22.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 48/71


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Novembru 2007

Għajnuna mill-Istat C 38/2006 (ex NN 93/2005) – Skema ta’ titjib ta’ fabbriki tal-ħut implimentata fir-Renju Unit

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5397)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/154/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu, 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li sejħet lil partijiet terzi interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq (2),

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra datata 15 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni kienet mgħarrfa minn ċittadin mir-Renju Unit dwar għajnuna illegali mogħtija mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland, li hija l-awtorità pubblika fil-Gżejjer Shetland tar-Renju Unit. B’ittri datati 24 ta’ Awissu 2004, 4 ta’ Frar 2005, 11 ta’ Mejju 2005 u 16 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit biex jagħtiha informazzjoni dwar din l-għajnuna. Ir-Renju Unit ta lill-Kummissjoni aktar informazzjoni b’ittri datati 10 ta’ Diċembru 2004, 6 ta’ April 2005, 8 ta’ Settembru 2005 u 31 ta’ Jannar 2006.

(2)

B’ittra datata 13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju Unit li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita bl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE. Ir-Renju Unit ta l-kummenti tiegħu dwar il-każ b’ittra datata 16 ta’ Ottubru 2006 u 30 ta’ Jannar 2007.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fit-28 ta’ Novembru 2006 (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna. Ma waslu ebda kummenti.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA

(4)

Il-Kunsill tal-Gżejjer Shetland għamel pagamenti lis-settur tas-sajd fl-ambitu ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna ġenerali msejħin “Għajnuna lill-Industrija tal-Qbid u l-Ipproċessar tal-Ħut” u “Għajnuna lill-Industrija tat-Trobbija tal-Ħut”, li fil-fatt kienu magħmula minn tipi differenti ta’ skemi ta’ għajnuna, u li waħda minn dawn l-iskemi kienet l-hekk imsejħa “Skema ta’ Titjib ta’ Fabbriki tal-Ħut”.

(5)

Skond l-iskema ta’ titjib ta’ fabbriki tal-ħut (“l-iskema”), setgħet tingħata għajnuna għax-xiri ta’ makkinarju ġdid ta’ pproċessar u tagħmir għall-bini, titjib jew estensjoni ta’ fabbriki tal-ħut. It-tiswijiet ta’ makkinarju jew bini, iżda, ma kienx eliġibbli. Għajnuna għal tagħmir użat kienet titqies biss għal għajnuna f’ċirkustanzi speċjali u t-tagħmir użat kellu jkun spezzjonat jew iċċertifikat bħala funzjonabbli minn inġinier indipendenti.

(6)

Kienet tingħata għajnuna sa massimu ta’ 20 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli, f’ammont massimu ta’ liri sterlini (GBP) 20 000 għal fabbriki b’fatturat ta’ mhux anqas minn GBP 1 000 000; GBP 25 000 għal fabbriki b’fatturat ta’ bejn GBP 1 000 000 u GBP 3 000 000; u GBP 30 000 għal fabbriki b’fatturat ta’ aktar minn GBP 3 000 000.

(7)

Mit-13 ta’ Awissu 1993, sal-15 ta’ Diċembru 2004, saru pagamenti skond l-iskema favur Shetland Fish Products Limited, kumpanija involuta fil-produzzjoni ta’ ikel tal-ħut u żejt tal-ħut, mhux maħsubin biex jittieħdu mill-bniedem. L-għotjiet li ġejjin tħallsu lil dik il-kumpanija:

(a)

fit-13 ta’ Awissu 1997, ingħatat GBP 24 800 bħala għajnuna għax-xiri ta’ Alfa Laval Separator, li x-xogħol tiegħu huwa li jissepara ż-żejt tal-ħuta minn likwidu ta’ pressa msajjar;

(b)

fit-3 ta’ Settembru 1998, ingħataw GBP 1 592 bħala għajnuna għall-kisi parzjali mill-ġdid minn barra tal-bini tal-fabbrika; dan ix-xogħol sar bħala parti mit-titjib tal-fabbrika biex jgħinha tkun konformi mar-rekwiżiti dwar emissjonijiet ta’ arja mniġġsa;

