16.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 13/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li temenda d-Deċiżjoni 2004/452/KE li tistipula lista ta’ istituzzjonijiet li r-riċerkaturi tagħhom jista' jkollhom aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6554)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/52/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-istatistika Komunitarja (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta’ Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, li jikkonċerna l-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi (2) jistabbilixxi, għall-finijiet ta’ konklużjonijiet statistiċi magħmula għal skopijiet xjentifiċi, il-kundizzjonijiet li bihom jista’ jingħata l-aċċess għal data kunfidenzjali mgħoddija lill-awtorità tal-Komunità u r-regoli ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Komunità u dawk nazzjonali sabiex ikun iffaċilitat dan l-aċċess.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/452/KE (3) stipulat lista ta’ istituzzjonijiet li r-riċerkaturi tagħhom jista' jkollhom aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi.

(3)

Ir-Rady School of Management fl-Università ta’ Kalifornja, San Diego, fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, għandha titqies bħala istituzzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa u għandha għalhekk tiżdied mal-lista ta’ aġenziji, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 831/2002.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità ta’ l-Istatistika,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2004/452/KE jinbidel bit-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1000/2007 (ĠU L 226, 30.8.2007, p. 7).

(3)  ĠU L 156, 30.4.2004, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/678/KE (ĠU L 280, 24.10.2007, p. 22).


ANNESS

“ANNESS

ISTITUZZJONIJIET LI R-RIĊERKATURI TAGĦHOM JISTA' JKOLLHOM AĊĊESS GĦAL DATA KUNFIDENZJALI GĦAL SKOPIJIET XJENTIFIĊI

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Bank Ċentrali Spanjol

Il-Bank Ċentrali Taljan

L-Università ta’ Cornell (l-Istat ta’ New York, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika)

Id-Dipartiment tax-Xjenza Politika, Baruch College, l-Università tal-Belt ta’ New York (l-Istat ta’ New York, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika)

Il-Bank Ċentrali Ġermaniż

L-Unità ta’ l-Analiżi ta’ l-Impjiegi, id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs tal-Kummissjoni Ewropea

L-Università ta’ Tel Aviv (Iżrael)

Il-Bank Dinji

Iċ-Ċentru tas-Saħħa u l-Benessri (CHW – Centre of Health and Wellbeing) ta’ l-Iskola Woodrow Wilson ta’ l-Affarijiet Pubbliċi u Internazzjonali fl-Università ta’ Princeton, New Jersey, fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika

L-Università ta’ Chicago (UofC – University of Chicago), Illinois, fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika

L-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD)

It-Taqsima ta’ l-Istatistika ta’ l-Istudji tal-Familja u x-Xogħol tal-Kanada, Ottawa, Ontario, il-Kanada

L-Unità ta’ l-Ekonometrika u l-Appoġġ Statistiku Kontra l-Frodi (ESAF), id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea

L-Unità ta’ l-Appoġġ liż-Żona Ewropea ta’ Riċerka (SERA – Support to the European Research Area), id-Direttorat Ġenerali, iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Katedra tar-Riċerka tal-Kanada ta’ l-Iskola tax-Xjenza Soċjali fil-Fakultà ta’ Atkinson għall-Istudji Liberali u Professjonali fl-Università ta’ York, f'Ontario, il-Kanada

L-Università ta’ Illinios f'Chicago (UIC), Chicago, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika

Rady School of Management fl-Università ta’ Kalifornja, San Diego, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika”