19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 80/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Frar 2008

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea ma' l-Albanija u t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/54/KE

(2008/210/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar il-ħolqien ta' Sħubiji fil-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (1), kif emendat l-aħħar, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 approva l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz sabiex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li għandhom jiddaħħlu fis-Sħubiji, kif ukoll dwar tibdiliet sussegwenti. Ir-Regolament jiddikjara wkoll li s-segwitu għas-Sħubiji Ewropej se jkun żgurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-aktar permezz tar-rapporti annwali ta' progress.

(3)

Il-Kunsill adotta it-tieni Sħubija Ewropea ma' l-Albanija fit-30 ta' Jannar ta' l-2006 (2).

(4)

Id-Dokument tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għal matul il-perjodu 2006–2007 indika li s-Sħubiji kellhom jiġu aġġornati fl-aħħar ta' l-2007.

(5)

Fis-17 ta' Lulju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (3) li jistabbilixxi strument għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni (IPA), li jġedded il-qafas għall-għajnuna finanzjarja għal qabel l-adeżjoni.

(6)

Huwa xieraq għalhekk li tiġi adottata Sħubija Ewropea riveduta li taġġorna s-Sħubija attwali sabiex jiġu identifikati prijoritajiet imġedda għal ħidma ulterjuri, fuq il-bażi tas-sejbiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2007 dwar it-tħejjijiet ta' l-Albanija għal integrazzjoni ulterjuri ma' l-Unjoni Ewropea.

(7)

Sabiex iħejju għal integrazzjoni akbar ma' l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti Albaniżi għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u b'miżuri speċifiċi sabiex jindirizzaw il-prijoritajiet ta' din is-Sħubija Ewropea.

(8)

Għandha għalhekk tiġi mħassra d-Deċiżjoni 2006/54/KE,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fis-Sħubija Ewropea ma' l-Albanija huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea ser tkun eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti annwali ta' progress preżentati mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2006/54/KE għandha tiġi mħassra.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 18 ta' Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)   ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 269/2006 (ĠU L 47, 17.2.2006, p. 7).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/54/KE tat-30 ta' Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea ma' l-Albanija u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/519/KE (ĠU L 35, 7.2.2006, p. 1).

(3)   ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.


ANNESS

SĦUBIJA EWROPEA 2007 TA' L-ALBANIJA

1.   INTRODUZZJONI

Il-Kunsill Ewropew endorsja l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Is-sħubija riveduta proposta taġġorna lit-tieni waħda, abbażi tas-sejbiet tar-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni ta' l-2007 dwar l-Albanija. Din tidentifika prijoritajiet ġodda u pendenti għal azzjoni. Il-prijoritajiet il-ġodda huma adattati għall-ħtiġiet speċifiċi u l-istadju ta' tħejjija tal-pajjiż, u jkunu aġġornati skond il-ħtieġa. L-Albanija mistennija tiżviluppa pjan li jinkludi skeda ta' żmien u miżuri speċifiċi maħsuba biex jindirizzaw il-prijoritajiet ta' Sħubija Ewropea. Is-Sħubija Ewropea tipprovdi wkoll gwida għal għajnuna finanzjarja lill-pajjiż.

2.   PRINĊIPJI

Il-Proċess ta' Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa' l-qafas għall-mixja Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, matul it-triq kollha li twassal għas-sħubija futura tagħhom. Il-prijioritajiet identifikati għall-Albanija jirrelataw mal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ta' l-1993 u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Proċess ta' Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni, speċjalment il-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997 u l-21 u t-22 ta' Ġunju 1999, id-dikjarazzjoni finali tas-Summit ta' Żagreb ta' l-24 ta' Novembru 2000 u l-Aġenda ta' Tessaloniki.

3.   PRIJORITAJIET

Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija Ewropea intgħażlu abbażi li hu realistiku li jkun mistenni li l-Albanija tkun tista' twettaqhom jew tmexxihom sostanzjalement 'il quddiem fil-ftit snin li ġejjin. Hemm distinzjoni bejn il-prijoritajiet fuq terminu qasir, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien sena jew sentejn, u l-prijoritajiet fuq perijodu medju, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien tlieta għal erba' snin. Il-prijoritajiet jikkonċernaw kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha.

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, huwa ċar li hemm kompiti oħrajn li l-Albanija trid twettaq u li jistgħu jsiru prijoritajiet fi kwalunkwe sħubija futura, filwaqt li jitqies ukoll il-progress futur li jkun sar mill-Albanija.

Fost il-prijoritajiet fuq terminu qasir, il-prijoritajiet ewlenin ġew identifikati u miġbura flimkien fil-bidu tal-lista. L-ordni ta' dawn il-prijoritajiet prinċipali ma timplikax klassifika ta' l-importanza tagħhom.

3.1.   PRIJORITAJIET FUQ TERMINU QASIR

Prijoritajiet ewlenin

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fit-tħejjija għall-implimentazzjoni ta' l-impenji tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u tal-Ftehim Temporanju (FT).

Jiġi promoss djalogu kostruttiv bejn il-partiti politiċi kif ukoll mal-partijiet interessati dwar l-implimentazzjoni tar-riformi.

Jiżdiedu l-indipendenza, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tas-sistema ġudizzjarja, inkluż bit-trawwim tal-protezzjoni kostituzzjonali ta' l-imħallfin, il-ħatra ta' mħallfin u prosekuturi abbażi ta' eżamijiet kompetittivi, l-istabbiliment ta' sistema meritokratika ta' evalwazzjoni għall-prosekuturi u d-definizzjoni ta' regoli oġġettivi għall-allokazzjoni ta' kawżi lill-imħallfin.

Jiġu implimentati l-istrateġiji għal kontra l-korruzzjoni 2007-2013 u r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapport ta' evalwazzjoni 2005 mill-Grupp ta' Stati tal-Kunsill ta' l-Ewropa ta' Kontra l-Korruzzjoni u jiġu investigati u mressqa għall-prosekuzzjoni l-każijiet ta' korruzzjoni fil-korp tal-pulizija u fis-sistema ġudizzjarja b ħeġġa xierqa.

Jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet dear l-elezzjonijiet magħmula mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-OSCE, b'mod partikolari bit-titjib fil-listi tal-votanti u l-emendar tal-kodiċi elettorali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, fi żmien debitu għall-elezzjonijiet parlamentari li jmiss.

Tissaħħaħ aktar il-governanza fis-settur pubbliku permezz ta' titjib fil-kwalità u l-imparzjalità tal-persunal fis-settur ta' l-amministrazzjoni pubblika u ta' tisħiħ tad-Dipartiment ta' l-Amministrazzjoni Pubblika.

