9.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 96/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ April 2008

dwar miżuri ta’ emerġenza li jirrigwardaw l-organizmu ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63” fi prodotti tar-ross

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1208)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/289/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 4(2) u 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (2) jipprevedu li l-ebda ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandu jitqiegħed fis-suq tal-Komunità sakemm ma jkunx kopert minn awtorizzazzjoni mogħtija skond dan ir-Regolament. L-Artikoli 4(3) u 16(3) ta’ l-istess Regolament jistipulaw li ebda ikel u għalf ġenetikament modifikat ma jista’ jkun awtorizzat sakemm ma jiġix muri b’mod adegwat u suffiċjenti li ma jkollux effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew l-ambjent, li ma jqarraqx bil-konsumatur jew l-utent, u li ma jkunx differenti mill-ikel jew mill-għalf li maħsub jissostitwixxi sal-punt li l-konsum normali tiegħu jkollu żvantaġġi ta' nuttriment għal bnedmin u annimali.

(2)

F’Settembru 2006 kienu skoperti prodotti tar-ross li joriġinaw miċ-Ċina kkontaminati mir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63” fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Ġermanja u s-Sistema Rapida ta' Twissija għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) ġiet mgħarrfa dwarhom.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi immedjatament intalbu jgħaddu tagħrif dettaljat dwar l-għamla ġenetika tar-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63”. Intalbu wkoll spjegazzjonijiet dwar l-oriġini tal-preżenza tar-ross ġenetikament modifikat fis-suq Ċiniż u l-mod kif l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi kien bi ħsiebhom jiżguraw li l-prodotti esportati huma konformi mar-rekwiżiti Komunitarji. Bi tweġiba, l-awtoritajiet Ċiniżi wettqu kontrolli fuq il-każijiet notifikati fil-RASFF u waqqfu l-esportazzjonijiet mill-intrapriżi kkonċernati. Iddeċidew ukoll li jwettqu ttestjar fuq ross u prodotti tar-ross esportati u talbu lil intrapriżi ta’ esportazzjoni biex isaħħu l-kontrolli fuq xiri ta’ materja prima. Barra minn hekk, ingħata tagħrif lill-Kummissjoni dwar il-qagħda ġenerali tar-ross MĠ fis-suq Ċiniż u l-għamla ġenetika Bt ikkonċernata, li kkonferma li r-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63” fis-suq Ċiniż.

(4)

L-Istati Membri kienu fil-pront mgħarrfa dwar il-qagħda matul il-laqgħat tal-11 ta’ Settembru u tat-23 ta’ Ottubru 2006 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali. L-Istati Membri u l-operaturi kienu mfakkra wkoll bil-miktub dwar l-obbligi tagħhom li jiżguraw li l-ebda OĠM mhux awtorizzat ma jitqiegħed fis-suq ta’ l-UE.

(5)

Wara li permezz tar-RASFF ġew innotifikati bosta sejbiet ta’ ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63” matul il-perjodu bejn Settembru u Ottubru 2006, it-twissijiet rapidi waqfu, u dan appoġġja l-suppożizzjoni li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ċiniżi kienu effettivi.

(6)

Fi Frar 2007, ġiet notifikata mill-ġdid sejba ġdida ta’ ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63” permezz tar-RASFF. Din it-twissija ġdida kienet dwar kunsinna ta’ konċentrat ta’ proteina tar-ross għall-użu fl-għalf li waslet fil-Ġreċja billi għaddiet mill-Olanda. Il-kunsinna kkonċernata telqet miċ-Ċina fl-20 ta’ Diċembru 2006, għalhekk wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll mill-awtoritajiet Ċiniżi. Wara li l-Kummissjoni għarrfithom dwar din it-twissija ġdida u talbet li tkun mogħtija garanziji addizzjonali, l-awtoritajiet Ċiniżi ddeċidew li jsaħħu t-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar ta' prodotti tar-ross u qed jeħtieġu li prodotti tar-ross ikunu akkumpanjati minn Ċertifikat ta’ Verifika u Kwarantina Ċiniżi uffiċjali. Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali kien mgħarraf fit-2 ta’ Marzu 2007.

(7)

Minkejja l-miżuri mħabbra mill-awtoritajiet Ċiniżi, ġew irrappurtati sussegwentement bosta twissijiet oħrajn dwar il-preżenza ta’ ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63”.

