1.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 89/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Settembru 2007

li tikkonċerna l-miżura C 45/06 (ex NN 62/A/06) implimentata minn Franza fil-qafas tal-bini ta’ impjant ta’ enerġija nukleari minn Areva np (ex Framatome ANP) għal Teollisuuden Voima Oy

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4323)

(It-test bil-Franċiż huwa l-uniku awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/281/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 88 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u partikolarment il-punt a) tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 62 tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet (1) tagħhom skond l-artikoli msemmija, u kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ottubru 2004, irreġistrata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Ottubru 2004, Greenpeace indirizzat lill-Kummissjoni lment rigward l-għotja mill-Kumpanija Franċiża ta’ assigurazzjoni għall-kummerċ estern (minn issa ’l quddiem “Coface”) ta’ garanzija li tistipula l-parti Franċiża li tista’ tiġi esportata ta’ servizzi mis-soċjetà Framatome ANP għall-benefiċċju tas-soċjetà Finlandiża Teollisuuden Voima Oy (minn issa ’l quddiem “TVO”). Minn wara din id-data, is-soċjetà Framatome ANP ingħatat l-isem AREVA NP (2).

(2)

Il-Kummissjoni rreġistrat dan l-ilment taħt in-numru tar-reġistru CP 201/2004 fid-29 ta’ Ottubru 2004.

(3)

Permezz ta’ ittra ref. D/57822 ta’ l-4 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi informazzjoni dwar din il-garanzija. L-awtoritajiet Franċiżi ttrażmettew din l-informazzjoni permezz ta’ ittra fl-10 ta’ Diċembru 2004, irreġistrata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2004.

(4)

Permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, irreġistrata mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Diċembru 2004, European Renewable Energies Federation asbl (minn issa ’l quddiem “EREF”) indirizzat lil-Kummissjoni lment li jitfa’ dubju fuq il-konformità mal-liġi Komunitarja tat-termini tal-kostruzzjoni, ta’ finanzjament u ta’ esplojtazzjoni ta’ l-impjant għall-enerġija nukleari l-ġdid ta’ TVO. EREF issostni li, minbarra l-garanzija ta’ Coface, il-finanzjamenti offerti minn Bayerische Landesbank (minn issa ’l quddiem “BLB”) u minn AB Svensk Exportkredit (minn issa ’l quddiem “SEK”) jikkostitwixxu wkoll għajnuna.

(5)

Il-Kummissjoni rreġistrat l-aspetti ta’ għajnuna mill-Istati ta’ dan l-ilment taħt in-numru tar-reġistru CP 238/2004 fil-21 ta’ Diċembru 2004. Wara dan, il-Kummissjoni ttrattat iż-żewġ ilmenti b’mod konġunt b’mod wiesa’ sa ċertu punt, minħabba li s-suġġett ta’ l-ilment CP 238/2004 jkopri dak ta’ l-ilment CP 201/2004.

(6)

Peremzz ta’ ittra b’referenza D/51174 tal-15 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni talbet lill-Awtoritajiet Ġermaniżi informazzjoni dwar il-miżuri msemmija fl-ilmenti. L-awtoritajiet Ġermaniżi ttrażmettew din l-informazzjoni permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Marzu 2005, irreġistrata mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Marzu 2005.

(7)

Permezz ta’ ittra b’referenza D/54101 tas-26 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi informazzjoni dwar il-miżuri msemmija fl-ilmenti. L-awtoritajiet Franċiżi ttrażmettew din l-informazzjoni permezz ta’ ittra fis-26 ta’ Lulju 2005, irreġistrata mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Lulju 2005.

(8)

Permezz ta’ ittra b’referenza D/54366 tas-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Finlandiżi informazzjoni dwar il-miżuri msemmija fl-ilmenti. L-awtoritajiet Finlandiżi ttrażmettew din l-informazzjoni permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2005, irreġistrata mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Lulju 2005.

(9)

Permezz ta’ ittra b’referenza D/54377 tat-8 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet ta’ l-Iżvezja informazzjoni dwar il-miżuri msemmija fl-ilmenti. L-awtoritajiet Żvediżi ttrażmettew din l-informazzjoni peremzz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2005, irreġistrata mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Lulju 2005.

(10)

Fit-2 ta’ Settembru 2005, ġiet organizzata laqgħa bejn il-Kummissjoni u EREF.

(11)

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2005, irreġistrata mill-Kumissjoni fit-22 ta’ Novembru 2005, EREF ippreżentat lill-Kummssjoni elementi supplementari dwar l-ilment ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, u inkludiet b’mod partikolari elementi li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat fil-qafas ta’ l-ilment CP 238/2004.

(12)

Permezz ta’ ittra b’referenza D/59668 tad-9 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni talbel lill-awtoritajiet ta’ l-Iżvezja informazzjoni supplementari dwar il-miżuri stipulati mill-ilmenti. L-awtoritajiet Żvediżi ttrażmettew din l-informazzjoni permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fl-10 ta’ April 2006.

(13)

Permezz ta’ ittra b’referenza D/50295 tat-13 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi informazzjoni supplementari dwar il-miżuri msemmija fl-ilmenti. L-awtoritajiet Franċiżi ttrażmettew din l-informazzjoni permezz ta’ email ta’ l-20 ta’ Frar 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Frar 2006, sostnuta minn email ta’ l-10 ta’ Marzu 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2006.

(14)

L-awtoritajiet Franċiżi taw lill-Kummissjoni informazzjoni supplementari dwar il-miżuri msemmija fl-ilmenti permezz ta’ email fil-5 ta’ April 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fl-istess jum.

(15)

Permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Mejju 2006, Greenpeace ittrażmettiet lill-Kummissjoni informazzjoni supplementari dwar l-ilment CP 201/2004.

(16)

Fl-4 ta’ Lulju 2006, ġiet organizzata laqgħa bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi u r-rappreżentanti ta’ bank, ta’ AREVA NP u ta’ TVO. Matul din il-laqgħa, l-awtoritajiet Franċiżi pprovdew lill-Kummissjoni dokumenti dwar il-miżuri msemmija fl-ilmenti.

(17)

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Lulju 2006, EREF ipprovdew elementi ġodda dwar l-ilment CP 238/2004, u ntimaw lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni dwar il-każ.

(18)

Il-Kummissjoni ġabret flimkien iż-żewġ ilmenti taħt in-numru tar-reġistru NN 62/2006 fis-7 ta’ Settembru 2006. Fl-20 ta’ Settembru 2006, din qasmet il-każ f’żewġ (3) sottokażijiet, NN 62/A/2006 u NN 62/B/2006 rispettivament. Il-każ NN 62/A/2006 jkopri l-aspetti ta’ l-ilmenti li jirrelataw mal-garanzija ta’ Coface. Il-każ NN 62/B/2006 jkopri l-aspetti ta’ l-ilment CP 238/2004 rigward il-faċilità ta’ kreditu li għaliha jipparteċipa BLB u s-self bilaterali mogħti minn SEK (l-ilment CP 201/2004 ma jkoprix dawn l-aspetti).

(19)

Fl-24 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni f’kull wieħed miż-żewġ każijiet. Min-naħa, fl-ewwel deċiżjoni (4) l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri koperti mill-każ NN 62/B/2006 ma jikkostitwux għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni infurmat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat KE fir-rigward tal-garanzija mogħtija minn Coface, fejn il-każ NN 62/A/2006 minn dan iż-żmien ingħata n-numru C 45/2006. Din il-miżura hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, li tagħlaq il-proċedura formali ta’ l-eżami C 45/2006.

