22.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 49/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' 7 ta' Marzu 2007

għajnuna ta' l-Istat C 10/06 (ex N555/05) – Cyprus Airways Public Ltd – Pjan ta' ristrutturar

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 300)

(Il-verżjoni Griega biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/137/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjoni(jiet) msemmija aktar 'il fuq (1),

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fit-3 ta' Mejju 2005, il-Kummissjoni ddeċidiet li tawtorizza għajnuna għas-salvataġġ (N69/2005) għal Cyprus Airways Public Ltd. (Deċiżjoni 2005/1322).

(2)

Permezz ta' ittra mingħajr data, li l-Kummissjoni rreġistrata fid-9 ta' Novembru 2005 (DĠ TREN A/28405) skond l-Artikolu 88(3) u skond l-impenji mogħtija fil-kuntest ta' l-għajnuna għas-salvataġġ notifikata msemmija aktar 'il fuq, l-awtoritajiet Ċiprijotti nnotifikaw lill-Kummissjoni bi pjan ta' ristrutturar għal Cyprus Airways Public Ltd. Fl- 14 ta' Novembru 2005, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni rreġistra n-notifika taħt ir-referenza SG(05)A10041 u l-każ ingħata n-numru N 555/2005.

(3)

Fit-18 ta' Novembru 2005 (D(05)125084), il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ċiprijotti għal informazzjoni addizzjonali bi kjarifika. L-awtoritajiet Ċiprijotti wieġbu l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni b'ittra li kienet iġġib id-data tat-23 ta' Jannar 2006, li kienet irreġistrata fl-24 ta' Jannar 2006 (taħt ir-referenza DĠ TREN A/11819). Fl-14 ta' Diċembru 2005 kien hemm laqgħa fi Brussell bejn rappreżentanti tar-Repubblika ta' Ċipru u tal-Kummissjoni. Fit-30 ta' Jannar 2006, fi Brussell saret laqgħa sussegwenti ta' livell għoli sabiex ikun diskuss il-progress li sar fuq il-każ.

(4)

B'deċiżjoni tat-22 ta' Marzu 2006, innotifikata lill-awtoritajiet Ċiprijotti b'ittra li kienet iġġib id-data tat-23 ta' Marzu 2006 (SG-Greffe (2006) D/201246), il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat. Il-proċedura ġiet irreġistrata taħt C 10/2004.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tingħata bidu għall-proċedura ta' investigazzjoni formali kienet ippublikata wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar is-suġġett. Ċipru bagħtet kummenti lill-Kummissjoni b'ittra li kienet iġġib id-data ta' l-20 ta' April 2006.

(6)

Fil-perjodu ta' żmien provdut fil-ftuħ tal-proċedura pubblikat, il-Kummissjoni rċeviet kumment wieħed mingħand partijiet interessati. Dan il-kumment imbagħad tressaq quddiem l-awtoritajiet Ċiprijotti (D(2006) 213376) għall-osservazzjonijiet tagħhom u l-osservazzjonijiet ta' Ċipru waslu fit-28 ta' Lulju 2006 (u kienu rreġistrati fl-1 ta' Awissu 2006 taħt ir-referenza A/28810). Waslu aktar kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Ċiprijotti b'faks li kien iġġib id-data tad-19 ta' Diċembru 2006 (u li kien irreġistrat fil-31 ta' Diċembru 2006 taħt ir-referenza A/40766). Fit-28 ta' Frar 2007, waslu aktar kjarifiki u impenji bil-faks.

II.   IL-FATTI

(7)

Cyprus Airways Public Ltd. kienet stabbilita fl-1947 bħala kumpanija pubblika, bl-attivitajiet ewlenija tagħha jkunu t-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u tal-merkanzija u servizzi oħra relatati ma' linja ta' l-ajru. L-azzjonista ewlieni tal-kumpanija huwa l-Gvern ta' Ċipru (69,62 %), filwaqt li l-bilanċ ta' l-ishma qiegħed f'idejn madwar 4,200 investitur żgħir privat.

(8)

Cyprus Airways Public Ltd. (minn issa 'l quddiem se tissejjaħ Cyprus Airways) hija parti mill-grupp ta' Cyprus Airways (minn issa 'l quddiem se jissejjaħ il-Grupp).

(9)

Bħalissa, Cyprus Airways tipprovdi servizzi skedati fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani filwaqt li tħaddem flotta ta' 11-il ajruplan, żewġ A319s ikkonsenjati fl-2002, proprjetà ta' Cyprus Airways; seba' A320–200s ikkonsenjati bejn Mejju 1989 u Marzu 1993, proprjetà ta' Cyprus Airways; ajruplan li kien preċedentement mikri bl-ekwipaġġ (wet-leased) lil Eurocypria u żewġ A330-200s, ikkonsenjati fl-2002 u fl-2003 (mikrija).

(10)

Fi żmien in-notifika tal-pjan ta' ristrutturar, il-kumpaniji l-oħra fil-Grupp, ilkoll 100 % proprjetà ta' Cyprus Airways Public Ltd kienu:

Eurocypria Airlines

(11)

Din il-kumpanija (minn issa 'l quddiem se tissejjaħ Eurocypria) topera titjiriet charter minn aktar minn ħamsin ajruport Ewropew. Il-flotta ta' Eurocypria hija magħmula minn ħames ajruplani, erbgħa Boeing 737-800s mikrija, li kienu akkwistati bejn Frar u April 2003, kull wieħed b'kapaċità ta' 189 passiġġier, kif ukoll ajruplan A320 (A320) mikri bl-ekwipaġġ (“wet-lease”) minn Cyprus Airways.

Hellas Jet SA

(12)

Hellas Jet SA (minn issa 'l quddiem se tissejjaħ HellasJet) kienet inkorporata f'Ateni fl-1 ta' Lulju 2002 u bdiet topera fl-24 ta' Ġunju 2004. HellasJet inħolqot bħala linja ta' l-ajru ġdida Ewropea b'bażi f'Ateni. Kienet tħaddem tliet Airbus A320s mikrija mill-Ajruport Internazzjonali ta' Ateni. Madankollu, il-pjanijiet ta' negozju ma ġewx sodisfatti u minn Mejju 2005 kienu sospiżi l-operazzjonijiet skedati. Ir-riżultati ta' din l-impriża għalhekk kienu finanzjarjament dannużi, u minn Ġunju 2005 swew lill-Grupp ammont akkumulat ta' CYP 29,5 miljun (EUR 51,4 miljun).

Zenon National Distribution Centre Ltd.

(13)

Din il-kumpanija sussidjarja (minn issa 'l quddiem se tissejjaħ Zenon) tipprovdi servizzi lill-aġenti tal-vjaġġi Ċiprijotti. Speċifikament, Zenon tipprovdi u tiddistribwixxi informazzjoni elettronika li tippermetti li l-aġenti tal-vjaġġi jagħmlu prenotazzjonijiet għas-sits fuq l-ajruplani u jibbukkjaw il-biljetti kif ukoll jagħmel prenotazzjonijiet għal-lukandi u għall-karozzi.

Cyprus Airways (Duty Free Shops) Ltd.

(14)

Din il-kumpanija bdiet taħdem fl-1996 meta ħadet f'idejha l-operat tal-Ħwienet ta' Bla Dazju fl-ajruporti ta' Larnaca u ta' Paphos. Fi żmien in-notifika tal-pjan ta' ristrutturar, kien hemm il-ħsieb li l-Ħwienet ta' Bla Dazju fl-ajruporti ta' Larnaca u ta' Paphos kienu se jinxtraw mill-konċessjonarja l-ġdida ta' l-ajruport u ma kinux se jibqgħu aktar parti mill-Grupp. Dan seħħ f'Ġunju 2006.

III.   IL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(15)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jingħata bidu għall-proċedura provduta skond l-Artikolu 88(2) kienet ibbażata fuq numru ta' kwistjonijiet li ġejjin mill-eżami li għamlet tal-pjan ta' ristrutturar. Il-Kummissjoni wriet xi dubji dwar jekk il-pjan kienx kompatibbli mal-qafas Komunitarju applikabbli, jiġifieri l-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna ta' l-Istat għas-Salvataġġ u għar-Ristrutturar tad-Ditti f'Diffikultà ta' l-2004 (3) (minn issa 'l quddiem il-linji gwida S&R).

Is-self fit-tul ta' CYP 55 miljun (€96 miljun) u l-miżuri ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż

(16)

Is-sies ċentrali tal-pjan ta' ristrutturar huwa self għal perjodu ta' għaxar snin skond termini kummerċjali b'garanzija mill-Gvern ta' Ċipru, u l-ewwelnett se jintuża sabiex jitħallas lura s-self tul perjodu qasir ta' żmien ta' CYP 30 miljun (EUR 51 miljun) li sar wara l-approvazzjoni ta' l-għajnuna għas-salvataġġ f'Mejju 2005. Minn dakinhar 'il quddiem il-bilanċ se jintuża sabiex tiġi ristrutturata l-linja ta' l-ajru.

(17)

Fl-ewwel 24 xahar tal-pjan ta' ristrutturar, l-attenzjoni ewlenija kellha tkun iffokata fuq it-tnaqqis ta' l-ispejjeż u fuq it-titjib tad-dħul magħżul. Il-Gvern u l-maniġment stmaw li l-ispejjeż totali meħtieġa kellhom jitnaqqsu bi 13 %. Dan kellu jintlaħaq billi jkun hemm tnaqqis fil-persunal ta' xi 20 % u fl-istess ħin il-livelli tas-salarji jitnaqqsu b'medja ta' 15 %. Dan ifisser li minn persunal ta' 1,840, mill-1 ta' Settembru 2005, skond il-pjan ta' ristrutturar 385 kellhom jingħataw is-sensja. dawn is-senji kellhom iwasslu għal flus iffrankati fis-sena ta' madwar CYP 7 miljuni (EUR 12-il miljun); aktar ekonomiji li jlaħħqu madwar CYP 4,6 miljuni (EUR 8 miljuni) se jitnaqqsu mill-ispejjeż kontinwi tal-persunal.

(18)

Il-Kummissjoni wriet xi dubji rigward jekk il-pjan kienx se jrodd il-vijabilità fit-tul tal-kumpanija fl-iqsar żmien possibbli u mingħajr il-ħtieġa għal għajnuna addizzjonali fil-ġejjieni. Iddikjarat ukoll li ma kellhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista' tieħu pożizzjoni dwar jekk l-ammont ta' l-element ta' għajnuna tal-pjan ta' ristrutturar inżammx f'livell minimu. Il-Kummissjoni wriet ukoll id-dubji tagħha rigward il-ħtieġa għas-self fit-tul li għandu jitħallas tul 10 snin. Il-Kummissjoni qalet li ma kellhiex biżżejjed informazzjoni biex tkun tista' tgħid jekk il-projezzjonijiet finanzjarji humiex raġonevoli jew jekk is-suppożizzjonijiet li fuqhom dawn huma bbażati humiex validi u tkun partikolarment interessata jekk ikollha l-opinjoni dwar il-pjan tal-kompetituri ta' Cyprus Airways.

Il-bejgħ ta' Eurocypria

(19)

Il-pjan ta' ristrutturar kien jipprevedi l-bejgħ ta' Eurocypria, il-kumpanija charter sussidjarja ta' Cyprus Airways lill-Gvern bi prezz li kellu jiġi determinat minn esperti indipendenti. Għall-bidu, il-prezz kien stmat li jlaħħaq CYP 15-il miljun (EUR 26 miljun). Eurocypria, għalhekk, kellha tiġi separata mill-grupp ta' Cyprus Airways u tkun operata bħala entità kompletament distinta. Id-dħul mill-bejgħ (imħallas mill-Gvern lil Cyprus Airways) kellu jintuża minn din ta' l-aħħar sabiex tiffinanzja r-ristrutturar tagħha. Il-Kummissjoni wriet id-dubji tagħha rigward il-bejgħ u kif il-prezz tal-bejgħ kellu jinkiseb. Jekk il-prezz imħallas għal Eurocypria ma kienx se jkun il-prezz tas-suq, mela dak kien se jkun għajnuna ta' l-Istat.

