2.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 29/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

dwar l-għajnuna mill-Istat Ċ 20/2006 (ex NN 30/06) tas-Slovenja għal Novoles Lesna Industrija Straža d.d.

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3223)

(It-test bil-lingwa Slovena hija l-unika verżjoni awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/90/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari, is-subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tat-Trattat,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari, il-paragrafu, 62(1)(a) tal-Ftehim,

Wara appell lill-partijiet kollha interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skond l-Artikoli kkwotati (1),

Wara li kkunsidrat dan li ġej:

I.   Il-PROĊEDURA

(1)

Fl-1 ta’ Diċembru 2004 il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar allegata għajnuna lill-manifatturi ta’ l-injam Sloveni Novoles Lesna Industrija Straža d.d. (minn issa ’l quddiem “Novoles Straža”).

(2)

L-ilment kien jikkonċerna miżuri finanzjarji applikati fis-27 ta’ Mejju 2004 lill-kumpanija Novoles Straža taħt ir-riżoluzzjoni tal-gvern Sloven fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Att li Jirregola l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ta’ Kumpaniji f’Diffikultà. Din il-miżura ma kinetx innotifikata lill-Kummissjoni fuq il-bażi li kienet approvata mill-Kummissjoni tal-Monitoraġġ ta’ l-Għajnuna mill-Istat Slovena fit-23 ta’ April 2004, jiġifieri qabel l-adeżjoni. Madankollu, minħabba l-prattika tal-Kummissjoni li l-kriterju relevanti huwa att legali li jorbot li bih l-awtorità nazzjonali komponenti tintrabat li tagħti għajnuna mill-Istat, il-miżuri in kwestjoni jikkostitwixxu għajnuna ġdida u għandhom għalhekk ikunu notifikati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE u evalwati taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE (2).

(3)

Bl-ittra tas-16 ta’ Mejju 2006 il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna/dispożizzjoni.

(5)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mill-partijiet interessati.

(6)

Is-Slovenja bagħtet kummenti bl-ittra tas-17 ta’ Lulju 2006. Intalbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ l-ittri tal-11 ta’ Ottubru 2006 u tat-23 ta’ Frar 2007 li ngħatat fit-30 ta’ Novembru 2006 u fit-23 ta’ April 2007. Barra minn hekk, fit-28 ta’ Ġunju ltaqgħu r-rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Sloveni.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-GĦAJNUNA

1.   Ir-riċevitur

(7)

Il-Kumpanija Novoles Straža hija manifattur ta’ prodotti u għamara ta’ l-injam parzjalment lesti. Tinsab fil-belt ta’ Straža fis-Slovenja, li hija f’reġjun li jirċievi għajnuna skond l-Artikolu 87(3) (a) tat-Trattat tal-KE. Fl-2003 kellha madwar 800 impjegat u hija waħda mill-kumpaniji li l-aktar tħaddem nies fis-settur tal-manifattura ta’ l-injam u ta’ l-għamara fis-Slovenja.

(8)

Il-kumpanija għandha ishma f’żewġ kumpaniji, Novoles-Primara, d.o.o. (100 %) u Pohištvo Brežice, d.d. (93,7 %). Is-Slovenja ddikjarat li dawn iż-żewġ kumpaniji wkoll huma fi stat finanzjarju ħażin. Għalkemm l-ewwel kumpanija għamlet qligħ żgħir ħafna fl-2003, il-kumpanija l-oħra għamlet telf.

(9)

Il-kumpanija hija ta’ proprjetà ta’ diversi persuni naturali u ġuridiċi. Madankollu, l-ishma tal-kumpanija huma mifruxa bejn tant nies li l-ebda persuna weħidha m’għandha kontroll biżżejjed fuq il-kumpanija biex inqisu l-kumpanija bħala parti minn grupp akbar. Fil-fatt, l-akbar l-azzjonisti huma impjegati u eks-impjegati li mhumiex marbutin b’xi ftehim ta’ l-azzjonisti u għandhom sehem ta’ 22,3 %. Barra minn dan, bosta fondi ta’ l-Investiment PID flimkien għandhom parti ta’ 33,4 %. Iżda l-Kummissjoni tifhem li dawn il-fondi ta’ l-investiment PID huma biss korpi amministrattivi li jamministraw l-ishma ta’ azzjonisti privati. Din il-proprjetà ta’ l-ishma hija r-riżultat tal-privatizzazzjoni tal-“kapital soċjali” fis-Slovenja, jiġifieri kunċett li bih il-kumpaniji kienu proprjetà ta’ kulħadd. Il-bidla fil-proprjetà tal-kapital soċjali saret bil-ħruġ ta’ ċertifikati tal-proprjetà liċ-ċittadini, li setgħu jbiddluhom f’ishma. Ġew iffurmati PIDs biex jippermettu l-kooperazzjoni taċ-ċittadini f’din il-bidla ta’ proprjetà bil-kambju taċ-ċertifikati tagħhom ma’ ishma. L-awtoritajiet Sloveni kkonfermaw li l-PIDs m’għandhomx fondi għad-dispożizzjoni tagħhom li jistgħu jgħinu l-kumpanija tegħleb id-diffikultajiet tagħha.

2.   L-istat finanzjarju tar-riċevitur

(10)

L-istat finanzjarju ħażin tal-kumpanija jirriżulta mill-fatt li l-kumpanija tilfet ammont kbir tal-kapital inizjali rreġistrat tagħha, li ammonta għal 1 262 biljun SIT (madwar 5,3 miljun ewro (4)), iżda f’April 2004 kien għad hemm biss 0,75 biljun SIT. L-indikaturi finanzjarji u kummerċjali ewlenin li joħorġu mill-karta tal-bilanċ, ir-rendikont tad-dħul u r-rendikont tal-flussi finanzjarji huma kkwotati fl-iskeda li ġejja:

Tabella 1

L-indikaturi finanzjarji tal-kumpanija Novoles Straža

Indikatur

1999

2000

2001

2002

2003

Bejgħ nett:

6 341 790

6 507 932

6 602 106

8 093 436

6 014 466

Stokks

880 544

936 471

1 113 218

955 305

1 279 940

Talbiet

930 585

1 053 433

1 218 067

1 676 595

1 133 643

Qligħ (Telf)

78 809

109 884

128 843

110 215

(511 149 )

Livell ta’ ammonti pendenti

42,1

44,7

47,2

50,2

57,6

(11)

L-awtoritajiet Sloveni spjegaw li t-telf tal-kumpanija rriżulta l-aktar minħabba li ma sarx pjan tal-bejgħ filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż finanzjarji tagħha qegħdin jikbru. Dan juri li l-livell tad-dejn tal-kumpanija kien qiegħed dejjem jikber, flimkien mal-livelli medji ta’ l-istokk.

