20.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/5


OPINJONI TAL-KUNSILL

ta' l-4 ta’ Marzu 2008

dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tas-Slovenja, 2007-2010

(2008/C 74/02)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

(1)

Fl-4 ta' Marzu 2008 l-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat tas-Slovenja, li jkopri l-perijodu mill-2007 sa l-2010.

(2)

Iż-żieda ġeneralment b'saħħitha fil-PGD tas-Slovenja matul l-aħħar għaxar snin kienet fl-aqwa tagħha matul l-ewwel sena ta' sħubija fiż-żona euro. Madankollu, żieda notevoli fl-inflazzjoni, prinċipalment minħabba żviluppi fil-prezz ta' l-affarijiet ta' kuljum flimkien ma' nuqqas ta' kompetizzjoni f'xi setturi, ġiet irreġistrata wkoll fl-2007, bir-riskju ta' effetti sekondarji fuq il-pagi għall-2008.

Fl-isfond tat-tkabbir ekonomiku b'saħħtu matul il-perijodu ta' qabel id-dħul fl-UE u fiż-żona euro, sar progress tajjeb fil-konsolidament tal-finanzi pubbliċi. Għall-futur, ser ikunu meħtieġa it-tisħiħ tal-produttività tax-xogħol, iż-żamma ta' pagi konformi mal-produttività u sforzi fiskali kontinwi biex titrawwem stabbiltà makroekonomika, inkluża inflazzjoni aktar baxxa. L-indirizzar ta' l-aċċelerazzjoni riċenti ta' l-inflazzjoni fis-Slovenja jgħin biex tinżamm il-kompetittività ta' din l-ekonomija orjentata lejn l-esportazzjoni. Barra minn hekk, is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi tibqa' sfida minħabba l-effetti sinifikanti mistennija tat-tixjiħ fuq il-baġit fin-nuqqas ta' aktar riforma tal-pensjonijiet. Biex il-proċess li għaddej ta' rkupru ta' l-ekonomija jiġi appoġġat, ser ikun importanti li r-riformi strutturali jkomplu, speċjalment fir-rigward tas-swieq tax-xogħol u l-prodotti. Fl-istess kuntest, ser ikun ukoll ta' benefiċċju li ssir ridirezzjoni ulterjuri ta' l-infiq pubbliku lejn kategoriji li jtejbu t-tkabbir, filwaqt li tiġi ttrattata r-riġidità baġitarja u titjieb l-effiċjenza ta' l-infiq.

(3)

Ix-xenarju makroekonomiku abbażi tal-programm jipprevedi li ż-żieda reali fil-PGD ser tnaqqas il-pass minn 5,8 % fl-2007 għal 4,6 % fl-2008 u 4,1 % fl-2009 qabel ma tirkupra biex tilħaq 4,5 % sa tmiem il-perijodu tal-programm. Ivvalutat skond tagħrif disponibbli attwalment (2), dan ix-xenarju jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta' tkabbir plawżibbli, għalkemm żdiedu riskji għall-2008 li ġejjin mill-ambjent estern mit-tlestija tal-programm ta' stabbiltà. Wara ż-żieda mhux mistennija fl-inflazzjoni fl-2007, il-projezzjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni huma ogħla b'mod sinifikanti minn dawk fix-xenarju tas-sena l-oħra. Madankollu, għadhom jidhru li jinsabu pjuttost baxxi għall-2008 minħabba żviluppi riċenti fil-prezzijiet ta' l-ikel u l-enerġija. L-effetti tat-tieni ċiklu mill-inflazzjoni li reġgħet qabdet sewwa fl-2007 kif ukoll żidiet fil-pagi fis-settur pubbliku li jaffettwaw is-settur privat jistgħu jwasslu għal differenzjal ta' inflazzjoni akbar mal-bqija taż-żona euro. Jekk ikunu persistenti, dan ikun jimplika żviluppi ta' kompetittività anqas favorevoli milli huwa implikat mill-programm.

