20.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 44/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 Settembru 2007

dwar il-Każ ta’ Għajnuna mill-Istat C 32/2006 (ex N 179/2006) implimentat mill-Polonja għal Huta Cynku Miasteczko Śląskie SA

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4310)

(Il-verżjoni Pollakka biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/142/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom (1) skond id-dispożizzjonijiet ikkwotati fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2006, il-Polonja nnotifikat għajnuna għar-ristrutturar għal Huta Cynku Miasteczko Śląskie SA (minn hawn ‘il quddiem “HCM”). Din in-notifika saret wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma qajmet l-ebda oġġezzjoni rigward l-għajnuna għas-salvataġġ għall-HCM f’forma ta’ garanzija għal self fl-ammont ta’ PLN 11,8 miljun (EUR 3,12 miljun (2).

(2)

Fid-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE rigward l-għajnuna nnotifikata minħabba dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Awissu 2006 (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw kummenti dwar il-miżuri. Ma kienu ppreżentati l-ebda kummenti bħal dawn minn partijiet terzi.

(3)

Fit-18 ta’ Settembru 2006, il-Polonja ppreżentat tweġiba mhux sħiħa dwar il-bidu tal-proċedura. Bl-ittra tat-23 ta’ Mejju 2007, il-Polonja informat lill-Kummissjoni bl-irtirar tan-notifika.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

1.   Il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna

(4)

L-HCM hija kumpannija ta’ l-istat maħluqa fl-1966. Hija attiva fis-suq tal-produzzjoni u l-ipproċessar metallurġiku ta’ metalli li mhumiex ħadid (produzzjoni ta’ żingu u ċomb). Il-kumpannija għandha 51 % sehem mis-suq tas-suq Pollakk ta’ żingu rraffinat fl-2004 u 3 % ma’ l-Ewropa kollha. Hija għandha madwar 1 100 impjegat u hija bbażata f’reġjun eliġibbli għall-għajnuna skond l-Artikolu 87(3) (a) tat-Trattat KE.

2.   Il-miżuri ta’ l-għajnuna

(5)

L-awtoritajiet Pollakki nnotifikaw lill-Kummissjoni li l-Agencja Rozwoju Przemysłu SA (Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali SA, minn hawn ’il quddiem “ARP”) kellha l-intenzjoni li tipprovdi self għal perijodu ta’ ħames snin fl-ammont ta’ PLN 21,8 miljun (EUR 5,76 miljun). Ir-rimborż tiegħu kien ippjanat li jibda sena wara d-data ta’ l-għoti. Kellu jkun ibbażat fuq rata ta’ imgħax varjabbli ugwali għar-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni. Kellhom jintefqu PLN 10 miljun (EUR 2,64 miljun) fuq investiment marbut mar-ristrutturar teknoloġiku. Il-kumplament, PLN 11,8 miljun (EUR 3,11 miljun) kellu jiffinanzja r-rimborż ta’ għajnuna għas-salvataġġ, jiġifieri l-kreditu li għalih l-ARP ipprovdiet garanzija.

(6)

Il-Polonja infurmat ukoll lill-Kummissjoni bil-ftehim ta’ kompożizzjoni li għandu jkun iffirmat mal-kredituri li jippermetti lill-kumpannija li terġa’ takkwista l-likwidità tagħha. Għal dan il-għan, il-kredituri li kellhom riċevibbli mingħand l-HCM għall-ammont ta’ PLN 65,3 miljun (EUR 15,9 miljun) kienu diviżi skond it-tifsira ta’ l-ammonti dovuti u t-titoli tagħhom. Il-ftehim ta’ kompożizzjoni essenzjalment jipprevedi d-differiment tad-dejn privat u pubbliku għal fuq bosta snin. Għal dan il-għan, ġew iffurmati bosta gruppi skond it-titoli. Id-dejn huwa differit għal ċertu perijodu ta’ żmien skond il-grupp.

3.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(7)

Is-self kien innotifikat mill-awtoritajiet Pollakki bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

(8)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE għaliex hija kellha dubji dwar jekk kinux sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha biex tkun approvata għajnuna għar-ristrutturar stabbiliti fil-Linji gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà (4) (minn hawn ‘il quddiem “il-Linji gwida”) applikabbli dak iż-żmien, u b’mod partikolari li:

(a)

il-pjan ta’ ristrutturar iwassal għar-restawr ta’ vijabbiltà għal perjodu fit-tul tal-benefiċjarju, minħabba li r-ristrutturar kien jikkonċerna l-aktar ir-ristrutturar finanzjarju u kien ibbażat primarjament fuq ftehim ta’ kompożizzjoni li ma kienx iffirmat fid-data tal-ftuħ tal-proċeduri. Barra minn hekk il-problema tad-dipendenza qawwija tar-riżultati finanzjarji tal-kumpannija fuq il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju ma kinux iffaċċjati biżżejjed;

(b)

il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju stess biex ikunu koperti l-ispejjeż tar-ristrutturar kienet sinifikanti;

(ċ)

il-miżuri kompensatorji kienu suffiċjenti għaliex kienu jikkonsistu f’nuqqas tal-kapaċità tal-produzzjoni biss b’0,7 %.

(9)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk il-ftehim ta’ kompożizzjoni kienx jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

III.   KUMMENTI MILL-POLONJA

(10)

L-awtoritajiet Pollakki infurmaw lill-Kummissjoni li l-HCM wara l-bidu, ikkonkludiet b’suċċess il-ftehim ta’ kompożizzjoni.

(11)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki infurmaw lill-Kummissjoni li l-kumpannija sadanittant qed tagħmel profitt (hija kellha profitt nett ta’ PLN 10,3 miljun (madwar EUR 2,72 miljun) għall-ewwel nofs ta’ l-2006); il-likwidità tagħha kienet tjiebet; u hija kapaċi li ġġib finanzjament fis-suq. Għalhekk, minħabba li l-benefiċċju mis-self iggarantit ma kienx aktar vantaġġ għall-kumpannija, il-Polonja rtirat in-notifika tal-miżura msemmija fil-premessa (6). Barra minn hekk, il-kreditu li għalih kienet ipprovduta l-garanzija ta’ l-Istat bħala għajnuna għas-salvataġġ kien rimborżat u għalhekk il-garanzija tal-kreditu pprovduta bħala għajnuna għas-salvataġġ saret mingħajr skop.

IV.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

(12)

Skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat (5), l-Istati Membri jistgħu jirtiraw in-notifika wara l-ftuħ ta’ proċedura formali ta’ investigazzjoni fil-ħin qabel il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar l-għajnuna. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tagħlaq dik il-proċedura b’deċiżjoni mingħajr valutazzjoni.

(13)

Il-Polonja rtirat in-notifika tal-miżura ta’ l-għajnuna mill-Istat deskritta fil-premessa (6). Madankollu, sabiex tkun tista’ ttemm il-proċedura skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-ftehim ta’ kompożizzjoni msemmi fil-premessa (6) jinvolvix elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

(14)

Il-Kummissjoni tista’ fil-fatt tikkonkludi li l-ftehim ta’ kompożizzjoni ma jikkostitwix għajnuna ta’ l-Istat, għaliex jgħaddi t-test tal-kreditur privat, għaliex huwa jikkonsisti f’differiment ta’ dejn, li huwa vantaġġjuż għall-kredituri meta mqabbel mal-likwidazzjoni (6). Hija każistika stabbilita li kreditur pubbliku jibbilanċja l-vantaġġ inerenti fl-akkwist tas-somma offruta skond il-pjan ta’ ristrutturar u s-somma li jkunu jistgħu jirkupraw permezz tal-likwidazzjoni tad-ditta; ma jeżisti l-ebda vantaġġ u għalhekk l-ebda għajnuna mill-Istat fejn ir-ristrutturar jagħti riżultati aħjar mil-likwidazzjoni. Il-Polonja ppreżentat studju li anke jekk jiġi preżunt li d-differiment jirriżulta f’telf ta’ fondi jekk ikkalkulat skond il-valur nett preżenti,, dan xorta jpoġġi lill-kredituri pubbliċi f’pożizzjoni aħjar mil-likwidazzjoni. Bħala konsegwenza tal-ftehim ta’ kompożizzjoni, il-kredituri jkunu jistgħu jirkupraw 75,7 % tat-talbiet tagħhom bħala medja u dawk l-inqas privileġġati jakkwistaw 72,9 %, li xorta huwa ogħla mir-rikavat potenzjali mil-likwidazzjoni stmat fl-istudju bħala 64,8 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tara l-ebda bażi li tindika trattament ta’ detriment tal-kredituri pubbliċi vis-à-vis dawk privati minħabba li kredituri fl-istess livell kienu trattati l-istess.

(15)

In-notifika tal-pjan ta’ ristrutturar ippermettiet il-kontinwazzjoni ta’ l-għajnuna għas-salvataġġ lil hinn mis-sitt xhur. Il-Polonja madankollu aktar tard irtirat din in-notifika. Il-Punt 26 tal-Linji gwida jiddikjara biċ-ċar li n-notifika ta’ pjan ta’ ristrutturar hija kondizzjoni sine qua non għal estensjoni ta’ l-għajnuna għas-salvataġġ. Għalhekk, jekk pjan għar-ristrutturar innotifikat aktar tard ikun irtirat, il-prolongazzjoni ta’ l-estensjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha titwaqqaf (7). Din il-kondizzjoni hawnhekk kienet rispettata għaliex il-kreditu li l-garanzija ta’ l-Istat kienet qed tiżgura kien tħallas lura.

V.   KONKLUŻJONI

(16)

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE rigward il-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati, billi tinnota li l-Polonja rtirat in-notifika u ma tatx xi għajnuna ta’ l-Istat li hija illegali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li l-Polonja kienet qed tippjana li timplimenta għall-HCM, fil-forma ta’ self fl-ammont ta’ PLN 21,8 miljun (madwar EUR 5,76 miljun) kienet irtirata wara li l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Rigward din il-miżura, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali saret mingħajr skop.

Artikolu 2

Rigward il-ftehim ta’ kompożizzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa ma jikkostitwix għajnuna ta’ l-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmula fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 207, 30.08.2006, p. 5.

(2)  L-ammonti kollha ppreżentati mill-awtoritajiet Pollakki fiz-Zloti Pollakk (PLN) kienu kkonvertiti f’Euro (EUR) billi ntużat ir-rata tal-kambju tat-22 ta’ Ġunju 2007 ta’ 1 EUR = 3,7865 PLN.

(3)  Ara nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(4)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(5)  ĠU L 83 tas-27.3.1999, p.1.

(6)  ara l-Każ C-342/96 Spanja v Kummissjoni, paragrafu 46, il-Każ C-256/97 DMT, paragrafu 24, il-Każ T-152/99 Hamsa, paragrafu 168.

(7)  C (2007) 1405 finali disponibbli athttp://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/register/ii/by_case_nr_c2005_0030.html#32