22.2.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


ADDENDUM

għar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1922/2006 ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

(ĠU L 403, 30 ta' Diċembru 2006)

Id-dikjarazzjoni li ġejja hija miżjuda mar-Regolament:

“DIKJARAZZJONI TAL-KUNSILL, TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUMMISSJONI

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jimmiraw biex iżidu l-għarfien, il-ġbir kollettiv ta' riżorsi u l-iskambju ta' esperjenza fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari permezz ta' l-istabbiliment ta' Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Fir-rigward ta' l-organizzazzjoni ta' l-Istitut, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jiddikjaraw li l-istruttura ta' ġestjoni, u b'mod partikolari n-numru ta' rappreżentanti ta' l-Istati Membri fuq il-Bord ta' Tmexxija, hija determinata b'referenza għan-natura speċifika ta' l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u għalhekk ma tikkostitwix preċedent għal aġenziji oħra li jistgħu jiġu stabbiliti fil-futur.

Sabiex tiġi żgurata r-rotazzjoni ordnata tal-membri maħtura mill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jinqasmu fi tliet gruppi ta' disa' fl-ordni tal-Presidenzi li ġejjin. Għall-ewwel mandat, ir-rappreżentanti tal-Kunsill għandhom ikunu membri mill-ewwel żewġ gruppi ta' Stati Membri; għat-tieni mandat, ir-rappreżentanti tal-Kunsill għandhom ikunu mit-tielet u l-ewwel gruppi u għat-tielet mandat mit-tieni u t-tielet gruppi, u dan ikompli sejjer għal mandati sussegwenti (1). Fil-każ ta' kwalunkwe tkabbir futur is-sistema ta' rotazzjoni tiġi adattata kif meħtieġ.”


(1)  L-ewwel mandat (2007 – 2009)

i)

DE, PT, SI, FR, CZ, SE, ES, BE, HU; (ii) PL, DK, CY, IE, LT, EL, IT, LV, LU,

It-tieni mandat (2010 – 2012):

iii)

NL, SK, MT, UK, EE, BG, AT, RO, FI; (i) DE, PT, SI, FR, CZ, SE, ES, BE, HU,

It-tielet mandat (2013 – 2015):

ii)

PL, DK, CY, IE, LT, EL, IT, LV, LU; (iii) NL, SK, MT, UK, EE, BG, AT, RO, FI.