Titkompla s-separazzjoni tal-kumpannija statali ta' l-elettriku KESH, u l-privatizzazzjoni tal-fergħa ta' distribuzzjoni tagħha. Tiġi stabbilizzata l-pożizzjoni finanzjarja ta' KESH billi jiżdiedu r-rati ta' ġbir u billi l-prezzijiet jinġiebu għal-livelli li jippermettu l-irkupru ta' l-ispejjeż, u tiżdied il-kapaċità għall-ġenerazzjoni ta' l-elettriku u l-interkonnettività.

Jinkisbu riżultati tanġibbli ulterjuri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari billi jsir użu sħiħ mill-attività tal-pulizija bbażata fuq l-intelligence u jiġi żgurat segwitu effikaċi fuq livell ġudizzjarju.

Kriterji politiċi

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt

Il-Gvern

Tiġi adottata strateġija nazzjonali għall-iżvilupp u l-integrazzjoni fil-ħin biex ikun infurmat il-proċess baġitarju 2008/9, waqt li jiġi żgurat li din tirrifletti l-impenji relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea u li n-nefqa għaliha tiġi evalwata b'mod adegwat/xieraq u tinbeda l-implimentazzjoni tagħha.

Isir użu sħiħ u effikaċi tas-sistema integrata ta' ppjanar biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-objettivi ta' politika u l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit.

Tiġi mtejba l-koordinazzjoni fil-gvern kollu tal-ħidma relatata ma' l-integrazzjoni ta' l-UE permezz ta' konsultazzjoni usa' u aktar konsistenti tal-Ministri, inklużi l-partijiet interessati u l-esperti ta' l-UE dwar il-leġiżlazzjoni relatata.

Tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' tagħmir xieraq u persunal imħarreġ għall-Ministeru għall-Integrazzjoni Ewropea u għall-uffiċċji għall-integrazzjoni fl-UE tal-ministeri kompetenti.

Jiġi żgurat li t-titjib tar-reġistru ċivili u s-sistema ta' l-indirizzi jkunu kkoordinati kif xieraq ma' l-introduzzjoni ta' karti ta' l-identità elettroniċi u ta' passaporti bijometriċi.

L-amministrazzjoni pubblika

Jiġi żgurat l-infurzar tal-Liġi dwar is-Servizz Ċivili u r-regoli relatati fl-operazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika.

Jiġi żgurat li r-reklutaġġ, il-ħatriet, il-promozzjoni, it-trasferimenti u t-tkeċċija jsiru skond ir-regoli stabbiliti sabiex jinbena servizz ċivili affidabbli u effiċjentii bbażat fuq kriterji ta' żvilupp tal-karriera professjonali.

Is-sistema ġudizzjarja

Tiġi ffinalizzata, adottata u implimentata l-liġi abbozz dwar ir-riforma ġudizzjarja u tittejjeb l-infrastruttura għas-settur ġudizzjarju.

Titjieb il-koordinazzjoni bejn il-prosekuturi u l-pulizija, partikolarment permezz tas-sistema ta' ġestjoni tal-kawżi.

Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni u riżorsi xierqa għall-protezzjoni adegwata tax-xhieda tkun fil-post.

Il-politika kontra l-korruzzjoni

Jiġu armonizzati l-Kodiċi ċivili, kummerċjali u amministrattivi mal-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Korruzzjoni.

Tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni.

Tiġi implimentata leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tat-tixħim b'konsiderazzjoni xierqa għall-koordinazzjoni interistituzzjonali.

Jissaħħu l-mekkaniżmi biex tiġi infurzata l-Liġi dwar id-dikjarazzjoni ta' l-assi.

Jiġu ċċarati r-regoli relatati mal-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet pubbliċi.

Jiġu ċċarati r-regoli relatati ma' l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni f'konformità ma' l-istandards internazzjonali.

Titnaqqas il-lista ta' uffiċjali koperti mill-immunità u tingħata l-immunità meta din tkun strettament meħtieġa biss.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-minoranzi

Osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem

Jiġi żgurat li l-korpi kollha ta' l-infurzar tal-liġi huma konxji mill-obbligi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-implimentazzjoni rigoruża tagħhom skond il-kodiċi ta' etika għas-sistema tal-ħabsijiet u mal-konvenzjonijiet internazzjonali ratifikati mill-Albanija, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Jiġi garantit li d-dinjità tal-bniedem u s-sigurezza personali jiġu rrispettati f'ċentri ta' detenzjoni, ħabsijiet u istituzzjonijiet mentali, skond il-konvenzjonijiet internazzjonali.

Drittijiet ċivili u politiċi

Jiġu indirizzati każijiet ta' maltrattament mill-entitajiet ta' l-infurzar tal-liġi permezz ta' prosekuzzjoni xierqa tal-ħatja.

Jissaħħaħ l-aċċess għall-ġustizzja.

Tiġi żgurata l-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti fl-istabbiliment u l-ġestjoni ta' faċilitajiet penitenzjarji ġodda.

Tiġi allinjata ma' standards Ewropej u tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni ta' l-Albanija dwar il-malafama.

Titħaffef l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni effikaċi biex tiġi żgurata trasparenza fis-settur tal-pussess tal-medja.

Tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-istampa u l-indipendenza ġurnalistika, tiġi kkoordinata leġiżlazzjoni ġdida dwar il-libertà ta' l-espressjoni u tiġi żviluppata leġiżlazzjoni komprensiva dwar il-medja elettronika f'konformità ma' l-istandards Ewropej.

Drittijiet soċjali u ekonomiċi

Isiru aktar sforzi għall-prevenzjoni tal-vjolenza domestika.

Jittieħdu miżuri ulterjuri biex jiġi trattat ix-xogħol mill-minuri, inkluża l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni xierqa u l-provvediment ta' riżorsi biex ikunu garantiti d-drittijiet tat-tfal.

Jiġu żviluppati servizzi bbażati fil-komunità u għajnuna lil persuni dipendenti, inkluż fil-qasam tas-saħħa mentali.

Tiġi żgurata protezzjoni sħiħa kontra d-diskriminazzjoni mill-aspetti kollha, inkluż permezz ta' l-implimentazzjoni ta' u t-tisħiħ ta' strutturi biex tkun indirizzata l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Jitħaffu aktar kemm l-ewwel reġistrazzjoni ta' proprjetajiet u l-ipproċessar ta' talbiet għar-restituzzjoni u jiġi żgurat li l-mekkaniżmi għall-kumpens huma sostenibbli u li dawn il-proċessi huma kkoordinati sew ma' l-inizjattivi tal-legalizazzjoni tal-proprjetà.