Iż-żjieda kapitali

(20)

Parti oħra tal-pjan ta' ristrutturar, li kien hemm il-ħsieb li sseħħ 18-il xahar wara li jkun inbeda l-pjan, hija żjieda kapitali ta' CYP 14-il miljun (EUR 24 miljun). L-azzjonisti kollha (l-azzjonisti ta' l-Istat u privati) se jipparteċipaw bi proporzjon għall-ammont ta' ishma li għandhom. L-Istat se joħroġ 9,8 miljuni (EUR 17-il miljun) filwaqt li l-kontribuzzjoni ta' l-azzjonisti privati f'din iż-żjieda kapitali se tkun ta' madwar CYP 4,2 miljuni (EUR 7,3 miljuni). Meta tat bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni indikat li ma setgħetx teskludi li l-parteċipazzjoni ta' l-Istat f'din iż-żjieda kapitali setgħet tammonta għal għajnuna ta' l-Istat.

Il-miżuri kumpensatorji

(21)

Il-Kummissjoni wriet id-dubji tagħha dwar jekk il-miżuri kumpensatorji proposti fil-pjan ta' ristrutturar ikunux biżżejjed sabiex ikunu ta' rimedju għat-tgħawwiġ tas-suq ikkawżat mill-għajnuna. Il-pjan kien jinkludi tnaqqis relattivament żgħir fil-flotta u fin-netwerk tar-rotot għal Cyprus Airways. Il-fergħa charter, Eurocypria, kellha tinbiegħ u kumpanija sussidjarja oħra, HellasJet, kellha tingħalaq u t-tliet ajruplani tagħha jiġu rilaxxati. Il-Kummissjoni wriet id-dubji tagħhom partikolarment minħabba li Eurocypria kellha tinbiegħ lill-azzjonista ewlieni ta' Cyprus Airways. Il-Kummissjoni stiednet lill-kompetituri ta' Cyprus Airways biex jikkumentaw f'dan ir-rigward.

Il-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways

(22)

Normalment b'kumpanija tad-daqs ta' Cyprus Airways, il-livell tal-kontribuzzjoni tagħha għall-ispejjeż ta' ristrutturar għandu jlaħħaq il-50 %. Il-Kummissjoni esprimiet dubji rigward il-livell tal-kontribuzzjoni tagħha u dwar dak li għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tagħha.

IV.   IL-KUMMENTI LI WASLU MATUL IL-PROĊEDURA

Il-kummenti inizjali ta' l-awtoritajiet Ċiprijotti

(23)

L-awtoritajiet Ċiprijotti wieġbu għall-bidu tal-proċedura billi fittxew li jiċċaraw ċerti kwistjonijiet imqajma mill-Kummissjoni.

Is-self fit-tul ta' CYP 55 miljun (€96 miljun) u l-miżuri ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż

(24)

Fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-għoti lura ta' vijabilità fit-tul ta' Cyprus Airways, il-pjan ta' ristrutturar kien jipprovdi li l-ispejjeż ta' ristrutturar (iffinanzjat bis-self fit-tul ta' CYP 55 miljun kif ukoll mid-dħul mill-bejgħ ta' Eurocypria) kellhom jintefqu kif ġej

Perjodu

Ammont

(CYP miljun)

Deskrizzjoni

2006

30

Ħlas lura ta' għajnuna għas-salvataġġ

2006

10,6

Ħlasijiet minħabba s-sensji

2006

2

Spejjeż oħra minħabba s-sensji

2006-2008

5

Kapital ta' ħidma għal Cyprus Airways

2006-2008

13,5

Nefqa kapitali prevista

2006-2010

10

Defiċits fil-likwidità

Total

71,1

 

(25)

Fir-rigward tal-ħidma futura tal-kumpanija, kemm l-awtoritajiet Ċiprijotti kif ukoll il-linja ta' l-ajru rrikonoxxew li l-mudell strateġiku u operattiv li serva lil Cyprus Airways fl-imgħoddi mhux sostenibbli fl-ambjent kompetittiv fejn qed topera l-kumpanija llum. L-allinjament ħażin bażiku jinstab fil-fatt li Cyprus Airways topera fuq livell ta' spejjeż ta' trasportatur fuq distanzi twal għalkollox operattiv filwaqt li r-realtà tas-suq liberalizzat iddominat mill-industrija tad-divertiment ta' Ċipru tagħti lok biss għal livelli ta' dħul li jkunu daqs dawk ta' linji ta' l-ajru charter u/jew bi prezzijiet irħas, li fil-fatt huma l-kompetituri reali ta' Cyprus Airways.

(26)

Fl-ambjent tan-negozju attwali u meta titqies il-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tat-trasport bl-ajru f'Ċipru, Cyprus Airways għandha biss alternattivi limitati għal aktar tkabir jew għal titjib fid-dħul. Anki t-tkabbir previst ta' aktar minn 4 % fis-suq ta' l-avjazzjoni ma jippermettix li Cyprus Airways toħroġ mis-sitwazzjoni attwali diffiċli tagħha mingħajr azzjoni addizzjonali. Għalhekk, il-kumpanija tat bidu għal ristrutturar iebes fejn it-tnaqqis drastiku ta' l-ispejjeż kien inevitabbli.

(27)

Fil-pjan ta' ristrutturar, il-kumpanija stmat li l-ispejjeż totali jeħtieġ li jitnaqqsu bi 13 %. Dan kellu jitwettaq billi l-ispejjeż tal-persunal jitnaqqsu b'madwar 20 % u fl-istess ħin il-livelli tas-salarji jitnaqqsu b'medja ta' 15 %.

(28)

Minbarra dan it-tnaqqis fl-ispejjeż, il-kumpanija kellha twettaq elementi oħra tal-pjan ta' ristrutturar li huwa kontinwu u li, f'dan l-istadju bikri, jirrappreżenta l-vijabilità fit-tul tal-kumpanija. Issa hemm il-ħsieb li l-kumpanija se tkun f'pożizzjoni li jirnexxielha tirripożizzjona ruħha b'mod li għandu jippermetti li l-linja ta' l-ajru tibqa' attiva u toħloq Qligħ fuq l-Investiment (ROI – Return on Investment) aċċettabli tul perjodu medju ta' żmien, bla ebda sussidju ieħor jew għajnuna oħra. Hemm il-ħsieb li matul l-2007 għal darb'oħra jitnaqqsu l-ispejjeż, fejn l-attenzjoni tkun iffokata fuq l-esternalizzazzjoni tax-xogħol (outsourcing) u fuq l-aħjar prattika ta' l-industrija.

L-evoluzzjoni tal-profitti u tat-telf ta' Cyprus Airways (tbassir)  (*)

(CYP 000)

 

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

Dhul totali

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Spejjez totali

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Rizultat operattiv

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Profitt (telf) qabel it-taxxa

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

(29)

Il-bidla futura tal-linja ta' l-ajru hija bbażata fuq il-konsolidament tal-benefiċċji li jakkumulaw minn dawn l-ispejjeż imnaqqsa u mil-linja ta' l-ajru li qed tikber b'rata stabbli. F'dan ir-rigward, għall-perjodu 2004-2010, il-pjan ta' ristrutturar jipprevedi evoluzzjoni fit-traffiku tal-passiġġieri kif ġej

L-evoluzzjoni fit-Traffiku tal-Passiġġieri ta' Cyprus Airways (tbassir)  (*)

 

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

Traffiku generali ta' Cipru (miljuni)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Traffiku Ciprijott (miljuni)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Ishma mis-suq Ciprijott

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Il-bejgħ ta' Eurocypria

(30)

Fir-rigward tal-bejgħ ta' Eurocypria, il-Gvern iċċara li minbarra l-evalwazzjoni preċedentement imwettqa minn PricewaterhouseCoopers (PwC) f'isem Cyprus Airways sabiex ikun stabbilit prezz tas-suq għal Eurocypria, ġiet ikkummissjonata valutazzjoni oħra mingħand HSBC, f'isem il-Gvern, sabiex ikun iddeterminat prezz tal-bejgħ skond metodoloġija stabbilita sew u aċċettata. Għalhekk inżammet ċertu distanza fil-bejgħ ta' Eurocypria lill-Istat.

(31)

PwC wettqu valutazzjoni tal-kumpanija billi użaw il-metodoloġija tal-Likwidità Skontata (DCF – Discounted Cash Flow) u billi pparagunaw il-valuri multipli impliċiti tal-valutazzjoni mal-metodu tas-suq qiesu wkoll it-tranżazzjonijiet li jinvolvu x-xiri u l-bejgħ ta' kumpaniji paragunabbli fl-industrija.

(32)

PwC jirrappurtaw li d-dħul tal-kumpanija ġej mill-bejgħ ta' sits fuq l-ajruplani lil operaturi turistiċi, it-total tal-passiġġieri trasporatati fl-2005 kien jammonta għal 662,561 u dan huwa mistenni li jiżdied għal 829,092 matul l-2006. Għandu jiġi nnutat li d-dħul previst għall-2006 diġà ġie impenjat. Il-komponenti ewlenin ta' l-ispejjeż operattivi għall-2005 kienu l-fjuwil għall-avjazzjoni (30 %), il-ħlasijiet għall-kera ta' l-ajruplani (22 %), l-ispejjeż ta' l-ajruporti u ta' tul ir-rotot (15 %), l-ispejjeż ta' l-ekwipaġġ (11,5 %) u l-ispejjeż tal-manutenzjoni/ta' l-inġinerija (9,5 %).

L-indikaturi ewlenin tar-rendiment

 

2004 (4)

2005 (5) (M)

2006 (6) (E)

2007 (E)

2008 (E)

2009 (E)

Titjiriet totali operati

[…] (**)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Passiġġieri ttrasportati

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Dħul totali (CYP 000)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Profitt gross (CYP 000)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Profitt operattiv (telf) (CYP 000)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Profitt (telf) qabel it-taxxa (CYP 000)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

(33)

Għas-sena finanzjara 2005, Eurocypria kienet qed tantiċipa profitt li jlaħħaq madwar CYP 440,000. Dan jammonta għal tnaqqis fir-rendiment meta pparagunat mas-snin preċedenti u meta pparagunat mal-figuri proġettati minħabba żjieda f'daqqa fil-prezzijiet tal-fjuwil esperjenzata fl-2005 li ma setgħetx tiġi mgħoddija fuq il-passiġġeri minħabba n-natura tal-ftehimiet ma' l-operaturi turistiċi.

(34)

Il-metodu ta' DCF jagħti indikazzjoni tal-valur ta' negozju bbażat fuq il-valur tal-likwidità ħielsa li huwa mistenni li n-negozju jista' jiġġenera fil-ġejjieni. Huwa mfassal biex isib il-valur preżenti tal-likwidità futura li ġejja mill-investituri, bil-likwidità li tirriżulta trid tiġi skontata skond ir-rata meħtieġa ta' qligħ sabiex wieħed jikseb stima tal-valur preżenti tan-negozju.

(35)

Il-maniġment ta' Eurocypria prepara projezzjonijiet finanzjarji tul erba' snin (2006-2009); dawn kienu jipprovdu “valur terminali” tal-kumpanija li kien jirrappreżenta l-ammont li investitur jkollu jħallas illum għad-drittijiet għal-likwidità tan-negozju għas-snin sussegwenti għall-projezzjoni ta' erba' snin. Inkiseb valur terminali ta' CYP 14,54 miljun; dan imbagħad ġie skontat bi “prezz medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) tal-kapital” ta' 9,35 % sabiex jinkiseb “valur nett skontat attwali” (net present value) tal-kumpanija ta' CYP 14,21 miljun.

(36)

Dan il-valur nett skontat attwali imbagħad kien suġġett għal numru ta' analiżijiet tas- sensittività sabiex jitqiesu l-parametri li jvarjaw possibbli bħar-rati tal-kambju differenti USD/CYP (ħafna mill-ispejjeż tal-kumpanija huma f'dollari Amerikani, filwaqt li l-qligħ tagħha jkunu f'muniti oħra), tbassir differenti tat-tkabbir u prezzijiet differenti tal-fjuwil. L-analiżijiet tas-sensittività enfasizzaw is-sensittività kbira ta' Eurocypria (komuni għall-parti l-kbira tal-linji ta' l-ajru Komunitarji) għall-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju u fil-prezzijiet tal-fjuwil.

(37)

Fuq il-bażi ta' l-analiżi li ġiet deskritta aktar 'il fuq, PwC kisbu firxa indikattiva ta' valuri għal Eurocypria ta' bejn CYP 12,5 miljun u CYP 16-il miljun.

(38)

PwC wettqu wkoll analiżi paragunabbli tas-suq tal-valur billi paragunaw Eurocypria ma' kumpaniji oħra f'oqsma simili jew ta' tipi simili ta' negozju. Dan jitqies bħala metodu ta' paragun addizzjonali validu peress li l-kundizzjonijiet u l-prospetti ta' negozji simili jiddependu minn fatturi komuni bħad-domanda ġenerali għall-prodotti u għas-servizzi tagħhom kif ukoll mill-istruttura ta' l-ispejjeż u mill-ambjenti operattivi.