(8)

Minkejja talbiet konsistenti mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ċiniżi ma kienux kapaċi jipprovdu liċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni (JRC) b’kampjuni ta’ kontroll u bi protokoll ta’ metodu ta’ identifikazzjoni li kienu xierqa kemm b’mod kwalitattiv kif ukoll b’mod kwantitattiv għall-JRC biex jivvalida l-metodu ta’ identifikazzjoni użat mill-awtoritajiet ta’ kontroll Ċiniżi.

(9)

Meta wieħed iqis in-nuqqasijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi biex jipprovdu garanziji suffiċjenti dwar in-nuqqas tar-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63” fi prodotti tar-ross li joriġinaw miċ-Ċina u bla ħsara għall-obbligi ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri, għandhom jiġu adottati miżuri biex tkun żgurata strateġija komprensiva u komuni li tippermetti t-teħid ta’ azzjoni rapida u effettiva u tevita differenzi fit-trattament tas-sitwazzjoni mill-Istati Membri varji.

(10)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi għall-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza Komunitarji xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiżi terzi biex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent, meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri kkonċernati.

(11)

Ladarba r-ross ġenetikament modifikat “Bt 63” mhuwiex awtorizzat taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja u minħabba s-suppożizzjoni ta’ riskju ta’ prodotti mhux awtorizzati skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li jqis il-prinċipju ta’ prekawzjoni stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għandhom jittieħdu miżuri ta' emerġenza biex jiġi evitat li l-prodotti kkontaminati jitqiegħdu fis-suq Komunitarju.

(12)

Skond ir-rekwiżiti ġenerali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-operaturi kummerċjali ta’ l-ikel u l-għalf għandhom ir-responsabbiltà legali primarja li jiżguraw li l-ikel u l-għalf fi ħdan in-negozji taħt il-kontroll tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi ta’ l-ikel u biex jivverifikaw li jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti. Għalhekk, huwa l-operatur responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq ta’ l-ikel u l-għalf li għandu d-dover li jagħti prova li dawn ma fihomx il-prodotti kkontaminati. Għal dan il-għan, il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jeħtieġu li l-kunsinni ta’ prodotti speċifiċi li jorġinaw miċ-Ċina jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jiġi pprovdut rapport analitiku li juri li l-prodotti mhumiex ikkontaminati bir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63”. Ir-rapport analitiku għandu jinħareġ minn laboratorju akkreditat jew uffiċjali konformi ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment. Fil-każ ta’ rapport analitiku maħruġ minn laboratorju akkreditat, ikun xieraq jekk jiġi previst li dan ir-rapport huwa approvat mill-awtorità kompetenti rilevanti.

(13)

Minħabba n-nuqqas ta' metodu ta’ identifikazzjoni vvalidat u kampjuni ta' kontroll ta' kwalità u kwantità adegwata – u sabiex il-kontrolli jkunu aktar faċli - ir-rapport analitiku għandu joħroġ permezz tal-metodu speċifiku għall-għamla żviluppat minn D. Mäde et al. (2006) (3). Il-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju għal Ikel u Għalf Ġenetikament Modifikati (CRL-GMFF) fi ħdan iċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta (JRC) għaraf lil dan il-metodu bħala l-aktar wieħed xieraq attwalment.

(14)

Għall-għan ta’ l-attivitajiet ta’ teħid ta’ kampjuni u ta’ identifikazzjoni meħtieġa sabiex jiġi evitat li prodotti kontaminati mir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63” jitpoġġew fis-suq, għandha tiġi meqjusa r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/787/KE ta’ l-4 ta’ Ottubru 2004 dwar gwida teknika għal teħid ta’ kampjuni u identifikazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u materjal prodott minn organiżmi ġenetikament modifikati bħal jew fi prodotti fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 (4).

