27.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 52/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-26 ta’ Frar 2008
li temenda d-Deċiżjoni 2006/601/KE dwar miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ organiżmu ġenetikament modifikat li mhuwiex awtorizzat “LL RICE 601” fil-prodotti tar-ross
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 743)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/162/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (2) jipprevedu li l-ebda ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandu jitqiegħed fis-Suq tal-Komunità sakemm ma jkunx kopert minn awtorizzazzjoni mogħtija skond dan ir-Regolament. L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 16(3) ta’ l-istess Regolament jistabbilixxu li l-ebda ikel u għalf ġenetikament modifikat ma jista’ jkun awtorizzat sakemm ma jiġix muri b’mod adegwat u suffiċjenti li ma jkollux effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew l-ambjent, li ma jqarraqx bil-konsumatur jew l-utent, u li ma jkunx differenti mill-ikel jew mill-għalf li maħsub jissostitwixxi sa tali punt li l-konsum normali tiegħu jkollu żvantaġġi nutrittivi għall-bnedmin jew l-annimali. |
(2) |
L-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza xierqa tal-Komunità għall-ikel u l-għalf importat minn pajjiż terz sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent, meta r-riskju ma jkunx jista’ jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri kkonċernati. |
(3) |
Fid-dawl tal-preżunzjoni ta’ riskju fuq prodotti mhux awtorizzati skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/601/KE tal-5 ta’ Settembru 2006 dwar miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ l-organiżmu ġenetikament modifikat li mhuwiex awtorizzat “LL RICE 601” fil-prodotti tar-ross (3) obbligat lill-Istati Membri biex ma jippermettux it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tar-ross li joriġinaw mill-Istati Uniti sakemm il-kunsinna ma tkunx akkumpanjata b’rapport analitiku oriġinali maħruġ minn laboratorju akkreditat li jixhed li l-prodott ma fihx ross ġenetikament modifikat “LL RICE 601” u biex jieħdu kampjuni u jwettqu analiżi b’mod uffiċjali u sistematiku ta’ kull kunsinna ta’ prodotti speċifiċi li joriġinaw mill-Istati Uniti qabel ma jitqiegħdu fis-suq. |
(4) |
Fil-5 ta’ Ottubru 2007, id-Dipartiment għall-Agrikultura ta' l-Istati Uniti (USDA) ippubblika r-riżultati ta’ l-investigazzjoni tiegħu dwar, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ “LL RICE 601” fir-ross kummerċjali ta’ l-Istati Uniti. Filwaqt li l-mekkaniżmi preċiżi tal-kontaminazzjoni ma setgħux jiġu stabbiliti, is-sejbiet jindikaw li s-sors tal-kontaminazzjoni minn “LL RICE 601” kien limitat. |
(5) |
Il-federazzjoni tar-Ross ta’ l-Istati Uniti adottat pjan bl-għan li jitneħħa l-“LL RICE 601” mill-kanali ta’ l-esportazzjoni ta’ l-Istati Uniti. Dan il-pjan jinkludi l-ittestjar taż-żrieragħ qabel ma jitħawwlu, kif ukoll kontrolli dokumentarji u analitiċi fil-postijiet fejn issir il-kunsinna tal-ħsad ta’ l-2007. Ftit aspetti biss ta' dan il-pjan huma suġġetti għal rekwiżiti regolatorji f’xi wħud mill-Istati Amerikani. Għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kunsinni kollha tar-ross li joriġina mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika importati fl-Unjoni Ewropea jkunu suġġetti għal dan il-pjan. |
(6) |
Fid-9 ta’ Novembru 2007, l-USDA ressaq proposta lill-Kummissjoni ta’ Protokoll li jkun jiżgura li l-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tad-Deċiżjoni 2006/601/KE jkunu suġġetti għal teħid ta’ kampjuni uffiċjali mill-Grain Inspection, Packers and Stockyards Administration (GIPSA) u jiġu analizzati bl-użu tal-metodu “P35S:BAR” imsemmi fid-Deċiżjoni 2006/601/KE f'laboratorju li jipparteċipa b'suċċess fil-programm ta' profiċjenza speċjalizzat u amministrat mill-GIPSA. Skond dan il-protokoll, il-kunsinni ta’ dawn il-prodotti jkunu akkumpanjati mill-oriġinal ta’ rapport analitiku u minn ittra intestata maħruġa mill-GIPSA li tindika li ma ġiex individwat l-“LL RICE 601”. |
(7) |
L-involviment uffiċjali tal-GIPSA, kif deskritt fil-proposta ta’ protokoll, jipprovdi assigurazzjoni xierqa fir-rigward tal-kwalità tal-kontrolli li saru. Bħala konsegwenza, it-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi uffiċjali u obbligatorji mill-Istati Membri mad-dħul fil-Komunità ma għadhomx jitqiesu meħtieġa. |
(8) |
Dawn il-miżuri għandhom jiġu riveduti fi żmien sitt xhur biex jiġi vvalutat jekk għadhomx meħtieġa, fid-dawl ta' l-impatt tagħhom u ta' l-esperjenza prattika miksuba dwar ir-rekwiżiti attwali ta’ l-ittestjar. |
(9) |
Għalhekk id-Deċiżjoni 2006/601/KE għandha tiġi emendata skond dan. |
(10) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2006/601/KE hi emendata kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 2 Kundizzjonijiet għall-ewwel tqegħid fis-suq 1. L-Istati Membri għandhom jippermettu biss l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 jekk il-kunsinna ta’ dawn il-prodotti tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:
2. F’każ li kunsinna tinqasam, il-kopji tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jakkumanjaw kull parti tal-kunsinna maqsuma sa l-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa, dan l-istess stadju inkluż. Dawn il-kopji għandhom ikunu ċċertifikati mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun seħħet il-qasma tal-kusinna.” |
(2) |
L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 3 Miżuri oħra ta’ kontroll 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, li jinkludu t-teħid ta’ kampjuni każwali u l-analiżi mwettqa skond l-Anness I rigward il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ippreżentati għall-importazzjoni jew li diġà jinsabu fis-suq biex tiġi aċċertata l-assenza ta’ ross ġenetikament modifikat ‘LL RICE 601’. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’riżultati pożittivi (mhux favorevoli) permezz tar-Rapid Alert System għall-ikel u l-għalf. 2. L-Istati Membri għandhom sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Lulju 2008 jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport tar-riżultati analitċi kollha ta’ kontrolli uffiċjali fuq kunsinni ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1.” |
(3) |
Il-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej: “1. L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-ħruġ tad-dokumenti mehmuża skond l-Artikolu 2(2) għandhom jitħallsu mill-operatur kummerċjali ta’ l-ikel responsabbli għall-kunsinna jew mir-rappreżentant tiegħu.” |
(4) |
L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 6 Reviżjoni tal-miżuri Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Awwissu 2008.” |
(5) |
Fl-intestatura ta’ l-Anness il-kelma “Anness” tinbidel b’“Anness I”. |
(6) |
It-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni jiżdied bħala l-Anness II. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Frar 2008.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).