(20)

Permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Novembru 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2006, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni biex ittawwal iż-żmien għall-preżentazzjoni ta’ l-ossrevazzjonijiet tagħhom. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru, il-Kummissjoni approvat dan iż-żmien supplementari. L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2006, irreġistrata fl-4 ta’ Jannar 2007.

(21)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (5) fl-1 ta’ Frar 2007. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura in kwistjoni. Il-Kummissjoni irċeviet osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett min-naħa ta’ għaxar partijiet terzi interessati. Din ittrażmettiethom lil Franza permezz ta’ ittra b’referenza D/51341 tat-23 ta’ Marzu 2007 fejn tatha l-possibilità li tikkummenta fuqhom. Wara li talbu estensjoni taż-żmien, l-awtoritajiet Franċiżi ttrażmettew il-kummenti tagħhom permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Mejju 2007, irreġistrata fl-14 ta’ Mejju 2007.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   Il-proġett Olkiluoto 3

(22)

Il-Finlandja bħalissa għandha erba’ reatturi nukleari. Tnejn minnhom, propjetà tas-soċjetà Fortum, jinstabu f’Loviisa. It-tnejn l-oħra jinstabu f’Olkiluoto u jappartjenu lis-soċjetà TVO.

(23)

TVO hija soċjetà mingħajr skop ta’ qligħ, bl-għan li tipprovdi l-elettriku lill-azzjonisti tagħha bl-istess prezz li jiswiha biex tipproduċih. Il-kapital ta’ TVO huwa maqsum f’diversi klassijiet, li kull waħda tikkorrispondi għal impjant jew għal grupp ta’ impjanti. Min jipposjedi parti minn klassi tal-kapital ta’ TVO jkollu d-dritt li jixtri bl-istess prezz li jiswiha biex tipproduċih porzjon ekwivalenti għall-produzzjoni ta’ l-impjanti korrispondenti.

(24)

L-azzjonisti ta’ TVO huma essenzjalment intrapriżi tas-settur ta’ l-enerġija u intrapriżi mis-settur industrijali li jikkonsmaw ammonti kbar ta’ elettriku.

(25)

TVO, li diġà għandha żewġ reatturi nukleari, sehem f’impjant li jaħdem bil-faħam u ieħor biż-żejt, bħalissa qed tibni t-tielet reattur nukleari tagħha fuq is-sit ta’ Olkiluoto. Dan ir-reattur huwa magħruf bl-isem ta’ “Olkiluoto 3”.

(26)

L-entità responsabbli mill-kostruzzjoni tar-reattur Olkiluoto 3 hija konsorzju li jgħaqqad lis-soċjetajiet Siemens u AREVA NP, li hi stess hija sussidjarja tas-soċjetajiet AREVA u Siemens, li rispettivament għandhom 66 % u 34 % mill-kapital. Il-konsorzju ntgħażel minn TVO biex iwettaq il-proġett wara sejħa għall-offerti mibdija f’Settembru 2002. Fil-15 ta’ Ottubru 2003, TVO ħabbret lill-konsorzju AREVA NP/Siemens li dan kien il-“preferred bidder”, litteralment l-“offerent preferut”. Il-kuntratt għall-kostruzzjoni ġie ffirmat fit-18 ta’ Diċembru 2003. Skond l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, minbarra l-konsorzju magħżul, l-intrapriżi […] (*) ipparteċipaw fis-sejħa għall-offerti.

(27)

Ir-reattur Olkiluoto 3 ser ikun l-ewwel reattur tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ reatturi European Pressurised Water Reactor (EPR). Il-kapaċità tiegħu kellha tkun ta’ 1 600 MW. Skond l-ippjanar inizjali, huwa previst li r-reattur jibda jaħdem fl-2009. Minħabba li l-bini ta’ l-impjant ittardja, dan huwa previst li jibda jiffunzjona fit-tmien ta’ l-2010/il-bidu ta’ l-2011.

2.2.   Il-Finanzjament

(28)

TVO tutilizza diversi sorsi sabiex tiffinanzja l-proġett Olkiluoto 3 li l-ispiża totali tiegħu ser titla’ għal aktar minn tliet biljun euro.

(29)

L-ewwelnett, l-azzjonisti ta’ TVO impenjaw ruħhom li jżidu l-kapital (fondi propji) ta’ TVO għal ammont li jirrapreżenta madwar [15–30] % ta’ l-ispiża tal-proġett, permezz tal-ħolqien ta’ klassi speċifika ta’ azzjonijiet għar-reattur il-ġdid. It-tieninett, ser jingħata self subordinat mill-azzjonisti għal ammont li jitla’ għal [0–15] % ta’ l-ispiża totali. Apparti dawn il-mezzi finanzjarji li pprovdew l-azzjonisti fid-data ta’ meta ġie ffirmat il-kuntratt ta’ investiment f’Diċembru 2003, TVO ikkonkludiet faċilità ta’ kreditu ma’ konsorzju ta’ banek internazzjonali u serje ta’ self bilaterali. Minn dak iż-żmien, il-parti l-kbira ta’ dan il-finanzjament permezz ta’ dejn reġa’ ġie ffinanzjat mill-ġdid permezz ta’ self garantit minn Coface konkluż f’Marzu 2004, ta’ faċilità ġdida ta’ kreditu konkluża f’Ġunju 2005 u ta’ self bilaterali ġdid.

2.2.1.   Il-faċilità ta’ kreditu

(30)

Din hija faċilità għall-ammont ta’ 1,35 biljun euro (minn issa ’l quddiem “il-faċilità ta’ kreditu”).

(31)

Din il-faċilità ta’ kreditu ngħatat lil TVO minn konsorzju ta’ banek, fosthom BLB, BNP Paribas, JP Morgan, Nordea u Svenska Handelsbanken li kienu l-“Mandated Lead Arrangers”. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Novembru 2003, dawn il-ħames Mandated Lead Arrangers impenjaw ruħhom li jekk ikun neċessarju kull wieħed minnhom jipprovdi sa 500 miljun euro, jiġifieri total ta’ 2,5 biljun euro. Matul il-proċess ta’ l-għaqda, banek oħra pparteċipaw fil-faċilità. Din il-faċilità ġiet iffirmata fis-17 ta’ Diċembru 2003 minn tnax-il bank, li pparteċipaw f’kundizzjonijiet identiċi.

(32)

Il-faċilità ta’ kreditu konkluża fis-17 ta’ Diċembru 2003 tinkludi żewġ klassijiet ta’ maturitajiet rispettivi ta’ 5 u 7 snin. Din għandha rata ta’ interessi varjabbli marbut ma’ l-indiċi ta’ EURIBOR. Il-klassi ta’ 5 snin toffri remunerazzjoni (“spread”) ta’ […] punti ta’ bażi (bps) ’il fuq minn EURIBOR għall-ewwel tliet snin. L-ispread jgħaddi għal […] bps (“step up”) għas-snin […]. Il-klassi ta’ 7 snin toffri spread ta’ […] bps għall-ewwel tliet snin imbagħad step up għal […] bps għas-snin […] u […] bps għas-snin […]. Is-self ma jibbenefikax minn garanzija pubblika.