(39)

Minħabba n-nuqqas ta' kumpaniji ta' linji ta' l-ajru charter ikkwotati pubblikament, PwC użaw taħlita ta' trasportaturi bi prezzijiet irħas u trasportati skedati u charter imħallta. Kalkolu li sar fuq il-bażi tal-qligħ attwali u proġettat qabel l-imgħax, it-taxxi, id-deprezzament u l-amortizzazzjoni (EBITDA) wassal għal valur indikattiv ta' l-ishma tal-kumpanija ta' bejn CYP 12,5 u CYP 13,5 miljun. Il-PwC innuttaw li dan ir-riżultat jixbah lir-riżultat tal-metodoloġija tad-DCF.

(40)

PwC wettqu wkoll it-tielet u l-aħħar valutazzjoni ta' Eurocypria fuq il-bażi ta' tranżazzjonijiet reċenti. Fil-fehma tagħhom dan japplika test ta' raġonevolezza għaż-żewġ metodoloġiji li ssemmew preċedentement. It-teorija wara dan il-metodu hija li l-prezz miksub minn distanza bejn xerrej lest li jixtri u bejjiegħ lest li jbigħ ikun indikatur tajjeb tal-valur. PwC użaw id-data disponibbli għan-netwerk globali tagħhom u permezz ta' dan il-metodu waslu għal valur indikattiv għal Eurocypria ta' bejn CYP 10,5 u CYP13-il miljun. PwC josservaw li dan ir-riżultat ukoll jixbah ir-riżultat tal-metodoloġija tad-DCF.

(41)

Għaldaqstant u fuq il-bażi ta' l-analiżijiet li ssemmew aktar 'il fuq, PwC ikkonkludew li l-valur indikattiv għal Eurocypria jinsab bejn CYP 12,5 u CYP 15,5 miljun.

(42)

PwC iżidu jgħidu wkoll li l-valutazzjoni tagħhom ta' Eurocypria hija bbażata fuq projezzjonijiet finanzjarji għall-kumpanija fejn Eurocypria żżomm xi tip ta' affiljazzjoni ma' Cyprus Airways. Skond PwC, affiljazzjoni bħala din tagħti lok għal ċertu tfixkil għall-espansjoni, prinċipalment: restrizzjonijiet fuq it-tkabbir minħabba l-fatt li Eurocypria hija kumpanija sussidjarja ta' Cyprus Airways; l-istatus ta' Eurocypria bħala kumpanija sussidjarja ta' Cyprus Airways jillimita l-possibbiltajiet tagħha li tikseb ipprezzar kompetittiv rigward l-għoti barra (outsourcing) tas-servizzi. Jekk Eurocypria kellha tibqa' parti mill-Grupp, huwa wkoll probabbli li ma tkunx tista' tikkompeti ma' Cyprus Airways fuq l-istess rotot.

(43)

Fuq din il-bażi, PwC qed jikkonkludu li l-prezz għal Eurocypria bħala entità separata ħielsa minn dan it-trażżin probabbilment jista' jkun ogħla.

(44)

Evalwazzjoni oħra twettqet minn HSBC. HSBC adottaw metodu simili għal dak imwettaq minn PwC. Il-konklużjoni inizjali tagħhom hija li Eurocypria għandha valur totali ta' ishma ta' CYP 13-il miljun. HSBC imbagħad wettqu valutazzjoni tal-valur komparattiv rigward kumpaniji kwotati pubblikament li jistgħu jiġu paragunati ma' Eurocypria. Meta għamlu dan kisbu valutazzjoni ta' CYP 11,8 miljun għal Eurocypria.

(45)

HSBC jirreferu għas-sensittività tal-kumpanija, partikolarment għall-varjazzjonijiet fl-ipprezzar tal-fjuwil u jiksbu valur medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) tal-kumpanija ta' bejn CYP 12,3 u CYP 13,8 miljun.

Iż-żjieda kapitali

(46)

Rigward iż-żjieda kapitali, din għandha tkun imfassla sabiex tindirizza l-valur nett negattiv li ġej mit-telf akkumulat passat li għawwar l-ishma ta' Cyprus Airways. Iż-żjieda fl-ishma se ssir permezz ta' kwistjoni ta' drittijiet li se jkunu offruti prorata lill-azzjonisti, fejn 70 % jkunu offruti lill-Istat u 30 % lill-azzjonisti privati. Fil-fehma tal-Gvern ta' Ċipru, din iż-żjieda fl-ishma se tkun investiment simili għal dak li sar minn investitur f'ekonomija tas-suq.

Il-miżuri kumpensatorji

(47)

Dwar il-kwistjoni tal-miżuri kumpensatorji, l-awtoritajiet Ċiprijotti reġgħu saħqu dwar il-fehma tagħhom li, mill-2004, il-linja ta' l-ajru effettivament kienet qed tirristruttura l-operazzjonijiet tagħha. F'dan ir-rigward, fi tmiem l-2004, il-linja ta' l-ajru naqset il-flotta tagħha b'żewġ ajruplani u rinunzjat għal numru ta' rotot waqt li fl-istess ħin naqqset il-frekwenza tagħha fuq rotot oħra. Fil-kuntest ta' linja ta' l-ajru bi 12-il ajruplan fl-2004, dan it-tnaqqis, fil-fehma tagħhom, kien ferm sinifikanti u aktar tnaqqis fid-daqs f'dan l-istadju kien ikollu impatt negattiv fuq il-vijabilità fit-tul tal-linja ta' l-ajru.

(48)

L-awtoritajiet Ċiprijotti qed isostnu wkoll li d-deċiżjoni li tinbiegħ HellasJet u d-deċiżjoni li ma jiġġeddux il-kirjiet ta' HellasJet ta' tliet ajruplani mikrija tikkostitwixxi tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità tal-Grupp li għandha titqies bħala miżura kumpensatorja. Jgħidu l-istess fir-rigward tal-bejgħ ta' Eurocypria, peress li l-flotta tal-Grupp se jitnaqqsulha 6 ajurplani oħra. Wara l-bejgħ iż-żewġ kumpaniji jkunu legalment u finanzjarjament indipendenti.

(49)

Fil-fehma ta' l-awtoritajiet Ċiprijotti, mhemm l-ebda ambitu ulterjuri f'dan ir-ristrutturar għal aktar miżuri kumpensatorji li ma jirriskjawx li jipperikolaw is-suġġett tar-ristrutturar. L-awtoritajiet Ċiprijotti jenfasizzaw li Cyprus Airways hija parteċipanta ferm żgħira fis-suq Komunitarju ta' l-avjazzjoni u mhux probabbli li l-azzjonijiet tagħha li se jinfluwenzaw is-sitwazzjoni kompetittiva f'din il-kwistjoni.

(50)

Is-suq Ċiprijott, li prinċipalment huwa suq ta' destinazzjoni, ilu mhux ħażin li ġie liberalizzat u bħalissa madwar 99 linja ta' l-ajru joperaw servizzi skedati u charter fi, lejn u barra minn Ċipru. Fuq eżami aktar mill-qrib, 80 % tat-traffiku huwa fil-Komunità/fiż-ŻEE u għalhemm mhux suġġett għal restrizzjonijiet ta' l-ebda tip. 8-9 % ieħor huwa magħmul minn servizzi charter minn pajjiżi terzi li huma għalkollox liberalizzati. L-10-11 % li jifdal huwa magħmul minn traffiku mir-reġjuni tal-Lvant Nofsani u tal-Golf fejn il-kuntest aeropolitiku huwa influwenzat minn arranġamenti bilaterali bejn Ċipru u dawn il-pajjiżi. F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet Ċiprijotti jħossu li hemm ambitu ferm limitat għal aktar liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-avjazzjoni Ċiprijott fuq il-bażi ta' l-azzjonijiet meħuda fuq il-livell nazzjonali.

Il-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways

(51)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways, l-awtoritajiet Ċiprijotti jixtiequ jiċċaraw numru ta' kwistjonijiet. Fir-rigward tal-flotta proprjetà ta' Cyprus Airways, il-kumpanija ma setgħetx tqiegħed l-ajruplani tagħha bħala sigurtà biex tissellef mill-banek kummerċjali minħabba l-età relattiva ta' l-ajruplani (is-7 ajruplani A320 proprjetà ta' Cyprus Airways kienu kkonsenjati lill-kumpanija bjen l-1989 u l-1993). Saru sforzi f'dan ir-rigward imma r-risposti li waslu mingħand numru ta' banek kummerċjali kienu negattivi. B'mod simili, il-Gvern spjega li l-bejgħ ta' parti mill-flotta ma tqiesx bħala alternattiva reali peress li dan kien se jwassal biex il-kumpanija ma tkunx tista' tkompli taħdem. L-unika alternattiva reali għalhekk kien il-bejgħ ta' Eurocypria u qegħdin jargumentaw li l-bejgħ ta' din il-kumpanija sussidjarja għandu jitqies bħala l-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways.

(52)

B'relazzjoni għal HellasJet, din il-kumpanija waqfet taħdem bħala linja ta' l-ajru skedata f'Mejju 2005 u trasformat in-negozju tagħha minn trasporatur skedat għal sensar ta' l-ajruplani u operatur charter billi daħlet fi ftehim ma' kumpanija Griega bl-isem Trans World Aviation. 51 % ta' l-ishma tal-kumpanija diġà kienu nbiegħu u l-Gvern kien f'negozjati sabiex ibigħ il-bqija tal-kumpanija.

(53)

L-awtoritajiet Ċiprijotti jqisu wkoll li ż-żjieda kapitali pjanata għal nofs l-2007 tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways għar-ristrutturar. Fil-fehma tagħhom, għandhom jiġu miżjuda: il-bejgħ ta' ajruplan fl-2005 (CYP 5 miljuni), il-bejgħ ta' magna żejda ta' ajurplan A320 (CYP 1,7 miljuni) u l-bejgħ ta' sperparts (CYP 0,7 miljun), li jwasslu għal kontribuzzjoni oħra ta' CYP 7,4 miljuni.

(54)

Fl-aħħarnett, b'relazzjoni għal-livell tal-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways għar-ristrutturar, l-awtoritajiet Ċiprijotti jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal punt 56 tal-linji gwida S&R li jipprovdu

“F'oqsma mgħejjuna, madankollu, u sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'regoli dwar l-għajnuna ta' l-Istat f'settur partikolari, il-kundizzjonijiet biex tkun awtorizzata l-għajnuna jistgħu jkunu inqas stretti rigward l-implimentazzjoni ta' miżuri kumpensatorji u d-daqs tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju”

(55)

Ikomplu jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li għall-perjodu 2000-2006 Ċipru kollu jitqies bħala reġjun wieħed li jaqa' taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE, u li Cyprus Airways hija partikolarment ta' valur għall-ekonomija bbażata fuq it-turiżmu ta' Ċipru u aktar tnaqqis fil-kapaċità fil-linja ta' l-ajru permezz ta' aktar miżuri kumpensatorji jew permezz ta' proporzjon ferm għoli tal-kontribuzzjoni tagħha stess se jkollha riperskussjonijiet ferm mifruxa fuq is-settur tat-turiżmu u fuq l-iżvilupp reġjonali b'mod ġenerali.

Il-kummenti ta' partijiet terzi

(56)

Wara l-pubblikazzjoni ta' l-ittra indirizzata lill-awtoritajiet Ċiprijotti fil-Ġurnal Uffiċjali, fiż-żmien permess, waslu kummenti mingħand parti interessata waħda.

(57)

Il-Kummissjoni qed tinnota li l-ebda kompetitur ma ressaq kummenti fil-kuntest tal-bidu tal-proċedura.

Pasypi

(58)

Il-kumment wasal mill-Pancyprian Airline Pilots Union (PASYPI), li xtaqu jagħtu l-fehma tagħhom dwar il-pjan ta' ristrutturar għal Cyprus Airways u dwar il-ġestjoni xierqa u effiċjenti tal-kumpanija. Huma kienu tal-fehma li jekk il-pjan attwali ta' ristrutturar kellu jiġi approvat skond il-“ħsieb prevalenti tal-maniġment” dan seta' jkun “ferm diżastruż” għall-kumpanija.

(59)

Fl-opinjoni tal-PASYPI, Cyprus Airways ma preżentatx pjan ta' negozju xieraq u vijabbli lill-impjegati tagħha peress li l-Kummissjoni kienet awtorizzat għajnuna għas-salvataġġ għall-kumpanija. Ma kien hemm l-ebda ristrutturar la tal-maniġment u lanqas ta' l-operazzjonijiet tal-kumpanija u dan kien minħabba interessi u interferenza politiċi.

