29.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 115/41


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ April 2008

li temenda d-Deċiżjoni 2006/133/KE li teħtieġ li l-Istati Membri temporanjament jieħdu miżuri kontra t-tixrid tal- Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-pini) f’dak li jirrigwardja żoni fil-Portugall, apparti minn dawk li fihom huwa magħruf li ma jeżistix

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1580)

(2008/340/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri protettivi kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li huma ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/133/KE tat-13 ta’ Frar 2006 li teħtieġ li l-Istati Membri temporanjament jieħdu miżuri kontra t-tixrid tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-pini - PWN) f’dak li jirrigwardja żoni fil-Portugall, apparti minn dawk li fihom huwa magħruf li ma jeżistix (2), il-Portugall ħa miżuri kontra t-tixrid tan-nematodu tal-pini.

(2)

Il-Portugall bagħat rapport lill-Kummissjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ dawk il-miżuri fl-2007 li juri li l-PWN ma nfirixx lil hinn miż-żoni demarkati, iżda li għadu jeżisti f’dawk iż-żoni.

(3)

L-implimentazzjoni tal-miżuri Portugiżi fl-2007 kienet evalwata mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti fil-laqgħat tiegħu tas-26-27 ta’ Novembru 2007. Kien ġie konkluż li t-tnaqqis fil-livell ta’ infezzjoni taż-żona demarkata li mmirat għalih id-Deċiżjoni 2006/133/KE ma kienx inkiseb għal kollox.

(4)

Għalhekk, il-Portugall għandu jkompli jieħu miżuri bħal dawn fil-forma ta’ pjan ta’ qerda sal-31 ta’ Marzu 2012, tul ta’ żmien realistiku sabiex jinkiseb progress sinifikanti fil-kontroll tal-PWN.

(5)

Biex tikber l-effiċjenza ta’ dawk il-miżuri fil-każ ta’ tifqigħ iżolat fiż-żoni ta’ lqugħ tan-naħa demarkata, għandha tiġi stabbilita “żona ta’ ffukar” fi ħdan iż-żona ta’ lqugħ fejn jinġarru l-pjanti suxxettibbli. Madwar iż-żona ta’ ffukar għandu jkun hemm żona fejn il-pjanti suxxettibbli jiġu spezzjonati regolarment (“żona ta’ sikurezza”).

(6)

Ir-rekwiżiti għall-moviment ta’ injam suxxettibbli fil-forma ta’ materjal għall-ippakkjar li joriġina fiż-żona ta’ demarkazzjoni għandu jkun konformi ma’ l-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 dwar il-Linji ta’ Gwida għar-regolamentazzjoni ta’ materjal għall-ippakkjar magħmul mill-injam fil-kummerċ internazzjonali.

(7)

Id-Deċiżjoni 2006/133/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/133/KE hi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Sal-31 ta’ Marzu 2012, il-Portugall għandu jassigura li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness fir-rigward ta’ l-injam, il-qxur tas-siġar u l-pjanti suxxettibbli li se jinġarru fi ħdan jew minn żoni demarkati fil-Portugall, u definiti skond l-Artikolu 5, lejn żoni oħra fil-Portugall jew lejn Stati Membri oħra.

Sal-31 ta’ Marzu 2012, il-Portugall għandu jimplimenta pjan ta’ qerda biex jikkontrolla t-tifrix tal-PWN bil-għan li jeqirdu. Dak il-pjan għandu jinkludi dettalji dwar il-ġestjoni, fiż-żona demarkata, ta’ speċijiet ta’ pjanti magħrufa bħala suxxettibbli ħafna għall-PWN skond il-kundizzjonijiet fil-Portugall. Dan il-pjan għandu jiġi rivedut kull sena sal-31 ta’ Diċembru”.

(2)

Fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4, il-kelmiet “sal-15 ta’ Diċembru 2006 u 15 ta’ Diċembru 2007” jinbidlu bil-kelmiet “kull sena sal-15 ta’ Diċembru”.

(3)

L-Anness għad-Deċiżjoni 2006/133/KE hu emendat skond l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 25 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51).

(2)  ĠU L 52, 23.2.2006, p. 34.


ANNESS

L-Anness tad-Deċizjoni 2006/133/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt 1(e) jinbidel b’dan li ġej:

“(e)

injam suxxettibbli, fil-forma ta’ kisi ta’ l-ippakkjar, kaxxi, kannestri, tankijiet u ppakkjar simili, pjattaformi għall-ħżin, pjattaformi għall-ħżin f’forma ta’ kaxex u twavel tat-tagħbija oħra, kullari tal-pjattaformi għall-ħżin, kemm jekk qed jintużaw attwalment u kemm jekk le fit-trasport ta’ l-oġġetti ta’ kull tip, għandhom ikunu suġġetti għall-waħda mill-miżuri approvati kif speċifikat fl-Anness I ta’ l-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 dwar il-Linji ta’ Gwida għar-regolamentazzjoni ta’ materjal għall-ippakkjar magħmul mill-injam fil-kummerċ internazzjonali. Fuq l-injam għandu jkun hemm marka li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ fejn u ta’ minn min ikun għamel it-trattament jew inkella jinġarr miegħu l-hekk imsejjaħ passaport tal-pjanta li jiċċertifika l-miżuri li jkunu twettqu.”