(33)

Il-kuntratt bejn TVO u l-banek iffirmat fis-17 ta’ Diċembru 2003 kien jirreferi inizjalment għal ammont totali ta’ 1,95 biljun euro. F’Marzu 2004, dan l-ammont tnaqqas għal 1,35 biljun euro minħabba l-għotja lil TVO ta’ self garantit minn Coface deskritt fis-sessjoni 2.2.2.

(34)

F’Ġunju 2005, minn barra finanzjament ieħor, TVO ikkonkludiet faċilità ta’ kreditu ġdida ta’ 1,6 biljun euro, biex b’hekk ipprofittat minn kundizzjonijiet tas-suq aktar favorevoli. Fil-fatt, TVO tħallas biss remunerazzjoni medja ta’ […] bps aktar minn EURIBOR għal din il-faċilità ta’ 7 snin. Billi kopriet l-ewwel spejjeż tagħha marbuta mal-proġett Olkiluoto 3 bis-saħħa ta’ sorsi ta’ finanzjament oħra deskritti minn din is-sessjoni, u partikolarment bis-saħħa ta’ fondi li pprovdew l-azzjonisti, TVO finalment qatt ma kellha tuża l-faċilità ta’ kreditu konkluża f’Diċembru 2003 u temmitha.

(35)

Fil-11 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni tat opinjoni pożittiva skond l-Artikolu 43 tat-Trattat Euratom, fejn din ikkonkludiet li l-proġett industrijali msemmi “jikkontribwixxi biex itejjeb is-sigurtà u d-diversità tal-provvista ta’ l-enerġija, kemm fuq il-livell reġjonali u kemm fuq dak Ewropew” u li “l-aspetti kollha ta’ dan l-investiment jirrispondu għall-objettivi tat-Trattat Euratom”.

2.2.2.   Is-self garantit minn Coface

(36)

Dan jitratta faċilità ta’ kreditu (minn issa ’l quddiem “is-self garantit”, fejn il-kelma “self” intgħażlet biex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni mal-faċilità ta’ kreditu stipulata fis-sessjoni 2.2.1) ta’ ammont ta’ 570 miljun euro, mogħtija mill-istess Mandated Lead Arrangers li huma stipulati fil-punt (31), minbarra l-bank […].

(37)

L-ammont tas-self ser jinġibed progressivament minn TVO fuq perjodu ta’ 5 snin, bis-somom irtirati suċċessivament jikkorrispondu għal pagamenti dovuti minn TVO lil AREVA NP. Il-ħlas lura tas-self isir minn pagamenti mensili ugwali. Dan jibda jsir 6 xhur wara l-aħħar ġbid mill-kont u jibqa’ sejjer fuq 12-il sena. It-tul medju tas-self ikkalkolat mill-awtoritajiet Franċiżi huwa ta’ 8,92 snin.

(38)

Ir-rata ta’ l-interessi mħallsa lill-banek hija varjabbli u indiċjata ma’ l-EURIBOR. Is-self joffri lill-banek remunerazzjoni ta’ […] bps aktar minn dan l-indiċi.

(39)

Is-self huwa suġġett ta’ garanzija mogħtija minn Coface fil-qafas ta’ l-attivitajiet tagħha bħala aġenzija ta’ assigurazzjoni-kreditu għall-esportazzjoni għan-nom ta’ l-Istat Franċiż. L-assigurazzjoni hija sottoskritta mill-banek u l-partijiet assigurati huma l-banek. Għalhekk, il-Coface tassigura 95 % ta’ l-ammont totali tas-self. Biex tibbenefika minn din l-assigurazzjoni, il-Coface titlob primjum standard ta’ [2,5–3,5] % għal kull ħlas, l-ammont totali tal-premja dovuti lil Coface għalhekk jitla’ għal [14,25–19,95] miljun euro. Dan il-primjum jintalab lill-banek, li min-naħa tagħhom jimponu fuq TVO ’il fuq mir-rata ta’ interessi stipulata fil-punt (38).

(40)

Il-kummissjoni tal-garanziji u tal-kreditu lill-kummerċ estern, responsabbli li tiddeċiedi dwar l-għotja ta’ din il-garanzija, tat deċiżjoni pożittiva fis-17 ta’ Novembru 2003. Is-self garantit ġie konkluż fil-25 ta’ Marzu 2004.

(41)

Franza nnotifikat din il-garanzija lill-parteċipanti ta’ l-Arranġament relattiv għal-linji gwida għall-krediti ta’ l-esportazzjoni li jibbenefikaw minn appoġġ pubbliku konkluż fil-livell ta’ OECD DAC (minn issa ’l quddiem l-“Arranġament OECD DAC”) fl-20 ta’ Novembru 2003. Jaqbel li wieħed josserva li l-operazzjoni msemmija ma ġiet ikkuntestata mill-ebda wieħed mill-parteċipanti għall-Arranġament OECD DAC.

2.2.3.   Is-self bilaterali

(42)

Flimkien mal-faċilità tal-kreditu, fil-ħin tad-deċiżjoni ta’ l-investiment TVO daħlet ukoll fi grupp ta’ kuntratti ta’ self bilaterali ma’ diversi entitajiet finanzjarji oħra, għal total ta’ […] miljun euro. Wieħed minn dawn is-self bilaterali ġie konkluż ma’ SEK għal ammont ta’ 100 miljun euro (ara d-deċiżjoni dwar il-każ NN 62/B/2006).

2.2.4.   Sinteżi tat-tqassim finanzjarju u tal-kronoloġija ta’ l-attivitajiet

(43)

It-tabella li ġejja tiddeskrivi l-analiżi tal-finanzjament tal-proġett Olkiluoto 3 fil-25 ta’ Marzu 2004.

Tabella 1

Analiżi tal-finanzjament tal-proġett Olkiluoto 3 (fil-25.3.2004)

Sors ta’ finanzjament

Ammont (f’euro)

Proporzjon ta’ l-ispiża tal-proġett

Żjieda tal-kapital ta’ TVO

[…] miljun

[15–30] %

Self subordinat ta’ l-azzjonisti

[…] miljun

[0–15] %

Faċilità ta’ kreditu

1,35 biljun

madwar 42 %

Self garantit minn Coface

570 miljun

madwar 18 %

Self bilaterali

[…] miljun

[15–30] %

Total

> 3 biljun

100  %

(44)

It-tabella li ġejja tiddiskrivi l-kronoloġija ta’ l-attivitajiet.