(60)

L-unjin tafferma li l-linja ta' l-ajru għandha wisq persunal u li l-pjanijiet stabbiliti mill-maniġment tal-kumpanija ma rnexxielhomx inaqqsu l-persunal għal livelli ta' persunal konsistenti ma' standards internazzjonali u ma' livelli ta' referenza (benchmarking). Issemmew pressjoni u konsiderazzjonijiet politiċi bħala raġunijiet għal dan in-nuqqas.

(61)

Il-PASYPI qed tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-azzjonisti privati tal-kumpanija m'huma qed jagħtu l-ebda kontribut sabiex din tibqa' attiva u li l-uniċi azzjonisti li qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-ispejjeż huma l-impjegati.

(62)

L-unjin tal-piloti qed tikkritika anki l-ġestjoni tal-kumpanija b'relazzjoni għat-trattament taż-żewġ kumpaniji sussidjarji Eurocypria u HellasJet. B'relazzjoni għal Eurocypria huma qed jistaqsu jekk il-bejgħ ta' din il-kumpanija hux se jkollu effetti ħżiena u limitazzjonijiet fuq il-ġejjieni ta' u l-espansjoni ta' Cyprus Airways. Rigward HellasJet, l-unjin ma taqbilx mal-fatt li l-maniġment qatt ma żvela lill-persunal it-telf li għamlet HellasJet u jekk il-kumpanija għadiex operattiva.

(63)

Fl-aħħarnett, l-unjin tal-piloti qed tiddikjara li l-linja ta' l-ajru teħtieġ pjan ta' negozju ġdid u jeħtieġ li tiġi privatizzata.

Ir-risposta ta' l-awtoritajiet Ċiprijotti għall-Kumment tal-Parti Terza

(64)

Ir-risposta ta' l-awtoritajiet Ċiprijotti għall-kummenti li waslu mingħand l-unjin tal-piloti l-ewwelnett kienet tafferma li d-dikjarazzjonijiet li saru la kienu sostanzjati u lanqas ma kienu bbażati fuq xi raġuni fundamentali jew sfond sod tan-negozju.

(65)

Il-Gvern qed jikkontesta bil-qawwa kollha l-allegazzjoni ta' interferenza politika fil-kumpanija u ddikjara li waqt li l-maġġoranza tal-Bord jinħatru mill-Gvern, dawn il-membri għandhom l-istess responsabbiltajiet bħal dawk il-membri tal-Bord ta' kwalunkwe kumpanija kwotata pubblikament. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord huma motivati biss mill-aħjar interessi tal-kumpanija.

(66)

Fir-rigward tal-pjan ta' ristrutturar, il-Gvern qed jiddikjara li dan kien qed jiġi implimentat u li l-bidla fil-kumpanija diġà kienet viżibbli. Il-flus iffrankati fuq bażi annwali kienu skond dawk previsti mill-pjan, jiġifieri ta' CYP 19,5 miljun. Il-parti ċentrali tal-pjan huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż sabiex il-linja ta' l-ajru tkun tista' tirristruttura l-operazzjonijiet tagħha b'mod aktar kompetittiv. Peress li l-ispejjeż tal-ħaddiema kienu fattur sinifikanti dan fisser li l-persunal kien inevitabbilment affetwat jew minħabba s-sensji jew minħabba t-tnaqqis fil-qligħ.

(67)

Rigward il-kwistjoni ta' persunal żejjed, il-Gvern qed jiċħad l-allegazzjonijiet li għamlet il-PASYPI u qed jiddikjara li l-għadd tal-persunal li għandhom jingħataw is-sensja, u li mistennija jħallu l-kumpanija sa tmiem l-2006, huwa bejn wieħed u ieħor 414 aktar milli t-385 persuna previsti fil-pjan ta' ristrutturar.

(68)

Rigward iż-żjieda fil-kapital, il-Gvern qed jispjega li dan se jsir f'nofs l-2007 meta riżultati tanġibbli mill-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar ikunu evidenti. Hemm il-ħsieb li se jinżamm il-proporzjon ta' ishma privati/pubbliċi fil-kumpanija.

(69)

Il-Gvern spjega li l-bejgħ ta' Eurocypria sar sabiex Cyprus Airways tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti kontributorji tagħha skond il-linji gwida Komunitarji S&R. Huwa ddikjara li l-bejgħ ta' Eurocypria bi prezz ta' CYP 13,425 miljun, li ġie evalwat b'mod indipendenti, kellu jsir kmieni f'Awissu 2006.

(70)

B'relazzjoni għal HellasJet, il-Gvern spjega li wara ftehim bejn tliet partijiet bejn Cyprus Airways, HellasJet u Trans World Aviation SA (li fil-Greċja tinnegozja bħala Air Miles) Cyprus Airways irranġat il-bejgħ ta' HellasJet lil Trans World għal EUR 2 miljuni (CYP 1,16 miljun). Huwa ddikjara li l-ħsieb ta' Cyprus Airways kienet li ttafi kemm jista' jkun it-telf operattiv ta' HellasJet u li toħroġ minn din l-impriża ladarba l-garanziji korporattivi preċedentement ipprovduti minn Cyprus Airways, b'konnessjoni mal-flotta ta' HellasJet, skadew. Il-Gvern argumenta wkoll li dan l-ammont għandu jitqies bħala l-kontribuzzjoni tagħha stess.

(71)

Il-Gvern ċaħad is-sejħa ta' l-unjin tal-piloti għal pjan ta' ristrutturar ġdid u afferma li l-pjan ta' negozju attwali ma jeħtieġ l-ebda reviżjoni. Il-Gvern mhux qed jeskludi l-possibbiltà li jipprivatizza l-kumpanija jekk issir offerta attraenti.

(72)

Fir-rigward tal-kapital miżjud ippjanat għal nofs l-2007, u fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ċiprijotti pprovdew aktar informazzjoni permezz ta' ittra li kienet iġġib id-data tad-19 ta' Diċembru 2006. Huma spjegaw li skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ċiprijotta dwar il-kumpaniji, kumpanija pubblika ma tistax toħroġ ishma taħt il-valur nominali. Dak iż-żmien l-ishma ta' Cyprus Airways kienu qed jiġu negozjati fuq il-Borża Ċiprijotta b'valur ta' bejn CYP 0,15 u 0,16 filwaqt li dawn kellhom valur nominali ta' CYP 0,50 għal kull sehem. Peress li nħass li kwalunkwe ħruġ ta' ishma b'valur medju jew 'il fuq mill-valur medju jkun ta' suċċess, jeħtieġ li jitnaqqas il-valur nominali tal-kapital ta' l-ishma.

(73)

Il-proċedura għat-tnaqqis tal-kapital nominali ta' l-ishma diġà twettqet u l-kumpanija se tnaqqas dan il-valur billi tikkanċella t-telf akkumulat (kif inhu permess mill-artikoli ta' assoċjazzjoni tal-Kumpanija). Il-Bord tad-Diretturi ta' Cyprus Airways, fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2006, ta bidu għall-proċedura għaż-żjieda kapitali billi organizza s-sottoskrizzjoni tal-ħruġ. Sabiex ikun iggarantit is-suċċess tagħha, bank kummerċjali ta' investiment, Cisco (bank sussidjarju tal-Bank ta' Ċipru li huwa proprjetà privata) indika li kien lest li jissottoskrivi l-ħruġ propost. Cisco se jingħata ħlas għas-sottoskrizzjoni taż-żjieda kapitali ta' Cyprus Airways u dan il-ħlas se jkun skond il-prezz tas-suq għal tranżazzjonijiet bħal dawn. Kopja ta' l-ittra ta' intenzjoni tal-bank ta' investiment intbagħtet lis-servizzi tal-Kummissjoni.

(74)

Il-passi li jmiss kienu li f'nofs Jannar 2007, kienet approvata Riżoluzzjoni Speċjali għat-Tnaqqis tal-kapital ta' l-ishma b' maġġoranza ta' 75 % ta' l-azzjonisti preżenti għal laqgħa ġenerali straordinarja. Riżoluzzjoni bħal din imbagħad ikollha tiġi ratifikata mill-Qorti Distrettwali f'Ċipru u tiġi rreġistrata mar-Reġistru tal-Kumpaniji. Huwa mistenni li l-proċedura kollha tieħu 6-7 xhur (fejn jitħalla perjodu ta' tliet xhur għall-Qorti tal-Ġustizzja).

V.   IL-VALUTAZZJONI TA' L-GĦAJNUNA

L-eżistenza ta' għajnuna fit-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE

(75)

Skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat, tkun xi tkun il-forma, li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti, għandha, sakemm taffetwa n-negozju bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

(76)

Il-kunċett ta' għajnuna ta' l-Istat japplika għal kwalunkwe vantaġġ mogħti direttament jew indirettament, iffinanzjat mir-riżorsi ta' l-Istat, mogħti mill-Istat innifsu jew permezz ta' kwalunkwe korp intermedjarju li qed jaġixxi minħabba s-setgħat li ngħatawlu.

(77)

Fil-kuntest tal-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni identifikat tliet elementi mill-pjan ta' ristrutturar li potenzjalment jistgħu jammontaw għal għajnuna ta' l-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni trid teżamina dawn l-elementi sabiex tiddetermina jekk dawn jikkostitwux għajnuna ta' l-Istat.

Il-Garanzija għas-Self

(78)

L-ispejjeż ta' ristrutturar ta' Cyprus Airways se jkunu koperti parzjalment u temporanjament minn self ta' CYP 55 miljun (EUR 96 miljun) mogħti minn bank kummerċjali skond kundizzjonijiet tas-suq. Kif ġie spjegat fid-deċiżjoni biex tingħata bidu għall-proċedura investigattiva, l-awtoritajiet Ċiprijotti biħsiebhom jagħtu lil Cyprus Airways garanzija mill-Istat li tkopri dan is-self.

(79)

L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-trattat tal-Komunità Ewropea għal għajnuna mill-Istat f'forma ta' garanziji  (7) jistabbilixxi l-kriterji li jiżguraw li garanzija ma tikkostitwix għajnuna ta' l-Istat (ara l-paragrafu 4.2). Żewġ kundizzjonijiet kumulattivi essenzjali huma:

a)

Fil-prinċipju, il-garanzija tista' tinkiseb mis-swieq finanzjarji skond kundizzjonijiet tas-suq.

b)

Jitħallas il-primjum tas-suq għall-garanzija.

(80)

F'dan il-każ l-ebda waħda mill-kriterji ma ġiet sodisfatta. Cyprus Airways ma tħallas lill-Istat l-ebda primjum għall-garanzija li tibbenefika minnha u, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika prekarja u l-fatt li diġà ngħatat għajnuna għas-salvataġġ, huwa ferm improbabbli li l-kumpanija kienet se tirċievi garanzija bħal din waħidha.

(81)

Barra minn hekk, il-garanzija hija waħda mir-riżorsi ta' l-Istat peress li tingħata direttament mill-Istat. Hija diretta lejn kumpanija waħda (Cyprus Airways) li tinsab f'kompetizzjoni ma' linji ta' l-ajru Komunitarji oħra, b'mod partikolari, mid-dħul fis-seħħ tat-tielet stadju tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru (“it-tielet pakkett”) fl-1 ta' Jannar 1993. Se taffetwa n-negozju bejn l-Istati peress li tikkonċerna kumpanija involuta fl-attività ta' trasport bejn l-Istati Membri u tkopri s-Suq Komuni u peress li tista' tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni f'dan is-suq.

(82)

B'hekk, il-garanzija ta' l-Istat għandha titqies bħala għajnuna ta' l-Istat fit-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Barra minn hekk, din il-konklużjoni ġiet aċċettata mill-awtoritajiet Ċiprijotti peress li, fir-rigward tal-garanzija, ippruvaw jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida S&R.

(83)

Filwaqt li l-pjan inizjali kien jipprovdi li l-awtoritajiet Ċiprijotti jigarantixxu s-self kollu ta' CYP 55 miljun, matul il-proċedura, sabiex l-għajnuna tkun limitata għall-minimu u sabiex tkun żgurata kontribuzzjoni biżżejjed min-naħa tal-kumpanija biex tkopri l-ispejjeż ta' ristrutturar tagħha stess, l-awtoritajiet iddeċidew li jnaqqsu l-parti tas-self ta' ristrutturar kopert mill-garanzija għal massimu ta' CYP 45 miljun. Barra dan, l-awtoritajiet Ċiprijotti speċifikaw li l-parti garantita u dik mhux iggarantita tas-self se jkunu indipendenti u b'mod partikolari mhu se jkun hemm l-ebda subordinazzjoni ta' l-aħħar għal ta' l-ewwel. Dan ifisser li l-linja ta' l-ajru se tikseb mill-inqas CYP 10 miljuni mis-self kummerċjali ta' CYP 55 miljun bla ebda garanzija jew intervent ta' l-Istat ieħor.

