19.3.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 80/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-18 ta' Frar 2008
dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/55/KE
(2008/211/KE)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar it-twaqqif ta' sħubiji (partnerships) Ewropej fil-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (1), kif emendat, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 approva l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li għandhom ikunu inkorporati fis-sħubiji flimkien ma' kull tibdil sussegwenti. Huwa jiddikjara wkoll li s-segwitu tas-sħubiji Ewropej se jkun żgurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-aktar permezz tar-rapporti annwali ta' progress. |
(3) |
Fit-30 ta' Jannar 2006 il-Kunsill adotta t-tieni Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina (2). |
(4) |
Id-Dokument tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2006–2007 indika li l-sħubiji għandhom ikunu aġġornati sa l-aħħar ta' l-2007. |
(5) |
Fit-17 ta' Lulju 2006 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (3) li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), li jġedded il-qafas għall-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi ta' qabel l-adeżjoni. |
(6) |
Jixraq għalhekk li tiġi adottata verżjoni riveduta tas-Sħubija Ewropea li taġġorna s-sħubija attwali sabiex tidentifika prijoritajiet imġedda għal iżjed xogħol, abbażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2007 dwar il-preparamenti tal-Bożnja u Ħerzegovina għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea. |
(7) |
Sabiex iħejju għal integrazzjoni akbar ma' l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti fil-Bożnja u Ħerzegovina għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u bil-miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-prijoritajiet ta' din is-sħubija Ewropea. |
(8) |
Id-Deċiżjoni 2006/55/KE għandha għalhekk tiġi mħassra, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2
L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea ser tkun eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti tal-progress annwali ippreżentati mill-Kummissjoni.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni 2006/55/KE għandha tiġi mħassra.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 18 ta' Frar 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
D. RUPEL
(1) ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 269/2006 (ĠU L 47, tal-17.2.2006, p. 7).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/55/KE tat-30 ta' Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/515/KE (ĠU L 35, 7.2.2006, p. 19).
(3) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.
ANNESS
SĦUBIJA EWROPEA 2007 TAL-BOSNJA-ĦERZEGOVINA
1. INTRODUZZJONI
Il-Kunsill Ewropew endorsja l-introduzzjoni tas-Sħubijat Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Is-sħubija riveduta proposta taġġorna t-tieni waħda, abbażi tas-sejbiet tar-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni ta' l-2007 dwar il-Bosnja-Ħeregovina. Din tidentifika prijoritajiet għal azzjoni ġodda u pendenti. Il-prijoritajiet ġodda huma adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi u l-istadju ta' tħejjija tal-pajjiż u ser ikunu aġġornati kif meħtieġ. Il-Bosnja-Ħerzegovina hija mistennija tiżviluppa pjan li jinkludi skeda ta' żmien u miżuri speċifiċi intiżi li jittrattaw il-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea. Is-sħubija tipprovdi wkoll gwida għall-assistenza finanzjarja lill-pajjiż.
2. PRINĊIPJI
Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa' l-qafas għall-mixja Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, matul it-triq kollha għall-adeżjoni futura tagħhom. Il-prijoritajiet identifikati għall-Bosnja-Ħerzegovina jirrelataw mal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropej ta' Kopenħagen ta' l-1993 u l-kondizzjonijiet stabbiliti bil-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, speċjalment il-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997 u tal-21 u t-22 ta' Ġunju 1999, id-dikjarazzjoni finali tas-Summit ta' Żagreb ta' l-24 ta' Novembru 2000 u l-Aġenda ta' Tessaloniki.
3. PRIJORITAJIET
Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija Ewropea ntgħażlu fuq il-bażi li huwa realistiku li l-Bosnja-Ħerzegovina tkun mistennija tikkompletahom jew li tmexxihom sostanzjalment 'il quddiem matul il-ftit snin li ġejjin. Issir distinzjoni bejn prijoritajiet fuq perijodu qasir, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien sena jew sentejn, u l-prijoritajiet fuq perijodu medju, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien tlieta jew erba' snin. Il-prijoritajiet jikkonċernaw kemm il-leġislazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha.
Fid-dawl tal-bżonn li jiġu stabbiliti prijoritajiet, huwa ċar li hemm kompiti oħra li l-Bosnja-Ħerzegovina trid twettaq u li jistgħu jsiru prijoritajiet fi kwalunkwe sħubija futura, filwaqt li jitqies ukoll il-progress futur li jkun sar mill-Bosnja-Ħerzegovina.
Fost il-prijoritajiet fuq perijodu qasir, dawk prinċipali ġew identifikati u miġbura flimkien fil-bidu tal-lista. L-ordni ta' dawn il-prijoritajiet prinċipali ma tinplikax klassifikazzjoni fl-importanza tagħhom.