Tabella 2

Kaelndarju tal-proġett (stadji prinċipali 2002–2004)

Data

Attività

Qabel Settembru 2002

Għażla tas-sussidjarja nukleari għall-impjant minn TVO (proċedura ta’ kisba tal-permessi korrispondenti)

Settembru 2002

Bidu tas-sejħa għall-offerti (il-kriterji ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-offerti murija fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti ma jinkludux iż-żieda ta’ finanzjament mill-offerenti)

Marzu 2003

L-irċevuta ta’ l-offerti minn TVO u bidu tal-proċess ta’ l-evalwazzjoni

Mejju – Ġunju 2003

B’mod parallel u indipendenti mill-proċess ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-offerti, TVO titlob lill-offerenti li jerġgħu jagħtu indikazzjonijiet relattivi għall-possibilità li tirrikorri għall-kreditu għall-esportazzjoni bħala sors alternattiv ta’ finanzjament

Awwissu – Settembru 2003

TVO tibda sejħa għall-offerti mill-banek sabiex jiġi stabbilit kreditu kollettiv ta’ 2,5 biljun euro

15 ta’ Ottubru 2003

Il-konsorzju AREVA NP/Siemens jirċievi notifika ta’ l-istat tiegħu bħala “preferred bidder” minn TVO

11 ta’ Novembru 2003

Impenn minn ħames banek li jipprovdu sa 2,5 biljun euro

1 ta’ Diċembru 2003

Wara d-deċiżjoni pożittiva ta’ l-għotja ta’ garanziji u tal-kreditu għall-kummerċ estern tas-17 ta’ Novembru 2003, il-Coface ħarġet wegħda ta’ garanzija indirizzata lil AREVA NP għal kreditu għall-esportazzjoni ta’ ammont ta’ 570 miljun euro.

17 ta’ Diċembru 2003

Iffirmar tal-faċilità ta’ kreditu kollettiv (mingħajr garanzija tal-Coface) għal 1,95 biljun euro li jippermettu li jkunu koperti l-bżonnijiet ta’ finanzjament kollha biż-żieda ta’ l-azzjonisti u tas-self bilaterali ieħor

18 ta’ Diċembru 2003

Iffirmar tal-kuntratt kummerċjali bejn TVO u l-konsorzju AREVA NP/Siemens għall-bini ta’ impjant ta’ l-enerġija nukleari

Tmiem Diċembru 03 – Jannar 04

TVO tmexxi d-diskussjonijiet mal-banek rigward it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni

4 ta’ Frar 2004

It-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni huma ffissati minn TVO u l-banek (partikolarment, l-iffissar ta’ l-ispread tal-bank)

25 ta’ Marzu 2004

Iffirmar tas-self garantit minn Coface għal ammont ta’ 570 miljun euro u konsegwentement tnaqqis tal-faċilità ta’ kreditu miġbur għal 1,35 biljun euro

3.   IR-RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(45)

Fid-Deċiżjoni tagħha ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni tanalizza l-ewwelnett jekk il-miżura tikkostitwix għajnuna skond il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 87, tat-Trattat KE. Għalhekk, id-deċiżjoni teżamina fid-dettall jekk jeżistix jew le vantaġġ. Il-Kummissjoni tosserva li l-primjum ta’ l-assigurazzjoni ta’ [2,5–3,5] % mitlub minn Coface ma jistax jitqabbel direttament ma’ rata tas-suq minħabba li l-ebda assiguratur ma jidher li joffri dan it-tip ta’ prodott finanzjarju. Madankollu, minħabba li l-garanzija pubblika tibbaża fuq self, jidher possibbli li jitqabbel il-prezz totali tas-self garantit – definit bħala s-somma ta’ l-interessi mħallsa u tal-primjum ta’ garanzija – flimkien ma’ dak li seta’ jkun sostnut minn min qed jissellef fl-assenza ta’ garanzija pubblika. Fuq il-bażi ta’ tqabbil ta’ l-ispiża totali tas-self garantit ma’ l-ispiża tal-faċilità ta’ kreditu deskritta fis-sezzjoni 2.2.1, li hija meqjusa bħala rata tas-suq, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni preliminari li s-self garantit ma jidhirx li jnaqqas l-ispejjeż finanzjarji li min qed jissellef kien ikollu jsostni normalment. Għalhekk jidher li m’hemm l-ebda vantaġġ għal TVO. Madankollu l-Kummissjoni tosserva li din il-konklużjoni preliminari hija bbażata fuq ċertu numru ta’ ipoteżijiet. Għalhekk, din ma setgħetx teskludi f’dan l-istadju l-possibilità li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna, u ddeċidiet li tippermetti lil Franza u lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-metodoloġija utilizzata u l-ipoteżijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ.

(46)

F’dak li jikkonċerna l-kompatibilità ta’ l-għajnuna eventwali, il-Kummissjoni tosserva li jekk ċerti elementi jargumentaw favur il-kompatibilità fuq il-bażi tal-punt c) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat KE, oħrajn jidhru li qed imorru kontrihom. Il-kompatibilità ta’ għajnuna eventwali għalhekk ma tistax tiġi preżunta a priori.

(47)

Minħabba li ma jistax ikun eskluż li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna u li, jekk dan kien il-każ, mhuwiex ċert li din hija kompatibbli, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura formali ta’ l-eżami.

4.   L-OSSERVAZZJONIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(48)

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Jannar 2007, l-intrapriża TVO ittrażmettiet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. TVO tindika li d-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura fiha serje ta’ żbalji fattwali u tissuġġerixxi korrezzjonijiet. Din tikkunsidra wkoll li ċerti apprezzamenti mwettqa mill-Kummissjoni huma bbażati biss fuq ċertu numru ta’ suppożizzjonijiet ipotetiċi u huma spekulattivi. Fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ vantaġġ, TVO tindika, billi tehmeż ukoll ma’ dan il-punt l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni, li s-self garantit minn Coface kien aktar għoli mill-faċilità ta’ kreditu u mis-sorsi l-oħra ta’ finanzjament disponibbli f’dak iż-żmien. Madankollu, TVO għażlet is-self garantit minħabba li dan kien għal żmien itwal, u minħabba li dan kien inaqqas l-ammonti totali mislufa mill-banek, biex b’hekk tirriserva l-ammonti mhux mislufa għal bżonnijiet ta’ finanzjament fil-futur (6). TVO tqis għalhekk li l-Kummissjoni trid tikkonkludi li l-garanzija ma tikkostitwix għajnuna fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat KE.

(49)

Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Marzu 2007, Greenpeace, li kienet l-ewwel organizzazzjoni li ressqet ilment fil-bidu tal-ftuħ ta’ din il-proċedura (ara s-sezzjoni 1 ta’ din id-Deċiżjoni) ittrażmettiet l-osservazzjonijiet tagħha. Greenpeace tfakkar li l-għajnuna għall-esportazzjoni fil-Komunità dejjem kienet ipprojbita u għalhekk tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tieħu deċiżjoni negattiva rigward din il-miżura, bl-irkupru ta’ l-għajnuna. L-ittra ta’ Greenpeace ma tinkludi l-ebda kumment dwar l-analiżi preliminari ta’ l-eżistenza ta’ vantaġġ li jidher fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura.

(50)

Permezz ta’ itttra ta’ l-1 ta’ Marzu 2007 ukoll, EREF, li kienet it-tieni organizzazzjoni li ressqet ilment fil-bidu tal-ftuħ ta’ din il-proċedura (ara s-sezzjoni 1 ta’ din id-Deċiżjoni) ittrażmettiet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. Għal EREF, huwa evidenti li l-għotja ta’ garanzija għall-esportazzjoni fil-qafas ta’ skambji intra-Komunitarji tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali. EREF tirreferi għall-argument espost fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Novembru 2005 u titlob li żżid din ta’ l-aħħar mal-fajl ta’ din il-proċedura.

