21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 337/35


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1535/2007

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu.

Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),

Wara l-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv għall-għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex, permezz ta’ Regolament, tistipula limitu li ladarba jinqabeż, l-għajnuniet ma jkunux meqjusa li jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għaldaqstant ma jkunux suġġetti għall-proċedura tan-notifika stabbilita bl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(2)

Il-Kummissjoni applikat l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat u b’mod partikolari ċċarat il-kunċett ta’ l-għajnuna għall-finijiet ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, f’għadd ta’ deċiżjonijiet. Iċċarat ukoll il-politika tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-limitu de minimis, li ladarba jinqabeż, ikun jista’ jagħti lok għall-inapplikkabbiltà ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, fl-ewwel lok fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-għajnuniet de minimis  (3), imbagħad fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis  (4), sostitwit fl-1 ta’ Jannar 2007 mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuniet de minimis  (5). Minħabba r-regoli speċifiċi u r-riskji applikabbli fis-settur agrikolu u peress li anke l-ammonti l-aktar baxxi ta’ għajnuniet jistgħu jissodisfaw il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat f’dan is-settur, ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 eskluda lis-settur agrikolu mill-ambitu ta’ applikazzjoni tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 eskluda lis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli mill-ambitu ta’ applikazzjoni tiegħu.

(3)

Għalkemm l-esperjenza miksuba matul is-snin uriet li anke l-ammonti l-aktar baxxi ta’ għajnuniet mogħtija fis-settur ta’ l-agrikoltura jistgħu ma jissodisafawx il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jekk jikkonkorru ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet xi regoli li jippermettu l-għoti ta’ għajnuniet de minimis fis-settur imsemmi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004 tas-6 ta’ Ottubru 2004 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuniet de minimis fis-settur ta’ l-agrikoltura (6). Dan ir-Regolament li bis-saħħa tiegħu l-ammont totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija lill-istess intrapriża huwa kkunsidrat li ma jissodisfax il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jekk ma jaqbiżx EUR 3 000 għal kull benefiċjarju fuq perjodu ta’ tliet snin u lanqas l-ammont akkumulat stabbilit mill-Istat Membru u li jirrappreżenta 0.3 % tal-produzzjoni annwali tas-settur agrikolu, ikopri kemm il-produzzjoni primarja u l-attivitajiet ta’ l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli.

(4)

Minħabba x-xebh li jeżisti bejn l-attivitajiet ta’ l-ipproċessar u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli, minn naħa, u l-attivitajiet industrijali, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ l-ipproċessar u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli ġew inklużi fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, li jirregola l-għajnuniet de minimis għall-attivitajiet industrijali. Għaldaqstant dawn l-attivitajiet ġew esklużi mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004. Għall-finijiet ta’ ċarezza, jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 jiġi abrogat u sostitwit b’regolament ġdid, applikabbli esklussivament għas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli.

(5)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza tal-Kummissjoni, l-ammont massimu ta’ għajnuna ta’ EUR 3 000 għal kull benefiċjarju fuq perjodu ta’ tliet snin jista’ jiżdied għal EUR 7 500, u l-limitu ta’ 0.3 % tal-produzzjoni annwali tas-settur agrikolu jiżdied għal 0.75 %, mingħajr ma jintlaqat il-kummerċ bejn l-Istati Membri, mingħajr ma l-kompetizzjoni tkun jew tirriskja li tkun imxekkla u mingħajr ma l-għajnuniet konċessi f’dawn il-limiti jinqabdu mill-Artikolu 87(1) tat-Trattat, kemm-il darba jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, din iż-żjieda se tippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi. Is-snin li għandhom jitqiesu huma l-eżerċizzji fiskali li tuża l-intrapriża fl-Istat Membru kkonċernat. Il-perjodu ta’ referenza ta’ tliet snin għandu jiġi vvalutat fuq bażi ta’ rotazzjoni b’tali mod li, għal kull għotja ta’ għajnuna de minimis, l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis li jingħata fis-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll matul is-sentejn fiskali ta’ qabel, jeħtieġ li jiġi ddeterminat. L-għajnuniet li fit-totalità tagħhom jeċċedu EUR 7 500 ma jistgħux jiġu maqsuma f’ammonti iżgħar biex jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-għajnuniet għall-esportazzjoni u lanqas għall-għajnuniet li jiffavorixxu l-użu ta’ prodotti nazzjonali għad-detriment tal-prodotti importati. B’mod partikolari, l-għajnuniet għat-twettiq u għall-funzjonament ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni f’pajjiżi oħrajn għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni tiegħu. L-għajnuniet li jimmiraw li jkopru l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali u l-ispejjeż għal studji jew għal servizzi ta’ konsulenza neċessarji għall-introduzzjoni ta’ prodott ġdid jew ta’ prodott eżistenti f’suq ġdid ġeneralment ma jikkostitwixxux għajnuniet għall-esportazzjoni.