(12)

Bħala risposta għall-bidu tal-proċedura, l-awtoritajiet Sloveni spjegaw li l-firxa tal-bejgħ ukoll kienet qiegħda tinżel, sa mill-2000 sa l-2001 u mill-2002 sa l-2003; filwaqt li ż-żieda fl-2002 kienet konsegwenza ta’ avvenimenti eċċezzjonali, jiġifieri xi xogħlijiet tal-kostruzzjoni fil-Kroazja (provvista ta’ għamara lil kumplessi kbar ta’ lukandi), l-introduzzjoni ta’ programm ta’ l-għamara ġdid u r-reviżjoni tad-dħul ta’ żewġ kumpaniji dipendenti li ngħaqdu ma’ Novoles fl-1 ta’ Jannar 2003.

(13)

Minbarra dak, l-awtoritajiet Sloveni bagħtu evidenza ddokumentata lill-Kummissjoni li l-kumpanija ma setgħetx tikseb kwantità biżżejjed ta’ kapital ġdid fis-swieq tal-kapital. B’mod partikolari, il-banek ċaħdu talba mill-kumpanija Novoles Straža għal fondi ġodda minħabba r-reputazzjoni kummerċjali tagħha u nuqqas ta’ garanziji li setgħu jikkumpensaw għal livelli ta’ qligħ tant baxxi. Anki r-rahan ta’ l-istat li jiswa 65 % ta’ l-ammont mitlub ma kienx biżżejjed.

3.   Programm ta’ ristrutturazzjoni

(14)

Sabiex tegħleb id-diffikultajiet tagħha, f’April 2004 Novoles Straža ppreżentat il-programmi ta’ ristrutturazzjoni tagħha minn Marzu lill-Ministru ta’ l-Ekonomija dwar il-perjodu ta’ristrutturazzjoni mill-2004 sa l-2008.

(15)

F’dan il-pjan il-kumpanija qalet li r-raġuni tas-sitwazzjoni preżenti tagħha kien it-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku tas-swieq ta’ l-esportazzjoni ewlenin tagħha (b’mod partikolari l-Ġermanja u l-Istati Uniti), fejn il-kumpanija kienet qiegħda tbigħ 60 % tal-produzzjoni tagħha. Barra minn hekk, id-domanda għal prodotti parzjalment lesti naqset. Kif ukoll, it-tnaqqis fid-dħul fl-2003 laħaq l-ogħla livell tiegħu fejn il-kumpanija ta’ setgħetx tħallas id-dejn tagħha mir-riżorsi tagħha stess iżda kellha tkabbr id-djun tagħha u l-piżijiet finanzjarji. Barra minn hekk, l-istruttura tal-kumpanija ma ppermettitilhiex li tipproduċi skond id-domanda.

(16)

Biex tegħleb dawn id-diffikultajiet kienet ippjanata ristrutturazzjoni finanzjarja, li filwaqt li diġà kienet saret bl-iskop li s-self b’ipoteka fuq perjodu qasir fl-ammont ta’ 1 669 940 776 SIT jinbidel f’dejn fuq perjodu twil bl-għajnuna ta’ garanzija ta’ l-istat bl-ammont ta’ 1.1 biljun SIT għal xi self ipotekarju li kien assigurat sa 65 %, filwaqt li l-iffinanzjar mill-ġdid li kien baqa’ bl-ammont ta’ 569 940 776 SIT kien iffinanzjat mingħajr għajnuna mill-Istat, fejn il-parti ipotekata kienet ta’ aktar minn 100 % tal-valur nominali.

(17)

Barra minn hekk, il-kumpanija Novoles Straža bi ħsiebha tibdel id-direzzjoni ta’ l-attivitajiet tagħha, jiġifieri:

Se tbiddel l-istrateġija tal-marketing tagħha billi taqleb parzjalment mis-swieq ta’ l-UE u ta’ l-Amerika ta’ Fuq għal swieq fl-Ewropa tal-Lvant u r-Russja. L-awtoritajiet Sloveni bagħtu evidenza ta’ bosta proġetti tal-bejgħ li qegħdin jibdew fost oħrajn fir-Russja, fis-Slovakkja u fis-Serbja. Il-bejgħ fi swieq oħrajn fl-2008 se jikber għal 77 %, sadanittant laħaq is-70 % fl-2004, filwaqt li l-bejgħ fis-swieq ta’ l-Ewropa tal-Lvant se jammontaw għal 8 % (qabel kienu żero).

Il-kumpanija se tnaqqas il-proporzjon tal-prodotti nofshom lesti favur prodotti lesti. Fl-2008 il-prodotti lesti se jirrappreżentaw 33 % tal-produzzjoni (fl-2003 26%), prodotti taħt il-marka tal-kumpanija stess fl-2008 se jirrappreżentaw 26 % tal-produzzjoni (fl-2003 20 %), u l-proporzjon tal-prodotti nofshom lesti fl-2008 se jonqos minn 41 % għal 31 %. Minkejja dan, il-prodotti nofshom lesti se jibqgħu parti importanti mill-produzzjoni iżda se jkunu rrappreżentati biss minn partijiet relatati li bihom se jiżdied aktar valur. Il-vantaġġ tal-kumpanija f’dan il-qasam qiegħed f’li tipproduċi kwantitajiet iżgħar għal prodottur magħruf.

(18)

Barra minn hekk, id-direzzjoni ġdida se tkun segwita minn ristrutturazzjoni teknoloġika sabiex tinkiseb produzzjoni b’anqas spejjeż u biex it-tagħmir teknoloġiku jkun adattat għall-produzzjoni mmexxija mid-domanda u biex jintlaħqu l-istandards ekoloġiċi. Qed ikunu ppjanati investimenti fl-ammont ta’ 1 455 miljun SIT (6.06 miljun ewro), li ser ikunu mmirati b’mod partikolari għal miżuri li jżidu l-produttività, itejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol, itejbu l-applikazzjoni tal-materjal, jiffrankaw l-enerġija u jilħqu l-istandards ekoloġiċi. L-awtoritajiet Sloveni poġġew quddiem il-Kummissjoni lista ta’ investimenti li hija magħmula minn miżuri bħal modernizzazzjoni taċ-ċentri profitabbli tal-partijiet relatati, il-bidu ta’ proċedura tat-tnixxif iggwidata mill-kompjuter, il-modernizzazzjoni tal-produzzjoni f’ċentru profitabbli ta’ prodotti ġodda u armar mill-ġdid ta’ sistema tal-provvista ta’ l-enerġija u l-bidu ta’ sistema informatika ġdida. L-awtoritajiet Sloveni semmew diversi dewmien fit-twettiq ta’ xi investimenti importanti, bħall-produzzjoni f’ċentru profitabbli ta’ prodotti ġodda jew l-armar mill-ġdid tas-sistema ta’ l-enerġija, minħabba nuqqas ta’ fondi (dawn l-investimenti se jkunu ffinanzjati l-aktar minn fondi tagħha stess).