(4)

Għall-2007, id-defiċit ġenerali tal-gvern huwa stmat li jkun 0,7 % tal-PGD fil-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-ħarifa 2007, imqabbel ma' mira ta' 1,5 % tal-PGD stabbilita fil-programm ta' l-2006. Id-differenza hija spjegata prinċipalment minn effett ta' bażi pożittiv mill-eżitu ta' l-2006 u minn żieda nominali fil-PGD ogħla milli kienet ipproġettata fl-2007. Fl-istess waqt, ukoll skond l-aġġornament ta' l-2007 tal-programm, żviluppi ta' dħul aktar pożittivi milli ppjanati rriżultaw parzjalment minn tkabbir ta' nfiq ogħla milli kien ippjanat fil-programm ta' l-2006. Madankollu, tagħrif aktar riċenti fuq bażi ta' flus kontanti jindika rendiment aħjar għall-2007, possibbilment bilanċ favorevoli żgħir. B'mod ġenerali, l-implimentazzjoni baġitarja fl-2007 kienet konformi ma' l-opinjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2007 dwar il-programm ta' stabbiltà ta' l-2006 (3), li stiednet lis-Slovenja taċċellera l-ksib ta' l-MTO billi tieħu vantaġġ mill-kondizzjonijiet ekonomiċi tajbin, inkluż eżitu baġitarju aħjar milli kien mistenni fl-2006. Il-Kunsill jinnota li l-implimentazzjoni baġitarja fl-2007 hija konsistenti wkoll ma' l-orjentazzjonijiet ta' l-Eurogroup ta' April 2007 għal-linji politiċi baġitarji.

(5)

L-objettiv ewlieni ta' l-istrateġija baġitarja għall-perijodu medju fl-aġġornament huwa li jiġi rispettat l-objettiv tat-terminu medju (MTO), li huwa defiċit strutturali (jiġifieri defiċit nett aġġustat ċiklikament ta' miżuri ta' darba u ta' oħrajn temporanji) ta' 1 % tal-PGD, b'marġini li qed jikber matul il-perijodu tal-programm, għalkemm huwa ppjanat xi dgħajfien għall-2008. Din il-bidla fil-konfront ta' l-objettiv tal-programm preċedenti biex jintlaħaq l-MTO sa l-2009 hija riżultat tar-rendiment ta' l-2006 li kien aħjar milli mistenni msemmi hawn fuq (li prinċipalment jirrifletti żieda nominali ogħla fil-PGD), li implika li l-MTO kien diġà ntlaħaq b'mod ġenerali fl-2006. Imqabbel mal-programm ta' l-2006, id-defiċit nominali ppjanat fl-aġġornament ta' l-2007 huwa madwar 0,5 punt perċentwali tal-PGD aktar baxx matul il-perijodu tal-programm, fl-isfond ta' pożizzjoni ta' bidu aħjar.

Id-defiċit huwa ppjanat li jespandi sa 0,9 % tal-PGD fl-2008 u mbagħad jagħlaq gradwalment, bl-akbar aġġustament ippjanat fl-aħħar sena. B'mod simili, il-bilanċ favorevoli primarju huwa pproġettat li jilħaq ftit 'il fuq minn 1 % tal-PGD sa l-2010. Il-konsolidament ippjanat jirriżulta minn trażżin fl-infiq aktar milli min-newtralizzazzjoni, ħlief għall-2008, tat-tnaqqis gradwali fil-proporzjon tad-dħul. It-tnaqqis ipproġettat ta' l-infiq primarju matul il-perijodu tal-programm jammonta għal 2,25 punti perċentwali tal-PGD. Filwaqt li għandu bażi relattivament wiesgħa, huwa jirrifletti żviluppi mrażżna ta' nfiq soċjali, li jirrappreżentaw 1/3 tal-konsolidament totali. Influwenzat l-aktar mir-riforma li għaddejja fit-taxxa, it-tnaqqis gradwali fil-proporzjon tad-dħul, b'1,75 punti perċentwali, ġej prinċipalment mit-taxxi indiretti, filwaqt li hija pproġettata żieda żgħira fil-piż fiskali dirett.