Drittijiet tal-minoranzi, drittijiet kulturali u protezzjoni tal-minoranzi

Jiġu implimentati l-impenji taħt il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tul l-Albanija kollha, partikolarment fir-rigward ta' l-użu ta' lingwi minoritarji ma' l-awtoritajiet, l-espożizzjoni ta' ismijiet lokali tradizzjonali u li jsir provvedimenti xierqa għall-edukazzjoni fil-lingwi minoritarji.

Tiġi implimentata l-istrateġija nazzjonali għar-Roma u jiġi żgurat finanzjament xieraq, bħala parti mill-istrateġija tal-gvern għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Titrawwem ir-reġistrazzjoni, inkluża r-registrazzjoni tat-twelid, ta' membri tal-komunità minoritarja tar-Roma.

Tiġi pprovduta data soda dwar minoranzi fl-Albanija.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

Ikun hemm konformità ma' l-impenji tal-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni f'termini ta' kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajba mal-ġirien, inkluż bil-promozzjoni tat-transizzjoni mill-Patt ta' Stabbiltà għal qafas ta' kooperazzjoni aktar reġjonalizzat u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali.

Jiġi konklużi u implimentati ftehim mal-pajjiżi ġirien u yiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi, l-aktar dwar kooperazzjoni transkonfinali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-kuntrabandu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-ġestjoni tal-fruntieri, ir-riammissjoni, l-ambjent, it-trasport u l-enerġija.

Kriterji ekonomiċi

Titkompla l-implimentazzjoni ta' politika fiskali orjentata lejn l-istabbiltà li timmira għal konsolidazzjoni fiskali u twassal għal inflazzjoni baxxa u sostenibbiltà esterna.

Titkompla r-riforma fiskali bil-għan li tissaħħaħ l-amministrazzjoni tad-dħul u tittejjeb il-kapaċità għall-ġestjoni tad-dejn.

Titkompla politika monetarja li twassal għall-objettiv ta' kisba u żamma ta' stabbiltà fil-prezzijiet biex jitnaqqsu u jiġu ankrati l-aspettattivi ta' l-inflazzjoni.

Jitkompla l-ħolqien ta' uffiċċju ta' informazzjoni dwar il-krediti biex jgħin fis-salvagwardja tal-portafoll ta' kreditu tas-sistema bankarja li qed jikber rapidament.

Titnaqqas l-ekonomija informali permezz ta' l-infurzar effikaċi u mingħajr diskriminazzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar it-taxxa u tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-frodi fiskali.

Standards Ewropej

Suq intern

Il-moviment liberu ta' merkanzija

Tiżdied aktar is-sensibilizzazzjoni ta' operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-kunċetti ta' standards u ċertifikazzjoni u l-importanza tagħhom fil-kummerċ internazzjonali.

Tiġi adottata u tinbeda l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq għall-prodotti industrijali u l-ikel.

Tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi kompatibbli ma' l-acquis. Jissaħħaħ id-dipartiment għall-protezzjoni tal-konsumatur.

Moviment ta' persuni, servizzi u dritt ta' l-istabbiliment

Tiġi żgurata distinzjoni ċara bejn il-provvediment temporanju u permanenti tas-servizzi u l-kompatibbiltà mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Jissaħħaħ il-qafas regolatorju għas-sorveljanza finanzjarja fis-settur bankarju u s-settur mhux bankarju u l-kapaċità ta' l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja.

Moviment liberu tal-kapital

Jiġi awtorizzat l-akkwist ta' proprjetà immobbli minn ċittadini ta' l-UE fil-limiti previsti fl-Iskeda ta' Impenji Speċifiċi skond il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

Dwana u tassazzjoni

Tiġi allinjata aktar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri doganali ma' prassi ta' l-UE; b'mod partikolari, tiġi żgurata l-approssimazzjoni ta' regoli u proċeduri għat-transitu, l-imħażen tad-dwana, il-valutazzjoni doganali, il-kontrolli fiżiċi u l-analiżi tar-riskji għall-istandards ta' l-UE. Jiġi żgurat li t-tariffa nazzjonali tkun aġġornata fil-ħin abbażi tan-Nomenklatura Magħquda l-aktar reċenti.

Tiġi implimentata bis-sħiħ is-sistema kompjuterizzata għad-dikjarazzjonijiet doganali u l-ipproċessar tad-data doganali fl-uffiċċji kollha doganali.

Tiġi approssimata aktar il-leġiżlazzjoni tat-taxxa ma' l-acquis ta' l-UE, speċjalment fil-qasam tad-dazji tas-sisa, u jkun hemm impenn għall-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta għat-tassazzjoni tan-negozji, filwaqt li jiġi żgurat li miżuri tat-taxxa ġodda jikkonformaw ukoll ma' dawn il-prinċipji.

Tiġi rinfurzata l-kapaċità ta' l-amministrazzjoni fiskali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kontrolli u l-verifika tat-taxxa, sabiex tiżdied il-konformità u titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa.

Jitkompla l-proċess tal-kompjuterizzazzjoni ta' l-uffiċċji fiskali.

Kompetizzjoni

Tittejjeb u tiġi approssimata ma' l-acquis il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-anti-trust biex jiġi rinfurzat il-kontroll tal-kompetizzjoni.

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta' l-awtorità tal-kompetizzjoni u l-provvediment ta' persunal u taħriġ xierqa.

Tiġi adottata leġiżlazzjoni implimentattiva dwar l-għajnuna statali.

Jitkompla l-aġġornament ta' l-inventarju ta' skemi ta' għajnuna statali.

Akkwisti pubbliċi

Tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u jittieħdu passi biex din tiġi allinjata bis-sħiħ ma l-istandards ta' l-UE, speċjalment fir-rigward tas-settur ta' l-utilitajiet u r-rimedji.

Tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva ta' l-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku, ta' l-entitajiet għall-akkwist pubbliku fl-ambitu tal-Ministeri kompetenti u l-gvernijiet lokali u l-qrati li jittrattaw l-akkwist pubbliku.

Tiġi żgurata l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali tar-reati marbuta ma' l-akkwist pubbliku.

Liġi dwar il-proprjetà intellettwali

Titħejja strateġija nazzjonali u pjan ta' azzjoni għal żviluppi leġislattivi ulterjuri għat-tisħiħ tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI).

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja għall-protezzjoni tad-DPI.

Jiġi intensifikat l-infurzar kontra l-piraterija u l-iffalsifikar.

Titkabbar ulterjorment is-sensibilizzazzjoni ta' kwistjonijiet dwar id-DPI fost il-komunità kummerċjali u l-korpi ta' l-infurzar tal-liġi, inkluża l-ġudikatura.

Tittejjeb il-leġiżlazzjoni dwar il-proprjetà industrijali.