(19)

Fl-aħħar nett, ir-ristrutturazzjoni tal-persunal se timmira għal tnaqqis ta’ 96 impjegat, filwaqt li l-kumpanija se tagħti taħriġ speċjali u ġenerali għall-impjegati li jibqa’. L-infieq ta’ 537 miljun SIT se jkun parzjalment kopert mill-fondi tagħha stess u parzjalment minn sussidju ta’ 283 miljun SIT (EUR 1,2 miljun).

(20)

Is-Slovenja ppreżentat l-estimi ta’ l-operazzjonijiet għal perjodu ta’ ħames snin, li juru li l-pjan tar-ristrutturazzjoni se jippermetti lill-kumpanija Novoles Straža tkun profitabbli mill-ġdid.

(21)

L-awtoritajiet Sloveni poġġew quddiem il-Kummissjoni id-data li fuqha qegħdin jibbażaw it-tbassir tal-bejgħ. F’dawn l-estimi, l-ewwel huwa mistenni tkabbir ta’ madwar 10 % fil-bejgħ fis-swieq ta’ l-Ewropa tal-Punent, u mill-2005 sa l-2007 madwar 20 % tkabbir fil-bejgħ fis-swieq ta’ l-Ewropa tal-Lvant (5). It-tieni, qed jiġi ppjanat ċaqliq mill-produzzjoni ta’ prodotti parzjalment lesti għal prodotti lesti (59 % prodotti lesti minflok 46 %).

(22)

Fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ l-impjegati mexxejja fil-qasam tal-marketing u fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba minn fieri tal-bjegħ, minn rappreżentanti u direttament mill-klijenti, il-kumpanija Novoles Straža fformulat il-pjan tal-bejgħ tagħha għall-perjodu 2004–2008.

(23)

Fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet realistiċi fil-perjodu 2003–2008 huwa mistenni tkabbir fil-bejgħ domestiku minn 3,6 % sa 5,7 % flimkien ma’ 6,5 % sa 8,4 % tkabbir fil-bejgħ annwali ta’ barra. B’dan il-mod, ir-ristrutturazzjoni għandha tikseb fl-2008 11,7 % bilanċ favur. Il-profit operattiv imqabbel mal-kapital tas-sidien se jiżdied għal 12,6 % fl-2008.

4.   In-nefqa tar-ristrutturazzjoni u l-iffinanzjar tagħha

(24)

Fl-iskeda ta’ hawn taħt qed issir analiżi tan-nefqa tar-ristrutturazzjoni:

Tabella 2

In-nefqa tar-ristrutturazzjoni u l-iffinanzjar

Fondi meħtieġa (f’ 000 SIT)

Fondi tagħha

Sussidji

Gerenziji

Total

Ristrutturazzjoni finanzjarja

369 000  (*)

 

1 100 000

1 469 000

Marketing u ristrutturazzjoni ta’ l-iżvilupp

675 000

 

 

675 000

Ristrutturazzjoni teknoloġika

1 456 000

 

200 000

1 656 000

Ristrutturazzjoni tal-persunal

253 988

282 771

 

536 759

Total:

2 384 988

282 771

1 300 000

4 337 699

(25)

Il-kumpanija rċeviet għajnuna mill-Istat li tammonta għal 1 583 miljun SIT (6.6 miljun ewro) iżda, milli jidher, mhux qabel l-aħħar ta’ l-2004 u mhux f’nofs l-2004, kif ippjanat.

(26)

L-għajnuna ewlenija ngħatat f’forma ta’ garanzija mill-Istat għal erba’ self li flimkien jammontaw għal 1,3 biljun SIT li qed tippermetti li l-kumpanija Novoles Straža tipprogramma mill-ġdid id-dejn eżistenti tagħha. Il-perjodu ta’ pagament huwa ta’ seba’ snin, inklużi sentejn ta’ moratorju. Ir-rata ta’ l-imgħax tammonta għal 4,5 %, inkluż il-pagament ta’ ammont uniku għall-konklużjoni u l-ġestjoni tat-tranżazzjoni tal-kreditu għal valur ta’ 0,1 %. Il-garanzija se tkopri 100 % tas-self u ser tkun ukoll assigurata minn ipoteka sal-livell ta’ 65 % bħala minimu.

(27)

Is-Slovenja pproponiet li tiffinanza n-nefqa tar-ristrutturazzjoni ta’ 2 385 miljun SIT mill-fondi tal-kumpanija stess. Iżda l-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li żieda addizzjonali ta’ 569 miljun SIT minn iffinanzjar ta’ self privat tkun adegwata (sa l-ammont ta’ 8,5 %). Xi fondi tal-kumpanija stess għandhom jinħolqu permezz ta’ disinvestimenti (1 323 miljun SIT, jiġifieri 30,5 %) u permezz ta’ l-amortizzazzjoni (29,76 %). Dwar il-bejgħ, l-awtoritajiet Sloveni poġġew quddiem il-Kummissjoni lista dettaljata ta’ disinvestimenti. Madwar 300 miljun SIT kienu diġà inkisbu fl-2005, għall-2006 aktar disinvestimenti huma ppjanati (u parzjalment miksuba) li jiswew madwar 600 miljun, u 450 miljun SIT għall-2007 u l-2008.