(7)

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, meta l-Komunità tkun adottat regolament dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur determinat ta’ l-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li min-natura tagħha tmur kontra jew hija ta’ ħsara għal dik l-organizzazzjoni (7). Hu għalhekk li dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-għajnuniet li l-ammont tagħhom huwa ffissat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq.

(8)

Għall-finijiet ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis, jeħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għall-istess metodu ta’ kalkolu. Biex jiġi ffaċilitat il-kalkolu, jeħtieġ li l-ammont ta’ l-għajnuniet mogħtija mod ieħor milli taħt il-forma ta’ sussidji jkun konvertit f’ammont ekwivalenti għas-sussidju gross. Il-kalkolu ta’ l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross tal-forom ta’ għajnuniet trasparenti minbarra s-sussidji jew l-għajnuniet li jitħallsu f’ħafna biċċiet jeħtieġ l-użu tar-rati ta’ interess tas-suq fis-seħħ fil-mument ta’ l-għotja. Fir-rigward ta’ applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat, huwa xieraq li jiġi meqjus li r-rati tas-suq applikabbli għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma r-rati ta’ referenza ffissati perjodikament mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi u li huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jew fuq l-Internet. Madankollu jista’ jkun meħtieġ li jiżdiedu xi punti ta’ bażi addizzjonali mar-rata bażika fir-rigward ta’ garanziji fornuti jew ta’ riskju assoċjat mal-benefiċjarju.

(9)

F’din l-istess perspettiva ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis, dan ir-Regolament m’għandux japplika ħlief għall-għajnuniet de minimis trasparenti. B’“għajnuna trasparenti”, wieħed għandu jifhem għajnuna li biha huwa possibbli li jkun ikkalkolat preċiżament u minn qabel l-ekwivalenti għas-sussidju gross, mingħajr il-ħtieġa ta’ analiżi tar-riskju. Dan il-kalkolu preċiż jista’, per eżempju, jintuża għal sussidji, għal titjib fir-rati ta’ l-interessi jew għal eżenzjonijiet fiskali fissi. L-għajnuniet li jikkonsistu f’self vantaġġjuż għandhom jitqiesu bħala għajnuniet de minimis trasparenti meta jiġi kkalkulat l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross fuq il-bażi tar-rati ta’ l-interess applikabbli fuq is-suq fil-mument ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna. L-għajnuniet li jikkonsistu f’xi kontribuzzjonijiet ta’ kapitali m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuniet de minimis trasparenti, ħlief jekk l-ammont totali tal-kontribuzzjoni f’kapital pubbliku huwa anqas mil-limitu de minimis għal kull benefiċjarju. L-għajnuniet li jikkonsistu f’miżuri ta’ investiment kapitali bħal dawk indikati fil-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat bl-għan li jippromwovu l-investimenti f’forma ta’ investimenti kapitali f’intrapriżi żgħar u medji (8) m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuniet de minimis trasparenti, ħlief jekk, fil-qafas tas-sistema ta’ l-investiment kapitali kkonċernat, il-kontribuzzjoni kapitali għal kull intrapriża benefiċjarja ma taqbiżx il-limitu de minimis għal kull benefiċjarju.

