29.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 24/42 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007
li temenda l-Protokoll għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja
(2008/79/KE, Euratom)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 245 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 160 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2007,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Novembru 2007,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2007,
Billi:
Jeħtieġ li tiġi indirizzata l-possibbiltà ta’ deroga minn uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw il-proċedura, fil-kuntest ta’ l-introduzzjoni ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza rigward l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u jeħtieġ, għall-bon ordni, li fid-dispożizzjoni li tawtorizza dawn id-derogi tiġi inkluża l-proċedura mħaffa prevista fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Protokoll għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa b’dan emendat kif ġej:
Wara l-Artikolu 23 għandu jiġi miżjuel l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 23a
Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu jipprovdu għal proċedura aċċelerata u, għar-rinviji preliminari li jirrigwardaw iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, għal proċedura b’urġenza.
Dawn il-proċeduri jistgħu jipprevedu, għall-preżentazzjoni tan-noti jew osservazzjonijiet bil-miktub, terminu iqsar minn dak stabbilit fl-Artikolu 23 u, b’deroga mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 20, li ma jiġux preżentati s-sottomissjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali.
Il-proċedura b’urġenza tista’ wkoll tipprevedi l-limitazzjoni tal-partijiet u ta’ oħrajn interessati, previsti fl-Artikolu 23, awtorizzati li jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub, u, f’każijiet ta’ urġenza estrema, l-ommissjoni ta’ l-istadju bil-miktub tal-proċedura.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
F. NUNES CORREIA