L-impjieg u l-linji politiċi soċjali

Jittejbu s-sistemi tal-protezzjoni soċjali u tkun miġġielda l-esklużjoni soċjali.

Jiġu adottati miżuri biex jiżdiedu r-rati ta' l-irreġistrar fl-iskejjel f'livell sekondarju u fost tfal f'żoni rurali, b'mod partikolari l-bniet, u fl-iskejjel vokazzjonali.

Jiġu żviluppati l-istrutturi u l-kapaċità amministrattivi xierqa fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa.

Edukazzjoni u riċerka

Jitkomplew l-isforzi biex tittejjeb il-governanza tas-sistema edukattiva, it-taħriġ ta' l-għalliema u l-infrastruttura ta' l-edukazzjoni.

Tiġi implimentata l-liġi ġdida dwar l-dukazzjoni ogħla. Jiżdiedu l-isforzi għall-promozzjoni ta' involviment aħjar fil-programm Tempus.

Kwistjonijiet dwar id-WTO

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni Ekonomika mad-WTO fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi.

Linji ta' politika settorjali

Industrija u SMEs

Jitħaffef il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju.

Jiġu implimentati ulterjorment il-pjani ta' azzjoni biex jitneħħew l-ostakoli amministrattivi għan-negozju u l-investiment u biex tiġi trattata l-ekonomija informali u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa, mhux diskrezzjonali u mhux diskriminatorja ta' leġiżlazzjoni, regoli u proċeduri relatati man-negozju. Jitnaqqsu regolamenti obsoleti u li huma ineffiċjenti permezz ta' proċeduri regolatorji tal-giljottina.

Tiżdied ir-riċerka tal-politika fi kwistjonijiet ta' innovazzjoni u kompetittività għall-kumpanniji żgħar u jiġu implimentati programmi ta' sostenn.

Agrikoltura u sajd

Tiġi adottata liġi ġdida dwar l-ikel f'konformità ma' l-istandards ta' l-UE, tissaħħaħ is-sistema tas-sigurezza ta' l-ikel u sistemi ta' kontroll relatati.

Tiġi rinfurzata l-kapaċità tal-laboratorji fis-setturi tas-sigurezza fl-ikel, u dawk veterinarji u fitosanitarji.

Tittejjeb il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurezza fl-ikel, u dik fitosanitarja u veterinarja, u tinbeda l-implimentazzjoni tagħha.

Tittejjeb is-sistema ta' identifikazzjoni ta' annimali bovini u r-reġistrazzjoni tal-movimenti tagħhom, u tinbeda l-implimentazzjoni ta' sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' movimenti għall-qżieqeż, in-ngħaġ u l-mogħoż.

Jittejjeb il-kontroll ta' mard ta' l-annimali, inkluż it-teħid ta' kampjuni u r-rappurtar.

L-ambjent

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u l-koordinazzjoni fil-livelli nazzjonali u lokali.

Tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar il-valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali.

Tiġi adottata strateġija għall-approssimazzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni ambjentali ma' l-acquis u tiġi implimentata sew il-leġiżlazzjoni eżistenti, speċjalment rigward l-infurzar.

Jitkomplew ikunu trattata ż-żoni sensittivi ambjentali tal-miżbla għall-iskart solidu ta' Sharra u ż-żona ta' l-estrazzjoni taż-żejt ta' Patos-Marinez.

Jiġu żviluppati u implimentati ulterjorment l-istrateġija nazzjonali għall-ilma u s-sanità u l-istrateġija rurali għall-provvista ta' l-ilma u s-sistema tad-dranaġġ u tiġi żviluppata u tinbeda l-implimentazzjoni ta' strateġija għall-approssimazzjoni progressiva għall-acquis fil-qasam tal-provvista ta' l-ilma u s-sanità.

Jiġu implimentati konvenzjonijiet internazzjonali, li għalihom hija parti l-Albanija, fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura.

Il-politika tat-trasport

Jiġi implimentat il-pjan nazzjonali għat-trasport, inklużi l-ippjanar u l-ibbaġitjar għall-manutenzjoni ta' l-assi tat-trasport, u tiġi adottata u implimentata l-istrateġija nazzjonali għat-trasport, inkluża l-istrateġija għas-settur ferrovjarju.

Titkompla l-implimentazzjoni tal-memorandum ta' ftehim dwar l-iżvilupp tan-netwerk prinċipali tat-trasport reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk (South East Europe – SEE) u tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' l-Osservatorju tat-Trasport ta' l-Ewropa tax-Xlokk.

Jittieħdu miżuri biex jittejbu l-kondizzjonijiet tas-sigurtà fit-toroq, inkluża approssimazzjoni għall-acquis ta' l-UE dwar piżijiet u dimensjonijiet, it-testijiet tal-kondizzjoni tal-vetturi għas-sewqan fit-toroq, l-ispezzjonijiet tekniċi fit-toroq, il-liċenzji tas-sewqan, it-takografi u d-dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-vetturi.

Jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni ta' bini illegali tul toroq ġodda, partikolarment tul toroq ta' aċċess perikolużi mibnija privatament.

Titħejja dikjarazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju għal aċċess miftuħ għall-użu ta' l-infrastruttura u jiġi adottat u implimentat pjan ta' negozju ferrovjarju.

Jiġu implimentati l-impenji ta' l-Albanija taħt l-ewwel fażi ta' transizzjoni tal-Ftehim dwar l-Ispazju ta' l-Avjazzjoni Komuni Ewropew, inkluża l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-avjazzjoni rilevanti.

Jiġi implimentat il-pjan ta' azzjoni li jitratta n-nuqqasijiet identifikati fl-awtorità ta' l-avjazzjoni ċivili fir-rigward tal-kontrolli ta' sigurtà tal-linji ta' l-ajru tal-pajjiż.

Jittejbu l-kondizzjonijiet tas-sigurtà marittima, b'mod partikolari r-rata ta' detenzjoni tal-vapuri Albaniżi taħt il-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi.

L-enerġija

Tiġi approvata u implimentata l-istrateġija nazzjonali riveduta għas-settur ta' l-enerġija, b'konsiderazzjoni kontinwa għall-importanza tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali (EIA).

Jintlaħqu r-rekwiżiti tat-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija fil-qasam tal-gass u ta' l-elettriku.

Is-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-medja

Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar il-komunikazzjoni elettronika hija konformi ma' l-acquis u li tiġi infurzata u jittieħdu miżuri biex jinkiseb suq kompetittiv għan-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika.

Tissaħħaħ il-kompetenza u l-kapaċità ta' l-Entità Regolatorja tat-Telekomunikazzjonijiet.