5.   Ċirkostanzi fil-miżuri tas-suq u ta’ l-ekwalizzazzjoni

(28)

Novoles Straža tipproduċi l-prodotti li ġejjin li fihom il-parti mis-suq tagħha fuq il-livell ta’ l-UE-25 tlaħħaq:

Tabella 3

Parti mis-suq

Prodott

Parti mis-suq 2003

Parti mis-suq 2005

Panewijiet komposti (**)

0,14  %

0,13  %

Siġġijiet u partijiet tagħhom (***)

0,07  %

0,04  %

Għamara u partijiet tagħha (****)

0,08  %

0,05  %

Medja

0,09  %

0,06  %

6.   Għajnuna oħra

(29)

L-awtoritajiet Sloveni rrevedew in-numri msemmijin fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura u ddikjaraw li fl-2004 il-kumpanija Novoles Straža b’mod ieħor fil-fatt irċeviet self favorevoli, iżda self biss minn għejun pubbliċi u privat għal skopijiet ambjentali fl-ammont ta’ 115,2 miljun SIT (0,48 miljun ewro), li jnaqqas il-kontrovalur ta’ l-għotjiet għal 14,9 miljun SIT (62 000 ewro). Din l-għajnuna kienet allokata fil-kwadru ta’ l-iskema “Ko-finanzjamant ta’ Investimenti ambjentali i” u kienet approvata fi Frar 2004.

(30)

Is-Slovenja tirrapporta wkoll li fl-1999 il-Kumpanija rċeviet biss 18,1 miljun SIT (75 000 ewro) ta’ għajnuna għas-sussidju tar-rati ta’ l-imgħax, għajnuna ta’ 11,5 miljun SIT (48 000 ewro) għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, 3,6 miljun SIT (15 000 ewro) ta’ għajnuna għar-riċerka u żvilupp u 1.1 miljun SIT (4 600 ewro) f’għajnuna għall-esportazzjoni.

(31)

L-ewwel għajnuna msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, li għall-ewwel kien maħsub li kienet għar-ristrutturazzjoni, kienet biss miżura għas-sussidju tar-rati ta’ l-imgħax peress li r-rati ta’ l-imgħax fis-Slovenja kienu relattivament għoljin meta mqabblin mar-rati ta’ l-imgħax barranin. Suppost, waħda mill-kondizzjonijiet biex kumpaniji jibbenefikaw mill-programmi kienet l-ammissjoni għall-gruppi tar-rati tal-kreditu A, B, Ċ jew D u li ma kinux għaddejjin minn proċeduri ta’ falliment. Il-kumpanija ppreżentat evidenza li f’dak il-perjodu kienet ġiet inkluża fil-grupp tar-rati tal-kreditu A/B.

III.   BAŻI BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA SKOND L-ARTIKOLU 88(2) TAT-TRATTAT TAL-KE

(32)

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni kienet ta’ l-opinjoni li l-miżuri rispettivi kienu jfissru għajnuna ġdida, li għandu tkun innotifikata skond l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE kif evalwata taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni reġgħet enfasizzat li l-kriterju relevanti huwa l-att li jorbtu legalment li bih l-awtorità nazzjonali kompetenti tintrabat li tagħti l-għajnuna, li saret f’Mejju 2004.

(33)

Minbarra hekk, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-Suq Komuni, u b’mod partikolari mal- Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji diffikultà ta’ l-1999 (6) fuq dan li ġej.

Ma kienx ċar jekk il-kumpanija wrietx is-sinjali tas-soltu ta’ kumpanija diffikultà, filwaqt li l-bejgħ żdied ukoll fl-2003 u l-livelli ta’ l-istokk komplew jonqsu fl-2002. Barra minn hekk, ma kienx ċar jekk il-kumpanija kinetx parti minn grupp akbar.

Ma kienx ċar kif il-kumpanija setgħet tistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà ekonomika fuq perjodu twil/profitt fuq id-dħul/profitabbiltà tagħha, b’mod partikolari peress li ma kienx hemm data li setgħet tipprovdi bażi għal tbassir finanzjarji għall-futur.

Ma kienx ċar jekk il-kumpanija kinetx ikkontribwiet parti importanti tal-fondi tagħha stess għar-ristrutturazzjoni peress li ma kienx ċar minn fejn kienu ġejjin il-fondi tagħha stess.

Ma kienet ippreżentat l-ebda analiżi tas-suq li tiġġustifika n-nuqqas ta’ miżuri ta’ kumpens.

It-twettiq tal-priċipji ta’ l-għajnuna ta’ darba kien dubjuż, billi l-kumpanija diġà rċeviet għajnuna għar-ristrutturazzjoni fl-1999.

IV.   IL-KUMMENTI TAS-SLOVENJA

(34)

Is-Slovenja tinsisti li l-għajnuna mill-Istat għall-kumpanija Novoles Straža kienet allokata qabel l-adeżjoni tas-Slovenja ma’ l-Unjoni Ewropea peress li l-espożizzjoni ekonomika kienet magħrufa qabel l-adeżjoni.

(35)

It-tieni, is-Slovenia kienet wieġbet għad-dubji tal-Kummissjoni Ewropea dwar jekk il-kumpanija Novoles Straža kinetx tagħmel parti minn grupp kummerċjali akbar u spjegat il-karatteristiċi ta’ l-istrutturi tal-proprjetà fis-Slovenja li kienu ppreżentati hawn fuq u pprovdiet l-informazzjoni korretta dwar il-persentaġġ ta’ l-ishma ta’ l-azzjonisti.

(36)

It-tielet, is-Slovenja ppreżentat evidenza li l-kumpanija Novoles Straža hija “kumpanija f’diffikultà” u spjegat b’mod sostanzjalment ix-xejra ġenerali tad-diffikultajiet finanzjarji li l-kumpanija kienet qed tiffaċċa mill-1999 (indikati biż-żieda fl-istokk u d-djun, kif ukoll it-tnaqqis fil-bejgħ, għalkemm minħabba xi avvenimenti speċjali kienu jinvolvu żieda fl-2002), u laħqu l-għola livell fl-2004 meta l-kumpanija ma’ setgħetx takkwista finanzjament minn barra.

(37)

Ir-raba’, l-awtoritajiet Sloveni ppreżentaw informazzjoni li turi li l-istrateġija tal-kumpanija Novoles Straža hija bbażata fuq ir-riċerka u t-tbassir tal-marketing li jindikaw bejgħ ta’ għamara relattivament għoli.

(38)

Il-ħames, dwar il-miżuri ta’ kumpens, is-Slovenja ppreżentat studju tas-suq li juri li s-sehem tas-suq tal-kumpanija Novoles Straža fis-suq ta’ l-UE-25 fis-suq rispettiv tal-prodott huwa żgħir ħafna. L-awtoritajiet Sloveni jindikaw wkoll il-fatt li l-kumpanija Novoles Straža tinsab f’reġjun li qiegħed jirċievi għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE.