(51)

Għal EREF, l-intervent ta’ Coface fil-finanzjament tal-proġett joħloq sinjal qawwi li jħeġġeġ lill-banek privati li jimpenjaw ruħhom fil-finanzjament tal-proġett. Fil-fatt, EREF tqis li l-garanzija ta’ Coface tnaqqas ir-riskju għall-banek impenjati fil-finanzjament tal-proġett u tnaqqas il-fondi propji utilizzati mill-banek fil-qafas tas-self imsemmi. Billi tnaqqas ir-riskji sostnuti mill-banek, il-garanzija ta’ Coface kienet tikkonvinċi lil dawn biex jagħtu self b’rata mnaqqsa lil TVO. Għalhekk, il-vantaġġ li ġej mill-garanzija ser jiġi multiplikat. EREF tqis li l-istruttura tal-finanzjament tal-proġett tkun tista’ tfalli jekk Coface ikollha tirtira l-garanzija tagħha. EREF titlob lill-Kummissjoni sabiex tistudja r-relazzjonijiet kuntrattwali kollha bejn il-partijiet u l-proċess ta’ negozjati li wasslu għal dawn il-kuntratti.

(52)

Bl-eċċezzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali miġbura fil-punt (51), l-ittra ta’ EREF ma tinkludix kummenti dwar l-analiżi preliminari ta’ l-eżistenza ta’ vantaġġ muri fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura.

(53)

Minbarra t-tliet ittri ta’ osservazzjonijiet msemmija fil-punti (48), (49) u (50), il-Kummissjoni irċeviet ukoll osservazzjonijiet minn sitt Stati Membri – l-Olanda, l-Iżvezja, il-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija u l-Ġermanja –, u mill-president tal-grupp ta’ ħidma “Krediti għall-esportazzjoni” tal-Kunsill (7). Dawn l-Istati Membri ma jagħmlux kummenti dwar il-punti speċifiċi tal-każ, imma jwiddbu lill-Kummissjoni li din bdiet il-proċedura prevista fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat KE għal kreditu għall-esportazzjoni u li din ikkunsidrat li ma kienx eskluż li tali miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli. Dawn l-Istati Membri jqisu fil-fatt li l-krediti għall-esportazzjoni huma sostnuti mill-Arranġament OECD DAC, li huwa stess ġie integrat fid-dritt Komunitarju. Meta ssottomettiet kreditu għall-esportazzjoni għall-proċeduri fil-kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat previsti fl-Artikolu 88 tat-Trattat KE, il-Kummissjoni qed toħloq inċertezza ġuridika kbira u qed tirriskja li ddgħajjef il-pożizzjoni ta’ l-esportaturi Ewropej fir-rigward tal-kompetituri barranin tagħhom.

5.   IL-KUMMENTI TA’ FRANZA

(54)

L-awtoritajiet Franċiżi jibdew billi jfakkru l-karatteristiċi u l-istadji prinċipali tal-proġett, partikolarment f’dak li jikkonċerna l-finanzjament tal-proġett u l-proċess tas-sejħa għall-offerti.

(55)

F’dak li jikkonċerna l-apprezzament tal-miżura msemmija, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu, prinċiparjament, li l-miżura ma tistax titqies bħala għajnuna. Dawn isostnu partikolarment li l-miżura ma tagħtix vantaġġ. Skond l-awtoritajiet Franċiżi, il-garanzija ta’ Coface ngħatat skond il-kundizzjonijiet tas-suq. L-awtoritajiet Franċiżi jikkummentaw dwar il-metodoloġija miżmuma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-bidu tal-proċedura. Dawn jikkunsidraw li din hija metodoloġija “bħalissa użata mill-banek” u josservaw li din tippermetti li tiġi konkluża l-konformità tal-primjum ta’ garanzija bir-rati tas-suq. L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li dan il-metodu jista’ jiġi kompletat b’mod utli u vverifikat bl-użu ta’ metodu aktar kumpless ta’ valorizzazzjoni ta’ l-assi finanzjarji, li dawn isejħu “metodu ta’ tqabbil tal-valuri tal-krediti”. Fuq il-bażi ta’ dan it-tieni metodu, l-awtoritajiet Franċiżi jaslu għall-konklużjoni li bank kien jagħti valur aktar għoli għas-self garantit milli għall-faċilità ta’ kreditu, jiġifieri li dawn kienu jqisu li joffri remunerazzjoni ogħla. Dan ifisser li l-kreditu garantit minn Coface ma joffri vantaġġ lill-ebda parti interessata fil-proġett taħt forma ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż tal-finanzjament. L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu wkoll li l-miżura diskussa hawn ma tistax tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat minħabba li din ma taffetwa la l-kompetizzjoni u l-anqas l-iskambji bejn l-Istati Membri.

(56)

Sussidjarjament, Franza ssostni li, jekk il-miżura kellha tikkostitwixxi għajnuna, din kienet tkun kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa, din tkun kompatibbli fuq il-bażi tal-punt c) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat KE, minħabba li din għandha għan leġittimu u ma taffetwax l-iskambji f’miżura kuntrarja għall-interess komuni. Min-naħa l-oħra, din tkun kompatibbli skond il-punt b) tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat KE.

(57)

Finalment, u aktar sussidjarjament, Franza tindika ostakoli differenti għall-irkuprar. Għalhekk, din tinvoka partikolament il-prinċipju ta’ kunfidenza leġittima. Fil-fatt, skond Franza, il-Kummissjoni hija tradizzjonalment inattiva fil-qasam tal-kreditu għall-esportazzjoni għal żmien medju jew fit-tul. Barra minn dan, il-miżura msemmija hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Arranġament OECD DAC. Fuq dawn l-aħħar punti, l-analiżi ta’ Franza tqarreb l-osservazzjonijiet sottomessi mill-Istati Membri l-oħra, imsemmija fil-punt (53).

6.   L-APPREZZAMENT TAL-MIŻURA

(58)

Biex tapprezza l-miżura implimentata minn Franza f’Marzu 2004, il-Kummissjoni trid l-ewwelnett tistabbilixxi jekk din tikkostitwix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 87, tat-Trattat KE. Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li kreditu għall-esportazzjoni jew garanzija marbuta ma’ tali kreditu jistgħu, partikolarment meta dawn huma relatati ma’ tranżazzjoni bejn Stati Membri, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 87, tat-Trattat KE. L-Arranġament OECD DAC m’għandux l-effett li jeskludi awtomatikament li tali miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 87, tat-Trattat KE (8).

(59)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni tindika li, fuq il-bażi ta’ analiżi inizjali, il-miżura ma tidhirx li tikkostitwixxi għajnuna, partikolarment minħabba li din ma tidhirx li tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju. Madankollu, jaqbel li wieħed jivverifika jekk hemmx elementi ġodda li jitfgħu dubju fuq din l-analiżi preliminari.

6.1.   Kwalifikazzjoni ta’ Għajnuna mill-Istat: l-eżistenza ta’ vantaġġ

6.1.1.   Introduzzjoni

(60)

Fid-deċiżjoni tagħha ta’ bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni tinnota li l-miżura kkonċernata hija garanzija marbuta ma’ self mogħti mill-banek lil TVO. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni warrbet l-ipoteżi ta’ vantaġġ għall-banek. Dan l-apprezzament ma ġiex ikkunsidrat mill-partijiet li pproponew kummenti lill-Kummissjoni fil-qafas ta’ din il-proċedura. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ser tillimita ruħha għalhekk biex tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ favur ta’ TVO li qed tagħmel is-self u tal-fornitur tagħha, AREVA NP. F’dak li jikkonċerna lil dan ta’ l-aħħar, id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura tindika li f’dan l-istadju m’huwiex eskluż li Franza tat l-għotja tal-garanzija tagħha lil TVO għall-konklużjoni tal-kuntratt ma’ AREVA NP. Jekk dan kien il-każ, Franza kienet tagħti vantaġġ lil TVO sakemm AREVA NP kienet tintgħażel bħala fornitur. Din ta’ l-aħħar kienet għalhekk tibbenefika wkoll mill-miżura. B’hekk jirriżulta li l-eżistenza ta’ vantaġġ għal TVO hija kundizzjoni preċedenti neċessarja għall-eżistenza ta’ vantaġġ għal AREVA NP. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għalhekk sejra l-ewwelnett tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ għal TVO.

