5.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 60/30


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Frar 2008

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Malasja dwar ċertu aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

(2008/196/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(2)

Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità Ftehim mal-Gvern tal-Malasja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru (“il-Ftehim”) skond il-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(3)

Il-Ftehim ġie ffirmat f’isem il-Komunità Ewropea suġġett għal konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard, skond id-Deċiżjoni 2007/210/KE (1).

(4)

Il-Ftehim għandu jkun approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Malasja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru huwa permezz ta’ dan approvat f’isem il-Komunità.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat li jinnomina l-persuna bis-setgħa li tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)   ĠU L 94, 4.4.2007, p. 26.