21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 337/56


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1542/2007

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

dwar il-proċeduri ta’ ħatt l-art u użin ta’ aringi, kavalli u sawrell

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni għas-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 23(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jipprovdi li jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati fir-rigward tat-twaqqif ta’ l-istrutturi amministrattivi u tekniċi meħtieġa biex jiġu żgurati kontroll, spezzjoni u infurzar effettivi kif stipulat fl-Artikolu 23(3) tiegħu.

(2)

Biex tiġi assigurata l-kompetizzjoni ġusta, huwa xieraq li jiġu introdotti proċeduri armonizzati għall-ħatt l-art u l-użin ta’ aringi, kavalli u sawrell.

(3)

Bejn l-2002 u l-2005 ġew żviluppati proċeduri għall-ħatt l-art u l-użin, permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità, in-Norveġja u l-Gżejjer Faroe u dawn iddaħħlu bħala parti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja matul il-fażi ta’ żvilupp bħala miżuri tranżitorji tekniċi u ta’ kontroll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 41/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi għall-2007 l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet [ħażniet] ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (2).

(4)

Għall-finijiet ta’ kontroll u spezzjoni adegwati tal-qabdiet ta’ aringi, kavalli u sawrell li jinħattu l-art minn bastimenti Komunitarja, dan għandu jsir biss f’portijiet apposta fil-Komunità jew f’pajjiżi terzi li japplikaw sistema simili għas-sistema Komunitarja għall-ħatt l-art u l-użin ta’ dawk l-ispeċijiet.

(5)

Biex tittejjeb l-akkuratezza ta’ l-informazzjoni mdaħħla fil-ġurnal ta’ abbord, huwa meħtieġ li jkunu previsti ċerti eċċezzjonijiet għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta’ Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-qabdiet ta’ ħut ta’ l-Istati Membri (3). Għal raġunijiet ta’ ċarezza huwa xieraq li jkun speċifikat li ċerti rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament japplikaw flimkien ma’ dawk stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika komuni tas-sajd (4) [politika tas-sajd komuni].

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Skop

Dan ir-Regolament għandu japplika għal qabdiet li jinħattu l-art fil-Komunità Ewropea minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità u ta’ pajjiżi terzi, jew minn bastimenti tas-sajd Komunitarji f’pajjiżi terzi, ta’ kwantitajiet, għal kull qabda li tinħatt, li taqbeż l-10 tunnellati ta’ aringi (Clupea harengus), kavalli (Scomber scombrus) u sawrell (Trachurus spp.), jew taħlita tagħhom, maqbuda

(a)

għall-aringi fiż-żoni I, II, IIIa, IV, Vb, VI, u VII ta’ l-ICES (5);

(b)

għall-kavalli u s-sawrell fiż-żoni IIa, IIIa, IV, VI, u VII ta’ l-ICES.

Artikolu 2

Portijiet magħżula

1.   Għandu jkun ipprojbit li jinħattu l-art qabdiet ta’ aringi, kavalli jew sawrell barra l-portijiet magħżula mill-Istati Membri jew pajjiżi terzi li kkonkludew ftehimiet mal-Komunità rigward il-ħatt l-art ta’ ħut bħal dan.

2.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jittrażmetti lill-Kummissjoni lista ta’ portijiet magħżula li fihom jistgħu jinħattu l-art qabdiet ta’ aringi, kavalli u sawrell. Għandu ukoll jikkomunika lill-Kummissjoni il-proċeduri ta’ spezzjoni u sorveljanza applikabbli f’dawk il-portijiet, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet għar-reġistrar u r-rappurtar tal-kwantitajiet ta’ kwalunkwe speċijiet bħal dawn f’kull qabda li tinħatt l-art.

3.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jittrażmetti lill-Kummissjoni, għallinqas 15-il jum qabel ma jidħlu fis-seħħ, kwalunkwe tibdiliet fil-listi ta’ portijiet u għall-proċeduri ta’ spezzjoni u sorveljanza msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, flimkien mal-lista ta’ portijiet magħżula minn pajjiżi terzi, lill-Istati Membri kollha kkonċernati.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jippubblikaw lista ta’ portijiet magħżula, u tibdiliet li jsirulha, fil-websajts tagħhom.