(61)

Il-vantaġġ li TVO, bħala dik li qed tissellef, setgħet kisbet minn garanzija pubblika mogħtija għal self huwa tnaqqis fl-ispejjeż ta’ finanzjament tagħha. Għalhekk, jaqbel, biex jiġi stabbilit jekk garanzija pubblika tagħtix jew le vantaġġ lil dak li qed jagħmel is-self, li wieħed jiddetermina liema spejjeż finanzjarji dan kien ikollu jħallas li kieku rrikorra għas-suq tas-self bankarju mingħajr ma jibbenefika mill-intervent pubbliku u billi dan l-ammont jitqabbel ma’ l-ispiża mħallsa wara l-intervent pubbliku. Jaqbel ukoll li ngħidu li ċerti intrapriżi m’għandhomx aċċess għas-suq tal-kapitali u dan jista’ jkollhom aċċess għalih biss permezz ta’ intervent pubbliku. F’każ bħal dan, il-vantaġġ li jirriżulta mill-intervent pubbliku jista’ jkun akbar. F’dan il-kuntest, u minħabba li EREF qed titfa’ dubju fuq l-aċċess ta’ TVO għas-suq tas-self bankarju meta seħħew il-fatti, il-Kummissjoni, preċedentement għall-analiżi ta’ tnaqqis eventwali ta’ l-ispejjeż finanzjarji, ser tivverifika jekk TVO kellhiex aċċess għas-suq kapitali u jekk dan l-aċċess kienx biżżejjed biex jiffinanzja il-proġett kollu ta’ Olkiluoto 3.

6.1.2.   Analiżi ta’ l-aċċess għas-suq tas-self bankarju

(62)

Fit-taqsima 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni analizzat l-istadji differenti tal-proġett Olkiluoto 3 u tal-finanzjament tiegħu. Minn din l-analiżi jirriżulta li s-self garantit ingħata formalment f’Marzu 2004. Madankollu wieħed jista’ jinnota li Coface ħarġet wegħda ta’ garanzija sa mill-1 ta’ Diċembru 2003. Din kienet approvata permezz tad-deċiżjoni tal-kummissjoni tal-garanziji u tal-kreditu għall-kummerċ estern tas-17 ta’ Novembru 2003. Għalhekk, mill-11 ta’ Novembru 2003 ħames banek kienu impenjaw ruħhom formalment li jipprovdu sa 2,5 biljun euro lil TVO, li kien jammonta għal self għal ammont biżżejjed biex jassigura l-finanzjament tal-proġett. Mill-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Franċiżi jirriżulta li, anke qabel l-intervent tal-gvern Franċiż, l-aċċess ta’ TVO għas-swieq finanzjarji kien biżżejjed biex jiffinanzja l-proġett kollu.

(63)

Barra minn dan, il-Kummissjoni tosserva li TVO kienet tibbenefika minn klassifikazzjoni għolja (“investment grade”) min-naħa ta’ aġenzija magħrufa ta’ klassifikazzjoni minn meta ngħataw finanzjamenti differenti relattivi għall-proġett Olkiluoto 3. Klassifikazzjoni bħal din tiżgura normalment aċċess faċli għas-suq ta’ self bankarju u tippermetti li jiġi eskluż li TVO jkollha titqies bħala intrapriża f’diffikultà.

(64)

Il-Kummissjoni tosserva fl-aħħarnett li l-ammont tas-self garantit – 570 miljun euro – huwa limitat meta mqabbel mat-total tal-kapitali miġbura – aktar minn 3 biljun euro. Għalhekk, anke wara l-intervent ta’ Coface, il-parti l-kbira tal-proġett tkompli tiġi ffinanzjata mis-suq. Barra minn dan, f’dak li jikkonċerna l-ammont tas-self garantit, il-Kummissjoni tosserva li, mill-11 ta’ Novembru 2003, ħames banek kienu impenjaw ruħhom biex jipprovdu sa 2,5 biljun euro, jiġifieri sa 500 miljun euro għal kull bank. Ir-riskju sostnut mill-Istat Franċiż għalhekk jista’ jitqabbel ma’ dak li l-banek privati kienu lesti li jsostnu. Għalhekk, il-parteċipazzjoni ta’ l-Istat Franċiż fil-finanzjament tal-proġett fil-fatt ma ddiversifikatx is-sors ta’ finanzjament jew naqqset ir-riskju li ġarru l-banek l-oħra milli kieku bank addizzjonali pparteċipa fil-finanzjament għall-proġett.

(65)

Il-Kummissjoni tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kisbet, li TVO kellu aċċess suffiċjenti għas-swieq finanzjarji qabel kwalunkwe intervent pubbliku. Kontra dak li jafferma EREF, il-gvern Franċiż ma kellux rwol ta’ “prekursur” fost l-investituri u ta l-garanzija tiegħu f’waqt fejn il-finanzjament tal-proġett kollu kien diġà assigurat. Barra minn dan, anke kieku l-Istat Franċiż kellu rwol ta’ prekursur, l-intervent tiegħu kien jikkonċerna ammont limitat meta mqabbel mat-total tal-fondi neċessarji għall-finanzjament tal-proġett u, għalhekk, mhux biżżejjed biex joħloq effett ta’ trażżin fuq l-investituri privati. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li wieħed jista’ jeskludi b’mod raġonevoli l-possibilità mqajma minn EREF fejn il-finanzjament kollu tal-proġett ser ifalli f’każ li tiġi rtirata l-garanzija ta’ Coface.

6.1.3.   Analiżi ta’ l-eżistenza ta’ tnaqqis ta’ spejjeż finanzjarji għal TVO

(66)

B’kunsiderazzjoni li, kuntrarjament għal dak li tafferma EREF, TVO kellha aċċess biżżejjed għas-suq kapitali, jaqbel li wieħed janalizza jekk il-livell tal-primjum ta’ garanzija mitlub mill-Istat Franċiż wassalx jew le għal tnaqqis fl-ispejjeż finanzjarji li TVO kien ikollha tħallas fin-nuqqas ta’ intervent pubbliku.