(39)

Fl-aħħar, dwar l-għajnuna mill-Istat rċevuta fil-passat is-Slovenja rrevediet xi żbalji fit-tajping dwar l-ammonti riċevuti u, fuq kollox, assigurat li l-għajnuna li kienet aċċertata li kienet primarjament għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma kinetx allokata għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni kif identifikat fil-Linji gwida.

V.   VALUTAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA

1.   Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(40)

Skond l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew mir-riżorsi ta’ l-istat f’kull forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi tal-produzzjoni jew ċerti prodotti, sal-punt li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli sakemm ma tistax tkun iġġustifikata taħt l-Artikoli 87(2) jew (3) tat-Trattat tal-KE.

(41)

Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna ngħatat mir-riżorsi ta’ l-istat lil kumpanija individwali. Jidher ċar li din hija suġġetta għal għajnuna diretta, iżda wkoll għal garanzija, b’mod partikolari jekk il-kumpanija tinsab f’diffikultà u l-garanzija kienet assigurata għal 100 % tas-self (7). Fil-fatt, il-garanzija tippermetti li l-kumpanija tikseb self akbar milli kienet tikseb mingħajr il-garanzija.

(42)

Peress li hemm il-kummerċ fi prodotti ta’ l-injam bejn is-Slovenjau Stati Membri oħrajn, il-miżura x’aktarx ittejjeb il-pożizzjoni tar-riċevitur mal-kompetituri tiegħu fis-Slovenja u l-UE, u bħala riżultat tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-garanzija u s-sussidju preżenti favur Novoles Straža jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

2.   Eżistenza ta’ għajnuna ġdida mill-Istat

(43)

L-awtoritajiet Sloveni fil-bidu kellhom dubju jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa li tevalwa l-għajnuna skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE billi kienet ingħatat qabel l-adeżjoni. Il-Kummissjoni ċċarat fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura li biex tistabbilixxi jekk l-għajnuna saritx qabel jew wara l-adeżjoni, il-kriterju relevanti huwa l-att legali li jorbot li bih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jintrabtu li jagħtu l-għajnuna (8). In-nuqqas ta’ din id-deċiżjoni qabel l-adeżjoni tikkostitwixxi għajnuna ġdida, anki jekk l-espożizzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat kienet magħrufa qabel.

(44)

Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-konklużjoni inizjali tagħha li l-att relevanti li jorbot li bih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ntrabtu li jagħtu l-għajnuna ma sarx qabel l-adeżjoni. Il-liġi Slovena applikabbli tgħid li fuq il-bażi ta’ proposta mill-Ministeru deċiżjoni mill-gvern għandha tagħti l-għajnuna. Filwaqt li d-deċiżjonijiet ta’ qabel tal-kumitat espert interdipartimentali u l-Ministeru responsabbli kienu fil-fatt meħtieġa għall-għoti, ma kinux biżżejjed biex tingħata l-għajnuna. L-aħħar deċiżjoni hija tal-gvern. Din ir-riżoluzzjoni madankollu ħarġet fis-27 ta’ Mejju 2004 u s-Slovenja ngħaqdet ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna ġdida u għandhom ikunu nnotifikati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE u evalwati skond l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

3.   Kompatibbiltà ta’ l-għajnuna

(45)

Filwaqt li l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna għar-ristrutturazzjoni, hija kompatibbli mas-suq komuni jekk tkun konformi mal-kriterji taħt il-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna u r-ristrutturazzjoni tal-kumpaniji diffikultà (minn issa ’l quddiem: “il-Linji gwida”) (9).

(46)

Il-Kummissjoni fuq il-bażi tal-kummenti u l-informazzjoni tas-Slovenja li kienet ġabret matul l-investigazzjoni tagħha adottat il-konklużjonijiet li ġejjin dwar il-punti li fuqhom kienet inbdiet il-proċedura formali.

3.1.   Eliġibbiltà

(47)

Skond l-informazzjoni ppreżentata mis-Slovenja, il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li l-operazzjonijiet ta’ l-intrapriża deskritti fil-punti 24 u 27 juru li meta l-għajnuna kienet allokata l-kumpanija kienet verament f’diffikultà. Il-Kummissjoni tinnota b’mod speċifiku li l-problemi kienu parti minn xejra fil-perjodu 2002-2004 u mhux avveniment eċċezzjonali fl-2003. Minbarra hekk, l-awtoritajiet Sloveni pprovdew provi raġjonevoli li fl-2004 il-kumpanija ma setgħetx tiffinanzja mill-ġdid is-self fuq perjodu qasir tagħha weħidha. Dan ma jmurx kontra l-fatt li l-kumpanija rnexxielha tikseb xi finanzjament mill-ġdid mingħajr għajnuna, għax kien riżultat ta’ l-assigurazzjoni għolja li l-kumpanija ma setgħetx tipprovdi l-ammont tal-finanzjament kollu mill-ġdid.

(48)

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll in-noti ta’ spjegazzjoni tas-Slovenja dwar in-natura tal-proprjetà tal-kumpanija Novoles Straža. Wara li tikkunsidra n-natura passiva u l-kapitali limitati tas-sidien istituzzjonali tal-kumpanija Novoles Straža u l-firxa tal-proprjetà li jibqa’ fil-kumpanija, il-Kummissjoni taċċetta li l-kumpanija ma setgħetx tikseb il-fondi meħtieġa mill-azzjonisti tagħha. Għal din ir-raġuni u wara li kkunsidrat li l-ebda azzjonist individwali m’għandu aktar minn 22 % ta’ l-ishma kapitali ta’ Novoles Straža, il-Kummissjoni taċċetta wkoll il-pożizzjoni li l-kumpanija Novoles Straža m’hijiex part minn grupp kummerċjali akbar.

(49)

Konformement ma’ dan, il-Kummissjoni taqbel li l-kumpanija Novoles Straža hija eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

3.2.   Bini mill-ġdid tal-viabilità ekonomika

(50)

Il-Kummissjoni ddikjarat fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura li mhux ċar kif il-pjan tar-ristrutturazzjoni se jippermetti lill-kumpanija Novoles Straža li terġa tibni il-viabilità ekonomika tagħha fuq perjodu twil. Dan kien jappartjeni fuq kollox għall-perspettiva finanzjarja fuq ħames snin ta’ kif il-kumpanija għandha tiżviluppa minħabba l-miżuri tar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni wissiet li s-Slovenja ma kinetx ippreżentat l-informazzjoni meħtieġa sabiex hija tevalwa s-suppożizzjoni dwar l-operazzjonijiet li x’aktarx il-kumpanija kienet se twettaq skond il-pjan tar-ristrutturazzjoni.