(ċ)

fis-7 ta’ Jannar 1999, ingħataw GBP 3 600 bħala għajnuna għax-xiri ta’ skrun ġdid għall-għalf fil-fosos tal-ħut tal-fabbrika;

(d)

fil-25 ta’ Frar 1999, ingħataw GBP 9 479 bħala għajnuna għall-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ deidrazzjoni biex jitnaqqas l-ammont ta’ ilma żejjed li jidħol fil-fosos ta’ ħażna tal-ħut;

(e)

fl-10 ta’ Diċembru 1999, ingħataw GBP 19 480 bħala għajnuna biex jitbiddlu d-dekanters tal-fabbrika, u b’hekk titjib il-produzzjoni u l-effiċjenza;

(f)

fid-19 ta’ Jannar 2001, ingħataw GBP 14 949,86 bħala għajnuna għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ fwar ta’ espansjoni biex titjieb l-effiċjenza mill-enerġija fil-fabbrika u fil-produzzjoni; u

(j)

fil-15 ta’ Diċembru 2004, ingħataw GBP 19 700 bħala għajnuna għax-xiri ta’ krejn għall-ħatt tal-ħut biex il-fabbrika tkun tista’ tħott minn vapuri akbar, ittejjeb il-fiduċja fiha u jkun hemm aktar partijiet ta’ inġenji disponibbli.

Raġunijiet biex tinbeda l-proċedura

(8)

Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura l-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet ta’ l-iskema u l-parti l-kbira ta’ l-għajnuna mogħtija kienu kompatibbli mas-suq komuni, peress li kienu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3699/93 tal-21 ta’ Diċembru 1993, li jistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti dwar l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-setturi tas-sajd u akkwakultura u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom (4), u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta’ Diċembru 1999, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati u l-arranġamenti fir-rigward ta’ għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd (5), applikabbli fiż-żminijiet rispettivi ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna.

(9)

Iżda l-Kummissjoni għandha dubji serji dwar kemm l-għajnuna mogħtija lil Shetland Fish Products Limited hija kompatibbli mas-suq komuni, minħabba li dik l-għajnuna ingħatat għal investimenti għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u akkwakultura maħsubin għall-użu u l-ipproċessar għal finijiet ta’ konsum ħlief dak tal-bniedem, li ma setax isir skond ir-Regolament (KE) Nru 3699/93 u r-Regolament (KE) Nru 2792/1999.

III.   KUMMENTI TAR-RENJU UNIT

(10)

Fit-tweġiba tiegħu datata 16 ta’ Ottubru 2006, ir-Renju Unit ta aktar informazzjoni fuq l-għajnunijiet mogħtija lil Shetland Fish Products Limited.

(11)

Huwa kkonferma li l-għajnuna mogħtija lil dik il-kumpanija ma setgħetx titqies bħala li kienet konformi mal-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 3699/93 u r-Regolament (KE) Nru 2792/1999. Ir-Renju Unit qal li dawk li kienu jamministraw l-iskema ma kinux jafu, fiż-żmien meta l-għotjiet kienu awtorizzati, li għajnuna għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u akkwakultura maħsubin għall-użu u l-ipproċessar għall-finijiet ta’ konsum ħlief dak tal-bniedem ma setgħetx tingħata skond dawk ir-Regolamenti.

(12)

Iżda r-Renju Unit innota li mill-anqas wieħed mill-investimenti li kienu saru, jiġifieri l-għotja ta’ GBP 1 592 fit-3 ta’ Settembru 1998, kellha x’taqsam ma’ titjib ambjentali, li kien il-kisi mill-ġdid minn barra ta’ wieħed mill-bini tal-kumpanija, li l-iskop tiegħu kien li “jissiġilla” l-bini u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ arja mniġġsa. Skond ir-Renju Unit, din l-għajnuna setgħet titqies bħala kompatibbli mal-paragrafu 2.0(b) ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 3699/93.

