|
15.3.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 73/13 |
DEĊIŻJONI Nru 234/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-11 ta’ Marzu 2008
li tistabbilixxi l-Kumitat Ewropew ta’ Konsultazzjoni dwar il-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku u li tħassar id-Deċizjoni tal-Kunsill 91/116/KEE
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
|
(1) |
Il-konsultazzjoni ta’ l-utenti u l-produtturi ta’ tagħrif statistiku kif ukoll ta’ min iwieġeb għat-talbiet ta’ tali tagħrif hi essenzjali għat-tħejjija u l-iżvilupp tal-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku. |
|
(2) |
Il-Kumitat Konsultattiv Ewropew dwar it-Tagħrif Statistiku fl-Ambiti Ekonomiċi u Soċjali mwaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/116/KEE (3) bħalissa jgħin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni ta’ l-għanijiet tal-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku, b’kunsiderazzjoni għar-rekwiżiti ta’ l-utenti u l-ispejjeż imġarrba mill-fornituri u l-produtturi tat-tagħrif. |
|
(3) |
Il-Kumitat Konsultattiv Ewropew dwar it-Tagħrif Statistiku kien utli fl-Ambiti Ekonomiċi u Soċjali, iżda bidliet li seħħew fil-Komunità, b’mod partikolari t-tkabbir tagħha għal 27 Stat Membru, jeħtieġu għadd ta’ bidliet rigward ir-rwol, il-mandat, il-kompożizzjoni u l-proċeduri tiegħu. Għall-finijiet ta’ ċarezza, jeħtieġ li l-Kumitat jiġi sostitwit b’ Kumitat Konsultattiv Ewropew dwar l-Istatistika ġdid (“il-Kumitat”). |
|
(4) |
Il-Kumitat għandu jagħti sehmu għal koperazzjoni mill-qrib fil-proċess ta’ l-ippjanar tal-programm għat-titjib tal-governanza tas-Sistema ta’ l-Istatistika Ewropea u għaż-żieda fil-kwalità ta’ l-istatistika Komunitarja. Għal dan il-għan, għandha tinżamm kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (4) u mal-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KEE (5). |
|
(5) |
Għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-bżonn li jitnaqqas in-numru ta’ membri sabiex jippermetti lill-Kumitat li jaħdem b’mod effiċjenti f’Komunità mkabbra u l-bżonn li jippermetti r-rappreżentanza tal-partijiet interessati kollha fl-istatistika Komunitarja, kif mitlub fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2005. |
|
(6) |
Sabiex jiġu milħuqa l-għanijiet ta’ valutazzjoni aħjar u l-bilanċ bejn l-benefiċċji u l-ispejjeż tar-rekwiżiti ta’ l-istatistika Komunitarja u l-ibbilanċjar mill-ġdid u tnaqqis tal-piż tal-leġiżlazzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja, biex b’hekk tiġi mħaffa l-konformità mat-talba li kull ma tmur tikber, il-Kumitat għandu jkollu sehem akbar fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika. |
|
(7) |
Il-Kumitat għandu jservi ta’ mezz ta’ konsultazzjoni mill-utenti, minn min iwieġeb u mill-produtturi tat-tagħrif statistiku dwar l-għanijiet tal-politika Komunitarja ta’ tagħrif statistiku. |
|
(8) |
Id-Deċiżjoni 91/116/KEE għandha għalhekk tiġi rrevokata, |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Kumitat Konsultattiv Ewropew ta’ l-Istatistika
1. Il-Kumitat Konsultattiv Ewropew ta’ l-Istatistika (minn issa ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”) hu hawnhekk stabblit.
2. Il-Kumitat għandu jgħin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni billi jiżgura li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ l-utenti u l-ispejjeż li jaqgħu fuq il-fornituri u l-produtturi tat-tagħrif fil-koordinazzjoni ta’ l-għanijiet u l-prijoritajiet strateġiċi tal-politika ta’ tagħrif dwar l-istatistika Komunitarja.
