|
26.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 51/19 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Frar 2008
li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li jikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE
(2008/158/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ffirmat f’Kotonu fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2),
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (3) u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE (4), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe skond l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ngħalqu u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni. |
|
(2) |
Bid-Deċiżjoni 2006/114/KE l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE, li kienet estiża sa l-20 ta’ Frar 2004 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/112/KE (5), sa l-20 ta’ Frar 2005 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/157/KE (6), sa l-20 ta’ Frar 2006 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/139/KE (7) u sa l-20 ta’ Frar 2007 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/114/KE (8), kienu estiżi għall-perjodu ieħor ta’ tnax-il xahar sa l-20 ta’ Frar 2008. |
|
(3) |
L-elementi essenzjali kkwotati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE komplew ikunu miksura mill-Gvern taż-Żimbabwe, u l-kundizzjonijiet attwali fiż-Żimbabwe ma jiżgurawx rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt. |
|
(4) |
Il-perjodu ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri għandu għalhekk ikun estiż, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tal-miżuri li saret referenza għalihom fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE għandha tiġi estiża sa l-20 ta’ Frar 2009. Il-miżuri għandhom jinżammu taħt reviżjoni kontinwa.
L-ittra li tidher fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkun indirizzata lill-President taż-Żimbabwe.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Frar 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
D. RUPEL
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Il-Ftehim kif l-aħħar emendat permezz tad-Deċiżjoni Nru 4/2007 (ĠU L 25, 30.1.2008, p. 11).
(2) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 26.
(3) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376. Il-Ftehim Intern kif emendat l-aħħar mill-Ftehim Intern ta’ l-10 ta’ April 2006 (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 48).
(4) ĠU L 50, 21.2.2002, p. 64. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/127/KE (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 23).
(5) ĠU L 46, 20.2.2003, p. 25.
(6) ĠU L 50, 20.2.2004, p. 60.
ANNESS
Brussell,
L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE. Bħala elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.
Bl-ittra tad-19 ta’ Frar 2002, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u biex tieħu ċerti “miżuri xierqa” fit-tifsira ta’ l-Artikolu 96(2)(c) ta’ dak il-Ftehim.
Bl-ittri tad-19 ta’ Frar 2003, id-19 ta’ Frar 2004, it-18 ta’ Frar 2005, il-15 ta’ Frar 2006 u l-21 ta’ Frar 2007, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjonijiet tagħha li ma kenitx ser tirrevoka l-“miżuri xierqa” u li kienet ser testendi l-perjodu ta’ l-applikazzjoni sa l-20 ta’ Frar 2004, l-20 ta’ Frar 2005, l-20 ta’ Frar 2006, l-20 ta’ Frar 2007 u l-20 ta’ Frar 2008 rispettivament.
Tnax-il xahar wara, l-Unjoni Ewropea tqis li ma sar l-ebda progress sinifikanti fil-ħames oqsma msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002.
Fid-dawl ta’ dak li ssemma' hawn fuq, l-Unjoni Ewropea ma tqisx li tista’ tikkunsidra li tirrevoka l-miżuri xierqa u ddeċidiet li testendi l-perjodu ta’ l-applikazzjoni tagħhom sal-20 ta’ Frar 2009. Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea ser tibqa’ tiġi eżaminata u rriveduta anke fuq il-bażi ta’ valutazzjoni fil-fond tas-sitwazzjoni wara t-tkomplija ta’ l-inizjattiva ta’ l-SADC marbuta maż-Żimbabwe u l-elezzjonijiet li ġejjin.
L-Unjoni Ewropea tixtieq terġa' tenfasizza li mhix qiegħda tippenalizza n-nies taż-Żimbabwe u li ser tkompli bil-kontribuzzjoni tagħha għall-operazzjonijiet ta’ natura umanitarja u għall-proġetti f’appoġġ dirett favur il-popolazzjoni, partikolarment għal dawk il-proġetti fis-setturi soċjali, id-demokratizzazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li mhumiex affettwati b’dawn il-miżuri.
L-Unjoni Ewropea tixtieq tisħaq li l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa kif imfissra fl-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ma’ toħloq ebda xkiel għad-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim.
B’dan il-ħsieb, l-Unjoni Ewropea tixtieq għal darba oħra tenfasizza l-importanza li hi torbot ma’ kooperazzjoni fil-futur bejn il-KE u ż-Zimbabwe u tixtieq tikkonferma r-rieda tagħha li tkompli tuża l-opportunità pprovduta mill-għaxar eżerċizzju ta’ programmar kontinwu ta’ l-EDF biex tkompli bid-djalogu u li fil-futur qrib tirreġistra progress lejn sitwazzjoni fejn terġa' ssir possibbli kooperazzjoni sħiħa.
Għoddni tiegħek,
Għall-Kummissjoni
Għall-Kunsill