(67)

Fid-deċiżjoni tla-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni tindika li l-ebda assiguratur jew istituzzjoni finanzjarja ma toffri fil-fatt it-tip ta’ assigurazzjoni preċiża li toffri Coface f’dan il-każ, jiġifieri assigurazzjoni kontra n-nuqqas ta’ ħlas minn TVO għal tul ta’ żmien. Il-fatt li s-suq attwalment ma joffrix din t-tip ta’ assigurazzjoni huwa kkonfermat mill-awtoritajiet Franċiżi u ma ġiex ikkuntestat minn dawk li qed jippreżentaw l-ilment. Dan il-fatt mhux ikkuntestat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri, magħmula skond il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat rigward l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat għall-assigurazzjonijiet-kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir (9), fejn skond din, jekk jeżisti suq għall-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir, dan mhuwiex dejjem il-każ għall-assigurazzjonijiet għal żmien medju u fit-tul. Għalhekk, mhux possibbli li wieħed iqabbel direttament il-primjum mitlub mill-awtoritajiet Franċiżi ma’ prezz tas-suq.

(68)

Il-fatt li ma jeżisti l-ebda suq għal din l-assigurazzjoni m’għandux effett awtomatiku fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fil-fatt, minħabba li l-miżura msemmija tikkostitwixxi garanzija ta’ self, TVO kellha, fl-assenza ta’ intervent pubbliku, tikseb finanzi billi tikkonkludi self mingħajr garanzija. Biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ, jaqbel għalhekk li wieħed jivverifika jekk TVO ibbenefikatx minn tnaqqis ta’ l-ispejjeż fil-finanzjament tagħha meta mqabbla man-nefqa totali tas-self garantit (ir-rata ta’ l-interessi mitluba mill-banek, miżjuda bl-ammont tal-primjum ta’ garanzija) mar-rata ta’ l-interessi li ser tintalab mill-banek privati għal self simili fl-assenza ta’ garanzija pubblika.

(69)

Il-Kummissjoni tosserva li, minbarra s-self garantit, fil-qafas ta’ dan il-proġett TVO irrikorriet għal finanzjament mill-bank taħt il-forma ta’ faċilità ta’ kreditu. Jaqbel għalhekk li jiġi analizzat jekk ir-rata mitluba mill-banek fil-qafas tal-faċilità ta’ kreditu tagħtix indikazzjoni dgħajfa tar-rata li kienet tintalab mill-banek privati sabiex dawn jagħtu self simili għas-self garantit fin-nuqqas ta’ garanzija pubblika.

(70)

EREF tikkuntesta li r-rata ta’ l-interessi tal-faċilità ta’ kreditu tikkostitwixxi stima tajba tar-rata tas-suq mitluba mill-banek fin-nuqqas ta’ garanzija pubblika. L-ewwelnett, EREF tikkunsidra li l-intervent ta’ BLB fil-faċilità ta’ kreditu tikkostitwixxi għajnuna u influwenzat b’mod favorevoli l-kundizzjonijiet li għalihom din ingħatat lil TVO. Il-Kummissjoni tosserva li, fid-deċiżjoni tagħha fuq il-każ NN 62/B/2006 (10), din warrbet l-ipoteżi li l-intervent ta’ BLB jista’ jikkostitwixxi għajnuna. Din tirrifjuta għalhekk din l-ewwel affermazzjoni ta’ min qed jagħmel l-ilment. It-tieninett, EREF tikkunsidra li l-għotja tal-garanzija ta’ Coface tnaqqas ir-riskju tal-faċilità ta’ kreditu u, għalhekk, ħeġġet lill-banek li jagħtuha kundizzjonijiet aktar favorevoli minn self li ma jibbenefikax minn garanzija pubblika. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tosserva li EREF ma tindikax b’liema mekkaniżmu preċiż il-garanzija ta’ Coface kienet tnaqqas ir-riskju tal-faċilità ta’ kreditu. Il-Kummissjoni analizzat fid-dettall il-finanzjament tal-proġett Olkiluoto 3. Jekk huwa evidenti li l-garanzija ta’ Coface tnaqqas ir-riskju tas-self garantit għall-banek li jagħtuh u għalhekk tnaqqas ir-rata ta’ interessi mitluba minn dawn għas-self garantit, il-Kummissjoni madankollu ma identifikat l-ebda mekkaniżmu jew kuntratt li bih il-garanzija ta’ Coface kienet tnaqqas ir-riskju tal-faċilità ta’ kreditu. Fil-fatt jaqbel li jiġi osservat li l-garanzija ta’ Coface ma tkoprix il-faċilità ta’ kreditu. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrifjuta l-affirmazzjoni ta’ min qed jagħmel l-ilment fejn dan jgħid li l-garanzija ta’ Coface tnaqqas ir-riskju tal-faċilità ta’ kreditu.

(71)

Il-Kummissjoni ma identifikatx elementi oħra li jippermettu l-konklużjoni li r-rata ta’ l-interessi tal-faċilità ta’ kreditu ma tikkostitwix indikatur importanti tar-rata ta’ l-interessi li l-banek privati kienu jitolbu għal self simili għas-self garantit fin-nuqqas ta’ garanzija pubblika. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li s-self garantit mhux self subordinat, jiġifieri self li l-ħlas lura tiegħu ikun subordinat għal ħlas lura preċedenti tal-faċilità tal-kreditu. Fil-fatt, is-self garantit għandu l-istess livell bħal faċilità ta’ kreditu. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-faċilità ta’ kreditu ma tibbenefikax minn privileġġ jew minn sigurtà li kienet tiddistingwiha mis-self garantit (11).

(72)

Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rata ta’ interessi tal-faċilità ta’ kreditu tikkostitwixxi indikatur importanti tar-rata ta’ interessi li l-banek privati kienu jitolbu għal self simili għas-self garantit fin-nuqqas ta’ garanzija.

(73)

Il-Kummissjoni diġà qabblet l-ispiża totali tas-self garantit man-nefqa tal-faċilità ta’ kreditu fil-punti 59 u 63 tad-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura. Dan it-tqabbil hu bbażat fuq it-tul medju tas-self garantit. Ir-rata ta’ interessi (12) li għandha preċedenza għal tali żmien hija kkalkulata bl-estrapolazzjoni lineari tar-rata tal-faċilità ta’ kreditu. Dan it-tqabbil juri li n-nefqa totali – ir-rata ta’ interessi mitluba mill-banek, miżjuda mill-primjum ta’ garanzija mitlub minn Coface – tas-self garantit mhuwiex inferjuri għar-rata ta’ interessi mitluba mill-banek għall-faċilità ta’ kreditu.

(74)

Il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li l-metodu ta’ tqabbil muri fil-punti 59 u 63 tad-deċiżjoni tal-bidu huwa importanti, filwaqt li dawk li ppreżentaw l-ilmenti ma esprimewx ruħhom fuq dan il-punt u ma pproponew l-ebda metodu alternattiv ta’ tqabbil. Fir-rigward ta’ TVO, din tindika billi żżid ma’ dan il-punt l-analiżi tal-Kummissjoni, li s-self garantit minn Coface kien aktar għoli mill-faċilità ta’ kreditu u mis-sorsi l-oħra ta’ finanzjament disponibbli f’dak iż-żmien.

(75)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanzija ma wasslitx għal tnaqqis fl-ispejjeż finanzjarji ta’ TVO meta mqabbla ma’ dawk li TVO kien ikollha tħallas li kieku rrikorriet għas-suq bankarju mingħajr ma bbenefikat minn garanzija pubblika.

(76)

Il-Kummissjoni tenfasizza li la fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-bidu tal-proċedura u l-anqas fl-osservazzjonijiet preċedenti tagħhom dawk li ppreżentaw l-ilmenti ma pproponew l-ebda metodu għall-kalkolazzjoni li jippermetti li jiġi vverifikat jekk il-livell tal-primjum ta’ garanzija mitlub minn Franza kinitx twassal jew le għal tnaqqis fl-ispejjeż ta’ finanzjament ta’ TVO.