(13)

Fl-aħħarnett, ir-Renju Unit sostna li, kieku l-Kummissjoni kellha tieħu deċiżjoni negattiva, l-għajnuna mogħtija qabel it-3 ta’ Ġunju 2003, ma kienx jeħtiġilha tintradd lura minħabba li dak kien imur kontra l-prinċipju tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. F’dak ir-rigward, ir-Renju Unit għamel referenza għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/612/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar self għax-xiri ta’ kwoti ta’ qbid ta’ ħut fil-Gżejjer Shetland (Renju Unit) (6), u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/226/KE tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar Investimenti f’Kiri u Żviluppi ta’ Proprjetà ta’ Shetland fil-Gżejjer Shetland (Renju Unit) (7), u qal li sat-3 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill tal-Gżejjer Shetland leġittimament qies il-fondi użati għal għajnuna bħal dik bħala privati u mhux pubbliċi.

IV.   VALUTAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA

(14)

Għandu jkun stabbilit l-ewwelnett, jekk il-miżura tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat u jekk huwa hekk, jekk hix kompatibbli mas-suq komuni.

(15)

Kienet ingħatat għajnuna lil kumpanija fis-settur tas-sajd, u, għal din ir-raġuni, ix-xorta tagħha kienet selettiva. L-għajnuna ingħatat mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland minn riżorsi ta’ l-Istat u kienet ta’ benefiċċju għall-Shetland Fish Products Limited, li topera f’kompetizzjoni diretta ma’ kumpaniji oħra fis-settur tas-sajd, kemm ġewwa r-Renju Unit kif ukoll fi Stati Membri oħra. Għalhekk l-għajnuna tgħawweġ jew thedded il-kompetizzjoni u tidher li kienet għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

Legalità

(16)

Skond ir-Renju Unit, iż-żewġ skemi ġenerali kienu applikati qabel ma r-Renju Unit ssieħeb mal-Komunità Ekonomika Ewropea. F’kull każ, minħabba nuqqas ta’ dokumenti dwar x’kien ġara fil-passat, ir-Renju Unit ma setax iġib prova li l-miżuri ta’ għajnuna kienu diġà jeżistu qabel ma r-Renju Unit ingħaqad mal-Komunità. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ikkonferma li l-iskemi ta’ għajnuna kienu nbidlu matul is-snin u li dawn it-tibdiliet qatt ma kienu nnotifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE (li qabel kien l-Artikolu 93(3)). B’riżultat ta’ dan, il-miżuri ta’ għajnuna kellhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida.

Bażi tal-valutazzjoni

(17)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 ma jistabbilixxi ebda terminu ta’ dekadenza għall-eżami ta’ “għajnuna illegali”, kif definita fl-Artikolu 1(f) tiegħu, jiġifieri għajnuna mogħtija qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Iżda l-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament jistipula li s-setgħa tal-Kummissjoni li tesiġi r-radd lura ta’ għajnuna hija suġġetta għal terminu ta’ dekadenza ta’ għaxar snin u li t-terminu ta’ dekadenza jibda fil-jum li fih tingħata l-għajnuna illegali lill-benefiċjarju u li dak it-terminu ta’ dekadenza jinkiser b’kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li mhux meħtieġ f’dan il-każ li tkun eżaminata l-għajnuna koperta mit-terminu ta’ dekadenza, jiġifieri għajnuna mogħtija aktar minn għaxar snin qabel ma ttieħdet xi miżura mill-Kummissjoni dwarha.

(18)

Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ it-terminu ta’ dekadenza nkiser bit-talba tagħha għal informazzjoni mibgħuta lir-Renju Unit fl-24 ta’ Awissu, 2004. Għalhekk it-terminu ta’ dekadenza japplika għal għajnuna mogħtija lil benefiċjarji qabel l-24 ta’ Awissu 1994. Għaldqastant, il-Kummissjoni llimitat il-valutazzjoni tagħha għall-għajnuna mogħtija b’deċiżjonijiet meħudin wara l-24 ta’ Awissu 1994.

(19)

Għajnuna mill-Istat tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni jekk tkun konformi ma’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fit-Trattat tal-KE. Fir-rigward ta’ għajnuna lis-settur tas-sajd, għajnuna mill-Istat titqies kompatibbli mas-suq komuni jekk tkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida ta’ l-2004 għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u l-akkwakultura (8) (“Linji Gwida ta’ l-2004”). Skond it-tieni paragrafu tal-punt 5.3 ta’ dawk il-Linji Gwida: “‘Għajnuna illegali’ skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tkun stmata skond il-linji gwida applikabbli fiż-żmien meta l-att amministrattiv li jistabbilixxi l-għajnuna jkun daħal fis-seħħ.” Għalhekk l-għajnuna jeħtiġilha tkun valutata abbażi tal-kompatibbiltà tagħha mal-Linji Gwida ta’ l-1997 għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u l-akkwakultura (9) (“Linji Gwida ta’ l-1997”) u l-Linji Gwida ta’ l-2001 għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat għas-sajd u akkwakultura (10) (“Linji Gwida ta’ l-2001”).