Tiġi allinjata l-leġiżlazzjoni Albaniża mal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali u d-direttiva dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri.

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Kunsill Nazzjonali tar-Radju u t-Televiżjoni u jiġu adottati l-istrateġija għall-iżvilupp tas-settur tar-radju u tat-televiżjoni u jiġi aġġornat il-pjan nazzjonali aġġornat għall-frekwenzi analogi u diġitali għar-radju u t-televiżjoni.

Il-kontroll finanzjarju

Tiġi riveduta il-karta ta' politika dwar il-kontroll intern u finanzjarju pubbliku u l-pjan ta' azzjoni u tiġi definita b'mod ċar il-funzjoni tal-verifika interna, separatament minn funzjonijiet oħrajn ta' kontroll u spezzjoni. Jiġi żviluppat servizz xieraq ta' spezzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi.

Jiġi żgurat li l-Liġi dwar il-Verifika Interna u l-abbozz tal-Liġi Baġitarja organika huma f'konformità ma' standards rikonoxxuti internazzjonalment.

Tissaħħaħ l-indipendenza ta' l-Istitut Suprem tal-Verifika.

L-istatistika

Tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-Uffiċċju ta' l-Istatistika.

Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

Il-viża, il-kontroll tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni

Jinħarġu dokumenti ta' vjaġġar f'konformità ma' standards internazzjonali, tiġi żgurata l-kapaċità amministrattiva meħtieġa biex dan isir, u jiġi stabbilit netwerk ċentralizzat ta' IT għall-amministrazzjoni ta' viżi.

Jiġu adottati emendi għal-Liġi dwar il-frustieri biex il-leġiżlazzjoni dwar il-viża titqarreb lejn l-istandards ta' l-UE.

Jiġu implimentati l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni fil-fruntiera bejn l-uffiċjali tad-dwana u l-pulizija tal-fruntiera.

Jiġi żgurat li l-ġestjoni tal-punti tal-qsim kollha fuq il-fruntieri, partikolarment fil-portijiet ta' Durres u Vlora, tikkonforma ma' l-istandards ta' l-UE.

Jiġi implimentat il-ftehim ta' riammissjoni KE/Albanija u jiġu nnegozjati ftehim ta' riammissjoni mal-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti fi transitu.

Tiġi ffokata kapaċità amministrattivi u finanzjarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar l-ażil u l-migrazzjoni u l-istrateġiji u l-pjani ta' azzjoni nazzjonali relatati.

Money laundering

Jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi infurzata aħjar il-leġiżlazzjoni kontra l-money laundering f'termini ta' prevenzjoni, kundanni, konfiski, sekwestri u ffriżar ta' assi.

Tittejjeb il-kapaċità ta' l-unità ta' l-intelligence finanzjarja, l-uffiċċji tal-prosekutur u l-Unità tal-pulizija għall-Kriminalità Ekonomika billi jiġu żgurati riżorsi xierqa finanzjarji u ta' l-IT u billi tittejjeb il-kooperazzjoni fil-livell tax-xogħol.

Tiġi allinjata l-Liġi dwar il-prevenzjoni tal-money laundering ma' l-acquis u mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni dwar l-Azzjoni Finanzjarja u ta' Moneyval tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

Tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-aġenzija għall-amministrazzjoni ta' l-assi maqbuda u kkonfiskati.

Tittejjeb ulterjorment il-kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' pajjiżi oħrajn.

Jiġi żgurat infurzar sew ta' l-obbligi tar-rappurtaġġ u jiġu eżaminati l-imiti tar-rappurtaġġ ta' transazzjonijiet.

Jittieħdu miżuri aktar effikaċi għat-tnaqqis ta' l-użu tal-flus kontanti fl-ekonomija.

Drogi

Tiġi implimentata l-istrateġija nazzjonali kontra d-droga, il-pjan ta' azzjoni relatat u r-rakkomandazzjonijiet tal-mini Grupp ta' Dublin.

Jittejjeb it-taħriġ, it-tagħmir u l-kontinwità tal-ġestjoni ta' l-uffiċjali tal-pulizija involuti fil-ġlieda kontra d-drogi u jittieħdu passi ulterjuri biex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar, kemm fil-livell domestiku kif ukoll ma' sħab f'pajjiżi oħrajn, fil-ġlieda kontra d-drogi.

Jiġu identifikati u mressqa għall-prosekuzzjoni dawk responsabbli għall-korruzzjoni relatata mad-drogi fil-livelli kollha fl-amministrazzjoni pubblika.

Tiġi żgurata trasparenza akbar fl-għadd tas-sekwestri u jittieħdu miżuri biex jiġu eliminati b'mod xieraq id-drogi sekwestrati f'każijiet antiki.

Tiġi implimentata strateġija globali bbilanċjata biex tiġi trattata d-domanda għad-drogi, inkluża l-prevenzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni ta' dawk dipendenti fuq id-droga.

Pulizija

Tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet dwar il-gradi inklużi fil-Liġi l-ġdida tal-Pulizija ta' l-Istat.

Tittejjeb il-kapaċità ta' ġestjoni tal-pulizija ta' l-Istat Albaniża.

Tissaħħaħ l-unità ta' l-affarijiet interni tal-pulizija u tiġi żgurata l-prosekuzzjoni xierqa ta' uffiċjali tal-pulizija ħatja ta' reati kriminali.

Jiġi stabbilit u jitħaddem manwal konsolidat ta' proċeduri għall-uffiċjali tal-pulizija kriminali kollha.

Tiġi implimentata l-istrateġija dwar iż-żamma ta' l-ordni fil-komunità.

Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu

Jittieħdu miżuri ulterjuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn id-diversi korpi statali involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu u, b'mod partikolari, bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-pulizija.

Jittieħdu miżuri ulterjuri biex jiġu stabbiliti sistemi koerenti u kkoordinati ta' ġbir u pproċessar ta' intelligence.

Jissaħħaħ l-użu ta' mezzi investigattivi speċjali, l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni u l-użu ta' l-informazzjoni mill-intelligence.

Jiġu attwati b'urġenza ta' miżuri prattiċi biex tiġi garantita l-protezzjoni tax-xhieda.

Tissaħħaħ kooperazzjoni domestika u internazzjonali għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u għall-impjieg tal-persunal ta' l-unità tal-pulizija ta' kontra t-traffikar.

Jittieħdu miżuri biex l-analisti u l-investigaturi ta' kontra t-terroriżmu jingħataw tagħmir u taħriġ aħjar.

Protezzjoni ta'data personali

Tiġi allinjata l-liġi attwali dwar il-protezzjoni ta' data personali ma' l-acquis, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-protezzjoni ta' data personali.