3. Dik l-għajnuna għandha tkopri l-oqsma statistiċi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku.
Artikolu 2
Kompiti
1. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat minn kmieni fit-tħejjija tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u jindirizza b’mod partikolari:
|
(a) |
ir-rilevanza tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika għar-rekwiżiti ta’ l-integrazzjoni u l-iżvilupp Ewropew, kif espress mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-kategoriji ekonomiċi u soċjali varji u l-gruppi xjentifiċi; |
|
(b) |
ir-rilevanza għall-programm Komunitarju ta’ l-istatistika għall-attivitajiet tal-Komunità, b’kunsiderazzjoni ta’ l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi; |
|
(ċ) |
il-bilanċ fir-rigward tal-prijoritajiet u r-riżorsi bejn iż-żoni differenti tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika u l-programm ta’ xogħol ta’ l-istatistika annwali tal-Kummissjoni, u l-fattibilita’ li jerġgħu jiġu ewalwati l-prijoritajiet tax-xogħol statistiku; |
|
(d) |
l-adegwatezza tar-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika inklużi l-ispejjeż magħmula direttament kemm mill-Komunità kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali; u jekk l-iskop, il-livell tad-dettall u l-ispejjeż ta’ l-istatistika Ewropea humiex xierqa għall-bżonnijiet ta’ l-utenti; |
|
(e) |
l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-provvista tat-tagħrif statistiku mill-fornituri tat-tagħrif u l-possibilitajiet li jonqos il-piż tat-tweġibiet, b’referenza partikolari għall-piż fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. |
2. Il-Kumitat għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn iż-żoni fejn jista’ jkun meħtieġ li jiġu żviluppati attivitajiet statistiċi ġodda u għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kif ittejjeb ir-rilevanza ta’ l-istatistika Ewropea għall-utenti, b’kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż għall-fornituri u l-produtturi tat-tagħrif.
Artikolu 3
Relazzjonijiet ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u entitajiet oħra
1. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġetti li għandhom x’jaqsmu mar-rekwżiti ta’ l-utent u dwar l-ispejjeż imġarrba mill-fornituri tad-data, fl-iżvilupp tal-Politika Komunitarja ta’ tagħrif statistiku, fil-prijoritajiet tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika, fil-valutazzjoni ta’ l-istatistika eżistenti, fil-kwalità tad-data u fil-politika ta’ tixrid.
2. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u jippreżenta r-rapporti dwar ir-rekwiżiti ta’ l-utent u l-ispejjeż li jaqgħu fuq il-fornituri tad-data fil-produzzjoni u t-tixrid ta’ l-istatistika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kull meta jqis li dan hu meħtieġ għat-twettiq tal-ħidma tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta annwalment dwar kif qieset l-opinjonijiet tal-Kumitat.
3. Sabiex iwettaq il-ħidma tiegħu, il-Kumitat għandu jikkoopera mal-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika u l-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti. Għandu jinforma regolarment lil dawk iż-żewġ Kumitati dwar l-opinjonijiet tiegħu fir-rigward tal-kompiti deskritti fl-Artikolu 2 u għandu jibagħatilhom l-opinjonijiet u r-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi relazzjonijiet mal-kunsilli ta’ l-utent ta’ l-istatistika nazzjonali.
Artikolu 4
Kompożizzjoni u proċedura għall-ħatra
1. Il-Kumitat għandu jkun kostitwit minn 24 membru, kif ġej:
|
(a) |
Tnax-il membru għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Dawn għandhom jaġixxu indipendentement. Bil-ħsieb li jinħatru dawn it-tnax il-membru, kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni lista ta’ tliet kandidati bi kwalifiki stabbiliti sew fil-qasam ta’ l-istatistika. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-selezzjoni ta’ t-tnax-il membru jirrappreżentaw b’mod ugwali lill-utenti, lil min iwieġeb u lill-partijiet l-oħra interessati fl-istatistika Ewropea (inkluża l-komunità xjentifika, il-partijiet soċjali u s-soċjetà ċivili). It-tnax il-membru għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom fil-kapaċità personali tagħhom. |
|
(b) |
Ħdax-il membru għandhom jiġu maħtura direttament mill-istituzzjonijiet u mill-entitajiet li għalihom jappartjenu, kif ġej:
|
|
(ċ) |
Id-Direttur Ġenerali ta’ l-Eurostat se jkun membru ex-officio tal-Kumitat, mingħajr id-dritt tal-vot. |
