21.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 46/41


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Settembru 2007

Dwar l-għajnuna mill-istat C 54/06 (ex N 276/06) ippjanata mill-Polonja għal Bison Bial SA

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4145)

(Il-verżjoni Pollakka biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/145/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati kollha biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom (1) skond id-dispożizzjonijiet ċitati hawn fuq,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-4 ta’ Mejju 2006, il-Polonja nnotifikat għajnuna għar-ristrutturar ippjanata għal Bison-Bial SA (minn hawn ’il quddiem imsejħa “BB”).

(2)

B’ittra tat-13 ta’ Ġunju 2006 l-Kummissjoni staqsiet lill-Polonja biex tippreżenta ċerta informazzjoni li kienet nieqsa, li kienet ipprovduta mill-awtoritajiet Pollakki fit-13 ta’ Lulju 2006. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni b’ittra tad-29 ta’ Awissu 2006. L-awtoritajiet Pollakki wieġbu bl-ittri tat-18 ta’ Settembru 2006, ta’ l-20 ta’ Ottubru u tat-3 ta’ Novembru 2006.

(3)

Bl-ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni infurmat lill-Polonja li hija ddeċidiet li tibda l-proċedimenti stabbiliti fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE rigward il-miżuri. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedimenti skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(4)

L-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bl-ittra tat-23 ta’ Jannar 2007. Ma ġiet riċevuta l-ebda reazzjoni minn partijiet terzi.

(5)

Fit-28 ta’ Marzu ġiet organizzata laqgħa mar-rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet Pollakki u l-kumpanija. Il-Kummissjoni staqsiet għal aktar informazzjoni fl-ittra fis-17 ta’ April 2007. L-awtoritajiet Pollakki wieġbu bl-ittra tal-15 ta’ Mejju 2007.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURI

2.1.   Impriża rilevanti

(6)

Il-BB hija kumpanija kbira li tipproduċi muntaġġi ddisinjati ta’ magni ta’ l-għodod bħal ċokkijiet tat-torn, fusijiet, għodod għat-tħin u żammejja oħra ta’ l-għodda. Twaqqfet fl-1948 bħala impriża ta’ l-Istat. Fl-1997 l-Istat biegħ 53 % ta’ l-ishma tal-BB lill-kumpanija privata Metalexport Sp. z o.o., li fl-2004 ngħatat l-isem ta’ Mex-Holding Sp. z o.o. Fl-aħħar ta’ l-2006 l-Istat kellu 18 % ta’ l-ishma tal-BB, waqt li l-kumplament tad-detenturi ta’ l-ishma kienu privati. Il-BB kellha madwar 950 impjegat fl-2006, bi tnaqqis minn 1 680 fl-2000.

(7)

Il-kumpanija kellha sehem mis-suq ta’ 17 % fis-suq Pollakk tal-muntaġġi ddisinjati ta’ magni ta’ l-għodod fl-2004, li jikkorrispondi għal madwar 20 % tal-produzzjoni tal-BB minħabba li l-kumpanija tipproduċi l-aktar għall-esportazzjoni (fl-2004 30 % tal-produzzjoni kienet esportata lejn l-Istati Uniti, 15 % lejn l-Italja, 7 % lejn pajjiżi tal-Lvant ta’ l-Ewropa inkluża r-Russja, 5 % lejn ir-Renju Unit). Il-kumpanija tiddistribwixxi l-maġġoranza tal-prodotti esportati tagħha permezz ta’ kumpanija mill-Grupp Mex-Holding, bħat-Toolmex Corporation ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Mexpol GmbH tal-Ġermanja, it-Toolmex Polmach tar-Renju Unit jew l-Italmex SA ta’ l-Italja.

(8)

Is-sehem stmat tal-BB fis-suq Ewropew jammonta għal 1,3 %. Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku għal dawn il-prodotti huwa ta’ l-inqas Ewropew u possibbilment dinji. Hemm soprakapaċità fil-livell dinji u Ewropew fil-produzzjoni ta’ muntaġġi ddisinjati ta’ magni ta’ l-għodod standard bħal dawk magħmulin mill-BB.

(9)

Il-kumpanija hija bbażata f’reġjun eliġibbli għall-għajnuna skond l-Artikolu 87(3) (a) tat-Trattat KE.

2.2.   Diffikultajiet tal-kumpanija

(10)

Il-BB esperjenzat diffikultajiet għall-ewwel darba fl-2001 b’telf li ammonta għal madwar 24 miljun PLN. Bħala r-raġunijiet ewlenin għad-diffikultajiet finanzjarji l-Polonja semmiet:

Apprezzament taz-Zloty Pollakk meta mqabbel mad-dollaru ta’ l-Istati Uniti (30 % tal-bejgħ tal-kumpanija huwa esportat lejn l-Istati Uniti);

Sitwazzjoni finanzjarja diffiċli fil-grupp tan-negozju kollu u nuqqas ta’ ħlas lura ta’ self ta’ 16-il miljun PLN mill-kumpanija parent;

Nuqqas fil-bejgħ ta’ esportazzjoni minħabba staġnar fl-Istati Uniti u l-Ewropa tal-Punent wara Settembru 2001.

(11)

Dawn iċ-ċirkostanzi flimkien ma’ krediti li jqumu ħafna fis-suq ikkawżaw problemi serji ta’ likwidità. Id-diffikultajiet finanzjarji rriżultaw f’arretrati biex ikunu ssodisfati r-responsabbiltajiet. Fl-2002 erba’ banek staqsew għal ħlas lura immedjat ta’ krediti. Bħala riżultat il-BB ma setgħetx tissodisfa responsabbiltajiet kurrenti inklużi l-pagi, li wassal għall-għeluq ta’ l-impjant ta’ 4 xhur. Fil-fatt, il-bejgħ niżel għal nofs (minn 91 miljun PLN fl-2001 għal 48 miljun PLN fl-2002) u s-sena ngħalqet b’telf nett ta’ 74,8 miljun PLN. Fl-2003 l-kumpanija ġġenerat aktar telf li jammonta għal 8,5 miljun PLN.