Tiġi stabbilita awtorità superviżorja indipendenti għall-protezzjoni ta' data b'setgħat suffiċjenti fuq is-setturi pubbliċi u privati u riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti.

3.2.   PRIJORITAJIET FUQ PERIJODU MEDJU

Kriterji politiċi

Demokrazija u l-istat tad-dritt

Governanza

Tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u sorveljanza ta' l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp u l-integrazzjoni.

Amministrazzjoni pubblika

Jiġi żgurat li s-setturi ta' l-amministrazzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u dawk involuti fl-implimentazzjoni ta' l-assistenza finanzjarja tal-KE jitħarrġu b'mod xieraq u jkollhom tagħmir biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom.

Jiġu introdotti maniġġar u taħriġ orjentati lejn ir-riżultati għall-impjegati taċ-ċivil.

Tiġi mfassla u implimentata struttura ta' salarji għall-impjegati taċ-ċivil li tippermetti kemm ippjanar baġitarju xieraq kif ukoll struttura għal karriera motivanti.

Tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riformi fl-amministrazzjoni pubblika.

Sistema ġudizzjarja

Tiġi żgurata l-prosekuzzjoni ta reati serji, speċjalment il-kriminalità organizzata, b'attenzjoni partikolari għall-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni transkonfinali.

Tiġi rinfurzata l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tax-xhieda.

Jiġi żgurat taħriġ kontinwu u xieraq għall-imħallfin u l-prosekuturi, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-etika u kwistjonijiet kummerċjali u korporattivi u kwistjonijiet relatati mal-FSA.

Tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja ta' l-iskola tal-maġistratura.

Jiġu riveduti r-rwol u l-kwalifiki ta' l-amministraturi ġudizzjarji u dawn jiġu inkorporati progressivament tagħhom fis-servizz ċivili, filwaqt li tiġi żgurata parità fis-salarju mal-persunal tal-ministeri.

Politika kontra l-korruzzjoni

Jiġu implimentati l-Konvenzjonijiet Ewropej dwar il-Korruzzjoni f'Materji Kriminali u Ċivili ratifikati mill-Albanija u l-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU.

Jinkisbu riżultati sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, bl-infurzar ta' leġiżlazzjoni xierqa.

Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

Osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem

Jiġi żgurat li d-detenuti u l-priġunieri taħt kustodja jkunu ttrattati skond l-istandards internazzjonali.

Drittijiet ċivili u politiċi

Tittejjeb is-sistema tal-ġustizzja għall-minorenni.

Tiġi żgurata konformità mal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew l-Ikkastigar, Inuman jew Degradanti.

Tiġi adottata leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, u jiġi żgurat sostenn istituzzjonali xieraq għall-vittmi inkluż minn istituzzjonijiet eżistenti responsabbli għad-drittijiet tal-bniedem.

Tiġi infurzata leġiżlazzjoni dwar ir-restituzzjoni/kumpens ta' proprjetajiet ikkonfiskati matul il-perijodu komunista.

Jiġi kkompletat il-proċess ta' reġistrazzjoni ta' l-art.

Jiġi żgurat li t-trasferimenti tal-proprjetà jitwettqu skond il-liġi u jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-korpi kollha involuti fil-proċess (nutara, reġistru tal-proprjetà, eċċ.).

Tiġi infurzata leġiżlazzjoni dwar medja stampata u elettronika, waqt li jittieħed kont ta' standards Ewropej.

Jiġi żgurat li l-allokazzjoni tal-frekwenzi televiżivi ssir b'mod ġust u mhux diskriminatorju, skond il-pjan nazzjonali, u li r-rekwiżiti jkunu rrispettati b'mod sħiħ mix-xandara, u tittejjeb in-newtralità tas-servizz pubbliku tax-xandir.

Titħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva ta' NGO’s u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-gvern u t-titjib kontinwu fil-kwalità tal-ġurnaliżmu.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

Jiġi promoss aktar id-djalogu reġjonali, l-istabbiltà, ir-relazzjonijiet tajba mal-viċinat u l-kooperazzjoni.

Jiġi allinjat il-ftehim konkluż ma' l-Istati Uniti dwar il-kondizzjonijiet ta' ċessjoni ta' persuni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali f'konformità mal-prinċipji gwida ta' l-UE adottati mill-Kunsill Ewropew f'Settembru 2002.

Kriterji ekonomiċi

Titnaqqas ir-rata fiskali fuq is-salarji u jittejbu l-istruttturi għall-inċentivi u l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol biex jogħlew ir-rati ta' parteċipazzjoni u impjieg, filwaqt li jiġu żgurati r-riżorsi fiskali bit-twessigħ tal-bażi fiskali u t-titjib fil-konformità, b'ritmu mkejjel u prudenti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Tittejjeb is-sistema edukattiva bil-għan li jiżdied il-provvediment tal-kompetenzi mfittxija, jiġi mrawwem l-impjieg u t-tkabbir ekonomiku għall-perijodu fit-tul.

Tiġi aġġornata l-infrastruttura tal-pajjiż, b'mod partikolari fl-enerġija u t-trasport, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ta' l-ekonomija kollha.

Titħaffef il-privatizzazzjoni ta' l-imprizi pubbliċi biex tissaħħaħ il-governanza korporattiva u jitnaqqas it-telf kważi fiskali.

Jittejjeb l-ambjent kummerċjali biex jiżdied l-investiment barrani dirett ġdid (greenfield).

Jiġu stabbiliti proċeduri effettivi għall-iżvelar, it-trattament u s-segwitu tal-każijiet ta' frodi (suspettati) u irregolaritajiet oħrajn li jaffetwaw il-fondi nazzjonali u internazzjonali.

Standards Ewropej

Suq intern

Moviment liberu ta' oġġetti

Tiġi żgurata kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-FSA u l-IA f'dan il-qasam.

Isir progress ulterjuri fl-adozzjoni ta' standards Ewropej u jitħaffu l-isforzi biex issir membru sħiħ ta' l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' l-istandardizzazzjoni.

Isir progress fit-traspożizzjoni ta' approċċ ġdid u u globali u direttivi b'approċċ qadim.

Tiġi stabbilita sistema ta' sorveljanza tas-suq.

Jiġi żgurat funzjonament imtejjeb tal-korpi responsabbli għall-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni u ta' dawk responsabbli għall-metroloġija u l-ikkalibrar, b'kont meħud ta' l-aħjar prassi tal-KE.

Tiġi żgurata s-sħubija ta' l-Albanija fl-organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni.

Moviment tal-persuni, servizzi u d-dritt ta' l-istabbiliment

Tiġi approvata leġiżlazzjoni dwar l-impjieg ta' barranin u jittieħdu miżuri għall-koordinazzjoni tas-servizzi tas-sigurtà soċjali.

Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta' stabbiliment tiġi implimentata b'mod ġust u imparzjali.

Moviment liberu tal-kapital

Isir progress lejn l-issodisfar ta' l-impenji ta' l-Albanija mal-FSA dwar liberalizzazzjoni sħiħa tal-moviment tal-kapital, inkluż l-iżgurar ta' l-istess trattament għal ċittadini ta' l-UE u Albaniżi dwar investimenti ta' portafoll u tislif u kreditu finanzjarju b'maturità iqsar minn sena.

Dwana u tassazzjoni

Tiġi żgurata approssimazzjoni kontinwa ma' l-acquis ta' l-UE tal-leġiżlazzjoni doganali u fiskali ta' l-Albanija, u tiżdied il-kapaċità amministrattiva biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni doganali u fiskali u biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni, l-kriminalità transkonfinali u l-evażjoni fiskali.

Tittejjeb it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni ma' l-Istati Membri ta' l-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta' miżuri li jipprevjenu l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxi.

Kompetizzjoni

Jittejjeb ulterjorment ir-rekord ta' l-infurzar fl-oqsma ta' l-anti-trust u l-kontroll ta' l-għajnuna statali.

Jiġi kkompletat l-allinjament ta' skemi ta' għajnuna statali ma' regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, kif stipulat fil-ftehim temporanju.

Akkwist pubbliku

Tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-qafas legali ta' l-Albanija ma' l-acquis ta' l-UE.

Jinkisbu strutturi ta' l-akkwist pubbliku kompletament operattivi, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku f'konformità stretta mal-liġi u r-rekwiżiti tal-FSA.

Liġi dwar il-proprjetà intelletwali

Jiġu implimentati bis-sħiħ konvenzjonijiet internazzjonali ratifikati fil-qasam tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, kummerċjali u industrijali.

Tiġi implimentata sew il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jinkisbu riżultati mtjeba fil-ġlieda kontra l-piraterija u l-iffalsifikar.

Tiġi garantita kapaċità amministrattiva suffiċjenti għall-konformità mar-rekwiżiti tal-FSA f'dan il-qasam.

Impjieg u linji ta' politika soċjali

Tiġi ffaċiltata l-inklużjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

Jiġu integrati strateġiji għall-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali fil-linji ta' politika soċjali, edukattiva, fiskali, ta' intrapriża u reġjonali. Tiġi trattata l-implimentazzjoni ta' impenji internazzjonali fis-saħħa b'mod partikolari r-regolamenti internazzjonali dwar is-saħħa.

Isir progress ma' l-allinjament ta' standards ta' kwalità għat-trasfużjoni tad-demm u komponenti tad-demm mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE.

Tinbeda l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Nazzjonali għas-Sistema tas-Saħħa 2007 sa 2013.

Edukazzjoni u Riċerka

Jitkomplew l-isforzi biex tittejjeb il-kwalità ta' l-edukazzjoni u biex tinħoloq sistema moderna ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla.

Linji ta' politika settorjali

Industrija u SMEs

Tiġi infurzata leġiżlazzjoni kummerċjali mtjeba.

Jiġi żgurat li l-istrateġija għall-ġlieda kontra l-ekonomija informali żżomm il-pass ma' żviluppi fis-settur.

Jiġu żviluppati ulterjorment strutturi ta' sostenn speċjalizzati għan-negozji (per eżempju inkubatriċi u raggruppamenti ta' impriżi) u tiġi eżaminata l-fattibbiltà ta' park kummerċjali/teknoloġiku.

Jinbdew it-tfassil u l-applikazzjoni ta' politika integrata ta' riċerka u jiġu żviluppati ulterjorment miżuri għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u l-kompetittività għall-kumpanniji żgħar.

Jiġu introdotti standards ta' żvelar u rappurtar finanzjarju konformi ma' standards ta' l-UE u jiġi żgurat infurzar effettiv.

Titkompla l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar.

Agrikoltura u sajd

Jiġu żviluppati strateġiji għall-użu ta' l-art, is-suq ta' l-art, l-iżvilupp rurali, id-diversifikazzjoni ta' l-attivitajiet agrikoli u t-tisħiħ tal-kompetittività agrikola.

Jinkiseb titjib sostanzjali f'termini ta' sigurtà alimentari (IATE) u kondizzjonijiet fitosanitarji u veterinarji, f'konformità mar-rekwiżiti tal-KE.

Tiġi vvalutata l-konformità ta' stabbilimenti agro-alimentari ma' rekwiżiti ta' l-UE, jiġi mħejji programm għall-immodernizzar tagħhom u tinbeda l-implimentazzjoni tiegħu.

Tinbeda azzjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat kontroll effiċjenti tal-produzzjoni veġetali domestika, b'mod partikolari għall-prodotti b'rekwiżiti ta' l-UE speċifiċi, u tiġi stabbilita kapaċità analitika fis-settur fitosanitarju.

Jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-politika ta' sajd Albaniża tersaq eqreb lejn l-istandards ta' l-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riżorsi, l-ispezzjoni u l-kontroll u fil-linji ta' politika tas-suq u strutturali.

Ambjent

Jiġi stabbilit inventarju sħiħ taż-żoni sensittivi u jitkomplew l-isforzi biex jiġu trattati żoni sensittivi diġà identifikati.

Jitnaqqis t-tniġġis prodott mir-raffinerija ta' Balsh, inkluż ir-rimi fix-Xmara Gjanica, u jittieħdu miżuri għat-trattament tat-tniġġis ta' l-ilma b'mod ġenerali.

Jissaħħaħ il-monitortaġġ ambjentali u jiġu żgurati sanzjonijiet diswassivi kontra min iniġġes.

Titkompla l-implimentazzjoni ta' impenji ambjentali reġjonali u internazzjonali.

Politika tat-trasport

Titkompla l-implimentazzjoni tal-pjan ġenerali għat-trasport Albaniż.

Jintemmu r-riformi istituzzjonali meħtieġa biex tittejjeb il-ġestjoni ta' l-assi tat-trasport, il-prijoritizzazzjoni ta' l-investimenti, it-tiswir tal-politika u l-involviment tas-settur privat.

Isir progress sostanzjali fir-rijabilitazzjoni tal-portijiet ta' Durres u Vlora u jiġu kkonsolidati l-operazzjonijiet fil-portijiet ta' hemmhekk.

Jinkisbu riżultati mtejba f'termini ta' sigurtà fit-toroq (inkluża l-implimentazzjoni tat-takografija diġitali) u jittieħdu passi addizzjonali lejn approssimazzjoni ulterjuri ma' l-acquis dwar aċċess għas-suq (okkupazzjoni) u regoli soċjali.