Il-bejgħ ta' Eurocypria

(84)

L-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw li l-bejgħ ta' Eurocypria ġie kkompletat f'Awissu 2006 u li l-kumpanija nbiegħet lill-Istat għal CYP 13,425 miljun. Għalhekk, il-Kummissjoni trid teżamina kif inkiseb dan il-prezz sabiex tivverifika l-validità tiegħu u sabiex tiddetermina jekk fit-tranżazzjoni kinitx involuta kwalunkwe għajnuna ta' l-Istat. Il-paragrafi 59 et seq. tad-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura investigativa jfakkru li dan jista' jkun il-każ, partikolarment, jekk il-prezz imħallas ikun wisq għoli meta paragunat mal-prezz tas-suq tal-kumpanija.

(85)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li din il-figura nkisbet skond żewġ valutazzjonijiet ta' esperti mwettqa f'isem kemm il-bejjiegħ kif ukoll ix-xerrej. Wara li wettqet analiżi dettaljata tal-valutazzjonijiet ta' l-esperti, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li dan il-prezz jikkorrispondi għal prezz ġust tas-suq; tinnota wkoll li l-prezz tal-bejgħ finali, ikun xi jkun il-każ, huwa aktar baxx mill-CYP 15-il miljun previsti fil-pjan ta' ristrutturar u fil-bidu tal-proċedura investigattiva. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-bejgħ ta' Eurocypria ma jammontax għal għajnuna ta' l-Istat lil Cyprus Airways għaliex il-kumpanija ma nbiegħetx għal aktar mill-valur reali tagħha.

(86)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll il-ħsieb iddikjarat ta' l-awtoritajiet Ċiprijotti li Eurocypria se taħdem bħala kumpanija għalkollox indipendenti barra mill-grupp ta' Cyprus Airways. Il-Kummissjoni tqis li peress li Eurocypria tibqa' proprjetà tal-Gvern, hemm ir-riskju li tista' ma titħaddimx b'mod tassew indipendenti mill-kumpanija parent preċedenti tagħha. Għaldaqstant, u sabiex ikun indirizzat dan it-tħassib, il-Kummissjoni biħsiebha timponi xi kundizzjonijiet fuq Ċipru sabiex tiżgura li ż-żewġ kumpanija huma u jibqgħu separati għal perjodu biżżejjed ta' żmien u li dawn iwettqu kwalunkwe negozju bejniethom minn ċertu distanza.

Iż-Żjieda Kapitali

(87)

Aspett ieħor tal-pjan ta' ristrutturar huwa li f'nofs l-2007, xi 18-il xahar wara l-bidu tar-ristrutturar, il-kapital ta' Cyprus Airways se jiġi miżjud b'xi CYP 14-il miljun. Huwa l-ħsieb ta' l-awtoritajiet Ċiprijotti li din iż-żjieda kapitali se sseħħ fi proporzjon għall-ishma attwali u li se jinżamm il-proporzjon ta' sjieda pubbliku/privat. Dan se jfisser li l-Istat se jikkontribwixxi CYP 9,8 miljuni (EUR 17-il miljun jew 70 %) filwaqt li l-azzjonisti l-oħra se jżidu CYP 4,2 miljuni (EUR 7,3 miljuni jew 30 %).

(88)

Għalhekk, il-Kummissjoni trid tiddetermina jekk f'din is-sitwazzjoni, il-parti pubblika ta' din iż-żjieda kapitali proposta tikkostitwix għajnuna ta' l-Istat. Meta tagħmel dan tkun qed tibbaża l-ġudizzju tagħha fuq il-“prinċipju ta' investitur f'ekonomija tas-suq”, metodu li ġie konfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġusizzja (8). Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun eżaminat jekk injezzjoni ta' kapital pubbliku tikkostitwix għajnuna ta' l-Istat, ikun xieraq li jitqiesu l-possibbiltajiet reali li l-kumpanija benefiċjarja jkollha tikseb riżorsi finanzjarji ekwivalenti meta ddur għas-swieq kapitali normali. Mhemm l-ebda għajnuna ta' l-Istat meta jiġi kontribwit kapital pubbliku ġdid f'kundizzjonijiet li jkunu aċċettabbli għal investitur privat li jopera f'kundizzjonijiet normali ta' ekonomija tas-suq.

(89)

L-imġiba ta' l-investitur pubbliku għalhekk trid tiġi paragunata mas-suppost imġiba ta' investitur privat, bħal kumpanija holding privata jew grupp privat ta' kumpaniji li ssegwi politika strutturali, ġenerali jew settorjali, u tkun iggwidata minn prospetti ta' profitti fit-tul (9). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-kontribuzzjonijiet kapitali mill-fondi pubbliku ma jkunux għajnuna ta' l-Istat meta l-azzjonisti privati jieħdu sehem fl-operazzjoni, l-ewwelnett mill-inqas b'mod proporzjonat għan-numru ta' l-azzjonijiet tagħhom, it-tieninett f'kundizzjonijiet identiċi għal dawk ta' l-investitur pubbliku u fl-aħħarnett, jekk il-proporzjon ta' l-ishma sottoskritti mill-investituri privati jkollu sinifikat ekonomiku reali. Il-Kummissjoni tqis li l-parità għall-parteċipazzjoni ta' l-investituri pubbliċi u privati tkun iggaratita meta bank jew investitur kummerċjali jkun qabel li jiggarantixxi bil-quddiem u skond il-kundizzjonijiet tas-suq, il-parteċipazzjoni ta' l-investituri privati fiż-żjieda kapitali, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk offruti lill-investitur pubbliku. Dan il-metodu, li huwa bbażat fuq il-konkomitanza tal-kontribuzzjonijiet, kien regolarment sostnut mill-Qorti tal-Prim'Istanza u mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (10).

(90)

F'dan il-każ, Cisco, bank kummerċjali ta' investiment, qabel, f'kundizzjonijiet tas-suq, li jissottoskrivi l-investituri privati sa 30 % tar-rikapitalizzazzjoni proposta. L-awtoritajiet Ċiprijotti speċifikaw ukoll li l-azzjonisti kollha se jixtru l-ishma bl-istess valur, li għandu jiġi determinat b'mod konġunt minn Cyprus Airways u minn Cisco, u fl-istess kundizzjonijiet tas-suq bħall-investituri privati.

(91)

F'din il-konnessjoni, il-Kummissjoni rċeviet kopja ta' l-ittra ta' intenzjoni li kienet iġġib id-data ta' l-14 ta' Diċembru 2006 mibgħuta lil Cyprus Airways minn Cisco fejn il-bank jaċċetta li jikkonkludi kuntratt sabiex jissottoskrivi jew ikollu sottoskritt is-suċċess ta' l-operazzjoni ta' rikapitalizzazzjoni. Barra minn hekk, qabel ma jimpenja ruħu rigward l-investiment fejn għandhom x'jaqsmu l-investituri privati, Cisco wettaq studju dettaljat tal-pjan u ta' l-operazzjoni ta' ristrutturar. Qabel ma kkonkluda l-kuntratt finali, kif inhi prattika tas-soltu fis-suq, se jwettaq (jew iqabbad lil min iwettaq f'ismu) operazzjoni xierqa ta' diliġenza li kwalunkwe investitur għandu jwettaq qabel ma jibda l-operazzjoni. B'dan il-mod, il-bank qed jipproteġi ruħu bil-garanziji u s-sigurtajiet kollha li jagħtuh il-possibbiltà li jaġġusta l-offerta tiegħu skond ir-riskji li qed jieħu. Għandu jiġi nnutat li dan il-bank mhux ikkontrollat, direttament jew indirettament, mill-Istat Membru konċernat. Il-kuntratt finali ta' garanzija ma' Cisco se jkun konkluż qrib il-bidu tal-perjodu ta' offerta u se jinkludi d-dispożizzjonijiet u l-impenji standard fis-seħħ f'dan it-tip ta' kuntratt u skond l-aħjar prattiki nazzjonali u internazzjonali.

(92)

Il-kundizzjonijiet li l-konklużjoni tal-kuntratt finali ta' garanzija hija suġġetta għalihom jistgħu jiġu ggruppati flimkien f'żewġ blokki: l-ewwel blokk jikkonċerna elementi relattivament standard bl-ebda influwenza diretta fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni imma biss fuq l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Dawn jinkludu:

a)

l-assenza ta' avvenimenti straordinarji li jistgħu jkunu ta' deteriment biex l-operazzjoni tkun ikkompletata b'suċċess,

b)

it-trażmissjoni lill-bank ta' informazzjoni kompluta dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja u dwar il-ġestjoni ta' Cyprus Airways,

ċ)

l-involviment tal-bank biex ikunu determinati l-proċeduri għall-operazzjoni.

(93)

Min-naħa l-oħra, it-tieni blokk ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-ittra ta' intenzjoni tal-bank jistgħu jaffetwaw il-valutazzjoni ta' l-operazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni; dawn għandhom jiġu analizzati fid-dettall. Prinċipalment, dawn jikkonċernaw:

a)

id-differenza fil-prezz tal-ħruġ ta' l-ishma relattiv għall-kwotazzjoni fuq il-borża,

b)

il-tariffi/kummissjonijiet li għandhom jintalbu mill-bank għall-operazzjoni,

ċ)

il-ftehim kemm mill-bank kif ukoll mill-Istat (l-azzjonista prinċipali ta' Cyprus Airways) li t-tnejn li huma se jipparteċipaw fiż-żjieda kapitali.

(94)

Sa fejn għandu x'jaqsam il-prezz ta' sottoskrizzjoni għall-ishma l-ġodda, Cisco u Cyprus Airways qablu li l-prezz jew il-firxa ta' prezzijiet għall-ħruġ ta' l-ishma l-ġodda se jiġi definit b'mod konġunt skond il-prattiki tas-suq fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-borża prevalenti fiż-żmien tat-tnedija ta' l-operazzjoni. Ċipru konferma lill-Kummissjoni li se jintalab prezz wieħed mingħand l-abbonati kollha involuti u li lill-garanti mhux se jingħata l-ebda skont speċifiku.

(95)

It-tieninett, sa fejn għandha x'taqsam ir-remunerazzjoni tal-banek permezz tal-kummissjonijiet, ta' l-aħħar huma bbażati fuq il-valur tal-proporzjon ta' l-operazzjoni (30 %) li għandu jiġi sottoskritt mis-suq. L-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw li l-ħlas li għandu jingħata lil Cisco huwa skond il-prinċipji tas-suq prevalenti fuq il-boroż Ewropej prinċipali sabiex ikun iggarantit li operazzjoni paragunabbli ta' tqegħid ta' ishma tkun ikkompletata b'suċċess. Għalhekk, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li t-tranżazzjoni bejn Cyprus Airways u Cisco hija skond il-kundizzjonijiet tas-suq għal dan it-tip ta' operazzjoni u li tammontax għal skont fuq il-prezz imħallas mill-bank għall-ishma li tista' tintalab tissottoskrivi. Konsegwentement, il-ħlas mogħti lill-bank ma jkollux l-effett li jagħtiha l-possibbiltà li tipparteċipa fl-operazzjoni f'kundizzjonijiet aktar favorevoli mill-Istat jew mill-azzjonisti l-oħra.

(96)

It-tieletnett, sa fejn għandu x'jaqsam ir-rewiżit kemm mill-Istat kif ukoll mill-bank li l-ieħor jipparteċipa fiż-żjieda kapitali, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rekwiżit taż-żewġ partijiet li l-parti l-oħra tipparteċipa fl-eżerċizzju huwa element deċiżiv essenzjali sabiex ikun iggarantit is-suċċess taż-żjieda kapitali.