(51)

Matul il-proċedura is-Slovenja ppreżentat l-informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafi (21) u (22) ta’ qabel. Din l-informazzjoni tispjega biżżejjed ir-raġunijiet għal dawn is-suppożizzjonijiet. Il-Kummissjoni tinnota li s-suppożizzjonijiet dwar ix-xejriet tal-bejgħ tal-kumpanija Novoles Straža huma possibbilment ottimistiċi wisq wara li tikkunsidra li fl-2005 u l-2006 is-settur iffaċċja kompetizzjoni qawwija mil-Lvant Imbiegħed, li kkważat offerta eċċessiva u pressjoni għal tnaqqis fil-prezzijiet. Iżda ma kienx ċar jekk din l-informazzjoni kinetx diġà magħrufa fil-bidu ta’ l-2004. Minbarra hekk, il-Kummissjoni nnifisha fl-2006 tinnota: ‘il-produzzjoni u l-konsum ta’ panewijiet komposti żdiedet f’dawn l-aħħar ftit snin, filwaqt li għal xi klassijiet qiegħed jiżviluppa suq ta’ l-esportazzjoni qawwi’ (10). Dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma kinetx irċeviet xi informazzjoni kontradittorja, li biha setgħet tiddubita s-suppożizzjonijiet tal-kumpanija u s-suppożizzjonijiet tagħha stess, il-Kummissjoni wkoll ma kellha l-ebda raġuni valida biex ma taċċettahomx. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li m’hemm l-ebda indikazzjoni li s-suppożizzjonijiet jistgħu jkunu impossibbli għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dubji kienu solvuti.

(52)

Il-Kummissjoni wkoll identifikat fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura li l-pjan tar-ristrutturazzjoni fih bosta miżuri interni li, jekk iseħħu jistgħu iwasslu għal sitwazzjoni fejn kumpanija tkun f’diffikultà. Matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni kisbet informazzjoni li turi li l-kumpanija ma kinetx għadha wettqet il-miżuri ppjanati tar-ristrutturazzjoni kollha. L-awtoritajiet Sloveni ddikjaraw li din kienet inter alia konsegwenza ta’ dewmien fir-riċeviment ta’ l-għajnuna mill-Istat, u riżultat tal-fatt li r-riżultati operattivi ma kienux tajbin daqskemm mistenni. Dwar dan, il-Kummissjoni tinnota li l-pjan tar-ristrutturazzjoni bassar l-iffinanzjar tar-ristrutturazzjoni teknika l-aktar mill-fondi tal-kumpanija stess. Iżda dan it-tip ta’ nuqqas ma kienx evidenti bil-quddiem u ma setax ikun iġġustifikat peress li l-għajnuna mill-Istat għandha verament tkun żgħira kemm jista’ jkun, b’mod speċjali għal Stat Membru li kkommetta ruħu għal-dak il-pjan (11) eżatt qabel l-adeżjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni mhux se tikkunsidra dak in-nuqqas bħala raġuni raġonevoli biex tiddubita l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li jista’ jintlaħaq. Iżda l-Kummissjoni twissi li l-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna tingħata bil-kundizzjoni li l-pjan tar-ristrutturazzjoni (punt 43) jitwettaq kollu u se jkun sorveljat (punt 46).

(53)

Il-Kummissjoni għalhekk tantiċipa li s-Slovenja, skond il-punt 46 tal- Linji gwida, se tippreżenta mill-anqas żewġ rapporti dwar il-monitoraġġ, wieħed sa l-aħħar ta’ Jannar 2008 dwar l-2007 u l-ieħor sa l-aħħar ta’ Jannar 2009 dwar l-2008, b’informazzjoni dettaljata dwar l-operazzjoni finanzjarja tal-kumpanija u dwar l-investimenti li rnexxielha twettaq. Il-Kummissjoni wissiet li l-kumpanija hija obbligata, anki jekk il-vijabilità ekonomika tagħha tkun stabbilita mill-ġdid, li tiżgura li l-parti ta’ l-għajnuna mill-Istat, jekk mhux l-investimenti kollha, titwettaq (12).

3.3.   Limitazzjoni ta’ l-għajnuna sa l-anqas ammont possibbli

(54)

L-għajnuna hija wkoll limitata sa l-anqas ammont possibbli. B’mod partikolari, id-dubji tal-Kummissjoni dwar il-provvista ta’ kontribuzzjoni importanti tal-kumpanija stess tneħħew. Skond il-punt 40 tal-Linji gwida, l-għajnuna għandha tkun limitata għal dak li huwa l-aktar urġenti biex il-vijabilità ekonomika tkun stabbilita mill-ġdid, filwaqt li huwa mistenni li r-riċevituri ta’ l-għajnuna jagħmlu kontribuzzjoni importanti għall-pjan tar-ristrutturazzjoni mill-fondi tagħhom stess.

(55)

L-ispjegazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Sloveni dwar il-kontribuzzjoni tal-kumpanija stess huma dettaljati biżżejjed, kif ikkwotat fil-punt 27, biex jippermettu li l-Kummissjoni teżamina jekk il-kumpanija wettqitx jew hux se twettaq fl-2005-2008 numru akbar ta’ disinvestimenti sa 30,5 % tan-nefqa tar-ristrutturazzjoni. Minbarra hekk, il-Kummissjoni taċċerta li l-kumpanija Novoles Straža akkwistat iffinanzjar estern mingħajr għajnuna sa 8,5 %.

(56)

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni terġa’ tenfasizza li l-amortizzazzjoni ma tistax tkun aċċettata bħala kontribuzzjoni tagħha stess għax din ma tipprovdix lill-kumpanija b’fondi għad-dispożizzjoni tagħha u, barra minn hekk; l-amortizzazzjoni tiddependi fuq operazzjonijiet futuri li huma r-riżultat ta’ l-għajnuna mill-Istat (13).

(57)

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonferma l-kontribuzzjoni komuni tal-kumpanija stess sa livell ta’ 39 %, li tista’ tkun ikkunsidrata importanti daqsha taħt il- Linji gwida mill-1999 (14).