Titkompla l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar l-iżvilupp tan-netwerk prinċipali tat-trasport reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk (SEE), u l-kooperazzjoni ma' l-osservatorju tat-trasport ta' l-SEE.

Jinħolqu l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport ferrovjarju, inkluż l-istabbiliment ta' korpi regolatorji u ta' sigurezza.

Jiġu implimentati impenji meħuda taħt it-tieni fażi transitorja tal-Ftehim dwar l-Ispazju ta' l-Avjazzjoni Komuni Ewropew.

Jinkisbu riżultati sinifikanti fit-titjib tal-kondizzjonijiet tas-sigurezza marittima, inklużi l-faċilitajiet statali għall-kontroll tal-portijiet u l-prestazzjoni tar-reġistru tat-tbaħħir skond il-memorandum ta' ftehim ta' Pariġi.

Enerġija

Tkompli tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-pjani ta' azzjoni rigward is-settur ta' l-elettriku u l-gass u jsir aktar progress fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija Albaniża għall-enerġija.

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha tad-diversi proġetti immirati lejn it-titjib ta' l-infrastruttura għall-produzzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija elettrika.

Titkompla l-implimentazzjoni ta' impenji reġjonali u internazzjonali fil-qasam ta' l-enerġija bil-ħsieb li jiġi stabbilit suq reġjonali kompetittiv ta' l-enerġija.

Tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Effiċjenza ta' l-Enerġija.

Soċjetà ta' l-informazzjoni u l-medja

Jiġi traspost u implimentat ulterjorment il-qafas ta' l-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Jitkompla l-proċess ta' allinjament mal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali u d-direttiva dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri.

Kontroll finanzjarju

Jiġu żviluppati u implimentati l-prinċipji tar-responsabbiltà ta' ġestjoni deċentralizzata u ta' verifika interna funzjonalment indipendenti, skond standards internazzjonali u l-aħjar prattika ta' l-UE.

Jiġu żviluppati proċeduri u kapaċità amministrattiva biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva ta' l-interessi finanzjarji ta' l-UE.

Jiġi żgurat li l-Liġi dwar il-verifika esterna tkun konformi mal-linji gwida ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika.

Tiġi msaħħa ulterjorment il-kapaċità għall-verifika esterna, il-ġestjoni tal-kontroll finanzjarju u l-verifika interna.

Statistika

Tittejjeb l-istatistika agrikola u l-istatistika makroekonomika, tiġi żviluppata statistika soċjali, inkluża statistika dwar l-edukazzjoni u s-saħħa, u jsir progress lejn l-implimentazzjoni tal-klassifikazzjonijiet Ewropej kollha, inkluża l-klassifikazzjoni tar-reġjuni statistiċi.

Ġustizzja, libertà u sigurtà

Viża, kontroll tal-fruntieri, ażil u migrazzjoni

Jiġi żgurat li d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar Albaniżi kollha jikkonformaw ma' standards internazzjonali.

Jiġu implimentati l-impenji internazzjonali kollha meħuda mill-Albanija fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri.

Tiġi infurzata leġiżlazzjoni relatata ma' l-ażil u tiġi stabbilita sistema komprensiva għall-ażil, f'konformità ma' standards internazzjonali, inkluż ir-riċeviment ta' min ifittex l-ażil.

Tiġi implimentata l-istrateġija nazzjonali ta' l-Albanija dwar il-migrazzjoni u l-pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar l-ażil.

Jiġi żgurat li l-Albanija tkun f'pożizzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-FSA rigward ċittadini ta' l-UE li jaħdmu u/jew jirrisjedu fl-Albanija.

Jiġu konklużi, ratifikati u implimentati progressivament il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin kollha fil-qasam tal-migrazzjoni.

Money laundering

Tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika u finanzjarja, inkluż il-money-laundering u l-iffalsfikar ta' valuti.

Jinkisbu riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra l-money-laundering, kemm ġewwa kif ukoll barra s-settur finanzjarju.

Drogi

Jiġu żgurati riżultati sostanzjalment imtejba fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, speċjalment rigward drogi sintetiċi, eroina u kokaina.

Pulizija

Titkompla l-ħidma biex is-servizzi tal-pulizija jilħqu l-istandards Ewropej, l-aktar permezz ta' taħriġ u tagħmir xierqa.

Jinkisbu riżultati sinifikanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra imġiba kriminali oħrajn fost il-forzi tal-pulizija.

Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu

Tiżdied ulterjorment il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

Isir progress kbir fir-rata, l-għadd u l-kwalità tal-prosekuzzjonijiet relatati ma' reati marbuta mal-kriminalità organizzata u t-traffikar illegali kif ukoll f'termini tal-konfiska tad-dħul mir-reati.

Jiġu inkorporati bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni domestika u jiġu implimentati l-konvenzjonijiet u l-protokolli internazzjonali dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu li għalihom l-Albanija hija parti.

Protezzjoni ta' data personali

Jiġu żgurati s-sorveljanza u l-infurzar effiċjenti ta' leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' data personali.

4.   PROGRAMMAR

L-għajnuna Komunitarja taħt il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ser tiġi pprovduta taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti, b'mod partikolari bir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (IPA), u għall-programmi adottati qabel l-2007, ir-Regolament (KE) Nru 2666/2000 (ir-Regolament CARDS) (1). Il-ftehim finanzjarji jservu bħala bażi legali għall-implimentazzjoni tal-programmi konkreti. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni mhux ser ikollha implikazzjonijiet finanzjarji.

L-Albanija jista' jkollha wkoll aċċess għal finanzjament minn programmi multi-nazzjonali u orizzontali.

5.   KONDIZZJONALITÀ

L-assistenza lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija kondizzjonali għall-progress fl-issodisfar tal- kriterji ta' Kopenħagen u l-konformità mal-prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija Ewropea. Nuqqas ta' rispett għal dawn il-kondizzjonijiet jista' jwassal sabiex il-Kunsill jieħu miżuri xierqa abbażi ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006 jew, fil-każ ta' programmi qabel l-2007, abbażi ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000. L-assistenza hija wkoll soġġetta għall-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, b'mod partikolari rigward it-teħid ta' l-impenn tar-riċevituri li jwettqu riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali. Il-kondizzjonijiet speċifiċi huma wkoll inklużi fi programmi annwali individwali. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament ser jiġu segwiti bi ftehim finanzjarju ffirmat ma' l-Albanija.

6.   MONITORAĠĠ

L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea ser tkun eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Kummissjoni.


(1)   ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament(KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).