(10)

Huwa neċessarju li tingħata sigurtà ġuridika lis-sistemi ta’ garanzija li mhumiex sensittivi li jaffettwaw l-iskambji u li jħassru l-kompetizzjoni u li għalihom hija disponibbli data suffiċjenti li tippermetti li teżamina l-effetti potenzjali b’mod affidabbli. Dan ir-Regolament għandu minn dak il-ħin jipprevedi limitu speċifiku għall-garanziji, bbażat fuq l-ammont garantit tas-self bażi. Dan il-limitu speċifiku għandu jkun determinat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ta’ l-ammont ta’ għajnuna Statali inkluż fis-sistemi ta’ garanzija li jkopru s-self favur xi intrapriżi vijabbli. Dan m’għandux japplika lanqas għall-għajnuniet individwali ad hoc konċessi barra mill-qafas ta’ sistema ta’ garanzija, u lanqas għall-garanziji li jiffokaw fuq tranżazzjonijiet moħbija li ma jikkostitwixxux self, bħal per eżempju l-garanziji li jiffokaw fuq operazzjonijiet f’kapital. Il-limitu speċifiku għandu jkun iffissat fuq il-bażi tal-fatt li, meta titqies rata limitu (rata bażika netta) ta’ 13 % li tikkorrispondi max-xenarju l-anqas favorevoli għas-sistemi ta’ garanziji fil-Komunità, garanzija li tikkorrispondi għal EUR 56 250 tista’ tkun ikkunsidrata li għandha ammont ta’ sussidju gross ekwivalenti għal-limitu de minimis ta’ EUR 7 500. Huma biss il-garanziji li jkopru massimu ta’ 80 % tas-self moħbi li għandhom jiġu koperti mil-limitu speċifiku. Metodoloġija approvata mill-Kummissjoni wara notifika fuq il-bażi ta’ regolamentazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuniet mill-Istat tista’ ugwalment tintuża mill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, is-sussidju gross ekwivalenti li qiegħed fil-garanzija, jekk il-metodoloġija approvata tiffoka b’mod espliċitu fuq it-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjonijiet moħbija kkonċernati.

(11)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-intrapriżi f’diffikultà fis-sens tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-irkupru u għar-ristrutturar ta’ intrapriżi f’diffikultà fid-dawl tad-diffikultajiet (9) marbuta mad-determinazzjoni ta’ l-ammont tas-sussidju gross ekwivalenti għall-għajnuna konċessa lil dan it-tip ta’ intrapriżi.

(12)

Skond il-prinċipji li jirregolaw l-għajnuniet stipulati fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat, l-għajnuna de minimis għandha titqies daqs li kieku kienet konċessa fil-mument ta’ l-għoti tad-dritt tad-dħul ta’ din l-għajnuna lill-intrapriża, bis-saħħa tar-regolamentazzjoni nazzjonali applikabbli.

(13)

Sabiex jiġi evitat li d-dispożizzjonijiet dwar l-intensitajiet ta’ għajnuniet massimi ffissati fi strumenti Komunitarji differenti ma jiġux injorati, l-għajnuniet de minimis ma jistgħux jiġu akkumulati ma’ l-għajnuniet mill-Istat għall-istess infiq ammissibbli jekk din l-akkumulazzjoni twassal għal intensità ta’ għajnuna li taqbeż il-livell stipulat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz tar-regolamentazzjoni Komunitarja.

(14)

Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibilità li miżura adottata minn Stat Membru ma tkunx ikkunsidrata bħala għajnuna Statali fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat fuq bażi oħra għajr dan ir-Regolament, per eżempju fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet kapitali jew ta’ garanziji, għax il-miżura kkonċernata hija konformi mal-prinċipju ta’ l-investitur privat li jopera fil-kundizzjonijiet normali f’ekonomija tas-suq.

(15)