(12)

Id-diffikultajiet tal-BB kienu paralleli għas-sitwazzjoni deterjoranti fil-kumpanija parent – Mex-Holding Sp. z o.o. Fl-2002 il-grupp kollu ġġenera telf li jammonta għal 75,8 miljun PLN. Minn dak iż-żmien is-sitwazzjoni tjiebet iżda l-grupp kompla jirreġistra telf u l-valur ta’ l-ishma tiegħu huwa negattiv.

(13)

Fl-2003 l-kumpanija rnexxielha tnaqqas it-telf bi 8,5 miljun PLN u fl-2004 hija ġġenerat profitt ta’ 5,1 miljun PLN. Skond l-awtoritajiet Pollakki dan kien l-effett ta’ ristrutturar mibdi fil-BB. L-implimentazzjoni ta’ l-ewwel miżuri ta’ ristrutturar irriżultat f’aktar bejgħ, spejjeż imnaqqsin u kanċellazzjoni parzjali tad-dejn. Konsegwentement fl-2005 u fl-2006 l-kumpanija ġġenerat profitti li jammontaw għal 20 miljun PLN u 12,5 miljun PLN rispettivament.

(14)

Irrispettivament mill-ġenerazzjoni ta’ profitti l-BB xorta għadha tiġġieled ma’ diffikultajiet. It-telf akkumulat dwar l-attività operattiva sa mill-2001 wassal għal sitwazzjoni sinifikanti ta’ djun. Fl-2004, il-valur ta’ l-assi kien stmat bħala 57 miljun PLN u r-responsabbiltajiet ammontaw għal 115,7 miljun PLN. Fi kliem ieħor, il-valur ta’ l-ishma huwa negattiv. Fl-aħħar ta’ l-2006 l-valur ta’ l-ishma kien għadu negattiv u kien jammonta għal 26 miljun PLN. L-analiżi ppreżentata turi li mingħajr għajnuna, il-kumpanija tfalli fil-futur qarib, għaliex ma tkunx tista’ tirrimborża bosta responsabbiltajiet li ser ikunu immedjatament dovuti.

Ir-ristrutturar

(15)

Il-BB ħadmet pjan ta’ ristrutturar għall-perjodu 2003-2009. Hija ffokat fuq ristrutturar finanzjarju u ristrutturar ta’ assi u impjieg. Ir-ristrutturar finanzjarju, li beda fl-2003, kien jinkludi l-ħlas lura ta’ djun antiki skond il-ftehim konklużi ma’ kredituri privati, ir-rinunċja ta’ parti mid-dejn privat u pubbliku u l-ħlas lura tad-dejn pubbliku li fadal mis-self ippjanat li kellu jingħata mill-Aġenzija għall-Iżvilupp ta’ l-Industrija li hija ta’ l-Istat (minn hawn ’il quddiem l-IDA).

(16)

Fl-2004 l-kumpanija ffirmat il-ftehim rigward il-ħlas lura ta’ djun ma’ banek u impjegati, kif ukoll ftehim ġudizzjarju tat-tilwim ma’ kredituri privati oħrajn.

(17)

Ir-ristrutturar operattiv beda fl-2001. Il-kumpanija naqqset l-impjegati minn 1 680 fl-2000 għal 1 144 fl-2001 u għal 925 impjegat fl-2005. Fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar, huwa ppjanat li jkun hemm 800 impjegat. Għalhekk, l-ammont ta’ impjegati fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar ser jitnaqqas bi 52 % meta mqabbel ma’ l-ammont ta’ impjegati fl-2000 jew bi 30 % meta mqabbel ma’ l-2001.

(18)

Rigward ir-ristrutturar ta’ l-assi, il-BB tippjana li tbigħ l-assi żejda, tbiddel is-siti tagħha u tbigħ l-art fejn tinsab bħalissa. Skond l-evalwazzjoni ppreżentata l-valur fis-suq ta’ l-art jammonta għal […] (3) miljun PLN. Oriġinarjament l-awtoritajiet Pollakki infurmaw li l-art għandha tinbiegħ fl-2009, minħabba li l-ewwel jeħtieġ li jiġu ttrasferiti l-magni u t-tagħmir għal-lok il-ġdid. Barra minn hekk il-proprjetà immobiljari li ser tinbiegħ hija mgħobbija b’ipoteki. Wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Polonja infurmat li l-bejgħ jista’ jiddawwar sa l-2010.

(19)

Fis-snin 2003-2005 l-BB investiet 1,4 miljun PLN u l-investiment ippjanat għall-2006-2009 jammonta għal 14,2 miljun PLN. Fil-biċċa l-kbira dawn huma investimenti sostituti, jiġifieri xiri ta’ magni u tagħmir aktar effiċjenti u aħjar għall-ambjent. Fil-fatt, il-pjan kien jaħseb li ser issir estensjoni sinifikanti fl-investimenti biss wara l-2009 minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi finanzjarji. Il-maġġornaza ta’ l-investimenti ser isiru fl-2010 u ser ikunu marbutin mat-trasferiment ippjanat għal-lok il-ġdid.

(20)

Oriġinarjament il-Polonja ssuġġeriet li t-tnaqqis fl-impjiegi u t-tnaqqis fil-qasam tal-produzzjoni tal-kumpanija għandhom ikunu kkunsidrati bħala miżuri suffiċjenti biex itaffu l-effetti avversi ta’ l-għajnuna. Madankollu, il-Polonja kkonfermat ukoll li r-riżultati ta’ dan it-tnaqqis ser ikunu kontrobilanċjati mill-investimenti ppjanati f’tagħmir aktar produttiv, sabiex jinżamm il-livell tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-BB. Fil-fatt, il-Polonja qalet li ż-żamma tal-kapaċità fil-livell preżenti (minflok iż-żieda tagħha) għandha tkun ikkunsidrata bħala miżura kompensatorja.