Kundizzjonijiet skond il-Linji Gwida

(20)

Skond il-punt 2.3 tal-Linji Gwida ta’ l-1997 u ta’ l-2001, għajnuna għal investimenti fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd tista’ titqies li tkun kompatibbli mas-suq komuni sakemm il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha jkunu kompatibbli ma’ dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 3699/93 u fir-Regolament (KE) Nru 2792/1999 rispettivament u jkunu mill-anqas daqstant ebsin u li l-livell ta’ l-għajnuna mill-Istat ma jkunx jaqbeż, f’ekwivalenti ta’ sussidju, ir-rata totali ta’ sussidji nazzjonali u Komunitarji stabbilita fl-Anness IV ta’ dawk ir-Regolamenti.

(21)

Kemm skond l-Artikolu 11 tar-Regoament (KE) Nru 3699/93 u l-punt 2.4 ta’ l-Anness III tiegħu, u kemm skond l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 u l-punt 2.4. ta’ l-Anness III tiegħu, investimenti eliġibbli għandu jkollhom x’jaqsmu b’mod partikulari mal-kostruzzjoni u l-ksib ta’ bini u installazzjoni, il-ksib ta’ tagħmir ġdid u installazzjonijiet meħtieġa waqt il-ħatt u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u akkwakultura bejn il-waqt tal-ħatt u l-istadju finali tal-prodott u l-applikazzjoni ta’ teknoloġija maħsuba l-aktar biex ittejjeb il-kompetittività.

(22)

Skond dawk id-dispożizzjonijiet, investimenti ma jkunux eliġibbli għal għajnuna meta jkollhom x’jaqsmu ma’ prodotti tas-sajd jew akkwakultura maħsubin għall-użu u l-ipproċessar għal finijiet ta’ konsum ħlief dak tal-bniedem bl-eżenzjoni ta’ investimenti esklussivament għal kontroll, ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni ta’ skart tas-sajd u akkwakultura.

Kompatibbiltà

(23)

Ir-Renju Unit ikkonferma li l-għajnuna kollha mogħtija lil Shetland Fish Products Limited kienet bħala għajnuna għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u akkwakultura maħsubin għall-użu u l-ipproċessar għal finijiet ta’ konsum ħlief dak tal-bniedem. L-għajnuna, għalhekk, mhix konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Premessa 22 u, għaldaqstant, mal-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida ta’ l-1997 u mal-Linji Gwida ta’ l-2001, u, għalhekk, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(24)

Iżda r-Renju Unit qal li l-għotja ta’ GBP 1 592 tat-3 ta’ Settembru 1998, kienet dwar għajnuna għal investimenti relatati ma’ titjib ambjentali, li huma kompatibbli mal-paragrafu 2.0(b) ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 3699/93.

(25)

Skond il-paragrafu 2.0(b) ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 3699/93, għajnuna fl-oqsma msemmijin fit-Titolu III għal investimenti fiżiċi maħsubin biex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ l-iġjene jew is-saħħa tal-bnedmin jew ta’ l-annimali, biex itejbu l-kwalità tal-prodott jew biex inaqqsu t-tniġġiż ta’ l-ambjenti għandha tkun eliġibbli. Wieħed mill-oqsma tat-Titolu III huwa “l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u akkwakultura” (punt 2.4 ta’ dak it-Titolu). Għajnuna għal investiment għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni, ukoll jekk ikollha x’taqsam ma’ kumpanija attiva fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mhux maħsubin għall-konsum tal-bniedem, tista’, għalhekk, tkun tabilħaqq kompatibbli jekk l-investiment ikun maħsub biex inaqqas it-tniġġis ta’ l-ambjent.