3.1. PRIJORITAJIET FUQ PERIJODU QASIR
Prijoritajiet prinċipali
— |
Tiġi adottata u tinbeda l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni ta' riforma tal-forzi tal-pulizija fil-livelli ta' l-Istat u ta' l-Entità f'konformità mat-tliet prinċipji ta' l-UE. |
— |
Ikun hemm kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY), inkluż bir-rwol proattiv għall-arrest ta' l-akkużati kollha ta' l-ICTY li għadhom liberi. |
— |
Tiġi adottata l-leġislazzjoni meħtieġa fil-qasam tax-xandir pubbliku fuq il-livell tal-Federazzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina. Tiġi implimentata riforma fix-xandir pubbliku. |
— |
Tiġi implimentata l-istrateġija ta' l-2006 għal riforma fl-amministrazzjoni pubblika u jiġi żgurat li l-ministeri u l-istituzzjonijiet fil-livell Statali jkunu ffinanzjati kif xieraq, ikunu operattivi u mgħammra sew, speċjalment f'termini ta' bini u persunal. |
— |
Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fit-tħejjija għall-implimentazzjoni ta' l-impenji tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u tal-Ftehim Temporanju (FT). |
— |
Jitkomplew l-isforzi mmirati għar-rikonċiljazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi fir-reġjun u jiżdiedu l-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet definittivi għall-kwistjonijiet bilaterali pendenti, partikolarment kwistjonijiet tal-fruntieri. |
— |
Isir progress sostanzjali għall-ħolqien ta' żona ekonomika unika fil-Bosnja-Ħerzegovina li tappoġġja l-moviment liberu tal-merkanzija, il-kapital, is-servizzi u l-persuni. |
— |
Jitnaqqsu r-riġiditajiet strutturali li jxekklu t-tħaddim tas-suq tax-xogħol, partikolarment it-tassazzjoni tax-xogħol, il-livelli ta' trasferimenti soċjali u l-mekkaniżmi ta' l-iffissar tal-pagi sabiex jiżdiedu r-rati ta' parteċipazzjoni u ta' impjieg. |
— |
Jittieħdu miżuri biex jinkisbu strutturi istituzzjonali aktar funzjonali u sostenibbli u jittejjeb ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż billi jiġu maqbula u adottati bidliet lill-kostituzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina, kif meħtieġ. |
Kriterji Politiċi
Demokrazija u l-Istat tad-dritt
Kostituzzjoni/Governanza
— |
Jittieħdu passi ulterjuri biex l-assemblea parlamentari tal-Bosnja-Ħerzegovina tiġi pprovduta b' riżorsi suffiċjenti tekniċi u tal-persunal. |
— |
Tiġi żgurata koordinazzjoni Stat/Entità strutturata u istituzzjonalizzata bl-istabbiltiment ta' mekkaniżmi li jaħdmu għall-koordinazzjoni politika, leġislattiva u teknika bejn l-Istat u l-Entitajiet. |
— |
Jiġi żgurat segwitu dovut għar-rapporti maħruġa mill-istituzzjonijiet supremi ta' verifika tal-Bosnja-Ħerzegovina u jittieħdu miżuri kontra dawk responsabbli għal irregolaritajiet. |
Parlament/Elezzjonijiet
— |
Tiġi emendata l-leġislazzjoni elettorali dwar il-membri tal-Presidenza tal-Bosnjal-Ħerżegovina u d-delegati tal-House of Peoples biex tkun żgurata konformità sħiħa mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-impenji ta' wara l-adeżjoni mal-Kunsill ta' l-Ewropa. |
Amministrazzjoni pubblika
— |
Jiġu pprovduti lill-Uffiċċju tal-Koordinatur ta' l-Amministrazzjoni Pubblika r-riżorsi umani u materjali meħtieġa biex iwettaq il-ħidma tiegħu. |
— |
Jitjiebu aktar il-proċeduri ta' reklutaġġ ibbażati fuq kriterji oġġettivi u abbażi tal-mertu, biex b'hekk tiġi żgurata trasparenza u l-ħatra f'waqtha ta' impjegati fis-servizz ċivili kwalifikati biżżejjed. |
— |
Jiġu armonizzati l-liġijiet tas-servizz ċivili sabiex jinbena servizz ċivili responsabbli u effiċjenti bbażat fuq kriterji ta' żvilupp fil-karriera professjonali. |
— |
Titlesta l-għaqda ta' l-ombudsmen ta' l-Istat u ta' l-Entità u jiġi żgurat li l-uffiċċju fil-livell ta' l-Istat ikollu r-riżosi meħtieġa biex jaħdem sew. |
Sistema ġudizzjarja
— |
Tissaħħaħ l-indipendenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja u titjieb l-effikaċja tagħha, inkluż bit-tnaqqis tal-każijiet b'lura. |
— |
Tiġi adottata u tinbeda l-implimentazzjoni ta' strateġija għall-iżvilupp tas-settur ġudizzjarju. |
— |
Jiġi żgurat taħriġ xieraq tal-ġudikatura, partikolarment rigward il-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet relatati ma' l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. |
Politika kontra l-korruzzjoni
— |
Jiġi adottat u implimentat pjan ta' azzjoni dettaljat kontra l-korruzzjoni, ibbażat fuq l-istrateġija nazzjonali ta' kontra l-korruzzjoni. |
— |
Jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u l-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-korruzzjoni. |
— |
Issir prosekuzzjoni vigoruża tal-korruzzjoni u tiġi adottata politika ta' tollerenza żero lejn il-korruzzjoni. |
— |
Tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-liġi dwar il-konflitt ta' l-interessi. |
Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi
— |
Jitneħħew id-dispożizzjonijiet dwar il-piena kapitali mill-kostituzzjoni tar-Republika Srpska. |
— |
Titjieb l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali ratifikati mill-Bosnja-Ħerzegovina, inkluż il-ħtiġiet ta' rappurtar. |
— |
Jissaħħaħ l-aċċess għall-ġustizzja |
— |
Tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal. |
— |
Jinlaħaq qbil dwar riforma penitenzjarja komprensiva u jiġi żgurat il-bini ta' ħabs fil-livell Statali. |
