22.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 340/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1559/2007

tas-17 ta’ Diċembru 2007

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-irkupru tat-Tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1)

Billi:

(1)

Il-Komunità, mill-14 ta’ Novembru 1997, hija Parti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta’ l-Atlantiku (2).

(2)

Fil-Laqgħa Annwali tagħha f’Novembru 2006, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta’ l-Atlantiku (ICCAT) adottat ir-Rakkomandazzjoni 2006[05] biex ikun stabbilit pjan ta’ rkupru ta’ 15-il sena għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran.

(3)

Sabiex tinbena mill-ġdid il-ħażna, il-pjan ta’ rkupru ICCAT jipprovdi għal tnaqqis gradwali tal-livell tal-Qabda Totali Permessa (TAC) mill-2007 sa l-2010, restrizzjonijiet fuq sajd ġewwa ċerti żoni u fuq perijodu ta’ żmien, daqs minimu ġdid għat-tonn, miżuri dwar sport u attivitajiet ta’ sajd rikreattivi kif ukoll miżuri ta’ kontroll u l-implimentazzjoni ta’ l-Iskema ICCAT ta’ Ispezzjoni Internazzjonali Konġunta biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-pjan ta’ rkupru.

(4)

Sabiex ikun konformi ma’ l-obbligi internazzjonali wara r-rakkomandazzjoni ta’ l-ICCAT, il-Pjan ta’ rkupru ta’ l-ICCAT għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran ġie implimentat fuq bażi proviżorja fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 643/2007 tal-11 ta’ Ġunju 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 41/2007 fir-rigward tal-pjan ta’ rkupru għat-tonn rakkomandat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta’ l-Atlantiku (3) sakemm jiġi adottat Regolament li jimplimenta miżuri pluriennali għall-irkupru tal-ħażna tat-tonn fl-2007.

(5)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi implimentat il-pjan ta’ rkupru ta’ l-ICCAT fuq bażi permanenti permezz ta’ Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta’ rkupru kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (4), li ser japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

(6)

Ċerti miżuri tekniċi adottati mill-ICCAT għat-tonn issa ġew inkorporati fil-liġi Komunitarja bħala r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 tas-7 ta’ Mejju 2007 li jistabbilixxi miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċijiet li Jpassu Bil-kbir u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 973/2001 (5).

(7)

Għall-uniku fini tal-finanzjament tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-miżuri għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru ta’ l-ICCAT adottati taħt dan ir-Regolament kif ukoll dawk adottati proviżorjament taħt ir-Regolament (KE) Nru 643/2007, għandhom jitqiesu bħala pjan ta’ rkupru fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 643/2007.

(8)

L-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi ġodda adottati mill-ICCAT għat-tonn u l-aġġornar ta’ dawk li huma fis-seħħ minn żmien l-adozzjoni tar-regolament imsemmi hawn fuq jirrikjedu t-tħassir ta’ xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 520/2007 u s-sostituzzjoni tagħhom b’dan ir-Regolament.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni mill-Komunità ta’ Pjan Pluriennali għall-irkupru tat-Tonn (thunnus thynnus) rakkomandat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta’ l-Atlantiku (ICCAT). Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran.

L-objettiv ta’ dak il-pjan ta’ rkupru għandu jkun li tinkiseb bijomassa li tikkorrispondi mar-rendita sostenibbli massima (Bmsy) b’aktar minn 50 % probabbiltà.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“CPCs” tfisser il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta’ l-Atlantiku u l-Partijiet Non-Kontraenti li Jikkooperaw, Entitajiet jew Entitajiet tas-Sajd;

(b)

“Bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment użat jew maħsub għall-użu ta’ l-esplojtazzjoni kummerċjali tar-risorsi tat-tonn, inklużi bastimenti ta’ l-ipproċessar tal-ħut, bastiment tat-trasport, dgħajjes ta’ l-irmonk u bastimenti ingaġġati fit-trasbord;

(ċ)

“Operazzjoni konġunta tas-sajd” tfisser operazzjonijiet bejn żewġ bastimenti jew aktar li jtajru l-bandiera ta’ CPCs differenti jew ta’ Stati Membri differenti fejn il-qabda ta’ bastiment wieħed hija attribwita fit-total jew parzjalment lil bastiment ieħor wieħed jew aktar;

(d)

“Attivitajiet ta’ trasferiment” tfisser kwalunkwe trasferiment tat-tonn:

(i)

mill-bastiment tas-sajd għall-azjenda ta’ l-aħħar għat-tismin tat-tonn, inkluż għall-ħut mejjet jew li ħarab waqt it-trasport,

(ii)

minn azjenda tat-tonn jew nassa għat-tonn għal bastiment ta’ pproċessar, bastiment tat-trasport jew għall-art,

(e)

“Nassa tat-tonn” tfisser irkaptu fiss ankrat mal-qiegħ li ssoltu jkollu xibka li tiggwida l-ħut għal xibka magħluqa;

(f)

“Għeluq fil-gaġeġ” tfisser li t-tonn ħaj ma jittellax abbord u jinkludi kemm it-tismin kif ukoll it-trobbija fl-azjenda;

(g)

“Tismin” tfisser it-tqegħid fil-gaġeg ta’ tonn għal perijodu qasir (ġeneralment xahrejn sa sitt xhur) li jimmira l-aktar li jżid il-kontenut ta’ xaħam tal-ħut;

(h)

“Tkabbir” tfisser it-tqegħid fil-gaġeġ ta’ tonn għal perijodu itwal minn sena, li jimmira li jżid il-bijomassa totali;

(i)

“Trasbord” tfisser il-ħatt tat-tonn kollu jew ta’ kwalunkwe tonn abbord bastiment tas-sajd għal bastiment tas-sajd ieħor;

(j)

“Bastiment għall-ipproċessar” tfisser bastiment li fuqu prodotti tas-sajd huma soġġetti għal waħda jew aktar mill-operazzjonijiet li ġejjin, qabel l-ippakkjar tagħhom: tqattigħ biċċa biċċa jew flieli, friżar u/jew trasformazzjoni;

(k)

“Sport tas-sajd” tfisser sajd mhux kummerċjali li l-parteċipanti tiegħu huma parti minn organizzazzjoni nazzjonali ta’ l-isport jew ingħataw liċenzja nazzjonali ta’ l-isport;

(l)

“Sajd rikreattiv” tfisser sajd mhux kummerċjali li l-parteċipanti tiegħu ma humiex parti minn organizzazzjoni nazzjonali ta’ l-isport jew li ma ngħatawx liċenzja nazzjonali ta’ l-isport;

(m)

“Kompitu II” tfisser Kompitu II kif definit mill-ICCAT fil-“Manwal tal-qasam għall-istatistika u t-teħid ta’ kampjuni tat-tonn ta’ l-Atlantiku u ħut li jixbaħ lit-tonn” (Tielet edizzjoni, ICCAT, 1990).

(n)

“Bastiment tat-trasport” tfisser bastiment li jirċievi individwi selvaġġi u li jittrasportahom lejn azjendi għat-tismin jew għat-trobbija.

KAPITOLU II

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 3

Qabdiet Totali Permissibbli (TACs)

It-TACs, iffissati mill-ICCAT għall-Partijiet Kontraenti, għall-ħażniet tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran għandhom ikunu kif ġej:

fl-2008: 28 500 tunnellata,

fl-2009: 27 500 tunnellata,

fl-2010: 25 500 tunnellata.

Madankollu, fejn jintlaħaq qbil dwar livelli ġodda ta’ TAC fil-qafas ta’ l-ICCAT, il-Kunsill, b’maġġoranza kkwalifikata u fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jaġġusta t-TACs previsti fl-ewwel paragrafu kif meħtieġ.

Artikolu 4

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-isforz tas-sajd tal-bastimenti tiegħu u n-nasses tiegħu huma proporzjonati għall-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn disponibbli għal dak l-Istat Membru fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-baħar tal-Mediterran.

2.   Kull Stat Membru għandu jfassal pjan tas-sajd annwali għall-bastimenti u n-nases tas-sajd għat-tonn fl-Atlantiku tal-lvant u fil-Baħar Mediterran. L-Istati Membri li l-kwota tagħhom tat-tonn hija anqas minn 5 % tal-kwota Komunitarja jistgħu jadottaw metodu speċifiku biex jimmaniġġaw il-kwota tagħhom fil-pjan tas-sajd tagħhom, u f’dak il-każ id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 m’għandhomx japplikaw.

3.   Il-pjan ta’ sajd annwali għandu:

(a)

Jidentifika fost l-oħrajn il-bastimenti li huma aktar minn 24 metru inklużi fil-lista msemmija fl-artikolu 12 u l-kwota individwali allokata għalihom;

(b)

Jidentifika għall-bastimenti li huma inqas minn 24 metru u n-nases, jidentifika mill-inqas il-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet produtturi jew gruppi ta’ bastimenti li jistgħadu b’tagħmir simili.

4.   Mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena l-pjan tas-sajd annwali għandu jiġi trasmess lill-Kummissjoni. Kwalunkwe modifika sussegwenti għall-pjan annwali tas-sajd jew għall-metodu speċifiku biex jimmaniġġaw il-kwota tagħhom għandha tiġi trasmessa lill-Kummissjoni mill-anqas għaxart ijiem qabel l-eżerċizzju ta’ l-attività li tikkorrispondi għal dik il-modifika.

5.   L-Istat Membru tal-bandiera għandu jieħu l-azzjoni skond dan il-paragrafu meta bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu:

(a)

Naqas milli jirrapporta dak li hu rikjest minnu skond l-Artikolu 17(3);

(b)

Ikkommetta ksur imsemmi fl-Artikolu 26.

L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li spezzjoni fiżika sseħħ taħt l-awtorità tiegħu fil-portijiet tiegħu jew minn persuna oħra maħtura mill-Istat Membru tal-bandiera meta l-bastiment mhuwiex f’port Komunitarju.

L-Istat Membru tal-bandiera jista’ jitlob lill-bastiment biex jipproċedi immedjatament lejn port magħżul minnu meta l-kwota individwali titqies milħuqa.

6.   Mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ sajd annwali tagħhom għas-sena preċedenti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu:

(a)

in-numru ta’ bastimenti realment impenjati fl-attivitajiet tas-sajd li jinvolvu t-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran;

(b)

il-qabdiet ta’ kull bastiment u

(ċ)

in-numru totali ta’ jiem li kull bastiment stad fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran.

7.   Arranġamenti ta’ kummerċ privat bejn ċittadini ta’ Stat Membru u ta’ CPC biex jużaw bastiment tas-sajd li jitajjar il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru għas-sajd fil-qafas ta’ kwota ta’tonn ta’ CPC, għandhom jitwettqu biss taħt l-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru konċernat li għandu jinforma lill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni ta’ L-ICCAT.

8.   Qabel l-1 ta’ Marzu kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar kwalunkwe arranġamenti ta’ kummerċ privat bejn iċ-ċittadini tiegħu u CPC.

9.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(a)

Il-lista tal-bastimenti kollha tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat Membru li huma awtorizzati jistadu attivament għat-tonn taħt arranġament ta’ kummerċ privat.

(b)

In-numru intern tal-bastiment kif definit fl-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta’ Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-Flotta tas-Sajd tal-Komunità (6).

(ċ)

It-tul ta’ l-arranġamenti tal-kummerċ privati.

(d)

Il-kunsens ta’ l-Istati Membri għall-arranġament privat.

(e)

L-isem tas-CPC konċernat.

10.   Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 lis-Segretarjat Esekuttiv ta’ l-ICCAT.

11.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-perċentwali ta’ kwota ta’ CPC għat-tonn li jista’ jintuża għall-kiri ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji skond l-Artikolu 8b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001 (7) m’għandux ikun aktar minn 60 %, 40 % u 20 % tal-kwota totali fl-2007, 2008 u 2009, rispettivament.

12.   Il-kiri ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran għandu jkun ipprojbit fl-2010 u fis-snin ta’ wara.

13.   Kull Stat membru għandu jiżgura li n-numru tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn tiegħu mikri u t-tul taż-żmien tal-kiri għandhu jkun proporzjonat mal-kwota allokata lin-nazzjoni li tikri.

KAPITOLU III

MIŻURI TEKNIĊI

Artikolu 5

Staġun magħluq għas-sajd

1.   Is-sajd għat-tonn għandu jkun projbit fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran minn bastimenti pelaġiċi bil-lenza kbira fuq skala kbira aktar minn 24 m matul il-perijodu mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Diċembru bl-eċċezzjoni taż-żona delimitata mill-Punent ta’ 10° W u mit-Tramuntant ta’ 42° N.

2.   Sajd bit-tartarun borża għat-tonn għandu jkun projbit fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru.

3.   Is-sajd għat-tonn minn bastimenti tas-sajd bil-qasba għandu jkun ipprojbit fil-Lvant ta’ l-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu mill-15 ta’ Novembru sal-15 ta’ Mejju.

4.   Is-sajd għat-tonn minn bastimenti pelġiċi tat-tkarkir għandu jkun ipprojbit fl-Atlantiku tal-Lvant matul il-perijodu mill-15 ta’ Novembru sal-15 ta’ Mejju.

Artikolu 6

Użu ta’ l-inġenji ta’ l-ajru

L-użu ta’ ajruplani jew ħelikopters għat-tiftix tat-tonn fiż-Żona tal-Konvenzjoni għandu jkun ipprojbit.

Artikolu 7

Daqs minimu

1.   Id-daqs minimu għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran għandu jkun ta’ 30 kg jew 115 cm.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, daqs minimu għat-tonn (Thunnus Thynnus) ta’ 8 kg għandu jew 75 cm għandu japplika għat-tonn li ġej:

(a)

tonn maqbud fl-Atlantiku tal-Lvant minn dgħajjes tas-sajd bil-qasba, dgħajjes tas-sajd bir-rixa u bastimenti tas-sajd pelaġiku bix-xbieki tat-tkarkir;

(b)

tonn maqbud fil-Baħar Adrijatiku għal finijiet ta’ trobbija.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 2(a), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina l-għadd massimu ta’ dgħajjes tas-sajd bil-qasba, dgħajjes tas-sajd bir-rixa awtorizzati jistadu għat-tonn u bastimenti tas-sajd pelaġiku bix-xbieki tat-tkarkir awtorizzati jistadu għat-tonn bħala qabda sekondarja. In-numru ta’ dgħajjes li jistadu bil-qasab u bir-rix huwa ffissat għall-għadd ta’ bastimenti Komunitarji li ħadu sehem fis-sajd għat-tonn fl-2006. In-numru ta’ bastimenti tas-sajd pelaġiku bix-xbieki tat-tkarkir huwa ffissat għall-għadd ta’ bastimenti Komunitarji awtorizzati jistadu għat-tonn bħala qabda sekondarja fl-2006.

4.   Għall-fini tal-paragrafu 2(a), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jqassam fost l-Istati Membri l-għadd ta’ bastimenti determinat skond il-paragrafu 3.

5.   Għall-fini tal-paragrafu 2(a), mhux aktar minn 10 % tal-kwota Komunitarja għat-tonn bejn 8 kg jew 75 cm u 30 kg jew 115 cm għandha tiġi allokata lill-bastimenti awtorizzati msemmijin fil-paragrafi 3 u 4, b’massimu ta’ 200 tunnellata metrika ta’ tonn li jkun jiżen mhux inqas minn 6,4 kg jew 70 cm maqbud minn bastimenti tal-lixka ta’ tul totali ta’ inqas minn 17-il metru. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-kwota Komunitarja għall-Istati Membri.

6.   Mhux aktar minn 2 % tal-kwota Komunitarja għat-tonn bejn 8 u 30 kg tista’ tiġi allokata lil dgħajjes ta’ skala żgħira għal ħut frisk fl-Atlantiku tal-Lvant. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-kwota Komunitarja għall-Istati Membri.

7.   Il-kondizzjonijiet speċifiċi addizzjonali għat-tonn maqbud fl-Atlantiku tal-Lvant minn dgħajjes tas-sajd bil-lixka, dgħajjes tas-sajd bir-rixa u bastimenti tas-sajd pelaġiku bix-xbieki tat-tkarkir huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 8

Pjan ta’ teħid ta’ kampjuni għat-tonn

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi programm ta’ teħid ta’ kampjuni għall-estimi ta’ l-għadd ta’ ħut f’daqs speċifiku (numbers-at-size) għat-tonn li jinqabad.

2.   It-teħid ta’ kampjuni skond id-daqs f’gaġeġ għandu jitwettaq fuq kampjun ta’ 100 kampjun għal 100 tunnellata metrika ta’ ħut ħaj jew fuq kampjun ta’ 10 % ta’ l-għadd totali ta’ ħut imqiegħed f’gaġġa. Il-kampjun tad-daqs, abbażi ta’ tul jew piż, għandu jittieħed matul il-ħsid fl-azjenda, u fuq il-ħut mejjet matul it-trasport skond il-metodu adottat mill-ICCAT għan-notifikar ta’ data fil-qafas tal-Kompitu II.

3.   Għandhom jiġu żviluppati metodi u kampjuni addizzjonali għal ħut imrobbi għal aktar minn sena.

4.   It-teħid ta’ kampjuni għandu jitwettaq matul ħasda meħud każwalment u għandu jkopri l-gaġeġ kollha. Id-data dwar it-teħid tal-kampjuni li jitwettaq kull sena għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara.

Artikolu 9

Qabdiet sekondarji

1.   Qabda sekondarja ta’ massimu ta’ 8 % ta’ tonn li tiżen anqas minn 30 kg u mhux anqas minn 10 kg għandha tiġi awtorizzata għal bastimenti kollha tas-sajd, li jistadu b’mod attiv jew le għat-tonn, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(2).

2.   Il-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-qabda sekondarja totali bl-għadd ta’ ħut minn kull żbark tal-qabdiet totali ta’ tonn ta’ dawn il-bastimenti, jew abbażi ta’ l-ekwivalenza tal-piż tiegħu f’perċentwal.

3.   Il-qabda sekondarja għandha tiġi mnaqqsa mill-kwota ta’ l-Istat Membru tal-bandiera. Ir-rimi ta’ ħut mejjet mill-qabda sekondarja msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun projbit, filwaqt li s-sajd għat-tonn hu miftuħ, u għandu jitnaqqas mill-kwota ta’ l-Istat Membru tal-bandiera.

4.   Il-ħatt l-art ta’ qabdiet sekondarji ta’ tonn għandu jkun soġġett għall-Artikoli 14 u 18(1).

Artikolu 10

Sajd rikreattiv

1.   Fil-qafas ta’ sajd rikreattiv għandu jkun projbit li jinqabad, jinżamm abbord, jkun trasbordat u żbarkat aktar minn individwu wieħed ta’ tonn f’kull vjaġġ bil-baħar.

2.   Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ tonn maqbud f’sajd rikreattiv għandu jkun projbit ħlief għal finijiet karitattivi.

3.   Kull Stat Membru għandu jirreġistra data dwar il-qbid minn sajd rikreattiv u jikkomunika din id-data lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika ta’ l-ICCAT.

4.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura, sa fejn huwa l-aktar possibbli, ir-rilaxx ta’ tonn maqbud ħaj, speċjalment ta’ età żgħira, fil-qafas ta’ sajd rikreattiv.

Artikolu 11

Sajd sportiv

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirregola l-isport tas-sajd, b’mod partikolari b’awtorizzazzjonijiet tas-sajd.

2.   Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ tonn maqbud f’kompetizzjonijiet ta’ l-isport tas-sajd għandu jkun projbit ħlief għal finijiet karitattivi.

3.   Kull Stat Membru għandu jirreġistra data dwar il-qbid minn sport tas-sajd u jikkomunika din id-data lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika ta’ l-ICCAT.

4.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura, sa fejn huwa l-aktar possibbli, ir-rilaxx ta’ tonn maqbud ħaj, speċjalment ta’ età żgħira, fil-qafas ta’ l-isport tas-sajd.

KAPITOLU IV

MIŻURI TA’ KONTROLL

Artikolu 12

Reġistru tal-bastimenti awtorizzati li jistadu attivament għat-tonn

1.   Sal-31 ta’ Jannar 2008, kull Stat Membri għandu jibgħat elettronikament lill-Kummissjoni lista tal-bastimenti kollha tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu u li jkunu awtorizzati li jistadu b’mod attiv għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran bil-ħruġ ta’ permess speċjali tas-sajd.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat Eżekuttiv ta’ l-ICCAT sabiex dawk il-bastimenti jkunu jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru ta’ l-ICCAT ta’ bastimenti awtorizzati li jistadu għat-tonn.

3.   Dawk il-bastimenti tas-sajd Komunitarji kkonċernati b’dan l-Artikolu u mhux imdaħħla fir-reġistru ta’ l-ICCAT ma jistgħux jistadu għal, iżommu abbord, jitrasbordaw, jitrasportaw, jitrasferixxu jew jiżbarkaw tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran.

4.   Ir-regoli dwar liċenzji tas-sajd fl-Artikolu 8a (2), (4), (6), (7) u (8) tar-Regolament (KE) Nru 1936/2001 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 13

Reġistru ta’ nases tat-tonn awtorizzati għas-sajd tat-tonn

1.   Sal-31 ta’ Jannar 2008, kull Stat Membru għandu jibgħat elettronikament lill-Kummissjoni lista ta’ nases tat-tonn tiegħu awtorizzati li jistadu għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran bil-ħruġ ta’ liċenzja speċjali tas-sajd. Il-lista għandha tinkludi l-isem tan-nases u n-numru tar-reġistru.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat din il-lista lis-Segretarjat Eżekuttiv ta’ l-ICCAT sabiex dawn in-nases tat-tonn ikunu jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru ta’ l-ICCAT tan-nases tat-tonn li jkunu awtorizzati jistadu għat-tonn.

3.   Nases għat-tonn Komunitarji mhux imdaħħla fir-reġistru ta’ l-ICCAT ma jistgħux jistadu għal, iżommu, jitrasbordaw jew jiżbarkaw tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran.

4.   L-Artikolu 8a (2), (4), (6), (7) u (8) tar-Regolament (KE) Nru 1936/2001 għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 14

Portijiet magħżula

1.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu post li għandu jintuża għall-iżbarkar jew post qrib ix-xatt (portijiet magħżula) fejn l-iżbarkar jew operazzjonijiet ta’ trasbord tat-tonn ikunu permessi.

2.   L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April ta’ kull sena lista ta’ portijiet magħżula. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat Eżekuttiv ta’ l-ICCAT qabel il-15 ta’ April ta’ kull sena. Kwalunkwe bidla susseggwenti li ssir għal-lista għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni biex tintbagħat lis-Segretarjat Eżekuttiv ta’ l-ICCAT, għallinqas 15-il jum qabel ma l-bidla tidħol fis-seħħ.

3.   Għandu jkun projbit li tiġi żbarkata jew trasbordata minn bastimenti msemmija fl-Artikolu 12 kwalunkwe kwantità ta’ tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran fi kwalunkwe post ħlief portijiet magħżula minn CPCs u minn Stati Membri skond il-paragrafi 1 u 2.

4.   Din id-dispożizzjoni għandha tapplika għal ħatt fuq l-art jew trasbord minn dgħajjes tas-sajd bil-qasba, dgħajjes tas-sajd bir-rixa u bastimenti tas-sajd pelaġiku bix-xbieki tat-tkarkir li jkunu qabdu t-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant skond il-kondizzjonijiet speċifiċi mniżżlin fl-Anness I.

Artikolu 15

Ħtiġiet ta’ reġistrazzjoni

1.   Minbarra li jikkonforma ma’ l-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 (8) tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju previst fl-Artikolu 12 għandu jniżżel fil-ġurnal ta’ abbord, fejn applikabbli, l-informazzjoni elenkata fl-Anness II.

2.   Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd Komunitarju previst fl-Artikolu 12 impenjat f’operazzjoni konġunta tas-sajd għandu jirreġistra l-informazzjoni addizzjonali fil-ktieb ta’ abbord tiegħu:

(a)

meta l-qabda tittella’ abbord jew tiġi trasferita għall-gaġeġ:

id-data u l-ħin tal-qabda meħuda f’operazzjoni konġunta tas-sajd,

il-post (lonġitudini/latitudini) tal-qabda meħuda f’operazzjoni konġunta tas-sajd,

ammont ta’ qabdiet ta’ tonn meħuda abbord, jew trasferiti f’gaġeġ,

l-isem u il-call sign internazzjonali tar-radju tal-bastiment tas-sajd,

(b)

għal dawk il-bastimenti, impenjati f’operazzjoni konġunta tas-sajd imma mhux involuti fit-trasferiment ta’ ħut:

id-data u l-ħin ta’ l-operazjoni konġunta tas-sajd,

il-post (lonġitudini/latitudini) ta’ l-operazzjoni konġunta tas-sajd,

jiġi ddikjarat li l-ebda qabda ma ttieħdet abbord jew ġiet trasferita f’gaġeġ minn dak il-bastiment,

l-isem u l-call sign(s) internazzjonali tar-radju tal-bastiment(i) tal-qbid tas-sajd.

3.   Meta bastiment tal-qbid impenjat f’operazzjoni konġunta tas-sajd jiddikjara l-kwantità ta’ tonn maqbud mit-tagħmir ta’ sajd tiegħu, il-kaptan għandu jindika, għal kull qabda, għal liema bastiment(i) u Stat(i) tal-bandiera għandhom jingħaddu l-qabdiet mal-kwota.

Artikolu 16

Operazzjonijiet Konġunti tas-Sajd

1.   Kwalunkwe operazzjoni konġunta tas-sajd għat-tonn li tinvolvi bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru wieħed jew aktar għandha tkun awtorizzata biss bil-kunsens ta’ l-Istat Membru tal-bandiera jew l-Istati Membri tal-bandiera konċernati.

2.   Fil-mument ta’ l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikseb informazzjoni dettaljata dwar il-perijodu ta’ żmien ta’ l-operazzjoni konġunta, l-identità ta’ l-operaturi involuti u l-kriterju ta’ l-allokazzjoni bejn il-bastimenti għall-qabdiet involuti, mill-bastimenti tas-sajd tiegħu li jipparteċipaw fl-operazzjoni konġunta tas-sajd.

3.   Kull Stat Membru għandu jittrasmetti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih dik l-informazzjoni lis-Segretarjat ta’ l-ICCAT.

Artikolu 17

Rapporti tal-qabda

1.   Il-kaptan ta’ bastiment tal-qbid tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 12 għandu jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera tiegħu rapport tal-qabda li jiddikjara l-kwantitajiet ta’ tonn maqbud mill-bastiment tiegħu, inkluż l-ebda qbid.

2.   Ir-rapport tal-qabda għandu jintbagħat għall-ewwel darba sa mhux aktar tard minn tmiem l-għaxart ijiem wara d-dħul fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran jew wara l-bidu tal-vjaġġ tas-sajd. Fil-każ ta’ operazzjonijiet konġunti il-kaptan tal-bastimenti tal-qbid għandu jindika, għal kull qabda, għal liema bastiment jew bastimenti għandhom jingħaddu l-qabdiet kontra l-kwota ta’ l-Istat(i) tal-Bandiera.

3.   Mill-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd għandu jibgħat r-rapport tal-qabda dwar il-kwantità ta’ tonn maqbud, ukoll jekk din tkun żero abbażi ta’ ħamest ijiem.

4.   Kull Stat Membru għandu, ma’ l-irċevuta, jibgħat rapporti tal-qbid b’mezzi elettroniċi jew mezzi oħrajn lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih dik l-informazzjoni lis-Segretarjat ta’ l-ICCAT.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, b’forma li tinqara mill-kompjuter, qabel il-ħmistax-iljum ta’ kull xahar, bil-kwantitajiet ta’ tonn maqbud fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran li ġew żbarkati, trasbordati, maqbuda jew mqiegħda f’gaġeġ mill-bastiment li jtajjar il-bandiera tagħhom matul ix-xahar preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih dik l-informazzjoni lis-Segretarjat ta’ l-ICCAT.

Artikolu 18

Żbark

1.   B’deroga mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kaptan ta’ bastiment Komunitarju msemmi fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru (inkluż l-Istat Membru tal-bandiera) jew lis-CPC li tagħhom jixtiequ jużaw il-portijiet jew il-faċilità ta’ żbarkar mill-inqas 4 siegħat qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port, b’dan li ġej:

(a)

il-ħin stmat tal-wasla,

(b)

il-kwantità stmata ta’ tonn miżmuma abbord,

(ċ)

l-informazzjoni dwar iż-żona fejn sar il-qbid;

2.   Fil-każ ta’ żbark f’port magħżul ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tal-bandiera, l-awtorità rilevanti ta’ dak l-Istat Membru, għandha tibgħat reġistru ta’ l-iżbark lill-awtorità tal-bandiera tal-bastiment, fi żmien 48 siegħa wara li jintemm l-iżbark.

3.   Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għal żbark minn dgħajjes tas-sajd bil-qasba, dgħajjes tas-sajd bir-rixa u bastimenti tas-sajd perlaġiku bix-xbieki tat-tkarkir li jkunu qabdu tonn fl-Atlantiku tal-Lvant.

Artikolu 19

Trasbord

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 trasbord fuq il-baħar tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u tal-Baħar żMediterran għandu jkun projbit, ħlief għal bastimenti għat-tonn bil-lenza twila fuq skala kbira li joperaw skond ir-Rakkomandazzjoni ta’ l-ICCAT 2005[06] li tistabbilixxi programm għat-trasbord għal bastiment għat-tonn bil-lenza teila fuq skala kbira, kif emendat.

2.   Qabel id-dħul fi kwalunkwe port, il-kaptan tal-bastiment li qed jirċievi (bastiment tal-qabda jew bastiment ta’ proċessar) jew rappreżentant tiegħu, għandu minn ta’ l-inqas 48 siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li tiegħu jrid juża l-port b’dan li ġej:

(a)

il-ħin stmat tal-wasla;

(b)

il-kwantità stmata ta’ tonn miżmuma abbord;

(ċ)

l-informazzjoni dwar iż-żoni ġeografiċi fejn kienu meħuda l-qabdiet ta’ tonn li għandhom ikunu trasbordati;

(d)

l-isem tal-bastiment tal-qabda li jwassal it-tonn u n-numru tiegħu fir-reġistru ta’ l-ICCAT ta’ bastiment tas-sajd awtorizzat għat-tonn;

(e)

l-isem tal-bastiment li jirċievi, in-numru tiegħu fir-reġistru ta’ l-ICCAT ta’ bastimenti tas-sajd tas-sajd awtorizzat għat-tonn;

(f)

it-tunnaġġ ta’ tonn li għandu jkunu trasbordat.

3.   Bastimenti tas-sajd tal-qbid m’għandhomx jitħallew jitrasbordaw, sakemm ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat tal-bandiera tagħhom.

4.   Il-kaptan tal-bastiment tal-qbid għandu, qabel ma jibda t-trasbord, jinforma lill-Istat tal-bandiera b’dan li ġej:

(a)

il-kwantitajiet ta’ tonn li għandhom ikunu trasbordati,

(b)

id-data u l-port tat-trasbord,

(ċ)

l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-bandiera tal-bastiment riċeventi u n-numru tiegħu fir-reġistru ta’ l-ICCAT ta’ bastiment tas-sajd awtorizzat għat-tonn,

(d)

iż-żona ġeografika fejn inqabad it-tonn

5.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fil-port tiegħu jseħħ it-trasbord għandu:

(a)

jispezjona l-bastiment riċeventi hekk kif jasal u jivverifika t-tagħbija u d-dokumentazzjoni marbuta ma’ l-operazzjoni tat-trasbord.

(b)

jibgħat rekord tat-trasbord lill-awtorità ta’ l-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid, fi żmien 48 siegħa wara li t-trasbord ikun intemm.

6.   Il-kaptan tal-bastiment Komunitarju msemmi fl-Artikolu 12 għandhom jikkompleta u jitrasmetti d-dikjarazzjoni tat-trasbord ta’ l-ICCAT lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li tiegħu l-bastimenti jtajru l-bandiera. Id-dikjarazzjoni għandha tintbagħat mhux aktar tard minn 15-il jum wara d-data tat-trasbord fil-port skond il-format stabbilit fl-Anness III.

Artikolu 20

Operazzjonijiet ta’ għeluq fil-gaġeġ

1.   L-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tinsab l-azjenda għat-tismin jew it-trobbija għat-tonn għandu jressaq fi żmien ġimgħa mill-ikkompletar ta’ l-operazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ, rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ, validat minn osservatur, lill-Istat Membru jew CPC li l-bastimenti tal-bandiera tiegħu stadu għat-tonn u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih dik l-informazzjoni lis-Segretarjat ta’ l-ICCAT. Dan ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ msemmija fl-Artikolu 4 b tar-Regolament (KE) Nru 1936/2001.

2.   Meta l-azjendi għat-tismin jew għat-trobbija jinsabu fl-Ibħra Miftuħa, il-paragrafu 1 għandu japplika, mutatus mutandis, għal Stati Membri fejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għall-azjenda għat-tismin jew għat-trobbija huma stabbiliti.

3.   Qabel kwalunkwe trasferiment f’gaġġa, l-Istat Membru tal-bandiera jew is-CPC tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid għandu jkun infurmat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-azjendi tat-tismin jew tat-trobbija bit-trasferiment fil-gaġeġ bil-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu.

L-Istat Membru tal-Bandiera tal-bastiment tal-qbid għandu jitlob lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-azjenda tat-tismin jew tat-trobbija biex jipproċedi għas-sekwestru tal-qabdiet u r-rilaxx tal-ħut fil-baħar jekk meta jirċievi dik l-imformazzjoni jikkunsidra li:

(a)

il-bastiment tas-sajd iddikjarat li qabad il-ħut ma kellux kwota indivdwali suffiċjenti għat-tonn mqiegħed fil-gaġġa jew,

(b)

il-kwantità ta’ ħut ma ġiex debitament rappurtat u ma ttieħedx kont tiegħu fil-kalkoluta’ kwalunkwe kwota li tista’ tkun applikabbli; jew,

(ċ)

il-bastiment tas-sajd iddikjarat li qabad il-ħut mhuwiex awtorizzat li jistad għat-tonn.

4.   Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd Komunitarju għandu jikkompleta u jitrasmetti lill-Istat Membru tal-Bandiera jew lis-CPC tal-bandiera d-dikjarazzjoni tat-trasferiment ta’ l-ICCAT mhux aktar tard minn 15-il jum wara d-data ta’ trasferiment lill-bastimenti ta’ rmonk jew lill-gaġġa, skond il-format imniżżel fl-Anness III. Id-dikjarazzjoni ta’ trasferiment għandha takkumpanja l-ħut trasferit waqt it-trasport għall-gaġġa.

Artikolu 21

Attivitajiet bin-nases

1.   Il-qabdiet bin-nassa għandhom jiġu reġistrati wara t-tmiem ta’ kull operazzjoni ta’ sajd f’nasses għat-tonn u għandhom jiġu trasmessi b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħrajn fi zmien 48 siegħa wara t-tmiem ta’ kull operazzjoni ta’ sajd lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn tinsab in-nassa.

2.   Kull Stat Membru, hekk kif jirċievi r-reġistru tal-qabda, għandu jgħaddih b’mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha minnufih tgħaddi l-informazzjoni lis-Segretarjat ta’ l-ICCAT.

Artikolu 22

Kontroll fil-port jew fl-azjenda

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-bastimenti kollha msemmijin fir-Reġistru ta’ l-ICCAT ta’ bastimenti awtorizzati jistadu għat-tonn li jidħlu f’port magħżul, jiżbarkaw u/jew jitrasbordaw tonn maqbud fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran huma soġġetti għal kontroll f’port.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkontrollaw kull operazzjoni ta’ tqegħid f’gaġeġ fl-azjendi għat-tismin jew għat-trobbija li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

3.   Meta l-azjendi għat-tismin jew għat-trobbija jinsabu fl-Ibħra Miftuħa, għandu japplika l-paragrafu 2, mutatus mutandis, għall-Istati Membri fejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għall-azjenda għat-tismin jew għat-trobbija huma stabbiliti.

Artikolu 23

Kontro-verifika

1.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw, inkluż bl-użu ta’ data ta’ VMA (sistema ta’ monitoraġġ ta’ bastimenti), is-sottomissjoni ta’ kotba ta’ abbord u informazzjoni rilevanti rreġistrata fil-kotba ta’ abbord tal-bastimenti tagħhom, fid-dokument dwar it-trasferiment/trasbord u fid-dokumenti dwar il-qabda.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontro-verifiki fuq il-ħut kollu li jinħatt l-art u ttrasbordat jew magħluq fil-gaġeġ bejn il-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fil-ktieb ta’ abbord tal-bastiment jew kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fid-dikjarazzjoni tat-trasbord u l-kwantitajiet reġistrati fid-dikjarazzjoni ta’ trasbord jew id-dikjarazzjoni ta’ l-għeluq fil-gaġeġ, u kwalunkwe dokument rilevanti ieħor, bħal fatturi u/jew noti tal-bejgħ.

Artikolu 24

L-Iskema ta’ l-ICCAT ta’ l-Ispezzjoni Internazzjonali Konġunta

1.   L-Iskema ta’ l-ICCAT ta’ l-Ispezzjoni Internazzjonali Konġunta adottata mill-ICCAT fir-Raba’ Laqgħa Regolari tagħha (Madrid, Novembru 1975) u stabbilita fl-Anness IV għal dan ir-Regolament għandha tapplika fil-Komunità.

2.   L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati jistadu għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Baħar Mediterran għandhom jaħtru spetturi u jwettqu spezzjonijiet fuq il-baħar taħt l-Iskema.

3.   Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha jista’ jaħtar lil spetturi Komunitarji fl-Iskema.

4.   Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha għandu jikkoordina l-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni għall-Komunità. Hi tista’ tfassal, flimkien ma’ l-Istati Membri kkonċernati, programmi konġunti ta’ spezzjoni għal dik il-fini li jippermettu lill-Komunità twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Iskema. L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom huma impenjati fis-sajd għat-tonn għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi b’mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi umani u materjali meħtieġa u l-perijodi u ż-żoni meta dawn għandhom jiġu implimentati.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni sa l-1 ta’ April ta’ kull sena dwar l-ismijiet ta’ l-ispetturi u l-bastimenti ta’ spezzjoni li biħsiebhom jassenjaw għall-Iskema matul is-sena ta’ wara. Permezz ta’ din l-informazzjoni l-Kummissjoni għandha tfassal, flimkien ma’ l-Istati Membri, pjan antiċipat għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Iskema kull sena, li għandha tibgħat lis-Segretarjat ta’ l-ICCAT u lill-Istati Membri.

Artikolu 25

Programm ta’ osservazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti ta’ sajd tagħhom ta’ tul ‘l fuq minn 15-il metru jkunu soġġetti għal programm ta’ osservazzjoni li jkun japplika għal ta’ l-inqas għal:

(a)

20 % tal-bastimenti tat-tartarun li huma attivi. Fil-każ ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ sajd, osservatur għandu jkun preżenti matul l-operazzjoni tas-sajd,

(b)

20 % tal-bastimenti tat-tkarkir li huma attivi;

(ċ)

20 % tal-bastimenti bil-lenza twila li huma attivi;

(d)

20 % tal-bastimenti bil-lixka li huma attivi;

(e)

100 % matul il-proċess ta’ ħsad għan-nases tat-tonn.

Il-kompiti ta’ l-osservatur għandhom ikunu, b’mod partikolari, li:

(a)

jissorvelja l-konformità ta’ bastiment ma’ dan ir-Regolament;

(b)

jirreġistra u jirrapporta dwar l-attività ta’ sajd;

(ċ)

josserva u jistima l-qabdiet u jivverifika l-informazzjoni li tiddaħħal fil-ktieb ta’ abbord;

(d)

jinnota u jirreġistra l-bastimenti li jistgħu jkunu qed jistadu kontra l-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ l-ICCAT.

Barra minn hekk, l-osservatur għandu jwettaq ħidma xjentifika, bħall-ġbir ta’ data tat-tip kompitu II kif definit mill-ICCAT, meta meħtieġ mill-ICCAT, ibbażat fuq l-istruzzjonijiet mill-Kumitat Permanenti ta’ l-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika.

2.   Kull Stat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni ta’ liema tinsab l-azjenda ta’ tismin jew ta’ tkabbir tat-tonn għandu jiżgura preżenza ta’ osservatur matul it-trasferiment kollu tat-tonn lejn il-gaġeġ u l-ħsad kollu ta’ ħut mill-azjenda.

Il-kompiti ta’ l-osservatur għandhom ikunu, b’mod partikolari, li:

(a)

josserva u jissorvelja l-operazzjoni tat-tkabbir b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4a, 4b u 4c tar-Regolament (KE) Nru 1936/2001;

(b)

jivvalida r-rapport ta’ l-għeluq fil-gaġeġ imsemmi fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament,

(ċ)

jwettaq tali ħidma xjentifika, per eżempju l-ġbir ta’ kampjuni, kif meħtieġ mill-ICCAT abbażi ta’ l-istruzzjonijiet mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika ta’ l-ICCAT.

Artikolu 26

Infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ infurzar fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom, fejn ikun ġie stabbilit, skond il-liġi tagħhom li l-bastiment mhux konformi ma’ l-Artikoli 4, 5, 7, 14, 15, 16, 17, 19. Il-miżuri jistgħu jinkludu partikolarment, skond is-serjetà tar-reat u skond il-liġi nazzjonali tagħhom:

(a)

multi;

(b)

konfiska ta’ rkaptu tas-sajd illegali kif ukoll il-qabdiet;

(ċ)

sekwestru tal-bastiment;

(d)

sospensjoni jew irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni għas-sajd;

(e)

tnaqqis jew irtirar tal-kwota tas-sajd, jekk applikabbli.

2.   Kull Stat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tinstab azjenda tat-tonn għandu jieħu l-miżuri ta’ infurzar fir-rigward ta’ dik l-azjenda, fejn ikun ġie stabbilit, skond il-liġi tiegħu li dik l-azjenda ma tikkonformax ma’ l-Artikoli 20 u 25(2) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 4a, 4b u 4c tar-Regolament (KE) Nru 1936/2001. Il-miżuri jistgħu jinkludu partikolarment, skond is-serjetà ta’ l-infrazzjoni u skond il-liġi nazzjonali tagħhom:

(a)

multi;

(b)

sospensjoni jew irtirar mir-reġistru ta’ azjendi tat-tismin;

(ċ)

projbizzjoni mill-għeluq fil-gaġeġ jew it-tqegħid fis-suq ta’ kwantitajiet ta’ tonn.

Artikolu 27

Miżuri marbuta mas-suq

1.   Il-kummerċ Komunitarju, l-iżbarkar, l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet, it-tqegħid f’gaġeġ għat-trobbija jew it-tismin, l-esportazzjonijiet mill-ġdid u t-trasbordi ta’ tonn ta’ l-Atlantiku tal-Lvant u tal-Mediterran li mhumiex akkumpanjati minn dokumentazzjoni preċiża, kompleta, u validata meħtieġa minn dan il-Kapitolu għandhom ikunu pprojbiti.

2.   Il-kummerċ Komunitarju, l-importazzjonijiet, l-iżbarkar, it-tqegħid f’gaġeġ għat-trobbija jew it-tismin, l-ipproċessar, l-esportazzjonijiet, l-esportazzjonijiet mill-ġdid u t-trasbordi ta’ tonn ta’ l-Atlantiku tal-Lvant u tal-Mediterran (thunnus thynnus) li jinqabad minn bastimenti tas-sajd li l-Istat tal-bandiera tagħhom m’għandux kwota, limitu ta’ qabda jew allokazzjoni ta’ l-isforz tas-sajd għat-tonn ta’ l-Atlantiku tal-Lvant u tal-Mediterran, skond it-termini tal-miżuri ta’ ġestjoni u konservazzjoni ta’ l-ICCAT, jew meta l-possibbiltajiet ta’ sajd ta’ l-Istat tal-bandiera huma eżawsti, għandhom ikunu pprojbiti. Abbażi ta’ l-informazzjoni rċevuta mis-Segretarjat ta’ l-ICCAT, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha li kwota ta’ CPC ġiet eżawrita.

3.   Il-kummerċ Komunitarju, l-importazzjonijiet, l-iżbarkar, l-ipproċessar, l-esportazzjonijiet minn azjendi għat-tismin jew għat-trobbija li ma jikkonformawx mar-Rakkomandazzjoni 2006 [07] ta’ l-ICCAT dwar it-Trobbija tat-Tonn għandhom ikun ipprojbiti.

Artikolu 28

Fatturi ta’ konverżjoni

Il-fatturi ta’ konverżjoni adottati mill-Kumitat Permanenti ta’ l-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika għandhom japplikaw għall-kalkolazzjoni il-piż sħiħ ekwivalenti tat-tonn ipproċessat.

Artikolu 29

Finanzjament

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 tal-Fond Ewropew għas-Sajd (9) u sal-31 ta’ Diċembru 2014 il-pjan ta’ rkupru pluriennali għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran għandu jitqies li huwa pjan ta’ rkupru fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 520/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 520/2007 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikoli 6 u 11 għandhom jitħassru;

2.

fl-Anness IV, l-entrata dwar it-tonn għandha titħassar.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

Madankollu, l-Artikolu 29 għandu japplika mit-13 ta’ Ġunju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)  Opinjoni tal-15 ta’ Novembru 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 162, 18.6.1986, p. 33.

(3)  ĠU L 151, 13.6.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2007, p. 3.

(6)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1799/2006 (ĠU L 341, 7.12.2006, p. 26).

(7)  ĠU L 263, 3.10.2001, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 869/2004 (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 8).

(8)  (ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1).

(9)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1


ANNESS I

Kondizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal dgħajjes tas-sajd bil-qasba, dgħajjes tas-sajd bir-rixa u sajd pelaġiku bit-tkarkir fl-Atlantiku tal-Lvant

1.

(a)

Kull Stat Membru għandu jiżgura li bastimenti li nħarġilhom il-permess speċjali tas-sajd jiġu inklużi fil-lista li fiha isimhom u n-numru tagħhom fir-reġistru tal-flotta Komunitarja (CFR) kif definit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004. L-Istati Membri għandhom joħorġu l-permess speċjali tas-sajd biss meta bastiment ikun iddaħħal fir-reġistru ta’ l-ICCAT ta’ bastimenti awtorizzati biex jistadu għat-tonn.

(b)

Sa l-1 ta’ April 2008, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-lista msemmija fil-punt a) u l-emendi sussegwenti kollha f’forma li tinqara mill-kompjuter.

(ċ)

Emendi għal-lista msemmija fil-punt 1 a) għandhom jiġu trasmessi lill-Kummissjoni mill-inqas ħamest ijiem qabel id-data li fiha l-bastiment li għadu kemm ġie inkluż f’dik il-lista jidħol fl-Atlantiku tal-Lvant. Il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih l-emendi lis-Segretarjat ta’ l-ICCAT.

2.

(a)

Għandu jkun ipprojbit l-iżbarkar u/jew it-trasbord minn bastimenti msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Anness ta’ kwalunkwe kwantità ta’ tonn li jinqabad fl-Atlantiku tal-Lvant fi kwalunkwe post ieħor għajr il-portijiet magħżula mill-Istati Membri jew mis-CPCs.

(b)

L-Istati Membri għandhom jagħżlu post li jintuża għall-iżbarkar jew post qrib ix-xatt (portijiet magħżula) fejn l-iżbarkar jew operazzjonijiet ta’ trasbord tat-tonn ikun permess.

(ċ)

L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April ta’ kull sena lista ta’ portijiet magħżula. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat Eżekuttiv ta’ l-ICCAT qabel il-15 ta’ April ta’ kull sena. Kwalunkwe bidla susseggwenti li ssir għal-lista għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni biex tintbagħat lis-Segretarjat Eżekuttiv ta’ l-ICCAT, għallinqas 15-il jum qabel ma l-bidla tidħol fis-seħħ.

3.

Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kaptan ta’ bastiment Komunitarju msemmi fil-paragrafu 1 u 2 ta’ dak l-Artikolu jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru (inkluż l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tal-bandiera tagħhom) jew tas-CPC fil-port jew faċilità ta’ żbarkar fejn jixtiequ jużaw mill-inqas 4 siegħat qabel il-ħin stmat għall-wasla fil-port, b’dan li ġej:

(a)

il-ħin stmat tal-wasla,

(b)

l-istima tal-kwantità ta’ tonn abbord,

(ċ)

informazzjoni dwar iż-żona fejn saru il-qabdiet

4.

Kull Stat Membru għandu jimplimenta reġim ta’ rappurtar ta’ qbid li jiżgura monitoraġġ effettiv ta’ l-użu tal-kwota ta’ kull bastiment.

5.

Il-qabdiet tat-tonn ma jistgħux jiġu offruti għall-bejgħ lill-konsumatur finali, irrispettivament mill-metodu ta’ bejgħ, dment li marki jew tikkettar xieraq ma jindikax:

(a)

l-ispeċi, l-irkaptu tas-sajd li ntuża;

(b)

iż-żona ta’ qbid u d-data.

6.

L-Istati Membri li d-dgħajjes tal-lixka tagħhom huma awtorizzati jistagħdu għat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant għandhom idaħħlu ħtiġiet għat-tikketti fuq id-denb (tail tags) kif ġej:

(a)

Tikketti fuq id-denb iridu jitwaħħlu fuq kull tonn immedjatament ma l-iżbark;

(b)

Kull tikketta fuq id-denb għandha jkollha numru ta’ identifikazzjoni uniku u għandha tkun inkluża fi kwalunkwe dokument ta’ statisitka dwar it -tonn u miktuba fuq in-naħa ta’ barra ta’ kwalunkwe pakkett li jkun fih it-tonn.


ANNESS II

Speċifikazzjoni għall-kotba ta’ abbord:

Speċifikazzjonijiet minimi għall-kotba ta’ abbord

1.

Il-ktieb ta’ abbord irid ikollu kull folja nnumerata.

2.

Il-ktieb ta’ abbord irid jiġi kompletat kuljum (nofs il-lejl) jew qabel il-wasla fil-port

3.

Il-ktieb ta’ abbord irid ikun ikkompletat fil-każ ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar

4.

Kopja waħda tal-folji trid tibqa’ mwaħħla mal-ktieb ta’ abbord

5.

Il-kotba ta’ abbord iridu jinżammu abbord biex jiġi kopert perijodu ta’ sena ta’ operazzjoni.

Informazzjoni standard minima għall-kotba ta’ abbord:

1.

L-isem tal-kaptan u l-indirizz

2.

Dati u portijiet ta’ tluq, Dati u portijiet ta’ wasla

3.

Isem il-bastiment, numru ta’ reġistrazzjoni, numru ICCAT u numru IMO (jekk disponibbli). Fil-każ ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ sajd, l-ismijiet tal-bastimenti, in-numri ta’ reġistrazzjoni, in-numru ICCAT u n-numru IMO (jekk disponibbli) tal-bastimenti kollha involuti fl-operazzjoni.

4.

Inġenji tas-sajd:

(a)

kodiċi tat-tip FAO

(b)

Dimensjoni (tul, daqs tal-malji, numru ta’ snanar …)

5.

Operazzjonijiet fuq il-baħar b’linja waħda (minimu) għal kull jum tal-vjaġġ, b’informazzjoni dwar:

(a)

Attività (sajd, tbaħħir …)

(b)

Pożizzjoni: Pożizzjonijiet eżatti kuljum (fi gradi u minuti), reġistrati għal kull operazzjoni ta’ sajd jew f’nofs in-nhar meta ma jkunx seħħ sajd matul dak il-jum.

(ċ)

Reġistru tal-qabdiet:

6.

Identifikazzjoni ta’ l-ispeċi:

(a)

bil-kodiċi FAO

(b)

il-piż sħiħ (RWT) f’kg kuljum

7.

Firma tal-kaptan

8.

Firma ta’ l-osservatur (jekk applikabbli)

9.

Mezz tal-kalkolu tal-piż: stima, ippiżar abbord.

10.

Il-ktieb ta’ abbord jinżamm fil-piż ħaj ekwivalenti tal-ħut u jsemmi l-fatturi ta’ konverżjoni użati fl-evalwazzjoni.

Informazzjoni minima fil-każ ta’ żbarki, trasbord/trasferiment:

1.

Dati u port ta’ żbark/trasbord/trasferiment

2.

Prodotti

(a)

preżentazzjoni

(b)

numru ta’ ħut jew kaxxi u kwantità f’kg

3.

Firma tal-Kaptan jew ta’ l-Aġent tal-Bastiment


ANNESS III

Dikjarazzjoni iccat dwar it-trasferiment/trasbord

Image

Test ta 'immaġni

Fil-każ ta’ trasferiment ta’ ħut ħaj indika n-numru ta’ unitajiet u l-piż ħaj

Image

Test ta 'immaġni

Obbligi f’każ ta’ trasferiment/trasbord:

(1)

L-oriġinali tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment/trasbord trid tingħata lill-bastiment ta’ rmonk/ipproċessar/trasport riċeventi)

(2)

Il-kopja tad-dikjarazzjoni ta’ trasferiment/trasbord trid tinżamm mill-bastiment tas-sajd korrispondenti li jkun qabad

(3)

Operazzjonijiet ta’ trasferiment jew trasbord ulterjuri għandhom ikunu awtorizzati mis-CP rilevanti li jawtorizza l-bastiment biex jopera

(4)

L-oriġinal tad-dikjarazzjoni ta’ trasferiment/trasbord trid tinżamm mill-bastiment li jirċievi li jżomm il-ħut, sa l-azjenda jew il-post ta’ żbark

(5)

L-operazzjoni ta’ trasferiment jew trasbord għandha tiġi reġistrata fil-ktieb ta’ abbord ta’ kwalunkwe bastiment involut fl-operazzjoni


ANNESS IV

L-iskema ta’ l-ICCAT dwar l-ispezzjoni internazzjonali konġunta

Il-Kummissjoni qablet fir-Raba’ Laqgħa Regolari tagħha (Madrid, Novembru 1975) li:

Skond il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu IX tal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni ICCAT tirrakkomanda l-istabbiliment ta’ l-arranġamenti li ġejjin għal kontroll internazzjonali ‘l hinn mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni u l-miżuri fis-seħħ fiha:

1.

Il-kontroll għandu jitwettaq mill-ispetturi tas-servizzi tal-kontroll tas-sajd tal-Gvernijiet Kontraenti. L-ismijiet ta’ l-ispetturi maħtura għal dik il-fini mill-gvernijiet rispettivi tagħhom għandhom ikunu mgħarrfa lill-Kummissjoni ICCAT.

2.

Bastimenti li jġorru spetturi għandhom itajru bandiera jew fjamma speċjali approvata mill-Kummissjoni ICCAT biex jindikaw li l-ispettur qed iwettaq dmirijiet ta’ spezzjoni internazzjonali. L-ismijiet tal-bastimenti użati għal il-għan f’dak il-mument, li jistgħu jkunu bastimenti speċjali ta’ spezzjoni jew bastimenti tas-sajd, għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni ICCAT, malajr kemm jista’ jkun.

3.

Kull spettur għandu jġorr dokument ta’ l-identità pprovdut mill-awtoritajiet ta’ l-istat tal-bandiera f’forma approvata mill-Kummissjoni ICCAT u mogħtija lilu mal-ħatra li iiddikjara li għandu l-awtorità biex jaġixxi skond l-arranġamenti approvati mill-Kummissjoni ICCAT.

4.

Soġġett għall-arranġamenti maqbula taħt il-paragrafu (9), bastiment impjegat f’dak il-mument fis-sajd għat-tonn jew ħut bħat-tonn fiż-Żona tal-Konvenzjoni ‘l barra mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali għandu jieqaf hekk kif jingħata s-sinjal xieraq fil-Kodiċi Internazzjonali dwar is-Sinjali minn bastiment li għandu fuqu spettur dment li ma jkunx qed iwettaq operazzjonijiet ta’ sajd, fejn jekk dan ikun il-każ, għandu jieqaf hekk kif ikun temm dawn l-operazzjonijiet. Il-kaptan (1) tal-bastiment għandu jippermetti lill-ispettur, li jista’ jkun akkumpanjat minn xhud, biex jitla’ abbord. Il-kaptan għandu jippermetti lill-ispettur jagħmel tali eżami tal-qabda jew tat-tagħmir u ta’ kwalunkwe dokument rilevanti li l-ispettur jikkunsidra meħtieġ biex jivverifika l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ICCAT li huma fis-seħħ fir-rigward ta’ l-istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat u l-ispettur jista’ jitlob għal kwalunkwe spjegazzjoni li hu jikkunsidra meħtieġa.

5.

Hekk kif jitla’ fuq il-bastiment spettur għandu jipproduċi d-dokument deskritt fil-punt (3) hawn fuq. L-ispezzjonijiet għandhom isiru sabiex il-bastiment isofri l-inqas tfixkil u inkonvenjenza possibbli u li d-degradazzjoni tal-kwalità tal-ħut tkun evitata. Spettur għandu jillimita l-inkjesta tiegħu għall-aċċertazzjoni ta’ l-osservazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ICCAT li huma fis-seħħ fir-rigward ta’ l-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat. Matul l-eżami tiegħu kwalunkwe spettur jista’ jistaqsi lill-kaptan għal kwalunkwe assistenza li jista’ jeħtieġ. Huwa għandu jfassal rapport dwar l-ispezzjoni tiegħu f’forma approvata mill-Kummissjoni ICCAT. Huwa għandu jiffirma r-rapport fil-preżenza tal-kaptan tal-bastiment li għandu jkun intitolat iżid jew jordna li tiġi miżjuda fir-rapport kwalunkwe osservazzjoni li hu jaħseb li hi xierqa u għandu jiffirma tali osservazzjonijiet. Kopji tar-rapport għandhom jingħataw lill-kaptan tal-bastiment u lill-gvern ta’ l-ispettur li għandu jgħaddi kopji lill-awtoritajiet xierqa ta’ l-istat tal-bandiera tal-bastiment u lill-Kummissjoni ICCAT. Fejn jinsab ksur tar-rakkomandazzjonijiet l-ispettur għandu, fejn possibbli, jinforma wkoll lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-istat tal-bandiera, kif notifikat lill-Kummissjoni ICCAT, u lil kwalunkwe bastiment ta’ spezzjoni ta’ l-istat tal-bandiera li huwa magħruf li jinsab fil-viċinanzi.

6.

Resistenza kontra spettur jew nuqqas ta’ konformità ma’ l-istruzzjonijiet tiegħu għandhom jitqiesu mill-istat tal-bandiera tal-bastiment b’mod simili għal resistenza kontra kwalunkwe spettur ta’ dak l-istat jew nuqqas ta’ konformità mad-direzzjonijiet tiegħu.

7.

L-ispetturi għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom taħt dawn l-arranġamenti f’konformità mar-regoli stabbiliti f’din ir-rakkomandazzjoni iżda għandhom jibqgħu taħt il-kontroll operattiv ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom u jkunu responsabbli lilhom.

8.

Il-Gvernijiet Kontraenti għandhom jikkunsidraw u jaġixxu fuq rapporti ta’ spetturi barranin taħt dawn l-arranġamenti fuq bażi simili skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom għar-rapporti ta’ l-ispetturi nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu m’għandhomx jimponu obbligu fuq Gvern Kontraenti biex jagħti valur ogħla lil rapport ta’ spettur barrani minn dak li kieku jkollu fil-pajjiż ta’ l-ispettur stess. Il-Gvernijiet Kontraenti għandhom jikkollaboraw biex jiffaċilitaw proċedimenti ġudizzjarji jew oħra li jsiru b’riżultat ta’ rapport ta’ spettur taħt dawn l-arranġamenti.

9.

(a)

Il-Gvernijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni ICCAT sa l-1 ta’ Marzu ta’ kull sena bil-pjanijiet proviżorji għall-parteċipazzjoni f’dawn l-arranġament matul is-sena ta’ wara u l-Kummissjoni tista’ tagħmel suġġerimenti lill-Gvenijiet Kontraenti għall-koordinament ta’ l-operazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam inklużi l-għadd ta’ spetturi u bastimenti li jġorru l-ispetturi.

(b)

L-arranġamenti mniżżla f’din ir-rakkomandazzjoni u l-pjanijiet għall-parteċipazzjoni għandhom japplikaw bejn il-Gvernijiet Kontraenti sakemm mhux maqbul mod’ieħor bejniethom; u tali qbil għandu jiġi notifikat lill-Kummissjoni ta’ l-ICCAT:

Dment madankollu, li l-implimentazzjoni ta’ l-iskema għandha tkun sospiża bejn żewġ Partijiet Kontraenti jekk wieħed minnhom ikun innotifika lill-Kummissjoni ICCAT għaldaqstant, sakemm jiġi kompletat ftehim.

10.

(a)

It-tagħmir tas-sajd għandu jkun spezzjonat skond ir-regolamenti fis-seħħ għas-subżona li fih isseħħ l-ispezzjoni. L-ispettur għandu jiddikjara n-natura ta’ dan il-ksur f’dan ir-rapport.

(b)

L-ispetturi għandu jkollhom l-awtorità jispezzjonaw it-tagħmir tas-sajd kollu li qed jintuża jew dak it-tagħmir tas-sajd li jinsab fuq il-gverta lest biex jintuża.

11.

L-ispettur għandu jwaħħal marka ta’ identifikazzjoni approvata mill-Kummissjoni ICCAT ma’ kwalunkwe tagħmir tas-sajd spezzjonat li jidher li hu fi ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ICCAT fis-seħħ fir-rigward ta’ l-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat u għandu jirreġistra dan il-fatt fir-rapport tiegħu.

12.

L-ispettur jista’ jieħu ritratti tat-tagħmir b’mod li jiġu żvelati dawk il-karatteristiċi li fl-opinjoni tiegħu mhumiex f’konformità mar-regolament fis-seħħ, li f’dan il-każ is-soġġetti li jittieħdilhom ritratt għandhom ikunu elenkati fir-rapport u kopji tar-ritratti għandhom ikunu mehmuża mal-kopja tar-rapport lill-Istat tal-bandiera.

13.

L-ispettur għandu jkollu l-awtorità, soġġetta għal kwalunkwe limitu imposta mill-Kummissjoni ICCAT, li jeżamina l-karatteristiċi tal-qabdiet, biex jistabbilixxi jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ICCAT humiex qed jiġu osservati. Hu għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-awtoritajiet ta’ l-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat malajr kemm jista’ jkun. (Rapport Biennali 1974/75, Parti II).

Fjamma ICCAT:

Image

(1)  Il-kaptan tirreferi għall-individwu li huwa fil-kmand tal-bastiment