bħalma huma l-inċidenza, il-prevalenza (meta hu possibbli), il-kwalifikazzjoni sanitarja ta’ annimali li jridu jintlaħqu u unitajiet epidemijoloġiċi (ngħidu aħna, qatgħat, merħliet, stabbilimenti, żoni). Fejn ikun meħtieġ, tingħata definizzjoni.

(5)   Il-miżuri tal-programm:

(a)

Is-suspett jew il-konferma ta’ mard jew żoonożi fl-annimali għandhom ikunu notifikabbli.

(b)

Il-miżuri tal-programm għandhom ikunu mmirati lejn il-popolazzjoni ta’ l-annimali li hi l-oġġett tal-marda jew żoonożi u/jew l-ispeċi rilevanti tar-riżerva jew l-organiżmi relevanti li jġorru l-marda/iż-żoonożi

(ċ)

L-annimali kollha li huma l-objettiv tal-programm, ħlief it-tjur ta’ l-irziezet, l-annimali akkwatiċi, il-lagomorfi u l-annimali selvaġġi, għandhom jiġu identifikati, u l-unitajiet epidemijoloġiċi kollha (ngħidu aħna, qatgħat, merħliet, stabbilimenti) għandhom jiġu rreġistrati. Iċ-ċaqliq ta’ dawk l-annimali għandu jiġi kkontrollat u rreġistrat.

(d)

Il-miżuri tal-programm għandhom ikunu msejsa fuq l-għarfien xjentifiku rilevanti li hu disponibbli u għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fil-każ ta’ programmi li jikkonċernaw il-mard f’annimali ta’ akkwakultura u li huma ffinanzjati mill-Fond Ewropew għas-Sajd (1), l-awtorità li timmaniġġa għandha tiżgura li d-dokumenti kollha ta’ appoġġ fir-rigward ta’ l-infiq u l-verifiki dwar il-programmi kkonċernati jinżammu disponibbli għall-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri skond l-Artikolu 87 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

(e)

Il-miżuri tal-programm għandhom jingħażlu bħala li huma l-aktar miżuri effiċjenti u effettivi sabiex jinkiseb l-objettiv tul żmien il-programm, u ta’ l-anqas għandhom jinkludu:

regoli dwar iċ-ċaqliq ta’ l-annimali u ta’ prodotti li jistgħu jiġu affettwati jew ikkontaminati mill-marda jew żoonożi kkonċernati;

il-miżuri li għandhom jittieħdu fejn jinstabu riżultati pożittivi waqt il-verifiki li jsiru skond il-programm; dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-prekawzjonijiet neċessarji kollha sabiex jiġu assigurati kontroll u qerda malajr tal-marda u ż-żoonożi, fid-dawl ta’ l-informazzjoni epidemijoloġika u ta’ mezzi preventivi li huma speċifiċi għaliha,

regoli fuq il-kwalifika ta’ merħliet jew qatgħat, meta applikabbli.

(f)

It-testijiet tal-laboratorju wżati fi ħdan il-programm għandhom ikunu dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja għall-mard u ż-żoonożi fl-annimali kkonċernati; fejn ebda test m’hu stipulat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, it-testijiet użati għandhom ikunu standardizzati u vvalidati skond l-istandards internazzjonali ġeneralment aċċettati. Il-laboratorji ta’ l-ittestjar involuti fil-programmi relevanti ta’ monitoraġġ u ta’ qerda ffinanzjati mill-Komunità għandhom iwasslu riżultati li l-kwalità tagħhom tkun aċċettabbli għal-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità (CRL). Il-laboratorji li m’għaddewx is-CRL ring-tests, jew ir-ring-tests nazzjonali meta applikabbli, jistgħu jkunu involuti biss fil-programmi Komunitarji ta’ qerda wara li verifiki speċifiċi jkunu wrew li dawn jistgħu jwasslu r-riżultati fl-istandard kwalitattiv meħtieġ.

(g)

It-vaċċini wżati fi ħdan il-programm għandhom ikunu konformi ma’ l-istandards Ewropej fejn tidħol sikurezza, nontrażmissibbiltà, irreversibbiltà ta’ attenwazzjoni u karatteristiċi immunoġeniċi; għandu jkollhom awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni skond id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva japplikaw.

(6)   Ġestjoni tal-programm

(a)

Il-programm għandu jkun taħt il-kontroll ta’ l-awtorità veterinarja ċentrali. Il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet ta’ kull servizz veterinarju u ta’ kull azzjonist għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-programm għandhom ikunu definiti b'mod ċar u għandha tiġi stipulata katina ċara ta’ kmand fil-programm.

(b)

Għandhom jiġu ggarantiti riżorsi suffiċjenti (finanzjarji, persunal, tagħmir) għat-tul kollu tal-programm.

(ċ)

Il-progress tal-programm għandu, ta’ spiss, ikun:

(i)

monitorat u evalwat fir-rigward ta’ l-effiċjenza u l-effettività tal-miżuri;

(ii)

irrapportat lill-Kummissjoni.

(7)   L-ispejjeż u l-benefiċċji tal-programm

(a)

Il-programm għandu jkun ta’ benefiċċju għall-Komunità u għall-partijiet involuti fl-Istati Membri.

(b)

L-għodda u l-miżuri magħżula għandhom jintużaw bl-aktar mod kost-effettiv.

(ċ)

L-oġġetti u s-servizzi wżati għall-finijiet tal-programm għandhom jinxtraw jew jiġu pprovduti skond ir-regoli tal-Komunità dwar l-akkwisti pubbliċi.

(d)

L-infiq tal-programm għandu jkun l-infiq magħmul mill-Istat Membru għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-programm u għandu jiġi vverifikat.

(e)

Għandu jiġi stipulat kumpens adegwat għal sidien ta’ annimali li jkollhom jinqatlu jew jinqerdu fil-qafas tal-programm u għall-prodotti li jkollhom jinqerdu, fejn applikabbli.

(f)

Il-benefiċjarju għandu jirreġistra l-ispiża li jkun ġarrab u li tkun ġiet sottomessa lill-Kummissjoni fis-sistema tagħha ta’ kosti/kontabbiltà u jżomm id-dokumenti oriġinali kollha għal seba’ snin mid-data ta-sottomissjoni, għal finijiet ta’ kontroll finanzjarju skond l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (3).

(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).

(2)   ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(3)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.