— |
Jitjieb aktar il-qafas legali dwar il-minoranzi sabiex dan jilħaq bis-sħiħ il-ħtiġiet tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu tul il-Bosnja-Ħerzegovina. |
— |
Jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tal-Kunsill tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-korpi korrispondenti fil-livell ta' Entità. |
— |
Jiġu żviluppati u implimentati l-pjanijiet ta' azzjoni settorjali kollha taħt l-istrateġija nazzjonali għar-Roma bħala parti minn strateġija komprensiva dwar it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali. |
— |
Jitkomplew it-tneħħija ta' l-istituzzjonalizzazzjoni, is-servizzi bbażati fuq il-komunità u l-għajnuna lil persuni dipendenti, inkluż fil-qasam tas-saħħa mentali. |
Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali
— |
Tingħata kontribuzzjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, ir-rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajba mal-viċinat, inkluż bil-promozzjoni tat-transizzjoni mill-Patt ta' Stabbiltà għal qafas ta' kooperazzjoni b'dimensjoni aktar reġjonali u l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali (CEFTA). |
— |
Tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, partikolarment dwar il-kooperazzjoni transkonfinali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-kuntrabandu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-ġestjoni tal-fruntieri. |
— |
Tingħata kontribuzzjoni għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti ma' pajjiżi ġirien dwar il-fruntieri. |
— |
Jiġi żgurat li l-fond għar-ritorn tar-refuġjati huwa ffinanzjat b'mod xieraq u kompletament operattiv; tingħata kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo; jitlesta l-proċess tar-ritorn tar-refuġjati u jinkiseb progress sinifikanti lejn l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom. |
Kriterji ekonomiċi
— |
Tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika billi jkun żgurat li l-qagħda fiskali tkun sostenibbli u jintużaw strumenti prudenzjali ta' politika biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja fid-dawl ta' l-iżvilupp mgħaġġel fl-intermedjazzjoni finanzjarja. |
— |
Jitħaffef il-proċess ta' privatizzazzjoni, bl-objettiv li jiġu trasferiti minn 5 sa 10 % tal-kapital pubbliku lis-settur privat, bil-Federazzjoni timmira għall-ogħla limitu. |
— |
Jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' sorveljanza fiskali bbażati fuq regoli fiskali u kooperazzjoni istituzzjonali għall-promozzjoni tad-dixxipplina fiskali fi ħdan Entitajiet u bejn Entitajiet u istituzzjonijiet ta' l-Istat; jiġi żgurat l-ambjent xieraq għall-kooperazzjoni istituzzjonali fi ħdan il-qafas ta' Kunsill Nazzjonali Fiskali li jopera b'mod xieraq. |
— |
Tiġi ffinalizzata r-rikonċiljazzjoni tal-pretensjonijiet domestiċi f'konformità mal-kapaċità ta' rimbors tal-baġit u d-dejn pubbliku jingħata tendenza sostenibbli u li jonqos. |
— |
Titjieb il-governanza korporattiva billi jinkiseb progress sostanzjali bir-ristrutturar u l-likwidazzjoni ta' l-impriżi pubbliċi li jagħmlu t-telf. |
— |
Jiġi żgurat li l-qrati kummerċjali jaħdmu tajjeb u, partikolarment, titjieb il-kapaċità tal-qrati biex jipproċessaw il-proċeduri ta' falliment/stralċ ta' l-impriżi b'mod aktar effiċjenti. |
— |
Tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi lokali u barranin u jittejjeb l-ambjent kummerċjali. |
Standards Ewropej
Suq intern
Moviment liberu tal-merkanzija
— |
Jittejjeb u jiġi implimentat il-qafas legali għall-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' prodotti biex jinġieb konformi ma' l-istandards u l-aħjar prassi ta' l-UE; jiġu approssimati aktar ir-regolamenti tekniċi ma' dawk ta' l-acquis; tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-infrastruttura tal-kwalità u l-istituzzjonijiet, u tinħoloq il-bażi legali għall-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità. |
— |
Jiġi żgurat progress kontinwu fl-adozzjoni ta' l-istandards Ewropej (ENs). |
— |
Jiġi stabbilit mekkaniżmu għal konsultazzjoni u notifika interna għal regolamenti tekniċi ġodda qabel ma jiġu adottati miżuri li jkollhom impatt fuq il-kummerċ. |
— |
Jiġi żgurat li l-aġenzija ta' sorveljanza tas-suq taħdem għal kollox u li jitkomplew jittieħdu passi għall-istabbiliment ta' struttura ta' sorveljanza tas-suq li twieġeb għar-rekwiżiti ta' l-acquis dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. |
— |
Tiġi adottata liġi Statali dwar it-tagħmir farmaċewtiku u mediċinali u tiġi stabbilita Aġenzija Farmaċewtika ta' l-Istat. |
Moviment tal-persuni, is-servizzi u d-dritt ta' l-istabbiliment
— |
Jiġi organizzat il-kontroll bankarju fil-livell Statali (flimkien ma' l-attivitajiet anċillari ta' kontroll) u jiġi żgurat li din l-awtorità ta' kontroll taħdem b'mod effikaċi, skond il-prinċipji fundamentali ta' Basel għal kontroll bankarju effikaċi. |
— |
Jiġu adottati l-liġijiet dwar l-obbligi fil-livell ta' l-Istat. |
— |
Jiġi żgurat li l-aġenzija ta' assigurazzjoni tal-Bosnja-Ħerżegovina taħdem tajjeb u li tiggarantixxi l-eżistenza ta' suq intern uniku ta' l-assigurazzjoni. |
— |
Jinħoloq qafas leġislattiv u regolatorju konsistenti għas-swieq tal-kapital biex tkun żgurata l-eżistenza ta' żona ekonomika unika u jinħoloq ambjent istituzzjonali xieraq għall-koordinazzjoni tal-linji politiċi u l-leġislazzjoni tas-swieq tal-kapital. |
