23.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 50/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Frar 2008

b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill fir-rigward ta' miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Żvediżi fir-rigward ta' Barrier Gland“MCT Brattberg — RGSFB”

ATEX SE-01-07

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 50/01)

1.   IN-NOTIFIKA MILL-AWTORITAJIET TAR-RENJU TA' L-IŻVEŻJA

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 94/9/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw tagħmir u sistemi protettivi maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplussivi jistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li t-tagħmir, is-sistemi protettivi u l-aġġeġġi li d-Direttiva tapplika għalihom, jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jitħaddmu biss jekk, meta jkunu installati u miżmuma kif suppost u użati għall-għan li għalih ikunu maħsuba, ma jipperikolawx is-saħħa u s-sikurezza ta' persuni u, fejn hu xieraq, ta' annimali domestiċi jew proprjetà.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jistipula li meta Stat Membru jaċċerta li tagħmir, sistemi protettivi jew aġġeġġi li juru l-marka ta' konformità CE u li jkunu użati skond l-għan li għalih ikunu maħsuba jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tan-nies u, fejn xieraq, ta' l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, huwa għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex jirtira mis-suq tagħmir jew sistemi protettivi ta' dan it-tip, jipprojbixxi t-tqegħid tagħhom fis-suq, it-tħaddim jew l-użu tagħhom, jew jirrestrinġi l-moviment liberu tagħhom. L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b'kull miżura ta' dan it-tip, filwaqt li jindika r-raġuni tad-deċiżjoni tiegħu.

Fis-26 ta' Marzu 2007, l-awtoritajiet ta' l-Iżvezja nnotifikaw formalment lill-Kummissjoni Ewropea b'miżura ta' projbizzjoni li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq u l-irtirar mis-suq ta' Barrier Gland bit-trejdmark MCT Brattberg, mudell RGSFB, manifatturat minn MCT Brattberg AB, 37192 Karlskrona, l-Iżveżja.

Skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni hija mitluba, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, li tiddikjara jekk issibx li miżura bħal din hija ġġustifikata jew le. Jekk il-miżura tinstab li hija ġġustifikata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa kollha fir-rigward tat-tagħmir jew sistema ta' protezzjoni kkonċernati, skond l-obbligi tagħhom mill-Artikolu 2(1).

2.   IR-RAĠUNIJIET MOGĦTIJA MILL-AWTORITAJIET ŻVEDIŻI

Il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet Żvediżi kienu bbażati fuq in-nuqqas ta' konformità tal-prodott mar-rekwiżiti essenzjali ta' saħħa u sikurezza ta' l-Anness II tad-Direttiva ATEX 94/9/KE, b'referenza għall-applikazzjoni ħażina ta' l-ispeċifikazzjoni ta' l-istandards armonizzati Ewropej li huma msemmija fiċ-Ċertifikat ta' Eżami tat-Tip tal-KE:

EN 50018:2000 + A1:2002 Apparat elettriku għal atmosferi potenzjalment esplussiviDħul li ma jaqbadx “d”:

Defiċjenzi tekniċi: Nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit tat-test ta' l-issiġillar (sottoklawżola C.3.1.1 ta' l-istandard, rekwiżit ta' saħħa u sikurezza 1.2.9 ta' l-Anness II tad-Direttiva).

Il-gland ma għadditx mit-test ta' l-issiġillar, maħsub biex isir fuq kampjun għat-test bi pressjoni ta' 30 bar għal 2 minuti:

seħħ xi tqattir fi pressjoni ta' inqas minn 0,5 bar;

it-tqattir seħħ minn bosta partijiet b'bar 1 u minn ħafna postijiet b'2 bar;

bi 3 bar, il-moduli li jipprovdu l-issiġillar fid-dħul tal-kejbil bdew jagħfsu 'l barra mill-kwadru u finalment qabżu 'l barra f'5 s.

Defiċjenzi amministrattivi: Ċertifikat (sottoklawżola 13.1 ta' l-istandard).

L-ebda speċifikazzjoni tat-tipi u l-varjanti tal-barrier glands; Gland iċċertifikat bħala “apparat” minflok Eks-komponent.

EN 50014:1997 + A1:1999 + A2:1999 Apparat elettriku għal atmosferi potenzjalment esplussiviRekwiżiti ġenerali:

Defiċjenzi amministrattivi: Istruzzjonijiet (klawżola 27 ta' l-istandard, rekwiżit essenzjali ta' saħħa u sigurtà 1.0.6 ta' l-Anness II tad-Direttiva).

Ir-rikapitulazzjoni tal-markament huwa nieqes; Hemm oskuritajiet rigward ċerti tipi u varjanti (liema mill-glands huma koperti miċ-ċertifikat), ħin ta' ssetiljar (x'ħin japplika għall-glands iċċertifikati) u glands iċċertifikati għall-pajpijiet (jekk il-glands iċċertifikati jitħallewx jintużaw għall-pajpijiet); Id-dokument imsemmi fiċ-ċertifikat (“Nomenklatura ta' moduli ddrilljati”) ma setax jiġi identifikat mill-istruzzjonijiet.

3.   L-OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

Fis-27 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur — MCT Brattberg AB — u lill-Entità Nnotifikata li ħarġet iċ-Ċertifikat ta' Eżami tat-Tip tal-KE — LCIE Fontenay-aux-Roses — u stidnithom jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward il-miżura li ħadu l-awtoritajiet Żvediżi.

Fl-14 ta' Mejju 2007, LCIE Fontenay-aux-Roses wieġbu b'ittra, li kkontestat id-defiċjenzi amministrattivi li sabu l-awtoritajiet Żvediżi u stqarrew li “ma kinux kritiċi”. Huma hemżu wkoll ittra mill-manifattur, MCT Brattberg, li kkanċella l-kuntratt ma' LCIE u talabhom jirtiraw iċ-ċertifikat.

Fil-31 ta' Awwissu 2007, l-awtoritajiet Żvediżi bagħtu ittra lill-Kummissjoni indirizzata lilhom mill-manifattur, MCT Brattberg, bid-data tat-8 ta' Frar 2007, li stqarret li ġej: “Irtirajna ċ-ċertifikat LCIE mill-aġenti u l-kumpaniji sussidjarji kollha u ma aħna nbigħu l-ebda tagħmir b'akkreditazzjoni ATEX f'dan il-mument. It-tagħmir kollu bil-markamenti ATEX issa ġew irtirati u mqiegħda fi kwarantina permezz tas-Sistema ta' Assikurazzjoni tal-Kwalità tagħna”.

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli, il-kummenti tal-partijiet interessati u l-miżuri meħuda mill-manifattur, il-Kummissjoni tqis li l-proġett suġġett għall-miżuri restrittivi jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali ta' saħħa u sigurtà msemmija hawn fuq. Dawn in-nuqqasijiet ta' konformità, b'mod partikolari d-defiċjenzi tekniċi, joħolqu riskji serji għall-persuni li jużaw il-prodott imsemmi.

Għaldaqstant, wara li segwiet il-proċedura meħtieġa, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Żvediżi huma ġġustifikati.

Magħmula fi Brussell, 21 ta’ Frar 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi-President tal-Kummissjoni