(26)

L-għajnuna kienet ingħatat għal kisi mill-ġdid minn barra ta’ wieħed mill-bini tal-kumpanija, li l-iskop tiegħu kien li “jissiġilla” l-bini u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ arja mniġġsa. Il-Kummissjoni tqis li din it-tip ta’ għajnuna tista’ titqies bħala kompatibbli mal-paragrafu 2.0(b) ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 3699/93 u li din l-għotja partikulari ta’ GBP 1 592 hija, għalhekk kompatibbli mas-suq komuni.

Rkupru ta’ l-għajnuna

(27)

Skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi fil-każ ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru interessat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju.

(28)

Ir-Renju Unit qajjem il-kwistjoni li l-Kummissjoni m’għandhiex tesiġi l-irkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kontra l-prinċipju tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u jsostni li dan il-prinċipju japplika għal dan il-każ.

(29)

Il-fondi użati għall-finanzjament ta’ l-iskema huma l-istess fondi użati għall-għajnuniet suġġetti għad-deċiżjonijiet negattivi meħudin mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet 2003/612/KE u 2006/226/KE, kif hemm referenza għalihom fil-Premessa 13. F’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawk il-fondi kellhom jitqiesu bħala riżorsi ta’ l-Istat għall-finijiet ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każijiet imsemmija, aspettattivi leġittimi dwar in-natura privata tal-fond in kwistjoni kienu nħolqu min-naħa ta’ l-awtoritajiet u l-korpi involuti ta’ Shetland permezz ta’ taħlita ta’ għadd ta’ elementi meħudin flimkien li ma kinux iħallu jsir irkupru ta’ l-għajnuna inkompatibbli mill-Istat.

(30)

Il-Kummissjoni tikkunsidra, iżda, li f’dan il-każ l-elementi li tqiesu fid-Deċiżjonijiet 2003/612/KE u 2006/226/KE ma jistgħux ikunu applikati bl-istess mod u li ma nħolqux l-aspettattivi leġittimi. Il-Kummissjoni tinnota, b’mod partikulari, l-azzjonijiet u l-istqarrijiet tar-Renju Unit, li juru b’mod ċar li, fiż-żminijiet rispettivi meta ngħatat l-għajnuna, l-awtoritajiet responsabbli kienu konvinti li l-iskema kienet fil-fatt skema ta’ għajnuna mill-Istat u li r-regoli dwar għajnuna mill-Istat kienu japplikaw.

(31)

Biex waslet għal dik il-konklużjoni, il-Kummissjoni tosserva li, mhux bħall-għajnuniet suġġetti għad-Deċiżjonijiet 2003/612/KE u 2006/226/KE, l-iskema in kwistjoni kienet twaqqfet bħala skema normali ta’ għajnuna u hija dwar għotjiet diretti lil sajjieda, mogħtija direttament mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland. Barra minn dan, iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ juru biċ-ċar li r-Renju Unit qies li kienu japplikaw ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat, peress li huwa kontinwament inkluda n-nefqa skond l-iskema fir-rapporti annwali tar-Renju Unit dwar għajnuna mill-Istat mibgħuta lill-Kummissjoni skond obbligi Komunitarji. Fil-fatt, bi tweġiba għal mistoqsijiet magħmulin mill-Kummissjoni, ir-Renju Unit stqarr, fl-ittra tiegħu ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004, li: “pagamenti skond l-iskema kienu inklużi fl-Inventarju Annwali ta’ Għajnuna mill-Istat u mibgħuta kull sena lill-Kummissjoni, kif meħtieġ, għal bosta snin”, u fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ April 2005, li: “L-awtoritajiet tiegħi aġixxew, tul is-snin, b’bona fidi u għax kienu jemmnu li l-Iskemi kienu konformi mal-linji gwida dwar għajnuna mill-Istat”.

(32)

Fir-rigward ta’ dawk l-istqarrijiet u ċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ħtieġa li l-għajnuna tintradd lura ma tistax titqies bħala kontradittorja għall-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju Unit għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju ta’ l-iskema, bla ħsara għal każijiet li jkunu skond il-mira tar-Regolament (KE) Nru 875/2007 ta’ l-24 ta’ Lulju 2007, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna “de minimis” fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 (11).