(58)

Barra minn hekk, l-għajnuna hija limitata għal dak li huwa l-aktar urġenti biex il-vijabilità ekonomika tkun stabbilita mill-ġdid peress li tkopri l-aktar il-bżonnijiet diretti għal self fuq il-perjodu qasir li issa huwa dovut u b’hekk ma tipprovdix il-kumpanija b’likwidità żejda.

3.4.   Miżuri ta’ l-ekwalizzazzjoni

(59)

Skond il-punti 35 u 36 tal- Linji gwida, għandhom ikunu adottati miżuri li l-aktar inaqqsu l-effetti tal-ħsara ta’ l-għajnuna mill-Istat fuq il-pożizzjoni tal-kompetituri. Madankollu, skond il-punt 36 tal- Linji gwida dawn it-tipi ta’ miżuri ta’ ekwalizzazzjoni mhumiex meħtieġa meta l-parti mis-suq tar-riċevitur hija negliġibbli. Għalhekk, f’każi bħal dawn il-miżuri ta’ l-ekwalizzazzjoni mhumiex kondizzjoni biex l-għajnuna mill-Istat li tkun kompatibbli mas-suq komuni.

(60)

Il-Kummissjoni ma tiċħadx id-dikjarazzjoni ta’ l-awtoritajiet Sloveni li l-kumpanija Novoles Straža hija attiva f’bosta swieq tal-produzzjoni, jiġifieri fis-suq tal-panewijiet komposti, is-suq tas-siġġijiet u ta’ għamara oħra. Dwar il-panewijiet komposti, il-Kummissjoni taċċerta li fil-każ ta’ inkorporazzjoni ‘ir-riċerka tas-suq fil-biċċa l-kbira kkonfermat li tipi differenti ta’ panewijiet ta’ l-injam, bħal panewijiet komposti, panewijiet tal-ħardbord, panewijiet ta’ biċċiet mhux ipproċessati u panewijiet ta’ biċċiet ipproċessati, laminati dekorattivi (HPL/CPL) u elementi magħmulin minn panewijiet ta’ l-injam għall-industrija ta’ l-għamara u tal-bini jappartjenu għal swieq tal-produzzjoni separati (15).

(61)

Għal definizzjoni tas-suq in konsiderazzjoni, is-Slovenja ippreżentat lill-Kummissjoni studju tas-suq li juri l-partijiet tas-suq fis-swieq tal-prodotti fil-UE-25. Dwar dan il-Kummissjoni m’għandha l-ebda raġuni biex topponi s-suppożizzjoni fin-nota 20 tal- Linji gwida, jiġifieri li s-suq ikkunsidrat huwa suq taż-ŻEE. Il-Kummissjoni wissiet li għamlet xi riċerki tas-suq dwar l-industrija Ewropea tal-prodotti ta’ l-injam fil-passat (b’mod partikolari, panewijiet tal-biċċiet ta’ l-injam) fil-każ ta’ inkorporazzjoni (16) u tqis li s-suq ikkunsidrat huwa aktar wiesa’ mis-suq nazzjonali u huwa mill-anqas suq reġjonali li jinvolvi aktar minn pajjiż wieħed. Dan kien iċċertifikat minn kurrenti importanti tal-kummerċ internazzjonali. L-eżistenza ta’ kurrenti simili tal-kummerċ ukoll fil-każ ta’ panewijiet komposti tivvalida l-informazzjoni ta’ l-esperti interni tal-Kummissjoni (ukoll in-negozju ta’ l-esportazzjoni ta’ Novoles Straža ġewwa l-Unjoni sal-livell ta’ 60 % fil-fatt jammonta għall-maġġoranza tal-bejgħ tagħha). Minbarra hekk, kien aċċertat li s-suq internazzjonali reġjonali jirreferi għal distanza ta’ madwar 1 000 km, fejn id-distanza tagħmel differenza fil-valur miżjud tal-prodott, jiġifieri d-distanza għal prodotti lesti anki kienet akbar meta mqabbla mad-distanza ta’ prodotti mhux lesti. Peress li l-panewijiet komposti huma diġà ta’ kwalità ogħla u qegħdin ikunu esportati l-aktar f’forma ta’ panewijiet komposti tal-plajwud, l-ispejjeż tat-trasport huma anqas importanti għall-panewijiet komposti milli għall-panewijiet tal-biċċiet (u dan jgħodd aktar għas-siġġijiet u għamara oħra magħmula minn panewijiet komposti). Wara li kkunsidrat dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li s-suq ikkunsidrat għall-prodotti magħmulin mill-kumpanija Novoles Straža kellu jkun, jekk mhux iż-ŻEE jew l-UE-25 kollha, mill-anqas il-parti l-kbira ta’ l-UE-25.

(62)

U dwar is-sehem tas-suq ta’ Novoles Straža fis-suq ta’ l-UE-25 fl-ebda każ ma taqbeż il-0.13 % u bħala prinċipju m’għandux jikber aktar mid-doppju jekk is-suq ġeografiku jonqos bin-nofs, il-Kummissjoni temmen li s-sehem tas-suq għadu taħt il-1 % sew, li jista’ flimkien mal-fatt li s-suq jiġbor numru kbir ta’ prodotturi żgħar u ta’ daqs medju jkun ikkunsidrat bħala parti negliġibbli (17). Għalhekk, il-miżuri ta’ l-ekwalizzazzjoni biex jiżguraw il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni mhumiex meħtieġa.

3.5.   It-tieni għajnuna

(63)

Fl-aħħar, is-Slovenja bagħtet lill-Kummissjoni biżżejjed informazzjoni dwar l-għajnuniet l-oħrajn kollha li l-kumpanija rċeviet u li tippermetti ġudizzju xieraq tal-prinċipju ta’ l-għajnuna ta’ darba. Skond dan il-prinċipju, fil-punt 48 u l-punti ta’ wara tal-Linji gwida, il-Kummissjoni ma tistax tapprova għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-kumpanija li kienet rċevuta qabel l-għajnuna tar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni temmen li fuq bażi ta’ dak il-prinċipju l-għajnuniet kollha għar-ristrutturazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati li kienu allokati f’perjodu ta’ 10 snin qabel l-għajnuna kkunsidrata, irrispettivament ta’ jekk l-ewwel għajnuna mill-Istat kinetx allokata qabel l-adeżjoni ma’ l-UE ta’ l-Istat Membru li qiegħed jagħti l-għajnuna.