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom ikunu proporzjonali u mhux restrittivi għall-kummerċ aktar milli meħtieġ u għalhekk għandhom ikopru biss prodotti li joriġinaw fi jew huma kkunsinnati miċ-Ċina lill-Komunità u meqjusa bħala li huma probabbilment kontaminati bir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63”. Meta wieħed iqis il-varjetà kbira ta’ prodotti li jistgħu jiġu kontaminati bir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “Bt 63”, ikun xieraq li fil-mira jkun hemm lista twila ta’ prodotti li jista’ jkun fihom, ikunu magħmula minn jew huma prodotti mir-ross. Uħud mill-prodotti identifikati, madankollu, jista’ jew jista’ ma jkunx fihom, ma jkunux magħmula minn jew ma jkunux prodotti mir-ross. Għalhekk ikun proporzjonali li l-operaturi jkunu permessi joħorġu dikjarazzjoni sempliċi meta l-prodott ma jkunx fih, ma jkunx magħmul minn jew ma jkunx prodott mir-ross, biex b'hekk jevita l-analiżi u ċ-ċertifikazzjoni obbligatorja.

(16)

Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kontaminazzjoni possibbli ta’ prodott tar-ross bir-ross ĠM mhux awtorizzat Bt 63 għandha tiġi riveduta fi żmien sitt xhur sabiex ikun evalwat jekk il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhomx meħtieġa.

(17)

Huwa xieraq li jiġi previst perjodu raġonevoli ta’ żmien bejn id-dħul fis-seħħ u d-data ta’ l-applikabbiltà ta’ din id-Deċiżjoni, sabiex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jagħmlu l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tagħha.

(18)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ambitu

Din id-Deċiżjoni tapplika għall-prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf elenkati fl-Anness, li joriġinaw minn jew huma kkunsinnati miċ-Ċina.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-ewwel tqegħid fis-suq

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 biss fejn rapport analitiku oriġinali msejjes fuq il-metodu speċifiku għall-għamla żviluppat minn D. Mäde et al., għal identifikazzjoni tar-ross ġenetikament modifikat “Bt 63”, maħruġ minn laboratorju uffiċjali jew akkreditat u li jakkumpanja l-kunsinna juri li l-prodott ma fihx, mhux magħmul minn u mhux prodott mir-ross ġenetikament modifikat “Bt 63”. Fil-każ ta' rapport analitiku maħruġ minn laboratorju akkreditat Ċiniż, ir-rapport analitiku għandhu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti rilevanti (5).

2.   Jekk kunsinna ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tinqasam, kopja tar-rapport analitiku għandha takkumpanja kull parti tal-kunsinna maqsuma. Fin-nuqqas ta’ rapport analitiku kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-operatur stabbilit fil-Komunità li huwa responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodott għandu jkollu l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ttestjati biex juri li ma fihomx ir-ross ġenetikament modifikat “Bt 63”. Fl-istennija tad-disponibilità tar-rapport analitiku, il-kunsinna ma għandhiex titqiegħed fis-suq Komunitarju.

3.   Fejn prodott imsemmi fl-Anness ma fihx, mhux magħmul minn u mhux prodott mir-ross, minflok ir-rapport analitiku oriġinali tista’ tingħata stqarrija (6) mill-operatur responsabbli mill-kunsinna li tindika li l-ikel ma fihx, mhux magħmul minn u mhux prodott mir-ross.

Artikolu 3

Miżuri ta' kontroll

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, inkluż teħid ta’ kampjuni għall-għarrieda u analiżi li titwettaq permezz tal-metodu msemmi fl-Artikolu 2, fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ippreżentati għall-importazzjoni jew diġà fis-suq sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni. Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’riżultati pożittivi (mhux favorevoli) permezz tas-Sistema Rapida ta' Twissija għall-Ikel u l-Għalf. Riżultati negattivi (favorevoli) għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni fuq bażi ta' kull tliet xhur.

Artikolu 4

Kunsinni kkontaminati

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li jinsab li jkun fihom, huma magħmula minn jew huma prodotti mir-ross ġenetikament modifikat “Bt 63” ma jitqegħdux fis-suq.

Artikolu 5

L-irkupru ta’ l-ispejjeż

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż imġarrba fl-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 2 u 4 jaqgħu fuq l-operaturi responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq.

Artikolu 6

Evalwazzjoni mill-ġdid tal-miżuri

Il-qagħda għandha tiġi evalwata mill-ġdid mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2008.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni hija applikabbli mill-15 ta’ April 2008.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 3 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).

(2)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni KE) Nru 1981/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 99).

(3)  Ir-Riċerka u t-Teknoloġija dwar l-Ikel ta' l-Ewropea, 224:271-278 (2006).

(4)  ĠU L 348, 24.11.2004, p. 18.