Moviment liberu tal-kapital
— |
Isir aktar progress dwar l-eliminazzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-ħruġ tal-kapital. |
Dwana u tassazzjoni
— |
Jiġu approssimati aktar il-leġislazzjoni u l-proċeduri doganali u tat-taxxa ma' l-acquis u jiġi żgurat li t-tariffa tal-Bosnj-Ħerzegovina tkun aġġornata f'waqtha abbażi tan-Nomenklatura Magħquda l-aktar reċenti. |
— |
Jiġi żgurat li l-qafas legali għaż-żoni ħielsa jkun kompatibbli ma' l-istandards ta' l-UE u li jiggarantixxi kontroll xieraq taż-żoni ħielsa. |
— |
Tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tar-regoli ta' oriġini, inkluża l-kumulazzjoni djagonali. |
— |
Jiġu implimentati regoli ta' valutazzjoni doganali f'konformità ma' l-istandards u l-prassi internazzjonali. |
— |
Jitneħħew it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għad-dazju doganali (miżati doganali għall-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet doganali). |
— |
Titjieb aktar il-kapaċità amministrattiva biex tiġi implimentata leġislazzjoni tad-dazji u tat-taxxa u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità transkonfinali u l-evazjoni fiskali. |
— |
Jintlaħaq qbil dwar formola permanenti għall-allokazzjoni tad-dħul mit-tassazzjoni indiretta bejn l-Istat, l-Entitajiet u d-distrett Brčko. |
— |
Ikun hemm impenn għall-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni kummerċjali u tiġi żgurata l-konformità ta' miżuri ġodda tat-taxxa ma' dawn il-prinċipji. |
Kompetizzjoni
— |
Titjieb il-leġislazzjoni eżistenti dwar l-antitrust skond ir-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni. |
— |
Jitħaffu t-tħejjijiet fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat, partikolarment bl-adozzjoni tal-leġislazzjoni meħtieġa, billi tkun stabbilita awtorità pubblika ta' monitoraġġ ta' l-għajnuna mill-istat operattiva indipendentement u billi tkun żgurata t-trasparenza ta' l-għajnuna kollha mogħtija fil-Bosnja-Ħerzegovina. |
Akkwist pubbliku
— |
Jiġi żgurat li s-sistema unika ta' l-akkwist pubbliku taħdem tajjeb u jiġu implimentati l-leġislazzjoni u l-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku. Jitkompla l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva. |
Liġi dwar il-proprjetà intelletwali
— |
L-Istitut għall-Proprjetà Intellettwali għandu jsir operattiv għal kollox sabiex ikun jista' jwettaq il-missjonijiet tiegħu b'mod effettiv u jimplimenta u jinforza l-qafas legali kurrenti. |
— |
Jitħejja pjan ta' azzjoni għall-bini tal-kapaċità meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali, b'enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut taħriġ speċjalizzat għall-korpi ta' l-infurzar tal-liġijiet, l-imħallfin, il-prosekuturi u l-uffiċjali tad-dwana. |
— |
Titjieb il-kooperazzjoni fost il-korpi ta' l-infurzar tal-liġi u bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha bil-għan li jissaħħaħ l-infurzar u jinbeda l-iżvilupp ta' kampanji biex titqajjem kuxjenza pubblika. |
Impjieg u linji ta' politika soċjali
— |
Jiġu żviluppati aktar il-linji ta' politika ta' inklużjoni soċjali u protezzjoni soċjali. |
— |
Jiġu żviluppati mekkaniżmi għal djalogu soċjali. |
— |
Isiru aktar sforzi biex titjieb is-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà. |
— |
Jiġu żviluppati strutturi u kapaċità amministrattiva xierqa fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa. |
Edukazzjoni u riċerka
— |
Tiġi implimentata l-Liġi fil-livell Statali dwar l-edukazzjoni ogħla, li twitti t-triq għall-implimentazzjoni tal-komponenti ewlenin tal-proċess ta' Bolonja u l-Konvenzjoni tar-Rikonoxximent ta' Liżbona. |
— |
Tiġi riżolta l-frammentazzjoni tas-sistema edukattiva u l-koinċidenza tal-funzjonijiet bejn il-livelli differenti ta' organizzazzjoni. Jissaħħu l-iżvilupp tal-politika u l-ippjanar strateġiku biex titjieb il-kwalità ta' l-edukazzjoni |
— |
Jittieħdu miżuri biex tkun evitata s-segregazzjoni tat-tfal fuq linji entniċi fl-iskola. |
— |
Tiġi ffirmata u rratifikata l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali. |
— |
Jinbeda t-tfassil ta' politika integrata dwar ir-riċerka. |
Kwistjonijiet dwar id-WTO
— |
Jitkomplew ir-riformi meħtieġa għall-konformità mar-regoli u l-obbligi tad-WTO u titkompla l-ħidma lejn il-kisba ta' l-adeżjoni mad-WTO. |
Linji ta' politika settorjali
Industrija u SMEs
— |
Jinħoloq qafas legali u istituzzjonali koerenti għall-SMEs sabiex tkun implimentata kif xieraq il-Karta ta' l-SMEs. |
— |
Tiġi adottata l-istrateġija proposta madwar il-pajjiż kollu dwar l-SMEs u jiġu stabbiliti l-kapaċitajiet minimi meħtieġa fil-livell ta' l-Istat biex tkun żgurata politika koerenti u koordinata ta' l-SMEs fil-pajjiż kollu, inkluż Aġenzija ta' l-SMEs nazzjonali u forum għal djalogu u kunsultazzjoni ma' l-SMEs. |
— |
Tiġi żviluppata politika industrijali komprensiva. |
Agrikoltura u sajd
— |
Tiġi adottata l-Liġi dwar l-Agrikoltura, l-Ikel u l-Iżvilupp Rurali u jiġi żgurat qafas legali xieraq għall-implimentazzjoni armonizzata tal-linji ta' politika agrikoli, ta' l-ikel u ta' l-iżvilupp rurali. Tiġi żviluppata strateġija komprensiva dwar l-agrikoltura fil-livell ta' l-Istat. |
— |
Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livell ta' l-Istat fir-rigward ta' l-agrikoltura, l-ikel u l-iżvilupp rurali sabiex tkun koordinata b'mod effikaċi l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika tas-suq u ta' l-iżvilupp rurali madwar il-pajjiż kollu. Issir ħidma lejn l-istabbiliment ta' Ministeru ta' l-Agrikoltura, l-Ikel u l-Iżvilupp Rurali fil-livell ta' l-Istat b'riżorsi suffiċjenti biex jimplimenta l-missjonijiet tiegħu. |
— |
Tiġi żgurata l-adozzjoni ta' leġislazzjoni konformi ma' l-istandards Ewropej fis-settur tas-sigurtà alimentari, is-settur veterinarju u dak fitosanitarju u tinbeda l-implimentazzjoni tagħha. |
— |
Titjieb il-kapaċità tal-laboratorju u ta' l-ispezzjoni fis-settur tas-sigurtà ta' l-ikel u fis-settur veterinarju u dak fitosanitarju, jiġu stabbiliti laboratorji ta' referenza u jiġu żviluppati proċeduri tat-teħid ta' kampjuni skond ir-rekwiżiti ta' l-UE. |
— |
Titjieb is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni taċ-ċaqliq tal-bovini u tinbeda l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni taċ-ċaqliq tal-ħnieżer, in-ngħaġ u l-mogħoż. |
Ambjent
— |
Tiġi adottata liġi ambjentali Statali biex jinħoloq il-qafas għal protezzjoni armonizzata ta' l-ambjent man-nazzjon kollu. |
— |
Tiġi implimentata aktar il-leġislazzjoni dwar il-valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali. |
— |
Jiġu ratifikati u tinbeda l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, inklużi l-Konvenzjonijiet Aarhus u Espoo. |
— |
Jiġi stabbilit u żgurat it-tħaddim xieraq ta' l-Aġenzija Ambjentali ta' l-Istat. |
— |
Tissaħħaħ aktar il-kapaċità amministrattiva ta' l-istituzzjonijiet relatati ma' l-ambjent, partikolarment fil-livell ta' l-Istat, u titjieb il-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn dawk l-istituzzjonijiet. |
Enerġija
— |
Jiġu ssodissfati l-obbliġi li jirriżultaw mit-Trattat dwar il-Komunità ta' l-Enerġija mill-1 ta' Lulju 2007 fir-rigward ta' l-implimentazzjoni sħiħa ta' l-acquis fuq is-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku u fuq l-iskambji transkonfinali fl-elettriku. |
— |
Tiġi żviluppata u adottata strateġija komprensiva dwar l-enerġija. |
Politika tat-trasport
— |
Titkompla l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-Memorandum ta' Ftehim dwar l-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk, inkluż l-Addendum dwar il-ħolqien ta' żona ferrovjarja fl-Ewropa tax-Xlokk u jiġi kkonsolidat l-ippjanar ta' l-infrastrutturi tat-trasport fil-livell ta' l-Istat u ta' l-Entitajiet, bil-ħsieb ta' prijoritizzazzjoni konsistenti ta' proġetti tat-trasport tul in-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk. |
— |
Jiġu approssimati ma' l-acquis dwar it-trasport bit-triq (standards tekniċi u ta' sikurezza, regoli soċjali u aċċess għas-suq). |
— |
Tiġi implimentata bis-sħiħ il-Liġi ta' l-Istat dwar il-Ferroviji. Titħejja dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju għal aċċess miftuħ għall-użu ta' l-infrastruttura. |
— |
Jiġu implimentati l-impenji meħuda taħt l-ewwel fażi transitorja tal-Ftehim dwar iż-Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea, inkluża l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-avjazzjoni rilevanti. |
Soċjetà ta' l-informazzjoni u l-medja
— |
Tiġi adottata l-Liġi dwar l-Aġenzija tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u tiġi stabbilita l-Aġenzija. |
— |
Jiġu implimentati u infurzati r-regolamenti dwar it-telekomunikazzjonijiet/il-komunikazzjonijiet elettroniċi mmirati għal suq kompletament liberalizzat u kompetittiv. Jiġu introdotti s-salvagwardji kompetittivi meħtieġa fis-suq. |
— |
Tinżamm il-pożizzjoni indipendenti ta' l-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet. Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħha. |
Kontroll finanzjarju
— |
Tiġi żviluppata u adottata strateġija ta' kontroll intern tal-finanzi pubbliċi. |
— |
Tiġi adottata u implimentata leġislazzjoni dwar il-kontroll intern u l-verifika fis-settur pubbliku. |
Statistika
— |
Jiġi implimentat il-ftehim bejn l-Entitajiet fis-sistema ta' l-istatistika dwar it-titjib tal-ħidma ta' l-Aġenzija ta' l-Istatistika Ċentrali fil-Bosnja-Ħerżegovina u titjieb il-firxa u l-kwalità ta' l-istatistika, partikolarment fil-livell ta' l-Istat. |
— |
Jitjiebu l-ġbir u l-ipproċessar ta' statistika dwar l-agrikoltura skond l-istandards u l-metodoloġija ta' l-UE. |
— |
Titjieb il-kwalità u l-kopertura ta' l-istatistika dwar il-kontijiet konsolidati tal-gvern. |
— |
Jiġi stabbilit il-qafas leġislattiv finanzjarju meħtieġ għat-twettiq taċ-ċensiment tal-popolazzjoni. Ikun hemm qbil dwar data ta' mira għaċ-ċensiment u jinbdew it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tiegħu. |
Ġustizzja, libertà u sigurtà
Viża, kontroll tal-fruntieri, ażil u migrazzjoni
— |
Jiġi provdut il-persunal xieraq għat-taqsima tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tas-Sigurtà u l-faċilitajiet, it-tagħmir, il-persunal u t-taħriġ adegwat għad-Dipartiment ta' l-Affarijiet Barranin. |
— |
Tiġi adottata strateġija tal-migrazzjoni fil-livell ta' l-Istat u l-Liġi l-ġdida dwar iċ-ċaqliq u r-residenza ta' barranin. |
— |