(6)

Ir-riskji fil-projezzjonijiet baġitarji fil-programm jidhru ġeneralment ibbilanċjati fl-2008, filwaqt li l-eżiti baġitarji jistgħu jkunu daqsxejn agħar milli mmirat fis-snin imbiegħda. Fl-2008, il-possibbiltà ta' effett ta' bażi pożittiv minħabba rendiment baġitarju ta' l-2007 potenzjalment aħjar milli kien mistenni tinnewtralizza r-riskji assoċjati mad-deterjorazzjoni attwali ta' l-ambjent estern. Minn hemm 'il quddiem, hemm ċerti riskji għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija baġitarja minħabba, b'mod partikolari, il-kobor konsiderevoli tat-tnaqqis ippjanat fl-infiq akkumulat, bil-miżuri ta' bażi mhux kollha spjegati f'biżżejjed dettall. Sa ċertu punt, dawn ir-riskji huma mtaffija bir-rekord tajjeb tas-Slovenja fil-passat riċenti, li jissuġġerixxi li l-eżiti jistgħu jkunu aħjar milli kien mistenni.

(7)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni tar-riskju, il-qagħda baġitarja fil-programm tidher suffiċjenti biex l-MTO jinżamm matul il-perijodu tal-programm, iżda possibbilment b'marġini iżgħar milli kien ippjanat għas-snin imbiegħda. Id-deterjorazzjoni żgħira tal-bilanċ strutturali prevista għall-2008 tista' tirriżulta li tkun proċiklika, għalkemm żdiedu r-riskji negattivi li ġejjin mill-ambjent estern. Dan ma jkunx f'konformità mal-Patt ta' Stabblità u Tkabbir. Barra minn hekk, pożizzjoni fiskali aktar stretta minn dik prevista bħalissa għall-2008 tidher li hija ġġustifikata minħabba l-pressjonijiet qawwija ta' inflazzjoni attwali. Il-Kunsill jinnota li dan ikun ukoll konsistenti ma' l-orjentazzjonijiet ta' l-Eurogroup ta' April ta' l-2007 għal-linji politiċi baġitarji, li appellaw għal tfassil bir-reqqa ta' pjanijiet ta' politika fiskali għall-2008 biex jiġu evitati żbilanċi makroekonomiċi. Wara l-2008, il-qagħda tal-politika fiskali implikata mill-programm hija konformi mal-Patt.

(8)

Is-Slovenja tidher li tinsab f'riskju għoli fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2007 kif stmata fil-programm baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess meta mqabbla ma' l-2006 u hija suffiċjenti biex tistabbilizza l-proporzjon tad-dejn għall-perijodu fit-tul qabel ma jitqies l-impatt baġitarju ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. Madankollu, din ta' l-aħħar hija sew 'il fuq mill-medja ta' l-UE, li prinċipalment jirrifletti żieda aktar qawwija fin-nefqa tal-pensjonijiet. Bilanċi favorevoli primarji għoljin matul il-perijodu medju u, b'mod partikolari, aktar miżuri mmirati li jrażżnu ż-żieda sostanzjali prevista fin-nefqa relatata ma' l-età jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(9)

Il-programm ta' stabbiltà jidher li huwa konsistenti mar-rapport ta' Ottubru 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' riforma nazzjonali. B'mod partikolari, iż-żewġ dokumenti jagħtu rendikont tal-miżuri prinċipali ta' riforma li qed jiġu implimentati, bħar-riforma fiskali komprensiva, l-investimenti fl-infrastruttura kif ukoll it-tibdil fis-sistema ta' trasferimenti soċjali. Il-programm ma jinkludix valutazzjoni kwalitattiva dettaljata ta' l-impatt ġenerali tal-programm ta' riforma nazzjonali fl-istrateġija fiskali tal-perijodu medju. Madankollu, għalkemm dan ma jsirx b'mod sistematiku, jingħata tagħrif dwar l-impatt baġitarju dirett assoċjat mar-riformi ewlenin previsti u dan ġie kkunsidrat fil-projezzjonijiet baġitarji.