(21)

Il-pjan ta’ ristrutturar notifikat kien jipprevedi li l-ispejjeż tar-ristrutturar fis-snin 2003-2009 kienu jammontaw għal 138 miljun PLN, il-partita ewlenija tkun spejjeż ta’ ristrutturar finanzjarju li tammonta għal 122,6 miljun PLN. Il-15,6 miljun PLN li jifdal huma l-ispejjeż ta’ l-investiment.

(22)

Il-pjan jassumi li r-ristrutturar finanzjarju ser jikkonsisti fi ħlas lura tad-djun ta’ 65,6 miljun PLN lill-banek abbażi ta’ ftehim ta’ kompożizzjoni, il-ħlas lura ta’ djun privati oħrajn ta’ 17,5 miljun PLN u l-ħlas lura ta’ djun pubbliċi ta’ 39,5 miljun PLN. L-għajnuna ta’ l-Istat ippjanata għandha tintefaq kollha fuq il-ħlas ta’ djun pubbliċi. Parti mir-ristrutturar ser tkun iffinanzjata minn dħul akkwistat permezz tal-bejgħ ta’ assi wara l-bidla fil-lok tal-kumpanija.

Il-miżuri ta’ għajnuna

(23)

L-appoġġ pubbliku għar-ristrutturar tal-BB huwa bbażat fuq żewġ atti legali: il-Liġi tat-30 ta’ Awissu 2002 dwar ir-ristrutturar ta’ ċerti responsabbiltajiet pubbliċi ta’ intrapriżi (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala l-“Att tat-30 ta’ Awissu 2002”) u l-Liġi tat-30 ta’ Ottubru 2002 dwar l-għajnuna ta’ l-Istat għal intrapriżi ta’ tifsira speċjali għas-suq tax-xogħol (minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-“Att tat-30 ta’ Ottubru 2002”) kif emendat bl-Att ta’ l-14 ta’ Novembru 2003 (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala l-“Att ta’ l-14 ta’ Novembru 2003”).

(24)

L-Att tat-30 ta’ Awissu 2002 introduċa fis-sistema Pollakka l-possibbiltà li kumpaniji f’diffikultajiet finanzjarji jirristrutturaw responsabbiltajiet li ġejjin mid-dritt pubbliku fil-forma ta’ rinunċji. Il-kumpanija kkonċernata kellha tressaq applikazzjoni flimkien ma’ pjan ta’ ristrutturar lil kull waħda mill-awtoritajiet pubbliċi li r-riċevibbli tagħha kellhom jiġu ristrutturati (minn hawn ’il quddiem l-“awtorità ristrutturanti”). L-awtorità ristrutturanti, wara li kkonkludiet li l-pjan ta’ ristrutturar propost seta’ jtejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija, ħarġet l-hekk imsejħa deċiżjoni dwar kondizzjonijiet ta’ ristrutturar li telenka r-responsabbiltajiet koperti mir-ristrutturar. Jekk il-kumpanija taqdi l-kondizzjonijiet kollha imposti mid-Deċiżjoni msemmija hawn fuq, l-awtorità ristrutturanti kienet ex lege obbligata li toħroġ deċiżjoni biex ikunu rinunċjati r-responsabbiltajiet elenkati fid-deċiżjoni tal-kondizzjonijiet tar-ristrutturar.

(25)

L-Att tat-30 ta’ Ottubru 2002 sussegwentement iċċentralizza din is-sistema u ta s-setgħa lill-President ta’ l-IDA biex joħroġ ewkivalenti tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq dwar il-kondizzjonijiet ta’ ristrutturar, l-hekk imsejħa deċiżjoni ta’ ristrutturar (l-Artikolu 10 (1) 4 f’rabta ma’ l-Artikolu 19). Id-deċiżjoni ristrutturanti tinkludi valutazzjoni tal-pjan ristrutturanti u tiddeċiedi dwar ristrutturar ta’ responsabbiltajiet pubbliċi previsti minn dan il-pjan. L-awtoritajiet ristrutturanti kkonċernati huma mbagħad obbligati ex lege li joħorġu deċiżjonijiet individwali li jirrinunċjaw ir-responsabbiltajiet pubbliċi elenkati fid-deċiżjoni ristrutturanti.

(26)

Finalment l-Att ta’ l-14 ta’ Novembru 2003, li jemenda l-Att tat-30 ta’ Ottubru 2002 għamel ir-ristrutturar tar-responsabbiltajiet pubbliċi kondizzjonali għat-trasferiment ta’ assi li jikkorrispondu ta’ l-inqas għal 25 % ta’ l-ammont totali ta’ responsabbiltajiet li għandhom jiġu ristrutturati fuq it-tielet kumpanija, l-Operatur (kumpanija li hija kollha ta’ l-IDA jew it-Teżor ta’ l-Istat). Dak li joħroġ mill-bejgħ ta’ dawn l-assi mill-Operatur kellu jkopri ta’ l-inqas parti mir-responsabbiltajiet pubbliċi kkonċernati, bil-kumplament ikun rinunċjat wara t-tlestija tar-ristrutturar.

(27)

Il-BB applikat għal ristrutturar tar-responsabbiltajiet pubbliċi abbażi ta’ l-Att tat-30 ta’ Awissu 2002 u l-Att tat-30 ta’ Ottubru 2002. Il-valur nominali ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat jammonta għal 31,43 miljun PLN (4) (EUR 8,2 miljun). Dawn il-miżuri jinkludu self mogħti b’kondizzjonijiet preferenzjali u rinunċji ta’ responsabbiltajiet pubbliċi. Id-deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri ta’ l-għajuna mill-Istat huma ppreżentati fl-iskeda hawn isfel.