6.2.   Kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat: konklużjoni

(77)

Kif jidher mill-analiżi murija fis-sessjoni 6.1, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ favur ta’ TVO.

(78)

Fil-punti 69 u 70 tad-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li seta’ kien li l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ impjanti ta’ enerġija nukleari ma kinitx ibbażata biss fuq il-prezz mitlub għall-bini ta’ l-impjanti stess, imma wkoll fuq il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament offerti lil TVO. Il-Kummissjoni osservat li, f’din l-ipoteżi, fejn il-kompetizzjoni tkun saret fuq il-bażi ta’ “prezz globali” li jinkludi l-finanzjament, il-garanzija setgħet tippermetti lil AREVA NP li tipproponi lill-klijent tagħha TVO finanzjament b’rata aktar vantaġġuża u għalhekk tipproponi “prezz globali” aktar favorevoli mill-fornituri l-oħra ta’ impjant ta’ l-enerġija nukleari. F’każ bħal dan, il-garanzija kienet tagħti vantaġġ lil AREVA NP u tikkostitwixxi għajnuna għall-esportazzjoni.

(79)

Il-kronoloġija ta’ l-avvenimenti kif deskritta mill-awtoritajiet Franċiżi u miġbura fit-tabella 2 tippermetti li wieħed ineħħi l-possibilità li l-kompetizzjoni bejn il-fornituri issir fuq il-“prezz globali” li jinkludi l-finanzjament. L-ewwelnett, il-konsorzju AREVA NP/Siemens intgħażel bħala “prefered bidder” (offerent preferut) minn TVO qabel ma’ l-garanzija ngħatat formalment, u sew qabel ma ġie definit il-livell preċiż tal-primjum. It-tieninett, il-kuntratt għall-provvista ta’ l-impjant ġie ffirmat formalment mal-konsorzju AREVA NP/Siemens qabel ma ġie definit formalment il-livell preċiż tal-primjum ta’ garanzija. Dawn l-elementi juru li TVO għażlet lil AREVA NP/Siemens qabel ma kienet taf il-prezz preċiż tal-garanzija u għalhekk l-ispiża tal-finanzjament tal-proġett.

(80)

Barra minn dan, anke jekk din il-konklużjoni ta’ l-aħħar kellha tkun mhux eżatta u jekk il-kompetizzjoni bejn il-fornituri kienet ibbażata fuq “prezz globali”, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet fil-punt (75) ta’ din id-deċiżjoni li s-self garantit ma jirrapreżentax sors ta’ finanzjament anqas għoli mis-sorsi l-oħra ta’ finanzjament għad-dispożizzjoni ta’ TVO. Minħabba li l-garanzija ma kellhiex l-effett li tnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament li jitħallsu minn TVO meta mqabbla ma’ l-ispejjeż ta’ finanzjamenti oħra mhux koperti mill-garanzija li kienu disponibbli, din ma naqqsitx il-“prezz globali” ta’ l-offerta tal-konsorzju AREVA NP/Siemens u għalhekk ma kinitx tagħmel din l-offerta aktar attraenti.

(81)

Bħala konklużjoni, jaqbel li wieħed iwarrab il-possibilità li l-miżura pprovdiet vantaġġ lil AREVA NP.

(82)

L-eżistenza ta’ vantaġġ, li jikkostitwixxi element indispensabbli tal-kwalifikazzjoni għall-għajnuna, ma setax jiġi stabbilit la għal TVO u l-anqas għal AREVA NP, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanzija ta’ Coface li tkopri s-self ta’ 570 miljun euro mogħtija lil TVO ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat.

7.   KONKLUŻJONI

(83)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanzija mogħtija minn Franza permezz ta’ l-intermedjarju ta’ Coface fil-25 ta’ Marzu 2004 ma tikkostitwix għajnuna,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Ewwel Artikolu

Il-garanzija mogħtija minn Franza fil-25 ta’ Marzu 2004 fil-qafas tal-kostruzzjoni minn AREVA NP ta’ impjant ta’ enerġija nukleari għal Teollisuuden Voima Oy ma tikkostitwix għajnuna skond il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 87, tat-Trattat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmula fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 23, 1.2.2007, p. 11.

(2)  Biex id-deċiżjoni tinftiehem aħjar, ser jintuża l-isem attwali “AREVA NP”, anke għall-perjodu li jippreċedi l-bidla fl-isem.

(3)  Dan il-qsim deher neċessarju minħabba li parti mill-miżuri kienet tikkonċerna lil Franza fil-waqt li l-oħrajn kienu jikkonċernaw il-Ġermanja u l-Iżvezja. Madankollu, ġiet ipprovduta informazzjoni kunfidenzjali, partikolarment dwar il-parti Franċiża tal-fajl, u din ma setgħetx tiġi trażmessa lill-Istati Membri l-oħra. Barra minn dan, il-Kummissjoni kienet waslet biex tieħu pożizzjoni definittiva dwar il-parti Ġermaniża u Żvediża tal-fajl fit-tmiem ta’ l-inkjesta preliminari, fil-waqt li kien neċessarju li tinbeda proċedura formali ta’ eżami għall-parti Franċiża tal-fajl.

(4)  C(2006) 4963 finali (ĠU C 23, 1.2.2007, p. 5).

(5)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 1.

(*)  Informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali.

(6)  It-test fil-lingwa oriġinali huwa kif ġej: “TVO selected the facility on the basis that it had slightly longer maturity profile and it saved some room from banks for future financing needs.”

(7)  Il-president tal-grupp ta’ ħidma, f’dan il-każ il-Ġermanja, jippreċiża li r-Renju Unit ma jappoġġjax l-osservazzjonijiet kollha sottomessi.

(8)  L-Arrangement OECD DAC jista’ madankollu, f’ċerti każijiet, jikkostitwixxi element sinifikanti li jrid jiġi kkunsidrat fl-analiżi tal-kontabilità ta’ tali miżura fuq il-bażi tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat KE.

(9)  ĠU C 281, 17.9.1997, p. 4. Komunikazzjoni emendata l-aħħar mill-Komunikazzjoni lill-Istati Membri li timmodifika l-komunikazzjoni, magħmula konformement mal-paragrafu 1 ta’ l-Artikoli 93 tat-Trattat, li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat għall-assigurazzjoni-kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir (ĠU C 325, 22.12.2005, p. 22).

(10)  EREF ressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej rikors kontra d-deċiżjoni C(2006) 4963 finali tal-Kummissjoni rigward il-każ NN 62/B/2006. Il-Qorti tat in-numru tal-każ T-94/07 għal dan ir-rikors.

(11)  Iż-żewġ self ma jibbenefikawx minn sigurtajiet (“securities”) partikolari. It-tnejn li huma jipprevedu “negative pledge” (rahan negattiv) ta’ TVO.

(12)  Minħabba li kemm is-self garantit u kemm il-faċilità ta’ kreditu huma self b’rata varjabbli, it-tqabbil huwa bbażat fuq il-marġini (“spread” f’termini finanzjarji) ’il fuq minn EURIBOR u mhux fuq rati ta’ interess assoluti, li ma jkunux magħrufa minħabba li jiġu determinati fil-futur.