(97)

Il-Kummissjoni qed tinnota l-impenn mogħti mill-awtoritajiet Ċiprijotti li jittrażmettu l-kuntratti finali mal-bank li jinkludu dawn l-obbligi formali u inkondizzjonati ta' sottoskrizzjoni lill-Kummissjoni immedjatament wara l-konklużjoni u qabel is-sottoskrizzjoni taż-żjieda kapitali l-ġdida mill-awtoritajiet pubbliċi. Impenn ieħor mogħti mill-awtoritajiet Ċiprijotti huwa li jitressaq rapport li jinkludi l-livelli effettivi ta' sottoskrizzjoni għal din iż-żjieda kapitali hekk kif tkun twettqet l-operazzjoni. F'din il-konnessjoni, il-Kummissjoni tqis li mhemmx għalfejn jingħad li ma jistax ikun hemm ftehim kollaterali jew impliċitu fejn l-Istat jeżonera lill-bank mill-obbligu tiegħu jekk l-offerta ta' rikapitalizzazzjoni ma tkunx sottoskritta biżżejjed. Il-Kummissjoni se tagħti l-akbar attenzjoni lil konformità stretta ma' dawn l-impenji sabiex ikun aċċertat li jkun hemm adeżjoni xierqa mat-termini ta' din id-deċiżjoni.

(98)

Din l-operazzjoni tagħti l-possibbiltà li s-suq privat jissottoskrivi, sa punt sinifikanti (30 %) rigward l-ishma li għadhom kemm inħarġu fl-istess kundizzjonijiet, bħall-azzjonisti pubbliċi meta jitqies li l-prezzijiet ta' l-ishma se jkunu identiċi u d-drittijiet mehmuża ma' kull sehem se jkun l-istess għall-azzjonisti kollha.

(99)

Għaldaqstant, minħabba din l-analiżi u l-prattika kostanti tal-Kummissjoni u tal-ġurisprdenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kwalifika tal-parteċipazzjoni ta' l-Istat fiż-żjiediet kapitali flimkien ma' investituri privati, meta meqjusa fuq il-merti tagħha stess u indipendentement mill-miżuri l-oħra ta' ristrutturar, iż-żjieda kapitali pjanata għal nofs l-2007 tammonta għal parteċipazzjoni konkomitanti ta' azzjonisti pubbliċi u privati u għalhekk il-parteċipazzjoni ta' l-Istat ma tammontax għal għajnuna ta' l-Istat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti aktar 'il fuq, li jkunu relatati mal-fatt li ż-żjieda kapitali se tkun sottoskritta minn bank kummerċjali ta' investiment b'tali mod li tkun żgurata konkomitanza effettiva ta' sottoskrizzjoni pubblika u privata u jkun hemm konformità mal-proporzjon tas-sjieda pubblika u privata.

(100)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-ġurisprudenza tal-Qrati Ewropej tindika li “is-sempliċi fatt li impriża pubblika diġà għamlet injezzjonijiet kapitali f'kumpanija sussidjarja li ġew ikklassifikati bħala għajnuna awtomatikament ma jfissirx li injezzjoni kapitali oħra ma tistax tiġi klassifikata bħala investiment li jissodisfa t-test ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq. … Madankollu, hija l-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja li f'każ bħal dan, li jikkonċerna tliet injezzjonijiet kapitali li saru mill-istess investitur tul perjodu ta' sentejn, fejn l-ewwel tnejn ma ġabu l-ebda qligħ, il-Kummissjoni trid tiddetermina jekk it-tielet injezzjoni tistax raġonevolment tiġi distakkata mill-ewwel tnejn u tkun ikklassifikat, għall-finijiet tat-test ta' l-investitur privat, bħala investiment indipendenti.

Il-Qorti tqis il-konsiderazzjonijiet li ġejjin bħala rilevanti sabiex tagħmel determinazzjoni bħal din: il-kronoloġija ta' l-injezzjonijiet kapitali inkwistjoni, il-fini tagħhom, u s-sitwazzjoni tal-kumpanija sussidjarja fiż-żmien meta ttieħdet kull deċiżjoni biex issir injezzjoni (11).

(101)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni qed tinnota li filwaqt li l-Istat u l-azzjonisti privati se jissottoskrivu ż-żjieda kapitali bl-istess prezz u li l-ishma kollha ġodda se jkollhom l-istess drittijiet, il-fatt huwa li l-Istat jaġixxi, fl-istess ħin, bħala l-garanti ta' self sinifikanti għall-benefiċjarju u li dan se jestendi ferm lilhinn mill-mument taż-żjieda kapitali, u jixtri kumpanija sussidjarja tal-kumpanija li qed tiġi ristrutturata. Madankollu, mhux meħtieġ li jiġi vvalutat bi preċiżjoni jekk, meta titqies l-akkumulazzjoni taż-żjieda kapitali b'dawn iż-żewġ miżuri, il-parteċipazzjoni ta' l-Istat u l-parteċipazzjoni ta' l-azzjonisti privati fiż-żjieda kapitali effettivament ikunux bl-istess termini peress li jkun xi jkun il-każ, il-Kummissjoni tqis li, kif jidher ċar mill-analiżi li ġejja, anki jekk il-parteċipazzjoni ta' l-Istat fiż-żjieda kapitali kellha titqies bħala għajnuna ta' l-Istat, din l-għajnuna għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni.

Il-bażi legali għall-valutazzjoni

(102)

Wara li konkludiet li s-self fit-tul ta' CYP 55 miljun iggarantit mill-Istat sabiex tkun iffinanzjata parti mir-ristrutturar ta' Cyprus Airways tikkostitwixxi għajnuna ta' l-Istat u li l-parteċipazzjoni ta' l-Istat fiż-żjieda kapitali tista' tinkludi elementi ta' għajnuna ta' l-Istat, il-Kummissjoni trid teżamina l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni.

(103)

Għalhekk jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibilità ta' l-għajnuna fid-dawl ta' l-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat KE li jipprovdi l-eżenzjonijiet għar-regola ġenerali ta' l-inkompatibbiltà stabbilita fl-Artikolu 87(1).

(104)

F'dan il-każ ma japplikawx l-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat KE peress li l-miżura ta' għajnuna m'għandiex karattru soċjali billi ma tingħatax lil konsumaturi individwali, lanqas ma jagħmlu tajjeb għad-dannu kawżat minn diżastri naturali jew minn okkorrenzi eċċezzjonali u lanqas ma jingħataw lill-ekonomija ta' ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jiġu affetwatai bid-diviżjoni tagħha.

(105)

F'dan il-każ ma japplikawx l-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(3)(a), (b) u (d) peress li l-għajnuna ma tippromwoviex l-iżvilupp ekonomiku ta' żoni fejn il-livell ta' l-għajxien huwa ferm baxx jew fejn hemm livell għoli ta' qgħad, ma tippromwoviex l-eżekuzzjoni ta' proġett importanti ta' interess komuni Ewropew jew hija ta' rimedju għal disturb serju fl-ekonomija ta' Stat Membru u lanqas ma tippromwovi l-kultura u l-konservazzjoni tal-wirt.

(106)

Għalhekk, tista' tapplika biss l-eżenzjoni provduta fl-Artikolu 87(3)(c). L-Artikolu 87(3)(c) jipprovdi li l-għajnuna ta' l-Istat tista' tiġi awtorizzata fejn tingħata sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta' ċerti setturi ekonomiċi u fejn din l-għajnuna ma taffetwax b'mod ħażin il-kundizzjonijiet tan-negozju sa punt li jkun kontra l-interess komuni.

(107)

F'dan ir-rigward, il-qafas Komunitarju applikabbli sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-kompatibilità huwa l-linji gwida S&R ta' l-2004 kif ukoll il-linji gwida ta' l-1994 li ssemmew preċedentement.

Il-kompatibilità tal-miżuri maħsuba mas-suq komuni

(108)

Għalhekk, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-pjan ta' ristrutturar jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida applikabbli. Il-prinċipju bażiku (il-punt 31 tal-linji gwida S&R) li huwa “li jippermetti li l-għajnuna għar-ristrutturar tingħata biss f'ċirkostanzi fejn jista' jintwera li ma tmurx kontra l-interessi Komunitarji. Dan se jkun possibbli biss jekk jiġu sodisfatti kriterji stretti, u jekk ikun hemm iċ-ċertezza li kwalunkwe tgħawwiġ fil-kompetizzjoni se jagħmlu tajjeb għalih il-benefiċċji li ġejjin mill-fatt li d-ditta tibqa' attiva … u li, fil-prinċipju, ikun hemm miżuri kumpensatorji adegwati favur il-kompetituri.

(109)

Il-linji gwida mbagħad jistabbilixxu numru ta' kundizzjonijiet li fihom tista' tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar.

L-eliġibilità tad-ditta

(110)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni trid tiddetermina jekk Cyprus Airways hiex eliġibbli għar-ristrutturar skond it-termini tal-linji gwida S&R. Il-punt 9 tal-linji gwida jiddikjara li mhemmx definizzjoni Komunitarja ta' kumpanija f'diffikultà, u jżid jgħid li “il-Kummissjoni tqis ditta bħala li qiegħda f'diffikultà meta ma tkunx tista', jew permezz tar-riżorsi tagħha stess jew bil-fondi li jirnexxielha tikseb mis-sidien/mill-azzjonisti jew mill-kredituri tagħha, twaqqaf it-telf li mingħajr intervent barrani mill-awtoritajiet pubbliċi, kważi żgur se jwassalha biex tfalli tul perjodu qasir jew medju ta' żmien”.

(111)

Sussegwentement, il-linji gwida (il-punt 10) jiċċaraw li “fil-prinċipju u irrispettivament mid-daqs tagħha, ditta titqies bħala li tkun f'diffikultà għall-finijiet ta' dawn il-Linji gwida fiċ-ċirkostazi li ġejjin (a) fil-każ ta' kumpanija b'responsabbiltà limitata fejn aktar minn nofs il-kapital reġistrat tagħha jkun għeb u aktar minn kwart ta' dak il-kapital jkun intilef tul it-12-il xahar preċedenti”.

(112)

Fil-punt 11 jiġi dikjarat ukoll li “Anki fejn ma tkun preżenti l-ebda ċirkostanza stabbilita fil-Punt 10, ditta xorta tista' titqies bħala li tkun f'diffikultà, b'mod partikolari fejn ikunu preżenti s-sinjali tas-soltu ta' diffikultà, bħal żjieda fit-telf, fatturat li qed jonqos, inventarji ta' l-istokk li qed jikbru, kapaċità żejda, tnaqqis fil-likwidità, dejn li qed jiżdied, żjieda fil-ħlasijiet ta' l-imgħaxijiet u tnaqqis jew l-ebda valur nett ta' l-assi”.

(113)

Fil-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni nnotat li Cyprus Airways hija kumpanija b'responsabbiltà limitata li diġà tilfet parti sinifikanti mill-kapital awtorizzat tagħha. Fil-31 ta' Diċembru 2003, Cyprus Airways kellha kapital awtorizzat li jlaħħaq CYP 55,5 miljun (EUR 95 miljun) imma sal-31 ta' Diċembru 2004 kienet tilfet CYP 26,2 miljun (EUR 44,8 miljun), qrib 50 % tal-kapital ta' l-ishma tagħha, fit-12-il xahar preċedenti.

(114)

Il-Kummissjoni nnotat li t-telf tal-Grupp (prinċipalment ikkawżat minn Cyprus Airways) mar minn CYP 20,9 miljun fl-2003 għal CYP 39,4 miljun sa tmiem l-2004. L-ishma ta' l-azzjonisti ta' Cyprus Airways b'hekk niżlu minn CYP 55,6 miljun (EUR 95 miljun) fl-2003 għal CYP 14,4 miljun (EUR 25 miljun) fl-2004. Għalhekk huwa ferm improbabbli, meta titqies is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha, li l-kumpanija tkun tista' tiżgura kwalunkwe sors ta' finanzi kummerċjali.

(115)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta' Mejju 2005 dwar “Cyprus Airways (Għajnuna għas-salvataġġ)”, il-Kummissjoni konkludiet għalhekk li Cyprus Airways hija tabilħaqq kumpanija f'diffikultà fit-tifsira tal-linji gwida S&R. Din kienet ukoll il-konklużjoni li ġibdet il-Kummissjoni fil-bidu tal-proċedura. Cyprus Airways għalhekk hija eliġibbli għar-ristrutturar skond it-termini tal-linji gwida S&R.

Ir-radd ta' vijabilità fit-tul

(116)

It-tieni kundizzjoni (kif ġiet stabbilita fil-punt 35 tal-linji gwida S&R) li għandu jkun hemm konformità magħha hija li l-“pjan ta' ristrutturar, li jrid idum għall-iqsar żmien possibbli, irid irodd il-vijabilità fit-tul tad-ditta f'perjodu ta' żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta' suppożizzjonijiet realistiċi rigward il-kundizzjonijiet operattivi futuri”.