Jiġi implimentat il-ftehim ta' riammissjoni KE/Bosnja-Ħerzegovina u jiġu negozjati l-ftehim ta' riammissjoni mal-pajjiżi ta' oriġini ta' migranti fi transitu. |
— |
Jiġi żgurat li ċ-ċentri ta' lqugħ jilħqu l-istandards internazzjonali u jassumu pussess sħiħ tal-finanzjament u l-ġestjoni tagħhom. |
— |
Tiġi adottata u implimentata l-istrateġija nazzjonali riveduta dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri (ĠIF), abbażi tal-linji gwida tal-ĠIF għall-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-pjan ta' azzjoni nazzjonali korrispondenti. |
— |
Ikomplu jitjiebu l-punti ta' qsim tal-fruntieri. |
Money laundering
— |
Jiġi impjegat il-persunal meħtieġ għall-Unità ta' Intelligence Finanzjarja. |
— |
Tiġi mtejba aktar il-leġislazzjoni kontra l-money laundering, inkluż l-implimentazzjoni u l-infurzar. |
Drogi
— |
Tiġi żviluppata politika dwar id-drogi fil-livell ta' l-Istat f'konformità ma' l-istandards Ewropej. |
— |
Jiġi żgurat it-tħaddim sħiħ ta' uffiċċju għan-narkotiċi fil-livell ta' l-Istat. |
Pulizija
— |
Tissaħħaħ aktar l-Aġenzija ta' l-Investigazzjoni u l-Protezzjoni ta' l-Istat, partikolarment billi jitlesta r-reklutaġġ tal-persunal tagħha. |
Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu
— |
Jitħejjew u jiġu implimentati l-pjani ta' azzjoni kollha previsti mill-istrateġija nazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. |
— |
Jiġi aġġornat u implimentat il-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. |
— |
Tiġi ratifikata l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar l-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin. |
— |
Tiġi rinfurzata l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kooperazzjoni internazzjonali ma' aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi. |
— |
Jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġu protetti vittmi tat-traffikar u tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata tal-leġislazzjoni għall-protezzjoni tax-xhieda. |
— |
Tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-Aġenzija ta' l-Investigazzjoni u l-Protezzjoni ta' l-Istat fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u tiġi rinfurzata l-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam, inkluż permezz ta' implimentazzjoni xierqa tal-konvenzjonijiet internazzjonali. |
Protezzjoni ta' data personali
— |
Tiġi stabbilita awtorità superviżorja indipendenti (aġenzija għall-protezzjoni tad-data) b'setgħat u riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti. |
3.2. PRIJORITAJIET FUQ PERIJODU MEDJU
Kriterji politiċi
Demokrazija u l-Istat tad-dritt
Kostituzzjoni/Governanza
— |
Jitkompla l-proċess biex jintlaħaq qbil dwar u jiġu adottati bidliet fil-kostituzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina li ser jikkontribwixxu biex joħolqu strutturi istituzzjonali aktar funzjonali u sostenibbli min-naħa fiskali, jitjieb ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali u jiġi appoġġat il-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea. |
— |
Jiġi żgurat progress kontinwu bit-teħid ta' responsabbiltà nazzjonali sħiħa għall-formulazzjoni tal-politika u għat-teħid tad-deċiżjonijiet. |
Amministrazzjoni pubblika
— |
Tiġi implimentata r-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha. Tiżdied il-kapaċità għal armonizzazzjoni legali progressiva u għall-implimentazzjoni ta' l-acquis. |
Sistema ġudizzjarja
— |
Tiġi implimentata l-istrateġija għall-iżvilupp tas-settur tal-ġustizzja, tiġi kkonsolidata ġudikatura indipendenti, affidabbli u effiċjenti li tiggarantixxi l-istat tad-dritt u aċċess ugwali ta' ċittadini għall-ġustizzja u jiġi ggarantit li l-qrati jkollhom it-tagħmir tekniku u l-mezzi finanzjarji meħtieġa biex tingħata ġustizzja effiċjenti u xierqa. |
Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi
— |
Jiġi żgurat li l-leġislazzjoni nazzjonali hija għal kollox kompatibbli mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. |
— |
Tiġi żgurata l-protezzjoni tal-minoranzi skond l-istandards ta' l-UE u dawk internazzjonali; tiġi implimentata bis-sħiħ l-istrateġija nazzjonali għar-Roma u l-pjanijiet ta' azzjoni settorjali tagħha; tiġi żviluppata data li tista' sservi bħala bażi soda għat-trawwim ta' aktar żviluppi ta' strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni għall-inklużjoni soċjali u l-evalwazzjoni tagħhom. |
Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali
— |
Jiġu promossi aktar id-djalogu reġjonali, l-istabbiltà, ir-relazzjonijiet tajba mal-viċinat u l-kooperazzjoni. |
— |
Jiġi allinjat il-ftehim konkluż ma' l-Istati Uniti dwar il-kondizzjonijiet ta' ċessjoni ta' persuni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali f'konformità mal-prinċipji gwida ta' l-UE adottati mill-Kunsill Ewropew f'Settembru 2002. |
Kriterji ekonomiċi
— |
Titjieb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi jitnaqqas l-infiq pubbliku fir-rigward tad-PGD, jiġi ristrutturat l-infiq lejn kategoriji li jsaħħu t-tkabbir u billi tissaħħaħ il-kapaċità ta' ppjanar tal-politika ekonomika. |
— |
Jitlesta l-proċess ta' privatizzazzjoni u jiġu likwidati l-bqija ta' l-impriżi pubbliċi li jagħmlu telf u li ma jistgħux jinbiegħu. |
— |
Titjieb il-parteċipazzjoni fl-ekonomija formali billi jitnaqqsu r-rati tal-kontribuzzjoni soċjali u tiġi riformata s-sistema tal-pensjonijiet u tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tax-xogħol tul il-pajjiż. |