Skeda 2

Għajnuna ta’ l-Istat ippjanata:

(f’PLN)

Nru

Awtorità li tagħti

Forma ta’ għajnuna

Ammont nominali ta’ l-għajnuna

Għajnuna abbażi ta’ l-Att tat-30/08/2002:

1.

ZUS f’Bialystok

Rinunċja

933 474,51

2.

ZUS f’Bielsk Podlaski

Rinunċja

113 884,66

3.

ZUS f’Zambrow

Rinunċja

144 934,88

4.

Muniċipalita f’Bialystok

Rinunċja

1 448 108,90

5.

Fond ta’ l-Istat għar-Riabilitazzjoni tad-Diżabbli (PFRON)

Rinunċja

519 591,35

6.

II Uffiċċju tat-Taxxa f’Bialystok

Rinunċja

217 590,00

F’għajnuna totali abbażi ta’ l-Att tat-30/08/2002:

3 377 584,30

(bl-interessi fil-31/12/2005:

6 171 774,74 )

Għajnuna abbażi ta’ l-Att tat-30/10/2002:

7.

ZUS f’Bialystok

Rinunċja

3 019 362,90

8.

Muniċipalità f’Bialystok

Rinunċja

1 505 534,12

9.

Fond ta’ l-Istat għar-Riabilitazzjoni tad-Diżabbli (PFRON)

Rinunċja

539 650,70

10.

Uffiċċju tat-Taxxa f’Bialystok

Rinunċja

71 516,60

11.

Uffiċċju tal-Voivode f’Bialystok

Rinunċja

25 064,81

12.

Distrett fi Grajewo

Rinunċja

12 133,80

13.

Distrett f’Kolno

Rinunċja

17 224,60

14.

Muniċipalità f’Kolno

Rinunċja

248 648,09

15.

ZUS f’Zambrów

Rinunċja

626 625,15

16.

ZUS f’Bialystok

Rinunċja

398 029,30

Kanċellazzjonijiet totali abbażi ta’ l-Att tat-30/10/2002:

6 463 790,07

(bl-interessi fil-31/12/2005:

9 259 229,92 )

17.

Aġenzija għall-Iżvilupp ta’ l-Industrija

Self b’kondizzjonijiet favorevoli għall-imsellef

16 000 000

Total

31 431 004,66

3.   DEĊIŻJONI BIEX JINBDEW PROĊEDIMENTI SKOND L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT KE

(28)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni formali għaliex kellha dubji dwar jekk l-għajnuna ristrutturanti hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

(29)

L-ewwel, il-Kummissjoni kellha dubji dwar kemm il-pjan ristrutturanti kien kapaċi jrodd lura l-vijabbiltà għat-tul lill-kumpanija. Il-Kummissjoni ssuspettat li l-profitti rreġistrati fl-2004 u fl-2005 kienu dovuti għal partiti ta’ darba (eż. tħassir tad-djun) u għalhekk ma kinux indikazzjoni ta’ titjib reali fil-kumpanija. Barra minn hekk, il-pjan iffoka fuq it-tneħħija ta’ djun antiki u ma kienx fih biżżejjed investiment biex jiżgura għodod kompetittivi tal-produzzjoni fit-tmiem tal-perjodu ristrutturanti.

(30)

It-tieni, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-validità tal-miżuri kompensatorji proposti. Il-kumpanija ppjanat li tnaqqas l-erja ta’ l-impjant tal-produzzjoni, iżda dan ma kienx inaqqas il-kapaċità tal-produzzjoni. L-impjiegi kienu diġà tnaqqsu sinifikattivament, iżda deher li dan kien meħtieġ għal raġunijiet ta’ vijabbiltà.

(31)

Finalment, kien jidher li mhux il-miżuri kollha msemmijin mill-awtoritajiet Pollakki bħala kontribuzzjoni proprja setgħu jitqiesu hekk fit-tifsira tal-linji gwida. Għalhekk ma kienx ċar jekk il-kontribuzzjoni proprja reali tkunx sinifikanti biżżejjed, jiġifieri jekk l-għajnuna kinitx limitata għall-minimu meħtieġ.

4.   KUMMENTI MILL-POLONJA

(32)

Wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinfetaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni rigward l-għajnuna ppjanata għall-BB, l-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw informazzjoni aktar dettaljata rigward l-istrateġija tal-kumpanija.

(33)

L-awtoritajiet Pollakki spjegaw li l-produzzjoni tal-kumpanija f’Bialystok kienet tinsab f’żewġ siti, li wieħed minhom kien fiċ-ċentru tal-belt f’Bialystok (sit […]). Il-BB qed tippjana li tbigħ il-proprjetà u jew iċċaqlaq il-produzzjoni għat-tieni sit tagħha jew tixtri t-tielet plott, tissettilja l-produzzjoni kollha f’dan it-tielet post u tbigħ iż-żewġ plotts li għandha bħalissa. Skond il-projezzjonijiet ippreżentati l-BB qed tippjana li tinvesti […] miljun PLN fl-2010, ladarba s-sit […] ikun inbiegħ. Jekk il-kumpanija tiddeċiedi li tbigħ iż-żewġ siti u tiċċaqlaq għal post ġdid l-investimenti jkunu ogħla.

(34)

L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li fis-sewwa l-modernizzazzjoni maġġuri tal-kumpanija għandha sseħħ fl-2010 wara l-bidla fil-lokalizzazzjoni tal-kumpanija. Fis-snin 2010-2014 il-BB qed tippjana li tinvesti 43 miljun PLN, li minnhom […] miljun PLN għandhom ikunu realizzati sa l-aħħar ta’ l-2010, meta għandha sseħħ il-bidla fis-sit.