(10)

L-istrateġija baġitarja fil-programm hija parzjalment konsistenti mal-linji gwida tal-politika ekonomika ġenerali speċifika għall-pajjiż inklużi fil-linji gwida integrati u l-linji gwida għall-Istati Membri taż-żona euro fil-qasam tal-linji politiċi baġitarji fil-kuntest ta' l-istrateġija ta' Lisbona. B'mod partikolari, hija ma tinkludix aktar miżuri sinifikanti biex tissaħħaħ ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet bil-ħsieb li tiġi żgurata sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul.

(11)

Fir-rigward tal-ħtiġiet ta' data speċifikati fil-kodiċi ta' kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi nuqqasijiet fid-data meħtieġa u f'dik fakultattiva (4).

Il-konklużjoni ġenerali hija li s-Slovenja laħqet l-MTO tagħha fl-2007, sentejn qabel il-pjanijiet preċedenti, u li l-programm jimmira li jirrispetta l-MTO b'marġni li qed jikber matul il-perijodu tal-programm. Għall-2007, l-aktar tagħrif riċenti disponibbli jindika rendiment baġitarju aħjar milli ppjanat, possibbilment bilanċ favorevoli żgħir. Madankollu, għall-2008, hija prevista deterjorazzjoni żgħira tal-bilanċ strutturali minkejja l-prospetti ta' tkabbir qawwija kontinwi. Ir-riskji għall-projezzjonijiet baġitarji jidhru ġeneralment ibbilanċjati fl-2008. Fis-snin imbiegħda, l-eżiti baġitarji jistgħu jkunu ftit agħar minn dawk immirati, prinċipalment minħabba r-riskji assoċjati mad-dipendenza prevista fuq it-trażżin ta' l-infiq. Il-qagħda fiskali fl-2008 tista' tirriżulta li tkun pro-ċiklika. Qagħda fiskali aktar stretta minn dik prevista fil-preżent għall-2008 tidher iġġustifikata wkoll minħabba l-pressjonijiet attwali qawwija ta' inflazzjoni. Iż-żieda għolja pproġettata fil-ħlas tal-pagi fis-settur pubbliku hija wkoll ta' tħassib għall-prospetti ta' l-inflazzjoni. Minkejja l-livell baxx attwali tad-dejn, is-Slovenja hija kkunsidrata f'riskju għoli fir-rigward tas- sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għall-perijodu fit-tul minħabba l-impatt baġitarju sinifikanti pproġettat tat-tixjieħ.

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, is-Slovenja hija mistiedna biex:

(i)

tibni fuq rendiment li x'aktarx ikun aħjar milli mistenni fl-2007, timmira lejn pożizzjonijiet baġitarji aktar qawwija fl-2008 u lil hinn milli kien ippjanat fil-programm, b'hekk tevita linji politiċi pro-ċikliċi;

(ii)

tkun lesta tadotta aktar miżuri biex ittaffi l-pressjonijiet ta' l-inflazzjoni, filwaqt li tikkomplementa l-pożizzjoni fiskali rrakkomandata b'linji politiċi xierqa ta' pagi, suq tax-xogħol u kompetizzjoni;

(iii)

fid-dawl taż-żieda pproġettata fin-nefqa relatata ma' l-età, ittejjeb is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari billi tirriforma aktar is-sistema tal-pensjonijiet.

Il-Kunsill jinnota wkoll li tali azzjonijiet ikunu konsistenti ma' l-orjentazzjonijiet ta' l-Eurogroup ta' April 2007 għal-linji politiċi fiskali.

Tqabbil tal-proġettazzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlenin

 

2006

2007

2008

2009

2010

PGD reali

(% bidla)

PS Nov 2007

5,7

5,8

4,6

4,1

4,5

COM Nov 2007

5,7

6,0

4,6

4,0

m.a.

PS Diċ 2006

4,7

4,3

4,2

4,1

m.a.

Inflazzjoni ta' l-IAPK

(%)

PS Nov 2007

2,5

3,4

3,5

2,8

2,6

COM Nov 2007

2,5

3,5

3,7

2,9

m.a.

PS Diċ 2006

2,7

2,7

2,5

2,2

m.a.