(5)  Ir-rapport analitiku għandu jinkiteb b’lingwa li tinftiehem mill-uffiċjal li jiċċertifika, biex b’hekk l-uffiċjal li jiċċertifika jkun kompletament konxju mis-sinifikat tal-kuntesti ta’ kull rapport analitiku li jiffirma u b’lingwa li tinftiehem mill-uffiċjal ta’ kontroll tal-pajjiż ta’ importazzjoni.

(6)  L-istqarrija għandha tinkiteb b’lingwa li tinftiehem mill-operatur, biex b’hekk l-operatur jkun kompletament konxju mis-sinifikat tal-kuntesti ta’ l-istqarrija li jiffirma u b’lingwa li tinftiehem mill-uffiċjal ta’ kontroll tal-pajjiż ta’ importazzjoni.


ANNESS

Il-Prodott

Kodiċi NM

Ross fil-ħliefa (“paddy” jew aħrax)

1006 10

Ross (kannella) mingħajr il-ħliefa

1006 20

Ross nofsu mnaddaf jew imnaddaf kollu, sew jekk illustrat jew żmaltat, sew jekk le

1006 30

Ross miksur

1006 40 00

Dqiq tar-ross

1102 90 50

Xgħir mitħun oħxon u smida tar-ross

1103 19 50

Pritkuni tar-ross

1103 20 50

Qmugħ tar-ross imqattgħin f’biċċiet irqaq

1104 19 91

Qmugħ taċ-ċereali rrumblati jew imqattgħin f'biċċiet irqaq (għajr għal qmugħ tal-ħafur, qamħ, segala, qamħirrum u xgħir, u ross imqatta’ f’biċċiet irqaq)

1104 19 99

Lamtu tar-ross

1108 19 10

Preparazzjonijiet għal trabi, imqegħda għal bejgħ bl-imnut

1901 10 00

Għaġin mhux imsajjar, mhux mimli u mhux ippreparat b’modi oħrajn, li fih il-bajd

1902 11 00

Għaġin mhux imsajjar, mhux mimli u mhux ippreparat b’modi oħrajn, li ma fihx bajd

1902 19

Għaġin mimli, sew jekk imsajjar jew le, jew ippreparat b’modi oħrajn

1902 20

Għaġin ieħor (għajr għal għaġin mhux imsajjar, mhux mimli u mhux ippreparat b’modi oħrajn, u għajr għal għaġin mimli, sew jekk imsajjar jew le jew ippreparat b’modi oħrajn)

1902 30

Ikel ippreparat bl-infiħ jew ix-xiwi ta’ ċereali jew prodotti ta' ċereali, miksuba minn ross

1904 10 30

Preparazzjonijiet tat-tip Muesli bbażati fuq bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati

1904 20 10

Ikel ippreparat miksub minn bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati jew minn taħlitiet ta’ bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati jew ċereali minfuħa, miksuba minn ross (għajr għal preparazzjonijiet tat-tip Muesli bbażati fuq bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati)

1904 20 95

Ross, imsajjar minn qabel jew ippreparat b’modi oħrajn, mhux speċifikat jew inkluż imkien ieħor (għajr għal dqiq, xgħir mitħun oħxon u smida, preparazzjonijiet ta’ l-ikel miksuba bl-infiħ jew ix-xiwi jew bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati jew minn taħlitiet ta’ bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati u bċejjeċ ta' ċereali inkaljati jew ċereali minfuħa)

1904 90 10

Karta tar-ross

ex 1905 90 20

Nuħħala, ponot u residwi oħra, sew jekk fl-għamla ta’ pritkuni u sew jekk le, derivati mill-għarbiel, it-tħin jew ipproċessar ieħor ta’ ross b’kontenut ta’ lamtu li ma jaqbiżx il-35 % bil-piż

2302 40 02

Nuħħala, ponot u residwi oħra, sew jekk fl-għamla ta’ pritkuni u sew jekk le, derivati mill-għarbiel, it-tħin jew ipproċessar ieħor ta’ ross, għajr għal dak b’kontenut ta’ lamtu li ma jaqbiżx il-35 % bil-piż

2302 40 08

Peptoni u d-derivativi tagħhom; sustanzi tal-proteina oħrajn u d-derivativi tagħhom, mhux speċifikati jew inklużi mkien ieħor; trab tal-ġlud, sew jekk kromat sew jekk le

3504 00 00