(35)

L-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-investimenti ppjanati għall-2010-2014 ser jimmodernizzaw is-sistema tat-tmexxija tad-disinn u l-produzzjoni tal-kumpanija, jawtomatizzaw il-proċess ta’ l-assemblaġġ tat-twaħħil, itejbu l-kwalità tal-prodotti, jottimizzaw il-proċess tal-produzzjoni teknoloġika u l-proċess tat-trattament termali u kimiku tal-prodotti u ser itejbu l-metodi tal-kejl u tal-kontroll. L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li l-bidla fis-sit u l-investimenti segwenti jikkostitwixxu l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija għall-perjodu fit-tul tal-kumpanija.

(36)

Rigward il-ħtieġa li tkun evitata distorsjoni bla bżonn ta’ kompetizzjoni l-awtoritajiet Pollakki u l-kumpanija pproponew tliet għażliet alternattivi bħala miżuri kompensatorji possibbli li għandhom ikunu implimentati mill-kumpanija:

a)

ammont massimu ta’ produzzjoni li jillimita n-numru ta’ biċċiet prodotti mill-BB sa 5 % meta mqabbel mal-produzzjoni assunta futura tal-BB jew

b)

tnaqqis tal-kapaċità permezz ta’ bejgħ ta’ 5 % ta’ l-għodod tal-magni tal-BB jew

ċ)

tnaqqis tal-kapaċità permezz tal-bejgħ tad-diviżjoni tal-produzzjoni tal-BB fi […], li fl-2006 ammontat għal 13 % tat-turnover tal-BB u ġġenerat profitt ta’ 1,2 miljun PLN.

(37)

It-tielet għażla, jiġfieri l-bejgħ tad-diviżjoni tal-produzzjoni fi […] twassal għal tnaqqis ta’ l-assortiment ta’ prodotti tal-BB b’46 % u tnaqqas in-numru ta’ l-għodod tal-magni bi 12 %. Madankollu, id-diviżjoni tal-produzzjoni fi […] hija parzjalment mgħobbija bid-dejn, li r-ristrutturar tiegħu suppost jiġi ffinanzjat mill-għajnuna ta’ l-Istat notifikata. Barra minn hekk, l-assi ta’ […] huma taħt ipoteka jew jikkostitwixxu sigurtajiet għal ħlas lura tad-djun kummerċjali tal-BB. Għalhekk l-awtoritajiet Pollakki jgħidu li l-ewwel il-problema tad-dejn ta’ […] għandha tiġi solvuta u mbagħad aktar tard, jiġifieri l-aktar kmieni fl-2009 tkun tista’ tinbiegħ. Il-BB hija impenjata biex tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tkompli l-bejgħ sa l-aħħar ta’ l-2009, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li din hija miżura kompensatorja adatta.

(38)

Rigward il-finanzjament tal-proċess ta’ ristrutturar, l-awtoritajiet Pollakki ċċaraw li b’kont meħud taż-żjieda reċenti fil-prezzijiet tal-proprjetà fir-reġjun u l-lokalizzazzjoni tal-plott li għandu jinbiegħ (iċ-ċentru tal-belt ta’ Bialystok), id-dħul mistenni mill-bejgħ jammonta għal […] PLN. Barra dan id-dħul stmat mill-bejgħ tad-diviżjoni tal-produzzjoni fi […] jammonta għal […] miljun PLN. Finalment, f’konformità mal-bażi legali ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat ippjanata, il-BB hija obbligata li tittrasferixxi lill-entità pubblika (Operatur) assi li jiswew 2,795 miljun PLN bi skambju għall-kanċellazzjoni tad-djun.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

5.1.   Għajnuna minn Stat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE

(39)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE jiddikjara li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

(40)

Kemm il-kanċellazzjoni ppjanata tad-djun pubbliċi, inklużi l-interessi akkumulati, u s-self mill-aġenzija li hija ta’ l-istat jinvolvu r-riżorsi ta’ l-Istat. Barra minn hekk, huma jikkonferixxu vantaġġ lill-kumpanija billi jnaqqsu l-ispejjeż tagħha. Rigward it-tieni miżura b’mod partikolari, ladarba l-BB hija kumpanija b’diffikultajiet li r-responsabbiltajiet tagħha jeċċedu sewwa l-assi, hija ma kinitx takkwista finanzjament fis-suq. L-element ta’ għajnuna għalhekk jista’ jammonta għad-daqs sħiħ tas-self.

(41)

Id-Deċiżjoni ta’ ristrutturar li diġà nħarġet tipprometti li r-responsabbiltajiet pubbliċi għandhom ikunu kkanċellati u s-sospensjoni ta’ l-infurzar tal-ħlas lura tad-dejn ukoll tikkostitwixxi għajnuna. Il-Kummissjoni tikkunsidra madankollu, li f’dan il-każ l-element ta’ għajuna ta’ dawn id-“differimenti” huwa rifless fl-għajnuna notifikata, jiġifieri huwa rifless fl-interessi li nġemgħu fil-perjodu sħiħ u li huma miżjudin ma’ l-ammont totali ta’ responsabbiltajiet li għandhom jiġu kkanċellati.

(42)

Il-muntaġġi ddisinjati ta’ l-għodod tal-metall prodotti mill-BB qed jinbiegħu fis-suq Ewropew. Barra minn hekk il-BB tikkompeti ma’ produtturi Ewropej oħrajn fi swieq terzi. Għalhekk il-pożizzjoni msaħħa tal-BB li tirriżulta mill-għajnuna ta’ l-Istat hija responsabbli għall-impatt fuq il-kompetizzjoni fl-Ewropa u jintlaħaq il-kriterju li jkun affettwat il-kummerċ fil-Komunità.