2. Il-lista tal-membri tal-Kumitat għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, Serje C.
Artikolu 5
Tul tal-mandat
1. Il-Membri tal-Kumitat se jinħatru għal perjodu ta’ ħames snin, li jiġġedded darba. Ma’ tmiem it-terminu tal-ħatra tagħhom, il-membri għandhom jibqgħu fil-ħatra sakemm jiġu ssostitwiti jew sakemm il-ħatra tagħhom tiġġedded.
2. Jekk il-membri jirriżenjaw qabel tmiem it-terminu tal-ħatra tagħhom, għandhom ikunu ssostitwiti għall-bqija tat-terminu minn membri maħtura skond l-Artikolu 4.
Artikolu 6
Struttura u funzjoni
1. Il-Kumitat għandu jaħtar il-President tiegħu minn fost il-membri maħtura mill-Kummissjoni. Il-President għandu jinħatar għal perjodu ta’ ħames snin, li jiġġedded darba.
2. Il-President għandu jlaqqa’ l-Kumitat mill-inqas darba fis-sena, jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba ta’ għall-inqas terz mill-membri tiegħu.
3. Għat-tħejjija ta’ l-opinjonijiet fuq suġġetti statistiċi tassew kumplessi, il-Kumitat jista’, bi ftehim mal-Kummissjoni jistabbilixxi gruppi ta’ xogħol temporanji li għandhom jiġu ppreseduti minn membru tal-Kumitat. Kull grupp tax-xogħol għandu jkun magħmul minn esperti li jipprovdu bilanċ xieraq ta’ sfondi professjonali u distribuzzjoni ġeografika. Il-Presidenti ta’ dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jibagħtu r-riżultati tal-proċedimenti tagħhom fil-format ta’ rapport f’laqgħa tal-Kumitat.
4. Għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Kumitat jista’ jitlob li jsiru studji u jorganizza seminars.
5. Ir-rappreżentanti ta’ kwalunkwe dipartiment ikkonċernat tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat u fil-gruppi tax-xogħol bħala osservaturi.
Il-President jista’ jawtorizza lill-osservaturi l-oħra biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat.
6. Is-servizzi segretarjali għandhom jiġu pprovduti għall-Kumitat u gruppi ta’ ħidma mill-Kummissjoni.
7. L-ispejjeż tal-Kumitat għandhom ikunu inklużi fl-estimi baġitarji tal-Kummissjoni.
Artikolu 7
Proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet
Il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jispeċifikaw fid-dettal r-regoli ta’ proċedura interna tal-Kumitat.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Mingħajr ħsara għall-Artikolu 287 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu meħtieġa li ma jikxfux informazzjoni li jkunu kisbu aċċess għaliha permezz tal-proċeduri tal-Kumitat jew ta’ grupp ta’ ħidma, jekk il-Kummissjoni tgħarrafhom li tali tagħrif miksub jista’ jiġi ġġustifikat bħala ta’ natura kunfidenzjali, jew jekk ir-risposta għal rikjesta għal opinjoni mitluba jew għall-mistoqsija mqajma jagħtu lok għall-iżvelar ta’ tali tagħrif kunfidenzjali.
Artikolu 9
Regoli ta’ Proċedura Interni
Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu trażmessi għal skopijiet ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 10
Tħassir
Id-Deċiżjoni 91/116/KEE hija mħassra.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta' Ġunju 2008.
Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J. LENARČIČ
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Frar 2008.
(3) ĠU L 59, 6.3.1991, p. 21. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 97/255/KE (ĠU L 102, 19.4.1997, p. 32).
(4) ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.
(5) ĠU L 59, 6.3.1991, p. 19. Id-Deċiżjoni kif sostitwita bid-Deċiżjoni 2006/856/KE (ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21).