(2) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1981/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 99).
(3) ĠU L 244, 7.9.2006, p. 27. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/754/KE (ĠU L 306, 7.11.2006, p. 17).
ANNESS
“ANNESS II
Protokoll għat-teħid ta’ kampjuni u għall-ittestjar ta’ kunsinni ta’ ross tawwali ta’ l-Istati Uniti qabel l-esportazzjoni mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika lejn il-Komunità Ewropea
Teħid ta’ kampjuni. Kull kunsinna (lott) ta’ ross tawwali ta’ l-Istati Uniti li tintbagħat lejn l-Ewropa għandu jittieħed kampjun tagħha b'mod uffiċjali mill-persunal tal-Grain Inspection, Packers and Stockyards Administration (GIPSA) ta’ l-USDA skond il-proċeduri stabbiliti tat-teħid ta’ kampjuni. Dawn il-proċeduri jidhru fir-Rice Inspection Handbook, Chapter 2, Sampling tal-GIPSA.
Id-daqs tal-kampjun globali oriġinali għandu jkun skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/787/KE. Il-persunal tal-GIPSA għandu jħejji kampjun kompost tal-lott ta’ 2,5 kg rappreżentattiv għal-laboratorju ta’ l-ittestjar u se jżomm kampjun tal-fajl identiku ta’ 2,5 kg. Il-GIPSA se jwaħħal siġill mal-kampjun tal-laboratorju u jirreġistra n-numru tas-siġill għal referenza futura.
Ittestjar. L-applikant għas-servizz għandu jgħaddi l-kampjun issiġillat lil wieħed mil-laboratorji ta’ l-ittestjar kummerċjali li jipparteċipaw b’suċċess fil-programm ta’ profiċjenza tar-ross LibertyLink amministrat mill-GIPSA u li jinsabu elenkati f'dan is-sit: http://archive.gipsa.usda.gov/rdd/llriceprof.pdf. Kull laboratorju jittestja ġabra ta’ kampjuni fi ħdan il-livell ivverifikat ta’ individwazzjoni tiegħu biex jinkiseb livell perċentwali ta’ individwazzjoni ta’ 0,01.
Il-laboratorju għandu jirreġistra n-numru tas-siġill, ikisser is-siġill, u jittestja erba’ kampjuni ta’ 240 gramma meħuda mill-kampjun tal-laboratorju wieħed. Se ssir estrazzjoni waħda minn kull kampjun. Għandhom isiru żewġ analiżi PCR għal kull estrazzjoni billi jintuża l-metodu 35S:BAR żviluppat minn Bayer CropScience u vverifikat kemm mill-GIPSA kif ukoll mill-JRC. Il-lott għandu biss jitqies negattiv meta r-riżultati kollha tal-kampjun ikunu negattivi.
Rappurtaġġ. Il-laboratorju għandu jirrapporta r-riżultati, u n-numru tas-siġill tal-GIPSA, fuq ir-rapport tal-laboratorju, u jgħaddih lill-applikant għas-servizz. L-applikant għandu jagħti r-rapport tal-laboratorju lill-uffiċċju tal-GIPSA li ħa l-kampjun tal-lott. Il-GIPSA joħroġ dokument uffiċjali kif ġej, u jgħaddih lill-applikant:
‘Il-GIPSA ħadet uffiċjalment kampjun tal-lott ta’ ross identifikat bħala (speċifika l-identifikazzjoni tal-lott) u applikat in-numru tas-siġill (niżżel in-numru tas-siġill). (Niżżel l-isem tal-laboratorju), li jipparteċipa fil-programm ta’ profiċjenza tar-ross LibertyLink amministrat mill-GIPSA, ittestja kampjun identifikat b’dan in-numru tas-siġill u ma individwax ir-ross LibertyLink ibbażat fuq il-metodu vverfikat 35S:BAR. Mehmuż hawn ir-rapport tal-laboratorju.’ ”