(43)

Għalhekk, il-miżuri msemmijin hawn fuq huma kkunsidrati bħala Għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

5.2.   Derogi taħt l-Artikoli 87(2) u 87(3) tat-Trattat KE

(44)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat KE ma japplikawx għall-każ preżenti. Rigward l-eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 87(3) tat-Trattat KE, ladarba l-objettiv primarju ta’ l-għajnuna jikkonċerna r-restawrazzjoni tal-vijabbiltà għall-perjodu fit-tul ta’ impriża f’diffikultà, hija biss l-eżenzjoni ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat KE, li tippermetti li tkun awtorizzata għajnuna mill-Istat mogħtija biex ikun promoss l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi fejn tali għajnuna ma taffettwax ħażin il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, jistgħu jkunu applikati. Għalhekk, l-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata kompatibbli biss abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat KE jekk ikunu rispettati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat biex ikunu salvati jew ristrutturati ditti f’diffikultà (5) (minn hawn ’il quddiem “il-Linji gwida”).

5.3.   L-eliġibbiltà tal-kumpanija

(45)

Il-linji gwida jikkunsidraw li ditta hija f’diffikultajiet jekk hija ma tkunx tista’ tirkupra permezz tar-riżorsi tagħha stess jew billi tikseb finanzjament li hija trid mingħand id-detenturi ta’ l-ishma jew billi tissellef u mingħajr l-intervent ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kważi fiċ-ċert ser tispiċċa tfalli. Il-linji gwida jelenkaw ukoll xi sinjali komuni għal tali kumpaniji, bħal dejn dejjem tiela’ jew valur ta’ l-assi nett li qed jaqa’ jew null. Skond il-punt 13 tal-Linji gwida ditta li hija ta’ grupp tan-negozju akbar normalment mhijiex eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar, ħlief fejn jista’ jintwera li d-diffikultajiet tal-kumpanija huma tagħha u mhumiex ir-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja ta’ spejjeż fil-grupp, u li d-diffikultajiet huma serji wisq biex jieħu ħsiebhom il-grupp innifsu.

(46)

Il-BB għandha tkun ikkunsidrata bħala “ditta f’diffikultajiet” fit-tifsira tal-Linji Gwida. L-ekwità tagħha hija fin-negattiv. Il-kumpanija qed tħallas lura djun antiki lill-kredituri privati skond il-ftehim iffirmat (l-aħħar ħlasijiet għandhom jitħallsu fl-2009). Jekk il-kumpanija ma tissettiljax id-dejn pubbliku tagħha (permezz ta’ ħlas lura jew kanċellazzjoni), huwa jkun dovut immedjatament. L-infurzar tiegħu jagħmel il-ħlas lura ta’ ħlasijiet lill-kredituri privati impossibbli u l-kumpanija fil-probabbiltà kollha tfalli. Il-BB ma tistax tissellef fondi fis-suq biex tħallas id-dejn pubbliku tagħha minħabba li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha hija dgħajfa ħafna u l-assi tagħha huma diġà taħt garanzija.

(47)

L-eżistenza ta’ profitti ma tbiddilx din il-valutazzjoni dwar l-eliġibbiltà tal-kumpanija, minħabba li l-ekwità tal-BB tibqa’ negattiva. Barra minn hekk għandu jkun innotat li l-profitti setgħu kienu ġġenerati biss minħabba li l-awtoritajiet pubbliċi ssospendew l-infurzar tad-djun fid-dawl tal-kanċellazzjonijiet ippjanati tad-djun.

(48)

Il-kumpanija parent tal-BB hija wkoll f’diffikultajiet, tagħmel it-telf u takkumula d-dejn, u għalhekk hija ma tistax issolvi l-problemi tal-BB. Id-diffikultajiet tal-kumpanija parent bdew ukoll malajr wara l-2000. F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ ħlas lura ta’ self mogħti mill-kumpanija parent, li kien wieħed mir-raġunijiet tad-diffikultajiet tal-BB, irrifletta d-diffikultajiet finanzjarji reali tal-kumpanija parent. Ma kienx mod kif jiżdiedu l-profitti f’parti mill-grupp u artifiċjalment jitnaqqsu d-diffikultajiet tal-BB.

5.4.   Restawrazzjoni tal-vijabbiltà

(49)

Fid-diskussjoni inizjali, il-Kummissjoni qajmet dubji li r-ristrutturar huwa l-aktar finanzjarju u li aspetti tar-ristrutturar industrijali mhumiex suffiċjenti. Bl-informazzjoni addizjonali wara d-Deċiżjoni biex tinbeda proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet Pollakki ipplakaw dawn id-dubji rigward ir-restawrazzjoni tal-vijabbiltà.

(50)

Abbażi ta’ analiżi preċiża tal-kontijiet tal-BB jista’ jidher li hemm titjib reali fl-operat sa mill-2004-2005 u li partiti ta’ darba waħda biss kellhom biss rwol limitat f’dan it-titjib. L-avvenimenti inċidentali, bħal kanċellazzjonijiet tad-djun pubbliku kellhom impatt pożittiv addizjonali fuq ir-riżultati tal-kumpanija iżda s-sors ewlieni tal-profitti tal-BB ġej mill-attività operattiva tagħha.

(51)

L-analiżi ppreżentata tar-ristrutturar tal-prodott turi li d-ditta tikkonċentra lilha nnifisha dejjem aktar fuq il-produzzjoni ta’ prodotti b’valur miżjud (fl-2001 il-BB ipproduċiet 709 000 biċċa b’turnover ta’ 84,9 miljun PLN, waqt li fl-2006 hija pproduċiet 377 000 biċċa b’turnover ta’ 93,8 miljun PLN).

(52)

L-investimenti ppjanati għall-2003-2009 jammontaw għal 14,75 miljun PLN. Fil-fatt il-kumpanija tippjana li timplimenta programm ta’ investiment addizzjonali konsiderevoli fl-2010 ta’ […] miljun PLN. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hija biss l-implimentazzjoni ta’ din it-tieni parti tal-programm ta’ investiment li tiżgura r-restawrazzjoni tal-vijabbiltà għall-perjodu fit-tul tal-kumpanija.