KAPITOLU II

ĦATT L-ART FIL-KOMUNITÀ

Artikolu 3

Id-dħul fil-port

1.   Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd, inkella l-aġent tiegħu, għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn għandha tinħatt il-qabda, mill-inqas erba’ sigħat bil-quddiem bid-dħul fil-port tal-ħatt ta’ l-Istat Membru kkonċernat, dwar dan li ġej:

(a)

il-port li fih biħsiebu jidħol, isem il-bastiment u n-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu;

(b)

stima tal-ħin tal-wasla f’dak il-port;

(ċ)

il-kwantitajiet f’kilogrammi piż ħaj skond l-ispeċi miżmuma abbord;

(d)

iż-żona li fiha saret il-qabda, kif definit fl-Artikolu 10(d) hawn taħt.

2.   Stat Membru jista’ jipprevedi perjodu ta’ notifika iqsar minn dak stipulat fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni 15-il jum qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom itellgħu din l-informazzjoni fuq il-websajts rispettivi tagħhom.

Artikolu 4

Rilaxx

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandhom jesiġu li r-rilaxx ma jibdiex qabel jiġi awtorizzat. Jekk ir-rilaxx jiġi interrott, għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni qabel ikun jista’ jkompli.

Artikolu 5

Il-ġurnal ta’ abbord

1.   Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-punt 4.2 ta’ l-Anness IV għar-Regolament (KEE) Nru 2807/83, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd għandu jissottometti, immedjatament mal-wasla tiegħu fil-port, il-paġna jew paġni rilevanti tal-ġurnal ta’ abbord lill-awtorità kompetenti fil-port tal-ħatt l-art.

2.   Il-kwantitajiet miżmuma abbord, notifikati qabel il-ħatt l-art kif jissemma fl-Artikolu 3(1)(c), għandhom ikunu ugwali għall-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord wara li dan jimtela.

3.   Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2807/83 il-marġini permessi tat-tolleranza fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord għandha tkun 10 %.

Artikolu 6

Użin ta’ ħut frisk

1.   Ix-xerrejja kollha li jixtru ħut frisk għandhom jiżguraw li l-kwantitajiet kollha li jirċievu jintiżnu fuq sistemi approvati mill-awtoritajiet kompetenti. L-użin għandu jsir qabel ma l-ħut jintgħażel, jiġi pproċessat, jinħażen, jiġi ttrasportat mill-port tal-ħatt u jerġa’ jinbiegħ. Iċ-ċifra li tirriżulta mill-użin għandha tintuża biex jimtlew id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, noti ta’ bejgħ u dikjarazzjonijiet ta’ konsenja.

2.   Fid-determinazzjoni tal-piż, kull tnaqqis għall-ilma m’għandux jaqbeż 2 %.

Artikolu 7

Użin ta’ ħut frisk wara t-trasport

1.   B’deroga mill-Artikolu 6(1), l-Istati Membri jistgħu jippermettu li ħut frisk jintiżen wara t-trasport mill-port tal-ħatt l-art sakemm il-ħut ma jkunx intiżen mal-ħatt u jiġi ttrasportat lejn destinazzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru għal mhux aktar minn 100 kilometru mill-port fejn inħatt l-art.

2.   L-użin tal-ħut frisk wara t-trasport, kif jissemma fil-paragrafu 1, jista’ jkun permess biss jekk:

(a)

it-tanker li fih ikun trasportat il-ħut ikun akkumpanjat minn spettur mill-post tal-ħatt l-art sal-post fejn jintiżen il-ħut, jew

(b)

l-awtoritajiet kompetenti fil-post tal-ħatt l-art jagħtu l-approvazzjoni tagħhom biex il-ħut jiġi ttrasportat.

3.   L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

immedjatament qabel ma t-tanker jitlaq mill-port tal-ħatt l-art, ix-xerrej jew l-aġent tiegħu irid jagħti dikjarazzjoni miktuba lill-awtoritajiet kompetenti, li fiha jsemmi l-ispeċi tal-ħut u l-isem tal-bastiment li minnu l-ħut ġie rilaxxat, in-numru uniku ta’ l-identità tat-tanker u dettalji tad-destinazzjoni fejn il-ħut ikun se jintiżen; id-dikjarazzjoni trid tinkludi d-data u l-ħin kif ukoll il-ħin stmat tal-wasla tat-tanker fid-destinazzjoni.

(b)

kopja tad-dikjarazzjoni prevista fil-punt (a) trid tinżamm mis-sewwieq matul it-trasport tal-ħut, u tingħata lir-riċevitur tal-ħut fid-destinazzjoni.

Artikolu 8

Faċilitajiet ta’ l-użin tal-ħut frisk imħaddma pubblikament

Fil-każijiet fejn jintużaw faċilitajiet ta’ użin pubbliċi, il-parti li tiżen il-ħut għandha tipprovdi lix-xerrej nota tal-piż li tindika d-data u l-ħin ta’ l-użin u n-numru ta’ l-identifikazzjoni tat-tanker. Kopja tan-nota tal-piż għandha tinhemeż man-nota tal-bejgħ jew dikjarazzjoni tal-konsenja.

Artikolu 9

Faċilitajiet ta’ l-użin tal-ħut frisk imħaddma privatament

1.   F’każijiet fejn jintużaw faċilitajiet privati ta’ l-użin, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Is-sistema ta’ l-użin għandha tkun approvata, ikkalibrata u ssiġillata mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Il-parti li tiżen il-ħut għandha żżomm reġistru ta’ l-użin, bil-paġni legati fi ktieb u nnumerati, li jindika:

(a)

l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment li minnu nħatt l-art il-ħut,

(b)

in-numru ta’ l-identifikazzjoni tat-tankers għall-każijiet fejn il-ħut ġie ttrasportat mill-port tal-ħatt l-art qabel intiżen skond l-Artikolu 7. Kull tagħbija tat-tanker għandha tintiżen u tiġi rreġistrata għaliha,

(ċ)

l-ispeċi tal-ħut,

(d)

il-piż ta’ kull ħatt l-art,

(e)

id-data u l-ħin tal-bidu u t-tmiem ta’ l-użin.

4.   Meta l-użin isir fuq sistema ta’ konvejer belt, din għandha tkun mgħammra b’miter viżibbli li jirreġistra t-total kumulattiv tal-piż. Il-valur muri fuq il-miter mal-bidu ta’ l-użin kif ukoll it-total kumulattiv għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru ta’ l-użin. Kull darba li tintuża s-sistema għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru ta’ l-użin.

Artikolu 10

It-tikkettjar tal-ħut iffriżat

Il-bastimenti għandhom jitħallew iħottu biss ħut iffriżat li jkun identifikat permezz ta’ tikketta jew timbru li jinqara b’mod ċar. It-tikketta jew timbru, imqiegħda fuq kull kaxxa jew blokka ta’ ħut iffriżat jindika:

(a)

l-isem jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti li jkun qabad il-ħut;

(b)

speċi;

(ċ)

id-data ta’ produzzjoni;

(d)

iż-żona li fiha saret il-qabda; iż-żona għandha tirreferi għas-sub-żona u taqsima jew sub-taqsima li fihom japplikaw il-limiti tal-qbid skond il-liġi tal-Komunità.

Artikolu 11

Użin ta’ ħut iffriżat

1.   Ix-xerrejja kollha u detenturi ta’ ħut iffriżat għandhom jiżguraw li l-kwantitajiet kollha maħtuta l-art jintiżnu qabel ma l-ħut jiġi pproċessat, jinħażen, jiġi ttrasportat mill-port tal-ħatt l-art jew jinbiegħ. Il-piż tal-ħut iffriżat li jinħatt fil-kaxxi għandu jiġi ddeterminat skond l-ispeċi permezz tal-moltiplikazzjoni ta’ l-għadd totali ta’ kaxxi bil-piż nett medju għal kaxxa, li jiġi kkalkulat skond il-metodoloġija stipulata fl-Anness.

2.   Il-parti li tiżen il-ħut għandha żżomm reġistru tal-ħatt, li jindika:

(a)

l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment li minnu nħatt l-art il-ħut;

(b)

l-ispeċijiet tal-ħut li nħattu;

(ċ)

id-daqs tal-lott u l-kampjun tal-pallets skond l-ispeċi, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-punt 1 ta’ l-Anness;

(d)

il-piż ta’ kull pallet fil-kampjun u l-piż medju tal-pallets;

(e)

l-għadd ta’ kaxxi fuq kull pallet fil-kampjun;

(f)

il-piż ta’ kull kaxxa vojta, jekk differenti mill-piż tal-kaxxi vojta speċifikat fil-punt 4 ta’ l-Anness;

(g)

il-piż medju ta’ pallet vojt, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-punt 3(b) ta’ l-Anness;

(h)

il-piż medju kull kaxxa, skond l-ispeċi.

3.   Iċ-ċifra li tirriżulta mill-użin għandha tintuża biex jimtlew id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, noti ta’ bejgħ u dikjarazzjonijiet ta’ konsenja.

Artikolu 12

Iż-żamma tad-dokumenti ta’ l-użin

Ir-reġistru ta’ l-użin u r-reġistri msemmija fl-Artikolu 9(3) u 11(2) u l-kopji tad-dikjarazzjonijiet bil-miktub ipprovduti fl-Artikolu 7(3)(b) għandhom jinżammu għal sitt snin.

Artikolu 13

Nota tal-bejgħ u dikjarazzjoni ta’ konsenja

Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 il-proċessur, ir-riċevitur jew ix-xerrej tal-ħut kollu maħtut l-art għandhom jissottomettu kopja tan-nota ta’ bejgħ jew dikjarazzjoni ta’ konsenja lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat malli jintalbu jagħmlu dan imma fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 48 siegħa wara t-tlestija ta’ l-użin.

Artikolu 14

Aċċess mill-awtoritajiet kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess sħiħ f’kull ħin għas-sistema ta’ l-użin, ir-reġistri ta’ l-użin, id-dikjarazzjonijiet bil-miktub u l-postijiet kollha fejn jiġi pproċessat u jinżamm il-ħut.

Artikolu 15

Verifiki

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki amministrattivi fuq il-ħatt l-art kollu dwar il-qbil ta’ dawn li ġejjin:

(1)

kwantitajiet skond l-ispeċi indikati fl-avviż minn qabel tal-ħatt l-art, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(c), u l-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment,

(2)

il-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment mal-kwantitajiet irreġistrati fuq id-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art,

(3)

il-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fid-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art mal-kwantitajiet irreġistrati fid-dikjarazzjoni ta’ konsenja jew nota tal-bejgħ,

(4)

iż-żona fejn seħħ il-qbid, kif reġistrata fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment u d-data VMS għall-bastiment ikkonċernat.

Artikolu 16

Spezzjoni sħiħa

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jiżguraw li minn ta’ l-inqas 15 % tal-kwantitajiet ta’ ħut maħtut l-art u minn ta’ l-inqas 10 % tal-ħatt l-art ta’ ħut ikunu suġġetti għal spezzjonijiet sħaħ. Spezzjonijiet bħal dawn għandhom isiru skond il-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   L-użin tal-qabda mill-bastiment għandu jiġi ssorveljat skond l-ispeċi. Fil-każ ta’ bastimenti li jippumpjaw il-qabda l-art, għandu jiġi ssorveljat l-użin ta’ l-iskarika globali. Fil-każ tal-ħatt l-art ta’ ħut iffriżat, il-kaxxi kollha għandhom jintiżnu u l-metodoloġija għall-ikkalkular tal-piż nett medju tal-kaxxi msemmija fl-Anness għandha tiġi ssorveljata.

3.   Id-data li ġejja għandha tiġi kontro-verifikata, apparti minn dik imsemmija fl-Artikolu 15:

(a)

il-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fir-reġistru ta’ l-użin mal-kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fid-dikjarazzjoni ta’ konsenja jew in-nota tal-bejgħ;

(b)

id-dikjarazzjonijiet bil-miktub irċevuti mill-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikolu 7(3)(a) u d-dikjarazzjonijiet bil-miktub miżmuma mid-destinatarju tal-ħut, skond l-Artikolu 7(3)(b);

(ċ)

in-numri ta’ l-identità tat-tankers imdaħħla fir-reġistru ta’ l-użin skond l-Artikolu 9(3)(b) u n-numri li jidhru fid-dikjarazzjonijiet bil-miktub previsti fl-Artikolu 7(3)(a).

4.   Għandu jiġi vverifikat li l-bastiment m’għandux iżjed ħut abbord, ladarba r-rilaxx ikun intemm.

Artikolu 17

Dokumentazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ spezzjoni

L-attivitajiet kollha ta’ spezzjoni koperti mill-Artikolu 16 għandhom jiġu ddokumentati. Tali dokumentazzjoni għandha tinżamm għal sitt snin.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

(2)  ĠU L 15, 20.1.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 898/2007 (ĠU L 196, 28.7.2007, p. 22).

(3)  ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1804/2005 (ĠU L 290, 4.11.2005, p. 10).

(4)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(5)  Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3880/91 tas-17 ta’ Diċembru 1991 dwar is-sottomissjoni ta’ statistika nominali dwar il-qabda mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal ta’ l-Atlantiku (ĠU L 365, 31.12.1991, p. 1) kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 448/2005 (ĠU L 74, 19.3.2005, p. 5).


ANNESS

Metodoloġija għall-kalkolu tal-piż medju nett ta’ kaxxi jew blokok ta’ ħut iffriżat

1.

Il-piż medju kull kaxxa għandu jiġi ddeterminat skond l-ispeċi, permezz tal-pjan ta’ kampjunar tat-tabella ta’ hawn taħt. Il-kampjun tal-pallets għandu jiġi magħżul b’mod aleatorju.

Pjan ta’ teħid ta’ kampjuni

Daqs tal-lott

(għadd ta’ kaxxi)

Daqs tal-kampjun

(għadd ta’ pallets × 52 kaxxa)

5 000 jew inqas

3

5 001 –10 000

4

10 001 –15 000

5

15 001 –20 000

6

20 001 –30 001

7

30 001 –50 000

8

Aktar minn 50 000

9

2.

Kull pallet ta’ kaxxi fil-kampjun għandu jintiżen. Il-piż gross totali tal-pallets kollha fil-kampjun għandu jiġi diviż bl-għadd totali ta’ pallets fil-kampjun biex wieħed jasal għall-piż gross medju kull pallet ta’ kull speċi.

3.

Biex wieħed jasal għall-piż nett medju kull kaxxa ta’ kull speċi, għandhom jitnaqqsu dawn li ġejjin mill-piż gross medju tal-pallet imsemmi fil-punt 2:

(a)

Il-piż medju ta’ kull kaxxa vojta – ugwali għall-piż tas-silġ, kartun, plastik jew materjal ta’ ppakkjar ieħor u mmoltiplikat bl-għadd ta’ kaxxi fuq il-pallet;

(b)

Il-piż medju ta’ disa’ pallets vojta kif jintużaw fil-ħatt.

Il-piż nett li jirriżulta għal kull pallet ta’ kull speċi imbagħad għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ kaxxi fuq il-pallet.

4.

Il-piż ta’ kull kaxxa vojta msemmi fil-punt 3(a) għandu jkun ta’ 1,5 kg. L-Istati Membri jistgħu jużaw kaxxi b’piż vojt differenti, jekk jissottomettu l-metodoloġija tal-kampjunar tagħhom u kwalunkwe tibdil li jsirilha għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.