— |
Titħaffef is-separazzjoni ta' l-indusriji f'netwerk sabiex jinfetħu s-swieq ta' l-elettriku, il-gass u t-telekomunikazzjonijiet għal aktar fornituri bil-ħsieb li tiżdied il-kompetizzjoni u l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. |
— |
Jitkomplew ir-riformi fl-oqsma tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà, l-infurzar tal-kuntratti, il-proċeduri ta' falliment, ir-reġistrazzjoni, it-tassazzjoni u l-liċenzjar tan-negozji sabiex jitjieb l-ambjent kummerċjali u tiġi promossa l-intraprenditorija. Jitneħħew regolamenti li jikkoinċidu imposti minn livelli differenti ta' gvern u t-tassazzjoni doppja għall-kumpanniji bejn l-entitajiet. |
Standards Ewropej
Suq intern
Moviment liberu tal-merkanzija
— |
Jitkompla l-istabbiliment ta' l-infrastruttura tal-kwalità, bl-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni fl-oqsma ta' l-istandards, iċ-ċertifikazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità ma' l-acquis, u bit-traspożizzjoni ta' direttivi b'approċċ ġdid u globali u direttivi b'approċċ qadim. |
— |
Isir aktar progress fl-adozzjoni ta' l-istandards Ewropej u jitħaffu l-isforzi biex issir membru sħiħ tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u ta' l-Istitut Ewropew ta' l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni. |
— |
Tiġi stabbilita sistema ta' sorveljanza tas-suq f'komformità ma' l-istandards Ewropej. |
Dwana u tassazzjoni
— |
Tiġi żgurata approssimazzjoni kontinwa ta' leġislazzjoni doganali u ta' tassazzjoni ma' l-acquis u tiżdied aktar il-kapaċità amministrattiva biex tiġi implimentata din il-leġislazzjoni u biex tkun miġġielda l-korruzzjoni, il-kriminalità transkonfinali u l-evażjoni fiskali. |
— |
Jitjiebu t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fi ħdan ir-reġjun u ma' l-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta' miżuri li jipprevjenu li t-taxxi jiġu evitati jew evażi. |
Kompetizzjoni
— |
Tiġi implimentata leġislazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u jiġi żgurat li l-awtorità ta' monitoraġġ ta' l-għajnuna mill-Istat topera b'mod effikaċi. |
— |
Jiġi prodott inventarju komprensiv ta' l-għajnuna mill-Istat. |
Akkwist pubbliku
— |
Jiġi żgurat li l-qafas legali għall-akkwist pubbliku huwa kompatibbli ma' l-acquis u li l-proċeduri ta' akkwist pubbliku huma implimentati sew. |
Impjieg u linji ta' politika soċjali
— |
Fil-qasam tas-saħħa mentali, jiġu żviluppati servizzi bbażati fuq il-komunità bħala alternattiva għall-istituzzjonalizzazzjoni, filwaqt li titqies l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-kura tas-saħħa mentali. |
Edukazzjoni u riċerka
— |
Jittieħdu miżuri biex titjieb is-sistema ta' l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni primarja, u biex tinħoloq sistema moderna ta' edukazzjoni vokazzjonali u ta' taħriġ. |
— |
Tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla. |
Statistika
— |
Tiġi żviluppata statistika ekonomika affidabbli u tinbena kapaċità istituzzjonali biex tiġi prodotta u ppubblikata data bażika ta' l-istatistika armonizzata ma' standards Ewropej, partikolarment fl-oqsma ta' l-istatistika tal-kontijiet nazzjonali, l-agrikoltura, dik makroekonomika u kummerċjali, u l-istatistika soċjali, inkluża l-edukazzjoni, l-istatistika ta' xogħol u saħħa. |
— |
Jitwettaq iċ-ċensiment tal-popolazzjoni. |
Linji ta' politika settorjali
Industrija u SMEs
— |
Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Karta ta' l-SMEs. |
— |
Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-politika industrijali. |
Agrikoltura u sajd
— |
Tiġi implimentata l-istrateġija komprensiva dwar l-agrikoltura fil-livell ta' l-Istat madwar il-pajjiż kollu. |
— |
Tissaħħaħ aktar il-kapaċità fil-livell ta' l-Istat għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-politika ta' l-agrikoltura, ta' l-ikel u ta' l-iżvilupp rurali, jiġu rinfurzati l-mekkaniżmi ta' l-implimentazzjoni u ssir aktar approssimazzjoni ma' l-acquis. |
— |
Titkompla l-adozzjoni ta' leġislazzjoni konformi fis-settur tas-sigurezza alimentari, fis-setturi veterinarji u fitosanitarji u tiġi żviluppata sistema effikaċi ta' kontrolli. |
— |
Tiġi vvalutata l-konformità ta' stabbilimenti agroalimentari ma' ħtiġiet ta' l-UE u jitħejja u jinbeda programm għall-modernizzazzjoni ta' dawk l-istabbilimenti. |
Ambjent
— |
Titkompla l-ħidma dwar it-traspożizzjoni progressiva ta' l-acquis, b'enfasi partikolari fuq il-ġestjoni ta' l-iskart, il-kwalità ta' l-ilma, il-kwalità ta' l-arja, il-protezzjoni tan-natura u l-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis. |
— |
Jiġu implimentati pjanijiet strateġiċi, inkluż strateġiji ta' l-investiment, u jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura ambjentali, b'enfasi partikolari fuq il-ġbir u t-trattament tad-drenaġġ, il-provvista ta' l-ilma tax-xorb u l-ġestjoni ta' l-iskart solidu. |
— |
Tiġi żgurata integrazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni ambjentali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika settorjali oħrajn. |
Politika tat-trasport
— |
Jinħolqu l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni fuq il-linji tal-ferroviji, inkluż istituzzjonijiet regolatorji u responsabbli għas-sikurezza tal-ferroviji. |