(33)

F’dan ir-rigward, għandu jkun innutat li skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, biex ikun żgurat li l-kompetizzjoni effettiva terġa’ tinġieb għal li kienet qabel, l-irkupru għandu jinkludi l-imgħax. Dan l-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skond il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (12).

(34)

Il-Kummissjoni ser titlob lir-Renju Unit jibagħtilha l-kwestjonarju hawn mehmuż dwar l-istatus kurrenti tal-proċedura ta’ rkupru.

V.   KONKLUŻJONI

(35)

Fid-dawl tal-valutazzjoni magħmula fis-Sezzjoni IV, il-Kummissjoni ssib li r-Renju Unit, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, ta illegalment għajnuna lil Shetland Fish Products Limited skond l-Iskema ta’ titjib ta’ fabbriki tal-ħut.

(36)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li din l-għajnuna mhix kompatibbli mas-suq komuni, sa fejn għandha x’taqsam ma’ l-għajnuna mogħtija fit-13 ta’ Awissu 1997, fis-7 ta’ Jannar 1999, fil-25 ta’ Frar 1999, fl-10 ta’ Diċembru 1999, fid-19 ta’ Jannar 2001, u fil-15 ta’ Diċembru 2004, li telgħet għal ammont totali ta’ GBP 92 009.

(37)

L-għajnuna mogħtija fit-3 ta’ Settembru 1998, li tammonta għal total ta’ GBP 1 592 hija meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna mogħtija lil Shetland Fish Products taħt l-Iskema ta’ titjib ta’ fabbriki tal-ħut hija kompatibbli mas-suq komuni sa fejn għandha x’taqsam ma’ l-ammont ta’ GBP 1 592, mogħti fit-3 ta’ Settembru 1998.

2.   L-għajnuna mogħtija lil Shetland Fish Products skond l-Iskema ta’ titjib ta’ fabbriki tal-ħut hija inkompatibbli mas-suq komuni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ammont ta’ GBP 92 007, mogħti fit-13 ta’ Awissu 1997, fis-7 ta’ Jannar 1999, fil-25 ta’ Frar 1999, fl-10 ta’ Diċembru 1999, fid-19 ta’ Jannar 2001 u fil-15 ta’ Diċembru 2004.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni ma tikkostitwix għajnuna jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007.

Artikolu 3

1.   Ir-Renju Unit għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija skond l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) mingħand il-benefiċjarju, ħlief għal dik imsemmija fl-Artikolu 2.

2.   L-ammonti li għandhom jinġabru għandhom ikunu bl-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sa meta jkunu attwalment irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skond il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

4.   Ir-Renju Unit għandu jikkanċella l-pagamenti kollha li baqgħalhom isiru f’għajnuna skond l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) b’effett mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija skond l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Ir-Renju Unit għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, ir-Renju Unit għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

ammont totali (kapital u imgħaxijiet) li għandu jkun irkuprat mingħand il-benefiċjarju li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 875/2007;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħudin diġà u ppjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni; u

(ċ)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju kien ordnat irodd lura l-ħlas ta’ l-għajnuna.

2.   Ir-Renju Unit għandu jżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm ikun sar l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija skond l-iskema imsemmija fl-Artikolu 1(2).

Huwa għandu jibgħat immedjatament kull informazzjoni li l-Kummissjoni titlob dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

Huwa għandu jagħti wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u ta’ imgħaxijiet ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 289, 28.11.2006, p. 10.

(3)  ĠU C 289, 28.11.2006, p. 10.

(4)  ĠU L 346, 31.12.1993, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 25/97 (ĠU L 6, 10.1.1997, p. 7).

(5)  ĠU L 337, 30.12.1999, p.10. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 485/2005 (ĠU L 81, 30.3.2005, p. 1).

(6)  ĠU L 211, 21.8.2003, p. 63.

(7)  ĠU L 81, 18.3.2006, p. 36.

(8)  ĠU C 229, 14.9.2004, p. 5.

(9)  ĠU C 100, 27.3.1997, p. 12.

(10)  ĠU C 19, 20.1.2001, p. 7.

(11)  ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6.

(12)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1935/2006 (ĠU L 407, 30.12.2006).