22.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 17/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Jannar 2008

dwar kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lill-Portugall għall-programm tiegħu sabiex isaħħaħ infrastrutturi ta’ spezzjoni fl-2008 għall-iċċekkjar tas-saħħa tal-pjanti fuq pjanti u prodotti tal-pjanti li ġejjin minn pajjiżi terzi

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 43)

(It-test Portugiż biss huwa awtentiku)

(2008/66/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għal prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13c(5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2000/29/KE tistipula l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja li għandha tingħata lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-infrastrutturi ta’ spezzjoni għall-iċċekkjar tas-saħħa tal-pjanti u l-prodotti tal-pjanti li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

(2)

Permezz ta’ ittra bid-data tal-21 ta’ Mejju 2007 (ref. DGPC 070521 000604), il-Portugall introduċa programm biex isaħħaħ fl-2008 l-ispezzjoni ta’ l-infrastrutturi tiegħu għall-iċċekkjar ta’ pjanti u prodotti ta’ pjanti ġejjin minn pajjiżi terzi (2). Hu applika għall-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-2008 għal dan il-programmi skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 998/2002 tal-11 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-Istati Membri sabiex isaħħu l-infrastrutturi ta’ spezzjoni għall-iċċekkjar tas-saħħa tal-pjanti u l-prodotti tal-pjanti li ġejjin minn pajjiżi terzi (3).

(3)

L-informazzjoni teknika stipulata mill-Portugall ppermettiet lill-Kummissjoni li tanalizza l-qagħda b’mod preċiż u komprensiv. Il-Kummissjoni ħejjiet lista ta’ dawk il-karigi ta’ spezzjoni li jsaħħu programmi eliġibbli, li jagħtu d-dettalji ta’ l-ammont propost ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal kull programm. L-informazzjoni kienet ukoll eżaminata mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti.

(4)

Wara valutazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet u l-kriterji stipulati fid-Direttiva 2000/29/KE u r-Regolament (KE) Nru 998/2002 għall-għotja ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja ġew issodisfatti.

(5)

Skond dan, huwa xieraq li tkun allokata kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja sabiex tkopri l-infiq ta’ dan il-programm għall-2008 ppreżentat mill-Portugall.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità bl-għan li tkopri n-nefqa li se jġarrab il-Portugall fl-2008 għall-programm tiegħu għat-tisħiħ tal-karigi ta’ spezzjoni hija hawnhekk approvata.

Artikolu 2

L-ammont massimu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja kif stipulat fl-Artikolu 1 se jkun ta’ EUR 25 960 u għandu jiġi stipulat fl-Anness.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programm kif stabbilita fl-Anness se titħallas biss meta:

(a)

tkun ingħatat evidenza tax-xiri u/jew titjib tat-tagħmir u/jew faċilitajiet elenkati fil-programm mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni b’dokumentazzjoni xierqa; kif ukoll

(b)

tkun tressqet talba għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja mill-Istati Membri kkonċernati lill-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 998/2002.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmula fi Brussell, 21 ta’ Jannar 2008.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membri tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51).

(2)  Dan il-programm hu l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ xi emendi tal-programm li kien diġà ppreżentat għall-2006 u li għalih il-prinċipju ta’ finanzjament Komunitarju kien ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/84/KE (ĠU L 40, 11.2.2006, p. 21). Il-Portugall ma xtarax it-tagħmir fil-limitu taż-żmien stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 998/2002 u ddeċieda li jintroduċi mill-ġdid programm fl-2007.

(3)  ĠU L 152, 12.6.2002, p. 16. Ir-Regolament kien ippubblikat bħala Regolament (KE) Nru 997/2002 iżda n-numru kien ikkoreġut b’corrigendum (ĠU L 153, 13.6.2002, p. 18).


ANNESS

PROGRAMMI GĦAT-TISĦIĦ TAL-KARIGI TA’ SPEZZJONI

Programmi bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità korrispondenti, li se tkun allokata fl-2008

(EUR)

Stat Membru

Ismijiet tal-karigi ta’ spezzjoni

(l-unità amministrattiva, l-isem)

Infiq eleġibbli

Kontribuzzjoni Finanzjarja Komunitarja b’rata massima ta’ 50 %

Il-Portugall

Porto (l-ajruport)

4 202

2 101

Leixões (il-port)

6 182

3 091

Aveiro (il-port)

6 182

3 091

Lisboa (l-ajruport)

4 202

2 101

Lisboa (il-port)

6 182

3 091

Setúbal (il-port)

6 182

3 091

Sines (il-port)

6 182

3 091

Faro (l-ajruport)

4 202

2 101

Ponta Delgada (l-ajruport)

4 202

2 101

Funchal (l-ajruport)

4 202

2 101

Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja totali

25 960