Differenza fil-produzzjoni (5)

(% tal-PGD potenzjali)

PS Nov 2007

– 0,2

0,7

0,5

0,1

0,2

COM Nov 2007 (6)

– 0,2

0,9

0,8

0,3

m.a.

PS Diċ 2006

– 0,5

– 0,2

0,0

0,3

m.a.

Self nett ('il barra/'il ġewwa) fir-rigward tal-bqija tad-dinja

(% tal-PGD)

PS Nov 2007

– 2,8

– 3,5

– 3,1

– 2,0

– 1,6

COM Nov 2007

– 2,6

– 3,3

– 2,6

– 1,9

m.a.

PS Diċ 2006

m.a.

m.a.

m.a.

m.a.

m.a.

Bilanċ ġenerali tal-gvern

(% tal-PGD)

PS Nov 2007

– 1,2

– 0,6

– 0,9

– 0,6

0,0

COM Nov 2007

– 1,2

– 0,7

– 1,0

– 0,8

m.a.

PS Diċ 2006

– 1,6

– 1,5

– 1,6

– 1,0

m.a.

Bilanċ primarju

(% tal-PGD)

PS Nov 2007

0,2

0,7

0,2

0,6

1,1

COM Nov 2007

0,2

0,7

0,3

0,4

m.a.

PS Diċ 2006

0,1

– 0,1

– 0,3

0,3

m.a.

Bilanċ aġġustat ċiklikament (5)

(% tal-PGD)

PS Nov 2007

– 1,1

– 0,9

– 1,1

– 0,7

– 0,1

COM Nov 2007

– 1,1

– 1,1

– 1,4

– 1,0

m.a.

PS Diċ 2006

– 1,4

– 1,4

– 1,6

– 1,1

m.a.

Bilanċ Strutturali (7)

(% tal-PGD)

PS Nov 2007

– 1,1

– 0,8

– 1,0

– 0,7

– 0,1

COM Nov 2007

– 1,1

– 1,1

– 1,4

– 1,0

m.a.

PS Diċ 2006

– 1,4

– 1,4

– 1,6

– 1,1

m.a.

Dejn gross tal-gvern

(% tal-PGD)

PS Nov 2007

27,1

25,6

24,7

23,8

22,5

COM Nov 2007

27,1

25,6

24,5

23,8

m.a.

PS Diċ 2006

28,5

28,2

28,3

27,7

m.a.

Programm ta' Stabbiltà (SP); Tbassir ekonomiku tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-ħarifa 2007 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 1). Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fis-sit web li ġej:

http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm.

(2)  Il-valutazzjoni tqis b'mod partikolari t-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-ħarifa u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-rapport ta' implimentazzjoni ta' Ottubru 2007 tal-programm ta' riforma nazzjonali.

(3)  ĠU C 71, 28.3.2007, p. 9.

(4)  B'mod partikolari, id-data dwar ċerti suppożizzjonijiet esterni (“Id-Dinja kollha minbarra l-UE, tkabbir fil-PGD”, “Volumi ta' importazzjoni fid-dinja kollha, minbarra fl-UE”) u dwar xi punti rigward bilanċi settorali kif ukoll l-analiżi ta' l-aġġustament tal-fluss ta' l-istokk tal-livell tad-dejn huma nieqsa.

(5)  Id-differenzi fil-produzzjoni u bilanċi aġġustati ċiklikament skond il-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-programmi.

(6)  Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 4,2 %, 4,9 %, 4,7 % u 4,5 % rispettivament fil-perijodu 2006-2009.

(7)  Bilanċ aġġustat ċiklikament bl-esklużjoni ta' miżuri ta' darba biss u miżuri temporanji oħra. Miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra huma 0,1 % tal-PGD fl-2007 u 0,1 % fl-2008, it-tnejn iżidu d-defiċit, skond l-aktar programm riċenti. Is-servizzi tal-Kummissjoni ma jikkunsidrawhomx bħala miżuri ta' darba, għalhekk ma jidhrux bħala miżuri ta' darba fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Sors:

Programm ta' Stabbiltà (SP); Tbassir ekonomiku tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-ħarifa 2007 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.