(64)

Il-Kummissjoni l-ewwel taċċerta li l-kumpanija ma rċevietx xi għajnuna għar-ristrutturazzjoni fil-passat. Id dubji li kellha l-Kummissjoni dwar jekk l-għajnuna li kienet approvata fl-1999 sa livell ta’ 18,1 miljun SIT (75 000 ewro) għas-sussidju tar-rata ta’ l-imgħax kienet verament għar-ristrutturazzjoni spiċċaw, peress li l-kumpanija dak iż-żmien kienet fil-klassi tal-kreditu A/B. Għalhekk, huwa impossibbli li l-kumpanija tkun ikkunsidrata f’diffikultà u huwa wkoll impossibbli li l-għajnuna tkun ikkunsidrata li tirrappreżenta l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li tista’ tagħti bidu għal ksur ta’ kondizzjoni ta’ għajnuna ta’ darba.

(65)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżgura l-korrezzjoni ta’ l-iżball tat-tajping magħmul mill-awtoritajiet Sloveni qabel ma bagħtu l-informazzjoni li l-Kummissjoni qassret fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, li tfisser li l-għajnuna kollha msemmija fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura hija għalhekk de minimis  (18). Minbarra hekk, l-awtoritajiet Sloveni spjegaw li l-għajnuna kollha allokata qabel l-adeżjoni kienet għal skopijiet oħrajn u mhux għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Peress li l-Kummissjoni għalhekk m’hijiex kompetenti biex tiġġudika l-għajnuna u peress li l-kumpanija kienet f’diffikultà dan ifisser li din l-għajnuna ma tirrappreżentax għajnuna għar-ristrutturazzjoni skond il-Linji gwida mill-1999 (19), l-ebda għajnuna allokata fil-passat ma taqa’ taħt il-kondizzjoni ta’ l-għajnuna ta’ darba.

VI.   KONKLUŻJONIJIET

(66)

Dwar dak imsemmi qabel, il-Kummissjoni taċċerta ruħha li l-għajnuna kkunsidrata tfisser għajnuna għar-ristrutturazzjoni li hija konformi mal-kundizzjonijiet tal- Linji gwida preżenti, jiġifieri l-Linji gwida dwar ir-ristrutturazzjoni mill-1999. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna mill-Istat, anki jekk is-Slovenja ma tatx dik l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-kumpanija Novoles Straža skond il-liġi u bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, hija kompatibbli mas-suq komuni –

IL-KUMMISSJONI ADOTTAT ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat Sloven lill-kumpanija Novoles Straža hija kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE u l-Linji gwida dwar l-Għajnuna ta’ l-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ta’ Kumpaniji f’Diffikultà mill-1999.

Artikolu 2

1.   Il-pjan tar-ristrutturazzjoni se jitlesta kollu. Il-miżuri kollha meħtieġa huma adottati biex jassiguraw li l-pjan jitwettaq.

2.   Il-realizzazzjoni tal-pjan qiegħed ikun sorveljat fuq bażi tar-rapporti annwali li bihom is-Slovenja tavża lill-Kummissjoni. Rapport dettaljat dwar l-attivitajiet fl-2007 għandu jintbagħat sa l-aħħar ta’ Jannar 2008, flimkien ma’ rapport dwar l-attivitajiet fl-2008 sa l-aħħar ta’ Jannar 2009. Ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni importanti dwar l-operazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija u dwar l-investimenti tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 22.

(2)  Ingħata tagħrif dettaljat dwar il-proċedura fid-Deċiżjoni dwar il-bidu tal-proċedura (ara l-1 nota) u dan huwa adattat wkoll għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(3)  Qabbel in-nota (1).

(4)  Ikkunsidra li fl-ewwel ta’ l-2006, 1 ewro = 240 Tolar Sloven (SIT).

(5)  Dik id-data hija bbażata fuq l-estimi ta’ Euromonitor, 2003.

(*)  Numru mdaħħal mill-Kummissjoni

(**)  Kodiċi tas-sistema armonizzata ta’ l-Istati Uniti 4412 14 00, 4412 19 00, 4412 93 00.

(***)  Kodiċi tas-sistema armonizzata ta’ l-Istati Uniti 9401 61 00, 9401 69 00, 9401 90 30.

(****)  Kodiċi tas-sistema armonizzata ta’ l-Istati Uniti 9403 60 10, 9403 60 90, 9403 90 30.

(6)  Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà, ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(7)  Ara l-punti 2.1.2. u 4.2 Notifiki tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna mill-Istat f’forma ta’ garanzija, ĠU C 71, 11.3.2000, p. 14.

(8)  Ara d-Deċiżjoni dwar il-bidu tal-proċedura, qabbel in-nota 1, il-punt 20 u ta’ wara.

(9)  Peress li l-għajnuna kienet allokata f’Mejju 2004, għandha tkun ivvalutata fuq il-bażi tal-Linji gwida mill-1999, jiġifieri Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà, ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(10)  http://ec.europa.eu/enterprise/forest_based/tradeflows_en.html

(11)  Ara l-punt 32 tal-Linji gwida. Ingaġġ dwar il-pjan kien verament ingħata qabel l-adeżjoni, l-għajnuna biss kienet allokata wara.

(12)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fit-13 ta’ Settembra 2006, każ N 350a/2006 MSO, ĠU C 280, 18.11.2006, p. 4.

(13)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jiċċertifikaw dan ukoll fil-każ N464/05 AB Kauno ddatat 22.2.2006, punt 17, kif ukoll il-Linji gwida mill-1999 dwar il-fluss monetarju fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każ C-19/2000 TGI, ĠU L 62, 5.3.2002, p. 30, punt 106, fil-każ C-30/1998 Wildauer Kurbelwelle, ĠU L 287, 14.11.2000, p. 51, punt 52.

(14)  Ara wkoll id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każ C39/2000 Doppstadt, ĠU L 108, 30.4.2003, p. 8, punt 74, u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każ C33/1998 Babcock Wilcox, ĠU L 67, 9.3.2002, p. 50.

(15)  Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28.6.2006, każ Nru. COMM/M.4165 – Sonae Industria/Hornitex, punt 11.

(16)  Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28.6.2006, każ Nru. COMM/M.4165 – Sonae Industria/Hornitex, punt 13.

(17)  Dwar il-każi l-oħrajn taħt il-Linji gwida mill-1999, ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każ C-3/2005 FSO, ĠU C 100, 26.4.2005, p. 2, punt 38 u ta’ wara.

(18)  Ara r-Regolament tal-Kummissjoni Nru. 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE permezz ta’ għajnuna de minimis, ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

(19)  Il-każ jista’ jkun differenti skond il-punt 20 tal-Linji gwida mill-2004.