2.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 307/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Novembru 2008

fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Ungeriżi fuq ċana elettrika bit-trademark BRISTOOL ENGLAND MD-2007-136

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 307/01)

1.   In-notifika mill-awtoritajiet Ungeriżi

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/37/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-makkinarju jistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-makkinarju kopert mid-Direttiva jkun jista' jitqiegħed fis-suq u jitħaddem biss jekk ma jipperikolax is-saħħa u s-sikurezza tan-nies u, fejn xieraq, ta' l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, meta jkun installat u miżmum kif suppost u użat għall-għan li għalih ikun maħsub.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jistipula li meta Stat Membru jaċċerta li makkinarju li juri l-marka CE użat skond l-għan li għalih ikun maħsub jista' jipperikola s-sikurezza tan-nies, u, fejn xieraq, ta' l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, dan għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirtira mis-suq makkinarju ta' dan it-tip, jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq, it-tħaddim jew l-użu tiegħu, jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu. L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b'kull miżura ta' dan it-tip, filwaqt li jindika r-raġuni tad-deċiżjoni tiegħu.

Fit-23 ta' Lulju 2007, l-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b'miżura ta' projbizzjoni li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' ċana elettrika ta' l-id li tista' tinġarr bit-trademark BRISTOOL ENGLAND, tat-tip BT/PL 822-902. Il-manifattur tal-makkinarju huwa Jiangsu Jinding Electric Tools Group Co. Ltd, Huangli Town Changzhou, Jiangsu 213151 iċ-Ċina, u l-makkinarju jitqassam minn TESCO-GLOBAL Inc., H-2040 Budaörs, Kinizsi út 1-3, Ungerija.

Il-fajl mibgħut lill-Kummissjoni Ewropea jinkludi d-dokumenti li ġejjin:

iċ-Ċertifikat Nru AM50046679 0001 datat id-29 ta' Lulju 2004 maħruġ minn TÜV Rheinland Product Safety GmbH, Am Grauen Stein, D-51105, Cologne, għal ċana elettrika tat-tip DB-82X2B,

dikjarazzjoni minn Jiangsu Jinding Electric Tools, iċ-Ċina datata s-16 ta' Frar 2006 li tgħid li ċ-ċana elettrika tat-tip DB-82X2B hija ekwivalenti għall-prodott 3036,

dikjarazzjoni minn Bristool Trade Cooperation, Fernley, Nevada, l-Istati Uniti, datata l-15 ta' Diċembru 2006, li tgħid li l-prodott 3036 huwa ekwivalenti għaċ-ċana elettrika tat-tip BT/PL 822-902 suġġetta għall-miżura Ungeriża.

Skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni hija mitluba, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, li tiddikjara jekk issibx li miżura bħal din hija ġġustifikata jew le. Jekk il-miżura tinstab li hija ġġustifikata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa fir-rigward tal-makkinarju kkonċernat, skond l-obbligi tagħhom mill-Artikolu 2(1).

2.   Ir-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta' konformità taċ-ċana elettrika mar-rekwiżiti essenzjali ta' saħħa u sigurtà li ġejjin ta' l-Anness I tad-Direttiva 98/37/KE (b'referenza għall-ispeċifikazzjonijiet ta' l-istandards armonizzati Ewropej EN 60745-1:2003 Għodod elettriċi ta' l-id li jaħdmu bil-mutur — Sigurtà —Parti 1: Rekwiżiti ġenerali u EN 60745-2-14 Għodod elettriċi ta' l-id li jaħdmu bil-muturSigurtàParti 2-14: Rekwiżiti partikolari għaċ-ċani).

1.2.2   Strumenti ta' kontroll

L-elementi tekniċi biex jiġu evitati kuntatti mal-partijiet li jduru ma ġewx fornuti mal-makkinarju, u lanqas il-protezzjoni minn tħaddim aċċidentali. Barra minn hekk, is-swiċċ jista' jeħel waqt li l-magna tkun mixgħula.

1.5.1   Il-provvista ta' l-elettriku

Qawwa elettrika insuffiċjenti ta' insulazzjoni imsaħħa: għadda l-kurrent bejn il-partijiet aċċessibbli tal-metall u l-partijiet li fihom il-kurrent b'livell ta' vultaġġ aktar baxx mil-limitu preskritt, li għaldaqstant joħloq riskju ta' xokk elettriku.

1.5.6   Nar

Waqt l-ittestjar, il-makkinarju ħa n-nar, minnu ħareġ duħħan u fjamma u mbagħad waqaf.

1.7.3   L-immarkar

L-isem u l-indirizz tal-manifattur ma kinux indikati fuq il-makkinarju u s-sena tal-manifatturazzjoni kienet nieqsa wkoll.

1.7.4   L-istruzzjonijiet

L-istruzzjonijiet għall-użu ma kienx fihom ċertu tagħrif mitlub għat-tħaddim bla periklu tal-makkinarju.

3.   L-opinjoni tal-Kummissjoni

Fil-15 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni kitbet lil TESCO-GLOBAL Inc. li ffirmat id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE, u stednitha tikkomunika l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi.

Fil-15 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni kitbet ukoll lil TÜV Rheinland, Cologne li kienu ħarġu ċertifikat ta' konformità għal ċana elettrika tat-tip DB-82X2B li kien ġie sostnut li kienet ekwivalenti għaċ-ċana elettrika tat-tip BT/PL 822-902 suġġetta għall-miżura Ungeriża.

Fit-3 ta' Diċembru 2007, TÜV Rheinland ikkonfermaw li ħarġu ċertifikat għal ċana elettrika tat-tip DB-82X2B u stqarrew li ċ-ċertifikat kien validu biss sa Marzu 2007. Huma ma setgħux jikkonfermaw li ċ-ċana elettrika tat-tip BRISTOOL ENGLAND BT/PL 822-902 kienet ekwivalenti għaċ-ċana elettrika tat-tip DB-82X2B u stqarrew li ma kinux ittestjaw jew iċċertifikaw it-tip BT/PL 822-902.

Fil-11 ta' Diċembru 2007, TESCO GLOBAL Inc. wieġbu li ma kkontestawx il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi u qerdu l-ħażna ta' ċani elettriċi kkonċernati.

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli u l-kummenti tal-partijiet kkonċernati, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Ungeriżi wrew li l-makkinarju suġġett għall-miżuri restrittivi jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali ta' saħħa u sigurtà msemmija hawn fuq. Dawn in-nuqqasijiet ta' konformità joħolqu riskji serji għal persuni li jużaw il-makkinarju kkonċernat.

Għaldaqstant, wara li segwiet il-proċedura mitluba, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi hija ġġustifikata.

Magħmula fi Brussell, 27 ta' Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President tal-Kummissjoni