(117)

L-istess linji gwida (il-punt 37) jkomplu jipprovdu li: “Il-pjan irid jipprovdi għal bidla li permezz tagħha l-kumpanija, wara li tikkompleta r-ristrutturar tagħha, tkun tista' tkopri l-ispejjeż kollha tagħha inklużi d-deprezzament u l-ħlasijiet finanzjarji. Il-qligħ mistenni fuq il-kapital irid ikun biżżejjed sabiex id-ditta ristrutturata tkun tista' tikkompeti fis-suq fuq il-merti tagħha stess.”

(118)

B'hekk, waqt ir-ristrutturar, il-kumpanija naqset l-ispejjeż tagħha b'CYP 19,5 miljun u naqqset aktar membri tal-persunal milli kien previst mill-pjan ta' ristrutturar. Il-pjan kien jipprevedi tnaqqis ta' 385 membri tal-persunal (minn 1 800) u eventwalment 414-il persuna għamlu użu mill-possibbiltà li jitilqu mill-kumpanija. It-tnaqqis sinfikanti fil-bażi ta' l-ispejjeż flimkien mat-tnaqqis innegozjat fis-salarju għall-persunal li baqa' kif ukoll iż-żjidiet fil-produttività u fil-prattiki tax-xogħol se jiffrankaw ħafna flus u għandhom jagħtu lill-kumpanija l-flessibilità u l-adattabilità meħtieġa sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha.

(119)

Il-Kummissjoni tqis li Cyprus Airways għandha tkun tista' tagħmel suċċess mir-ristrutturar tagħha fit-terminu preskritt. Tabilħaqq, għalkemm għaddew biss 18-il xahar sa mill-għoti ta' l-għajnuna għas-salvataġġ (Mejju 2005), ir-riżultati għall-kumpanija huma diġà xi ftit aħjar milli kien antiċipat. Għal aktar titijib, għandha tingħata attenzjoni għall-fehmiet ta' l-impjegati dwar kif għandu jiġi ġestit ir-ristrutturar meħtieġ. F'każi ta' dan it-tip, il-ġestjoni tar-ristrutturar hija ferm importatnti u l-kumment tal-parti terza li wasal juri li dan japplika b'mod speċjali għal dan il-każ.

(120)

B'relazzjoni għas-self fit-tul ta' CYP 55 miljun (EUR 96 miljun) li kien parzjalment iggarantit mill-Istat, l-awtoritajiet Ċiprijotti wrew li dan l-ammont se jintuża (flimkien mid-dħul mill-bejgħ ta' Eurocypria) sabiex titħallas lura l-għajnuna għas-salvataġġ ħalli fis-snin li ġejjin tiġi ristrutturata l-linja ta' l-ajru. Iż-żjieda kapitali ta' CYP 14-il miljun ippjanata għal nofs l-2007 se tintuża sabiex jitnaqqas l-ammont mis-self li għad irid jitħallas. Il-pjan ta' ristrutturar huwa marbut mill-qrib ma' pjan ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż sabiex jiġi massimizzat id-dħul. Maż-żmien hemm il-ħsieb li d-dħul tal-kumpanija jitkabbar u b'hekk l-ammont li jifdal tas-self lill-bank jitħallas lura mid-dħul.

(121)

Il-Kummissjoni trid tevalwa wkoll jekk is-suppożizzjonijiet li fuqhom kien ibbażat ir-ristrutturar humiex raġonevoli fiċ-ċirkostanzi u jekk il-previżjonijiet u t-tbassir jikkorrispondux ma' dak li huwa meħtieġ fil-linji gwida. Il-linji gwida S&R (il-punt 35) jipprovdu li “Il-pjan irid jitressaq quddiem il-Kummissjoni, bid-dettalji rilevanti kollha, u jrid jinkludi, b'mod partikolari, servej tas-suq. It-titjib fil-vijabilità jrid ikun ġej prinċipalment minn miżuri interni inklużi fil-pjan ta' ristrutturar; jista' jkun ibbażat fuq fatturi esterni bħal varjazzjonijiet fil-prezzijiet u domanda li fuqhom il-kumpanija ma jkolliex wisq influwenza, imma biss jekk is-suppożizzjonijiet tas-suq ikunu ġeneralment rikonoxxuti.”

(122)

F'dan ir-rigward, jista' jkun ivverifikat li din il-parti tal-pjan ta' ristrutturar żviluppat kif kien previst. F'dan il-każ, rigward il-flussi tat-traffiku u l-iżvilupp tas-suq, il-Kummissjoni qed tirreferi għal żewġ studji indipendenti mwettqa fir-rigward tal-valutazzjoni ta' Eurocyrpia peress li dawn huma relatati ma' l-iżvilupp tas-suq ta' l-avjazzjoni Ċiprijott.

(123)

Skond il-pjan ta' ristrutturar, wieħed jassumi li t-traffiku fl-ajru ta' Ċipru għandu jiżdied b'medja ta' 3,5 % fis-sena tul is-snin 2005-2010, filwaqt li l-projezzjonijiet tat-traffiku ta' Cyprus Airways se jikbru b'rata medja ta' 2,4 % fis-sena tul is-snin 2005-2010. Fir-rapport ippreparat minn PwC, l-IATA (the International Air Transport Association – l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru) qed tbassar li t-tkabbir totali għat-traffiku fl-ajru ta' Ċipru se jlaħħaq 4,3 % tul il-perjodu 2006-2008. Dan jissuġġerixxi li s-suppożizzjonijiet meqjusa fil-pjan huma raġonevoli. Għalhekk, it-tbassir tal-pjan ta' ristrutturar f'termini tar-riżultati ta' Cyprus Airways jidher li huwa plawżibbli, meta wieħed iqis ir-razzjonalizzazzjonijiet l-oħra mwettqa mill-kumpanija.

(124)

Fid-dawl tal-fatturi li ssemmew aktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li Cyprus Airways se tkun tista' ssib il-vijabilità finanzjarja tagħha fi żmien raġonevoli, kif inhu previst mill-pjan ta' negozju.

Il-miżuri kumpensatorji

Cyprus Airways

(125)

Il-linji gwida S&R jipprovdu wkoll (il-punt 38 tagħhom) li “Sabiex ikun żgurat li l-effetti ħżiena fuq il-kundizzjonijiet tan-negozju jkunu kemm jista' jkun minimizzati, sabiex l-effetti pożittivi segwiti jkunu akbar minn dawk ħżiena, iridu jittieħdu xi miżuri kumpensatorji. Inkella, l-għajnuna se titqies bħala ‘kontra l-interess komuni'’u b'hekk tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

(126)

Qed jiġi speċifikat ukoll (il-punt 39) li “Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-bejgħ ta' l-assi, it-tnaqqis fil-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq u t-tnaqqis tal-barrieri għad-dħul fis-swieq ikkonċernati. Meta jiġi valutat jekk il-miżuri kumpensatorji jkunux xierqa, il-Kummissjoni se tqis l-istruttura tas-suq u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni sabiex ikun żgurat li kwalunkwe miżura bħal din ma twassalx għal deterjorazzjoni fl-istruttura tas-suq”…

(127)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni trid teżamina r-ristrutturar u trid tiddetermina jekk ittieħdux biżżejjed miżuri b'relazzjoni għal Cyprus Airways u għall-grupp ta' Cyprus Airways sabiex jiġi minimizzat l-effett ta' tgħawwiġ ta' l-għajnuna.

(128)

Fi tmiem l-2004, il-kumpanija tat bidu għal dak li ssejjaħ “pjan ta' azzjoni” u bdiet billi naqset il-flott tagħha b'żewġ ajurplani, b'wieħed minnhom ikun sussegwentement mikri bl-ekwipaġġ (wet-leased) lil Eurocypria u rrinunzjat għal numru ta' rotot li preċedentement kienet tagħmel, jiġifieri lejn Varsavja, Budapest u Colombo.

(129)

F'dan il-qafas, fi tmiem l-2004 il-flotta tal-linja ta' l-ajru tnaqqset b'ajruplan wieħed; fi żmien l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar Cyprus Airways kienet tħaddem 10 ajruplani (2 A319, 6 A320-200 u 2 A330-200) u kienet kriet A320-200 ieħor bl-ekwipaġġ (wet-leased) lil Eurocypria. Dan l-arranaġment ta' kiri bl-ekwipaġġ (wet lease) ġie mitmum fi tmiem l-istaġun tas-Sajf ta' l-2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tinnota li l-prospetti t-tkabbir fit-traffiku ta' l-ajru jvarjaw b'medja ta' bejn 3,5 u 4,3 % fis-sena tul is-snin 2005-2010, filwaqt li l-projezzjonijiet ta' Cyprus Airways jipprevedu tkabbir ta' 2,4 % fis-sena, li se jwassal għal tnaqqis fl-ishma tas-suq minn 26,6 % għal mhux aktar minn 23,2 % tul il-perjodu. Il-Kummissjoni tista' taċċetta li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri fid-daqs tal-flotta jew fis-sehem mis-suq jirriskja li jipperikola l-possibbiltajiet tal-linja ta' l-ajru li tirkupra mingħajr ma tkun provduta l-ebda opportunità fis-suq ta' siwi għall-kompetituri.

(130)

Fil-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni speċifikament talbet l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi interssati; ma wasal l-ebda kumment dwar din il-kwistjoni.

(131)

Barra minnhekk, il-Kummissjoni qed tenfasizza li l-Linji gwida S&R (il-punt 55) jipprovdu li peress li “Il-koeżjoni ekonomika u soċjali [huma] għan prijoritarju tal-Komunità … il-Kummissjoni trid tqis il-ħtiġiet ta' l-iżvilupp reġjonali meta tivvaluta l-għajnuna għar-ristrutturar f'oqsma mgħejjuna”. Qed jiġi provdut ukoll (il-punt 56) li f'“oqsma mgħejjuna … il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' l-għajnuna jistgħu jkunu inqas stretti rigward l-implimentazzjoni ta' miżuri kumpensatorji u d-daqs tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju”.

(132)

F'dan il-kuntest, għandu jitfakkar li għall-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-31 ta' Diċembru 2006 (12), skond id-deroga ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE, Ċipru kollu kien eliġibbli. Għall-perjodu 2007-2013, skond id-deroga ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE, żewġ reġjuni li flimkien ikopru 50 % tal-popolazzjoni Ċiprijotta għandhom ikunu eliġibbli li jirċievu għajnuna għall-investiment reġjonali b'intensità ta' għajnuna li tlaħħaq il-15 %. Barra minn hekk, Ċipru juri numru ta' karatteristiċi territorjali, u għalhekk permanenti, li għandhom impatt fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tiegħu. Il-periferalità lejn in-Nofsinhar ta' Ċipru tirriżulta fi problemi diretti rigward l-aċċessibilità għall-bqija ta' l-Unjoni Ewropea u għaldaqstant, il-pajjiż huwa ferm dipendenti fuq it-trasport bl-ajru u bil-baħar, imma partikolarment fuq it-trasport bl-ajru. Dan huwa importanti peress li fil-każ ta' Ċipru, l-ivvjaġġar bl-ajru huwa l-uniku mezz vijabbli ta' trasport kummerċjali tal-passiġġieri. L-istatistiċi tal-Eurostat għall-2003, li jikkalkulaw dik li tissejjaħ “dipendenza mill-ajru” ta' ekonomija, juru li Ċipru huwa Stat Membru ferm dipendenti fuq l-ivvjaġġar bl-ajru (13).

Konklużjoni

(133)

F'dan ir-rigward u billi jitqiesu l-partikolaritajiet tas-suq tat-trasport bl-ajru f'Ċipru u fuq il-bażi li Cyprus Airways diġà naqset il-flotta tagħha u li l-kumpanija sussidjarja preċedenti Eurocypria issa se topera bħala negozju legalment u finanzjarjament indipendenti barra mis-sjieda u mill-kontroll ta' Cyprus Airways, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li l-awtoritajiet Ċiprijotti proponew biżżejjed miżuri kumpensatorji sabiex ikunu indirizzat it-tgħawwiġ tas-suq li se jseħħ minħabba r-ristrutturar.

L-għajnuna trid titnaqqas għall-minimu

(134)

Il-linji gwida S&R (il-punt 43) jipprovdu li “l-ammont u l-intensità ta' l-għajnuna jridu jiġu limitati għall-minimu indispensabbli ta' l-ispejjeż ta' ristrutturar meħtieġa sabiex r-ristrutturar ikun jista' jsir fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji eżistenti tal-kumpanija, ta' l-azzjonisti tagħha jew tal-grupp ta' negozju li tappartjeni għalih. Valutazzjoni bħal din se tqis kwalunkwe għajnuna għas-salvataġġ mogħtija qabel”. Il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni ġiet sodisfatta.