(2)

Il-punt 2(a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

Il-pjanti suxxettibbli għandhom ikunu ttrattati kif ġej:

(i)

il-pjanti suxxettibbli mkabbra f’postijiet ta’ produzzjoni, jew fil-viċinanza immedjata tagħhom, fejn ebda sintomu ta’ PWN ma jkun ġie osservat mill-bidu ta’ l-aħħar ċiklu sħiħ ta’ veġetazzjoni u li jkunu nstabu ħielsa minn sinjali jew sintomi ta’ PWN matul spezzjonijiet uffiċjali, għandu jinġarr magħhom l-hekk imsejjaħ passaport tal-pjanti meta dawn jinġarru mill-post ta’ produzzjoni;

(ii)

il-pjanti suxxettibbli mkabbra f’postijiet ta’ produzzjoni, jew fil-viċinanza immedjata tagħhom, fejn ikunu ġew osservati sintomi ta’ PWN mill-bidu ta’ l-aħħar ċiklu komplut ta’ veġetazzjoni, jew li jkunu ġew identifikati bħala infestati mill-PWN m’għandhomx ikunu mċaqalqa mill-post ta’ produzzjoni u għandhom jinqerdu billi jinħarqu;

(iii)

il-pjanti suxxettibbli mkabbra f’postijiet, bħalma huma foresti, ġonna pubbliċi jew privati, li jkunu identifikati bħala infestati mill-PWN, jew li jkunu juru sintomi ta’ mard jew li jinsabu f’żoni ta’ protezzjoni, għandhom:

jekk huma identifikati fil-perjodu bejn l-1 ta’ Novembru u l-1 ta’ April, jitqaċċtu sa dak iż-żmien, jew

jekk huma identifikati fil-perjodu bejn it-2 ta’ April u l-31 ta’ Ottubru, jitqaċċtu minnufih, u

jiġu ttestjati għall-preżenza ta’ PWN f’kull każ kemm-il darba dawn il-pjanti suxxettibbli jinsabu fil-parti ta’ żoni demarkati maħsuba bħala żoni ta’ lqugħ skond l-Artikolu 5. Jekk il-preżenza tiegħu tkun ikkonfermata, il-pjanti infestati u l-pjanti suxxettibbli kollha f’żona b’raġġ ta’ mill-anqas 50 m madwar il-pjanti infestati u f’kull każ fi ħdan raġġ li jkopri ta’ l-anqas għaxar pjanti suxxettibbli, għandhom jinqerdu (żona ta’ ffukar). Il-pjanti suxxettibbli kollha f’żona b’raġġ ta’ mill-inqas 50 m madwar iż-żona ta’ ffukar għandha tiġi spezzjonata b’mod uffiċjali kull xahrejn għal perjodu ta’ mill-anqas sena wara li l-pjanti infestati jkunu tneħħew (żona sikura). Jekk tkun konfermata preżenza oħra ta’ PWN fil-viċinanza waqt dak il-perjodu, iż-żona demarkata għandha tiġi modifikata skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5;”

(3)

F’punt 2(e) il-frażi ta’ introduzzjoni tiġi mibdula b’dan li ġej:

“(e)

Injam suxxetibbli fl-għamla ta’ skart prodott fil-mument tat-tqaċċit, għandu, taħt kontroll uffiċjali, jinħaraq f’postijiet xierqa jew jitlaqqax f’biċċiet ta’ anqas minn 3 ċm fi ħxuna u wisa’ u jitħalla fil-post:”.

(4)

Il-Punt 2(g) jinbidel b’dan li ġej:

“(g)

injam suxxettibbli, fil-forma ta’ kisi ta’ l-ippakkjar, kaxxi, kannestri, tankijiet u ppakkjar simili, pjattaformi għall-ħżin, pjattaformi għall-ħżin f’forma ta’ kaxex u twavel tat-tagħbija oħra, kullari tal-pjattaformi għall-ħżin, planki, spacers u bearers, inkluż dak l-injam li ma jkunx żamm il-wiċċ tond naturali tiegħu għandu jkun suġġett għall-waħda mill-miżuri approvati kif speċifikat fl-Anness I ta’ l-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 dwar il-Linji ta’ Gwida għar-regolamentazzjoni ta’ materjal għall-ippakkjar magħmul mill-injam fil-kummerċ internazzjonali.”