(53)

Għal din ir-raġuni, u b’kont meħud tal-fatt li l-bejgħ ta’ art meħtieġ biex jiffinanzja l-investiment ser jiddawwar sa l-2010, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-perjodu ta’ ristrutturar għandu jittawwal sa l-aħħar ta’ l-2010 u li l-investimenti previsti mill-kumpanija għall-2010 għandhom jikkostitwixxu parti mill-miżuri ta’ ristrutturar. Bħala riżultat l-investimenti fis-snin 2003-2010 ser jammontaw għal […] miljun PLN (14,75 miljun PLN + […] miljun PLN), li huwa sinifikattivament ogħla mill-ammont ippjanat oriġinarjament ta’ 15,6 miljun PLN.

(54)

Il-Kummissjoni tinnota li bħalissa r-ritorn ta’ l-ekwità tal-BB ma jistax ikun ikkalkulat għaliex l-ekwità hija negattiva. L-ekwità ser tkun rekostitwita progressivament sa l-2010. Iċ-ċifri għall-2011 jistgħu jservu bħala l-valur għall-perjodu fit-tul. Dik is-sena, ir-ritorn ta’ l-ekwità ser ikun 9 % (profitt nett ta’ 4 miljun PLN fuq il-kapital tagħha ta’ 44 miljun PLN). Dan il-livell mhuwiex għoli ħafna, iżda l-Kummissjoni tinnota li l-BB topera f’suq b’kompetizzjoni għolja mill-Ażja u fejn il-marġini huma mrassin, għalhekk dan il-livell jidher ġustifikat.

(55)

Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar ser twassal għal restawrazzjoni tal-vijabbiltà previst li r-ristrutturar jinkludi l-implimentazzjoni ta’ investimenti ppjanati għall-2010 u l-perjodu ta’ ristrutturar huwa mtawwal sa l-aħħar ta’ l-2010.

5.5.   Evitar ta’ distorzjoni mhux dovuta tal-kompetizzjoni

(56)

B’segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 88,2 tat-Trattat KE, l-awtoritajiet Pollakki pproponew tliet alternattivi ta’ miżuri kompensatorji li jistgħu jkunu implimentati mill-BB.

(57)

Rigward l-ewwel proposta, jiġifieri t-tnaqqis tal-biċċiet prodotti b’5 %, il-Kummissjoni tinnota li l-BB naturalment tevolvi lejn il-produzzjoni ta’ inqas prodotti, li huma madankollu ta’ valur miżjud ogħla. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-miżura tista’ fil-fatt ma jkollha l-ebda impatt fuq l-imġiba tal-kumpanija u għalhekk hija ma tiżgurax li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-preżenza tal-BB fis-suq jitnaqqas.

(58)

It-tieni għażla prevista hija l-bejgħ ta’ 5 % tal-magni tal-kumpanija. B’kont meħud tal-fatt li l-BB tippjana li timplimenta programm ta’ modernizzazzjoni sinifikanti, li għandu jinkludi x-xiri ta’ magni ġodda aktar effiċjenti, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax din l-għażla bħala miżura kompensatorja valida, minħabba li l-kapaċità tal-magni mibjugħin tista’ tingħeleb mill-kapaċità akbar tat-tagħmir il-ġdid.

(59)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn iż-żewġ għażliet ma jiżgurawx li l-effetti ħżiena ta’ l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni jkunu limitati.

(60)

It-tielet għażla tikkonsisti fil-bejgħ tad-diviżjoni tal-produzzjoni tal-kumpanija fi […]. Dan il-bejgħ inaqqas l-assortiment tal-BB b’46 %, inaqqas it-turnover tagħha bi 13 % u jnaqqas in-numru ta’ magni ta’ l-għodod bi 12 %. Għalhekk, din l-għażla fil-fatt tinkludi u taqbeż il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ proposti l-oħrajn mill-awtoritajiet Pollakki. Barra minn hekk, ladarba d-diviżjoni tal-produzzjoni ta’ […] tkun offerta għall-bejgħ, il-kompetituri potenzjali tal-kumpanija jkollhom l-opportunità li jakkwistaw parti organizzata tal-kapaċitajiet tal-BB u b’dan il-mod l-effetti distortivi ta’ l-għajnuna jistgħu jkunu mmitigati. Finalment, id-diviżjoni tal-produzzjoni fi […] hija profittabbli, jiġifieri fl-2006 hija għamlet profitt ta’ 1,2 miljun PLN u għalhekk il-bejgħ tagħha mhuwiex meħtieġ għar-ristrutturar.

(61)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bejgħ ta’ […] jikkostitwixxi miżura kompensatorja valida u suffiċjenti.

5.6.   Għajnuna limitata għall-minimu

(62)

Fil-paragrafu 45 tad-Deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni esprimiet dubji li ċerti responsabbiltajiet ippjanati li jkunu rimborżati waqt il-perjodu ta’ ristrutturar (6) jistgħu jkunu kkunsidrati bħala spejjeż ta’ ristrutturar. Dawn id-dubji ma kinux ipplakati. Il-Kummissjoni tosserva li s-self ta’ dawn il-fondi sar fil-qafas tal-finanzjament normali ta’ l-operazzjonijiet tal-kumpanija u li jista’ jkun rimborżat bir-riżorsi eżistenti tal-kumpanija.

(63)

Kuntrarjament, wara l-prolongazzjoni tal-perjodu ta’ ristrutturar sa l-2010 biex jinkludi l-investimenti li ser isiru f’dik is-sena, dawn l-investimenti ta’ l-aħħar iridu jiġu inklużi fil-lista ta’ spejjeż ta’ ristrutturar.