— |
Tiġi żgurata aktar approssimazzjoni tal-leġislazzjoni ma' l-acquis tat-trasport, partikolarment fir-rigward ta' standards tekniċi u tas-sikurezza (inkluż l-implimentazzjoni tat-takografu diġitali), standards soċjali u liberalizzazzjoni tas-suq. |
— |
Jiġu implimentati impenji meħuda taħt it-tieni fażi transitorja tal-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni Ewropew ta' l-Avjazzjoni |
Enerġija
— |
Titħaffef ir-riforma tas-servizzi ta' l-enerġija, partikolarment fis-setturi ta' l-enerġija elettrika u tal-gass, jiġu implimentati l-pjani ta' azzjoni ta' l-Entitajiet għar-ristrutturar tas-settur ta' l-enerġija, jiġu żviluppati u implimentati pjani paralleli dwar ir-riforma tas-settur tal-faħam, jiġi stabbilit operatur tas-sistema ta' trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni fis-settur tal-gass u jiġi żviluppat is-suq intern tal-gass. |
— |
Tiġi żgurata sistema konsolidata ta' regolazzjoni ta' l-enerġija u l-gass, lesta li tinkludi setturi oħrajn ta' l-enerġija, f'konformità mat-Trattat dwar il-Komunità ta' l-Enerġija u, b'mod parallel, jiġi żgurat li jiġu trattati l-kwistjonijiet relatati ma' konsumaturi f'sitwazzjoni soċjali vulnerabbli. |
Soċjetà ta' l-informazzjoni u l-medja
— |
Tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġislazzjoni tax-xandir pubbliku u titlesta r-riforma strutturali tas-settur tax-xandir pubbliku. |
— |
Tiġi allinjata l-leġislazzjoni mal-qafas regolatorju ta' l-UE għan-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar. |
— |
Isir allinjament mal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Trans-konfini u d-direttiva dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri. |
Kontroll finanzjarju
— |
Tiġi implimentata l-karta ta' politika u l-pjan ta' azzjoni dwar il-kontroll intern tal-finanzi pubbliċi. |
— |
Jissaħħu l-kapaċità operattiva u funzjonali u l-indipendenza finanzjarja ta' l-istituzzjonijiet supremi ta' verifika. |
— |
Jiġu żviluppati proċeduri u kapaċità amministrattiva sabiex jiżguraw protezzjoni effikaċi ta' l-interessi finanzjarji ta' l-UE. |
Ġustizzja, libertà u sigurtà
Viża, kontroll tal-fruntieri, ażil u migrazzjoni
— |
Jiġu implimentati l-linji ta' politika dwar il-viża, l-ażil u l-migrazzjoni f'konformità ma' l-istandards ta' l-UE. |
— |
Titjieb aktar il-ġestjoni tal-fruntieri, b'enfasi speċjali fuq l-infrastruttura u s-sorveljanza fil-fruntieri tal-fruntiera l-ħadra |
Money laundering
— |
Jiġi żgurat titjib kontinwu tar-rekord ta' l-infurzar rigward il-money laundering. |
Drogi
— |
Jiġi żgurat li l-korpi ta' l-infurzar tal-liġi jkunu mgħammra sew biex jiġġieldu t-traffikar tad-drogi. Tinkiseb kooperazzjoni sodisfaċenti bejn l-aġenziji u kooperazzjoni internazzjonali, li twassal għal riżultati konsiderevolment imtejba f'dan il-qasam. |
Pulizija
— |
Ikun hemm implimentazzjoni sħiħa tar-riforma tal-pulizija. |
Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu
— |
Jinkisbu riżultati sinifikanti kontra l-kriminalità organizzata, it-tipi kollha ta' traffikar u terroriżmu u tiġi żgurata prosekuzzjoni xierqa. |
Protezzjoni ta' data personali
— |
Tiġi implimentata l-liġi nazzjonali dwar data personali f'konformità ma' l-acquis u jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar effiċjenti. |
4. PROGRAMMAR
L-assistenza Komunitarja taħt il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ser tiġi pprovduta taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti, partikolarment bir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (IPA), u għall-programmi adottati qabel l-2007, ir-Regolament Nru 2666/2000 (ir-Regolament CARDS) (1). Il-ftehim ta' finanzjament iservu bħala bażi legali għall-implimentazzjoni tal-programmi konkreti. Għalhekk, din id-Deċiżjoni mhux ser ikollha implikazzjonijiet finanzjarji. Il-Bosnja-Ħerzegovina jista' jkollha aċċess għal finanzjamenti minn programmi multi-nazzjonali u orizzontali.
5. KONDIZZJONALITÀ
L-assistenza lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija kondizzjonali għall-progress fl-issodisfar tal-kriterji ta' Kopenħagen u fl-issodisfar tal-prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija Ewropea Nuqqas ta' rispett għal dawn il-kondizzjonijiet jista' jwassal sabiex il-Kunsill jieħu miżuri xierqa abbażi ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006, fil-każ ta' programmi qabel l-2007, abbażi ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000. L-assistenza hija wkoll soġġetta għall-kondizzjonijiet definiti mfissra mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, partikolarment rigward l-impenn tar-riċevitur li jwettqu riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali. Il-kondizzjonijiet speċifiċi huma wkoll inklużi fi programmi annwali individwali. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament ser jiġu segwiti minn ftehim ta' finanzjament iffirmat mal-Bosnja-Ħerżegovina.
6. MONITORAĠĠ
L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea ser tkun eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, partikolarment ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Kummissjoni.
(1) ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).