(135)

Tabilħaqq, fuq in-naħa l-waħda, kif ġie mfakkar aktar 'il fuq, l-ispejjeż ta' ristrutturar jammontaw għal CYP 71,1 miljun. Min-naħa l-oħra, id-dħul li ntuża sabiex jiġi finanzjat ir-ristrutturar jinkludi s-self ta' CYP 55 miljun (parzjalment iggarantit mill-Istat), CYP 13,425 miljun ta' dħul mill-bejgħ ta' Eurocypria, flimkien ma' madwar CYP 8,5 miljun minn riżorsi oħra, li ġejjin, b'mod partikolari, mill-bejgħ ta' diversi assi. Id-dħul miż-żjieda kapitali pjanata m'għandux jiġi miżjud ma' dawn il-miżuri peress li se jintuża kollu għar-rimborż ta' parti mis-self ta' CYP 55 miljun, u għalhekk mhux se jżid l-ammont totali tar-riżorsi li ntużaw għar-ristrutturar, imma se jissostitwixxi biss parti ekwivalenti minnhom. Għaldaqstant, b'kollox ir-riżorsi jammontaw għal madwar CYP 76,9 miljun. Il-Kummissjoni tqis li dan l-ammont huwa aċċettabbli, u tikkonkludi li mhemm l-ebda riżorsa permanenti żejda b'paragun ma' l-ispejjeż korrispondenti, peress li l-parti l-kbira tar-riżorsi ta' ristrutturar huma magħmula minn self li se jkollu jiġi rimborżat mill-kumpanija mir-riżultati li tikseb u għalhekk ma jikkostitwix finanzjament permanenti filwaqt li l-kumpanija trid tiffaċċja spejjeż definittivi ta' ristrutturar.

(136)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-impenn ta' l-awtoritajiet Ċiprijotti li jnaqqsu l-parti mis-self ta' CYP 55 miljun li se tkun koperta mill-garanzija tal-Gvern tammonta għal limitazzjoni oħra għall-element ta' għajnuna ta' l-Istat b'paragun għal dak li kien previst fil-bidu.

Il-livell tal-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways

(137)

B'relazzjoni għal-livell tal-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways, il-linji gwida (il-punt 43) jipprovdu li “Huwa mistenni li l-benefiċjarji ta' l-għajnuna se jagħtu kontribuzzjoni sinfikanti għall-pjan ta' ristrutturar mir-riżorsi tagħhom stess, inkluż il-bejgħ ta' l-assi li mhumiex ezzenzjali sabiex id-ditta tibqa' attiva jew mill-finanzjament estern skond il-kundizzjonijiet tas-suq. Kontribuzzjoni bħal din hija sinjal li l-swieq jemmnu fil-fattibilità tar-ritorn għall-vijabilità. Kontribuzzjoni bħal din trid tkun reali, jiġiferi effettiva, li teskludi l-profitti mistennija futuri bħal-likwidità, u trid tkun kemm jista' jkun għolja.” Il-linji gwida mbagħad jindikaw liema livell ta' kontribuzzjoni mill-kumpanija normalment jitqies bħala xieraq; għal kumpanija tad-daqs ta' Cyprus Airways din ir-rata tkun ta' 50 %.

(138)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-ispejjeż ta' ristrutturar se jkunu, bejn wieħed u ieħor, ta' CYP 71,1 miljun.

(139)

L-ammonti li għandhom jitqiesu bħala l-kontribuzzjoni tagħha stess se jikkonstitu minn: mill-inqas CYP 4,2 miljuni li jikkorrispondu għall-parti miż-żjieda kapitali ta' CYP 14-il miljun li se tkun sottoskritta mill-investituri privati; mill-inqas CYP 10 miljuni mis-self kummerċjali ta' CYP 55 miljun li l-linja ta' l-ajru se tissellef fuq is-swieq mingħajr garanzija jew intervent ta' l-Istat ieħor; kif ukoll id-dħul mill-bejgħ ta' diversi assi ta' CYP 8,5 miljun (kif ġie stabbilit fil-paragrafu 53 t'aktar 'il fuq).

(140)

L-awtoritajiet Ċiprijotti qed jargumentaw ukoll li d-dħul mill-bejgħ ta' Eurocypria għandu jitqies ukoll bħala l-kontribuzzjoni ta' Cyprus Airways. Il-prattika tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward (14) hija li jekk bejgħ bħal dan iseħħ skond il-valur reali ta' l-assi (indipendentement min-natura tax-xerrej), dan ma jikkostitwix għajnuna ta' l-Istat lill-impriża li qed tbigħ l-assi. Id-dħul mill-bejgħ ta' dawn l-assi mbagħad jista' jintuża sabiex ikun iffinanzjat ir-ristrutturar u għandu jitqies bħala li jifforma l-kontribuzzjoni ta' Cyrpus Airways. Dan ifisser li d-dħul mill-bejgħ ta' Eurocypria ta' CYP 13,425 miljun irid jitqies ukoll bħala l-kontribuzzjoni tagħha stess. F'dan il-każ, din il-konklużjoni tiġi rinforzata wkoll mill-impenn li taw l-awtoritajiet Ċiprijotti u mill-kundizzjoni imposta mill-Kummissjoni li Eurocypria effettivament se tkun ġestita bħala entità separata minn u bħala linja ta' l-ajru realment kompetittiva ma' Cyprus Airways.

(141)

Dan jirriżulta f'kontribuzzjoni totali ta' Cyprus Airways ta' mill-inqas CYP 36,2 miljun. Dan jammonta għal 51 % mill-ispejjeż ta' ristrutturar. Il-Kummissjoni għalhekk tista' tikkonkludi li, f'dan il-każ, ir-rekwiżit li jkun ikkontribwit ammont biżżejjed għall-ispejjeż ta' ristrutturar ġie sodisfatt.

(142)

Il-Kummissjoni qed tenfasizza wkoll li fil-parti l-kbira l-ispejjeż ta' ristrutturar huma koperti minn self ta' CYP 55 miljun, li, anki jekk ġie parzjalment iggarantit mill-Istat, se jkollu jiġi rimborżat mill-kumpanija mir-riżultati li tikseb, u mhux minn għotja ta' l-Istat ta' CYP 55 miljun (15). L-isforz li l-kumpanija se jkollha tagħmel sabiex tkopri, maż-żmien, l-ispejjeż tar-ristrutturar tagħha għandu l-istess effett bħall-finanzjament tagħha stess tar-ristrutturar tagħha, bl-unika differenza tkun li dan l-isforz jista' jinfirex tul diversi snin minħabba s-self kummerċjali ggarantit mill-Istat.

Fid-dawl tal-konsiderazzjoni li ssemmew aktar 'il fuq, il-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija minn Ċipru lil Cyprus Airways Public Ltd qed titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE, sakemm ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5.

Artikolu 2

Sal-31 ta' Diċembru 2007, Ċipru għandu jressaq rapport quddiem il-Kummissjoni dwar il-progress ta' u l-ġestjoni tal-pjan ta' ristrutturar.

Artikolu 3

1.   Ċipru għandu jiżgura li Cyprus Airways Public Ltd u Eurocypria jkunu u jkomplu jkunu operati bħala kumpaniji li qed jikkompetu bis-sħiħ ma' xulxin. Cyprus Airways Public Ltd u Eurocypria għandhom jiġu ġestiti bħala entitajiet legali separati. La Cyprus Airways Public Ltd u lanqas Eurocypria m'għandhom jitħallew jakkwistaw l-ebda sehem fil-kumpanija l-oħra u bejn iż-żewġ kumpaniji m'għandha titwettaq l-ebda operazzjoni kapitali ekwivalenti, bħalma tkun amalgamazzjoni. It-tranżazzjonijiet kollha bejn Cyprus Airways Public Ltd u Eurocypria għandhom jitwettqu skond kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika sakemm, jew:

a)

il-garanzija għas-self mogħtija minn Ċipru lil Cyprus Airways Public Ltd tiġi mitmuma; jew

b)

Ċipru ma jkollux aktar parteċipazzjoni maġġoritarja u/jew kontroll diretti jew indiretti fil-kapital taż-żewġ kumpaniji.

Artikolu 4

Ċipru għandu jiżgura li ż-żjieda kapitali sa CYP 14-il miljun (EUR 24,3 miljun) f'Cyprus Airways Public Ltd prevista għal nofs l-2007 tirrispetta l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

mhux se jkun hemm żjieda kapitali sakemm il-bank kummerċjali maħtur li qed jagħmel is-sottoskrizzjoni ma jiffirmax impenn formali u inkondizzjonat biex ikun sottoskritt ir-riżultat ta' suċċess ta' l-operazzjoni bl-eċċezzjoni tas-soltu kundizzjonijiet rigward każi ta' force majeure, atti ta' gwerra, ta' terroriżmu u każi simili oħra;

b)

l-Istat jista' jissottoskrivi biss iż-żjieda kapitali sa massimu ta' 70 % minnha;

ċ)

l-Istat jissottoskrivi l-ishma l-ġodda maħruġa fuq il-bażi ta' l-istess drittijiet u skond l-istess kundizzjonijiet, bl-istess prezz bħall-investituri privati, mingħajr preġudizzju għall-iskeda proposta għas-sottoskrizzjoni mill-bank biex tkun ikkompletata b'suċċess;

d)

l-operazzjoni ma tridx tkun akkumpanjata mill-ebda ftehim kollaterali jew impliċitu fejn l-Istat jeżonera lill-bank mill-obbligu tiegħu jekk l-offerta ta' rikapitalizzazzjoni ma tkunx biżżejjed sottoskritta jew jagħti lill-bank kwalunkwe skont speċjali dwar il-prezz tal-ħruġ.

Artikolu 5

Ċipru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe rapport u dokument dwar kemm il-parteċipazzjoni ta' l-Istat u tal-bank kif ukoll ta' l-azzjonisti privati ta' Cyprus Airways Public Ltd u partikolarment il-kuntratti finali mal-bank u r-rapporti li jiġġustifikaw il-ħlasijiet u l-prezz eventwali ta' l-ishma fil-kuntest taż-żjieda kapitali.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Ċipru.

Magħmul fi Brussell, 7 ta' Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi-President tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 113, 13.5.2006, p. 2.

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(3)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(*)  Sigriet tan-negozju.

(4)  Rapporti finanzjarji vverifikati.

(5)  M = kontijiet maniġeriali, għadhom mhumiex ivverifikati.

(6)  E = Stmati.

(**)  Sigriet tan-negozju.

(7)  ĠU C 71, 11.3.2000, p 14.

(8)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002 fil-Kawża C482/99 [2002] ECR I-4397 kif ukoll il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Geelhoed tas-27 ta' Settembru 2001, fil-Kawżi Maqgħuda C-328/99 u C-399/00, L-Italja vs Il-KummissjoniSIM 2 Multimedia SpA vs Il-Kummissjoni.

(9)  Is-sentenza tal-21 ta' Marzu 1991, il-Kawża C-305/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni “Alfa Romeo” [1991] ECR I-1603, punt 20.

(10)  Is-sentenza tas-CFI tat-12 ta' Diċembru 2000 fil-Kawża T-296/97, Alitalia vs Il-Kummissjoni [2000] ECR II-3871, punt 81.

(11)  Il-Kawża T11/95 BP Chemicals Ltd vs Il-Kummissjoni [1998] ECR II-3235, paragrafi 170 u171.

(12)  L-għajnuna ta' l-Istat CY 14/2003 – Ċipru – Il-mappa ta' l-għajnuna reġjonali 2004-2006 (C(2004) 1757/1 tat-28.4.2004).

(13)  Ċipru għandha proporzjon ta' passiġġieri bl-ajru għal kull Ċiprijott ta' 8,50, bħala paragun il-proporzjon ta' l-UE-25 huwa ta' 1,30.

(14)  Id-Deċiżjoni 2005/406/KE tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2003 dwar l-RTP (ĠU L 142 tas-6.6.2005, p. 1) u d-Deċiżjoni 2005/418/KE tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2004 dwar Alstom (ĠU L 150 ta' l-10.6.2005, p. 24) (b'mod partikolari l-punti 125 u 215).

(15)  F'dan ir-rigward, ara d-Deċiżjoni 2005/346/KE tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Lulju 2004 dwar MobilCom (ĠU L 116 ta' l-4.5.2005) (b'mod partikolari l-punt 173).