(64)

Fil-paragrafi 46 u 47 tad-Deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni qajmet dubji li ċerti miżuri nnotifikati mill-Polonja setgħu jkunu kkunsidrati bħala kontribuzzjoni tal-benefiċjarju skond il-paragrafi 43 u 44 tal-Linji Gwida. Dawn id-dubji ma kinux ipplakati. Għalhekk, dawn il-miżuri mhux ser ikunu kkunsidrati bħala kontribuzzjoni tal-benefiċċjarju fl-analiżi segwenti.

(65)

Bħala riżultat, il-lista ta’ spejjeż ta’ ristrutturar, il-kontribuzzjoni tal-benefiċċjarju u l-għajnuna mill-Istat tidher kif ġej:

(f’eluf ta’ PLN)

 

2003-2009

2010

2003-2010

Spejjeż ta’ ristrutturar

Ristrutturar tad-dejn pubbliku

31 431

 

31 431

Investimenti

14 754

[…]

[…]

Total

46 185

[…]

[…]

Kontribuzzjoni proprja

Bejgħ ta’ assi (sit ta’ […])

 

[…]

[…]

Transferiment ta’ assi

2 795

 

2 795

Bejgħ tad-diviżjoni tal-produzzjoni fi […]

[…]

 

[…]

Total

[…]

[…]

[…]

Għajnuna mill-Istat

31 431

 

31 431

Kontribuzzjoni proprja/spejjeż ta’ ristrutturar: 50,4 %

(66)

Il-kontribuzzjoni proprja tal-BB għar-ristrutturar ġenerali huwa għalhekk ugwali għal 50,4 %, li huwa adatt skond il-paragrafu 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar.

(67)

Il-paragrafu 45 tal-linji gwida jindika li “Biex ikun limitat l-effett distortiv, l-ammont ta’ għajnuna jew il-forma li fiha hija tingħata għandhom ikunu tali li jevitaw li l-kumpanija tkun ipprovduta b’kontanti f’bilanċ favorevoli”. Il-Kummissjoni tosserva li d-ditta diġà rrestawrat il-profittabbiltà ta’ l-operazzjonijiet tagħha. Il-vijabbiltà tagħha hija madankollu mhedda minħabba l-ammonti ta’ responsabbiltajiet li huma dovuti immedjatament. F’dan il-kuntest, il-fatt li nofs l-għajnuna hija mogħtija fil-forma ta’ self jikkontribwixxi biex l-għajnuna tkun limitata għall-minimu meħtieġ. Fil-fatt, tali self jipprovdi riżorsi immedjati lill-BB biex tirrimborża d-djun li għalqu. Fl-istess ħin, il-BB ser ikollha tirrimborża dan is-self fil-futur. Dan ser ikun possibbli minħabba l-profitti regolari u ser jiżgura li d-ditta ma takkumulax kontanti f’bilanċ favorevoli fit-tifsira tal-linji gwida.

(68)

Il-Kummissjoni hija għalhekk ta’ l-opinjoni li l-għajnuna hija limitata għall-minimu meħtieġ.

6.   KONKLUŻJONI

(69)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat notifikata favur il-Bison Bial tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni previst li l-kondizzjonijiet imposti jkunu mwettqin.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri ta’ għajnuna fl-ammont ta’ 31,43 miljun PLN notifikati mill-Polonja għall-Bison Bial huma kompatibbli mas-suq komuni, soġġett għall-obbligi u l-kondizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   Il-perjodu ta’ ristrutturar huwa prolongat sa l-aħħar ta’ l-2010 u l-pjan ta’ ristrutturar huwa implimentat bis-sħiħ;

2.   Is-sit ta’ […] huwa mibjugħ sa l-aħħar ta’ l-2010;

3.   L-investimenti ta’ l-inqas ta’ 41,61 miljun PLN huma implimentati sa l-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar, jiġifieri sa l-aħħar ta’ l-2010;

4.   Id-diviżjoni tal-produzzjoni fi […] tinbiegħ sa l-aħħar ta’ l-2009 lil bejjiegħ indipendenti mill-BB. L-awtoritajiet Pollakki għandhom jiżguraw li fil-ħinijiet kollha qabel il-bejgħ, l-attività tan-negozju tad-diviżjoni tal-produzzjoni fi […] titmexxa kif suppost, li hija tkun ipprovduta bil-mezzi għall-iżvilupp normali u li ma jittieħdu l-ebda miżuri intenzjonali biex inaqqsu l-valur tagħha mill-benefiċċjarju ta’ l-għajnuna, b’mod partikolari t-trasferiment ta’ assi tanġibbli, persunal, kapaċità ta’ konsumaturi jew bejgħ lil partijiet oħrajn tal-Bison Bial.

Artikolu 3

L-awtoritajiet Pollakki ser jippreżentaw rapporti kull sitt xhur li jiddeskrivu l-progress tal-proċess ta’ ristrutturar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Settembru 2007

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 23, 1.2.2007, p. 20.

(2)  Ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(3)  Informazzjoni kunfidenzjali

(4)  L-awtoritajiet Pollakki ssuġġerew li sabiex ikun ikkalkulat l-element ta’ għajnuna tal-miżuri, il-valur ta’ l-assi li jkun ittrasferit lill-Operatur bi skambju mal-kanċellazzjoni tad-dejn għandu jitnaqqas mill-valur nominali ta’ l-għajnuna. Fil-fatt it-trasferiment ta’ dawn l-assi jikkostitwixxi aktar il-kontribuzzjoni tal-kumpanija għar-ristrutturar u m’għandu l-ebda impatt fuq il-valur tal-miżuri ta’ għajnuna. Għalhekk f’dan il-każ l-element ta’ għajnuna huwa ugwali għall-ammont nominali ta’ l-għajnuna.

(5)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(6)  Ara Tabella 1 tad-Deċiżjoni biex jinbdew proċeduri