Il-Kummissjoni għandha tassigura li r-regoli applikabbli għall-għajnuniet mill-Istat jiġu osservati u, b’mod partikolari, li l-għajnuniet konċessi b’konformità mar-regola de minimis jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fuq is-suġġett. B’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni stipulat fl-Artikolu 10 tat-Trattat, l-Istati Membri huma obbligati li jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan l-għan billi jiġi stabbilit il-mekkaniżmu neċessarju biex ikun assigurat li l-ammont totali ta’ l-għajnuniet konċessi b’konformità ma’ l-imsemmija regola la jaqbeż il-limitu ta’ EUR 7 500 għal kull benefiċjarju, u lanqas il-kwoti globali stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-valur tal-produzzjoni fis-settur agrikolu. Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri, meta jagħtu għajnuna de minimis, jinfurmaw lill-impriża kkonċernata bl-ammont ta’ għajnuna allokat u bil-karattru de minimis tagħha, billi jirreferu għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, qabel l-allokazzjoni ta’ l-għajnuna, l-Istat Membru għandu jikseb mingħand l-impriża dikjarazzjoni li tirrigwarda l-għajnuniet l-oħra de minimis li tkun irċeviet matul l-eżerċizzju fiskali attwali u ż-żewġ eżerċizzji preċedenti, u għandu jivverifika bir-reqqa jekk l-għajnuna l-ġdida twassalx biex l-ammont totali ta’ għajnuniet de minimis irċevuti jaqbżu l-limiti applikabbli. L-osservanza ta’ dawn il-limiti tista’ wkoll tkun ivverifikata permezz ta’ reġistru ċentrali. Fil-każ ta’ sistemi ta’ garanziji mwettqa mill-Fond Ewropew ta’ l-Investiment, dan ta’ l-aħħar jista’ jistabbilixxi lista ta’ benefiċjarji u jeżiġi lill-Istati Membri biex dawn jinformaw lill-benefiċjarji bl-għajnuna de minimis riċevuta.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 kellu inizjalment jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2008. Peress li dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ qabel din id-data, jeħtieġ li jiġu mfissra l-konsegwenzi ta’ l-applikazzjoni tiegħu, għall-għajnuniet konċessi għall-intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli kif mitlub mir-Regolament (KE) Nru 1860/2004.

(17)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni u partikolarment minħabba l-bżonn li tkun riveduta regolarment il-politika tagħha fil-qasam ta’ l-għajnuniet mill-Istat, huwa meħtieġ li jkun limitat il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament. Fil-każ fejn dan jiskadi mingħajr ma jkun ġie mġedded, l-Istati Membri jkollhom perjodu ta’ adattament ta’ sitt xhur għall-għajnuniet de minimis li jkunu saru skond dawn id-dispożizzjonijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu ta’ l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-għajnuniet konċessi lill-intrapriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli, bl-eċċezzjoni ta’:

(a)

l-għajnuniet li l-ammont tagħhom huwa stipulat skond il-prezz jew il-kwantità tal-prodotti fis-suq;

(b)

l-għajnuniet li jiffavorixxu l-attivitajiet marbuta ma’ l-esportazzjoni, jiġifieri l-għajnuniet direttament marbuta mal-kwantitajiet esportati, mat-twettiq jew mal-funzjonament ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ma’ spejjeż oħra kurrenti marbuta ma’ l-attività ta’ l-esportazzjoni;

(ċ)

l-għajnuniet suġġetti għall-użu preferenzjali tal-prodotti nazzjonali fuq prodotti importati;

(d)

l-għajnuniet konċessi lil intrapriżi f’diffikultà.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet segwenti għall-espressjonijiet li ġejjin:

1.

“intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli”: l-intrapriżi li huma attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli;

2.

“prodotti agrikoli”: il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, ħlief għall-prodotti tas-sajd u ta’ l-akwakultura koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (10).

Artikolu 3

Għajnuniet de minimis

1.   L-għajnuniet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għaldaqstant li mhumiex suġġetti għan-notifika rikjesta mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

2.   L-ammont totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija għall-istess intrapriża ma jistax jeċċedi EUR 7 500 fuq perjodu ta’ tliet snin jew ta’ tliet eżerċizzji fiskali. Dawn il-limiti japplikaw tkun xi tkun il-forma u l-ambitu ta’ l-għajnuna. Il-perjodu li għandu jitqies huwa ddeterminat permezz ta’ referenza għall-eżerċizzji fiskali użati mill-intrapriża fl-Istat Membru kkonċernat.

Jekk l-ammont ta’ għajnuna totali konċessa għal miżura ta’ għajnuna jaqbeż il-limitu msemmi fl-ewwel linja, dan l-ammont ta’ għajnuna ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anke għall-frazzjoni li ma taqbiżx dan il-limitu. F’dan il-każ, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintalab għal din il-miżura la fil-mument ta’ l-għotja ta’ l-għajnuna, u lanqas aktar tard.

3.   L-ammont akkumulat ta’ l-għajnuniet de minimis mogħti minn kull Stat Membru lill-intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli fuq perjodu ta’ tliet snin jew ta’ tliet eżerċizzji fiskali ma jaqbiżx il-valur stipulat fl-Anness.

4.   Il-limiti stipulati fil-paragrafi 2 u 3 huma mfissra bħala sussidji. Iċ-ċifri kollha użati huma f’ammonti grossi, jiġifieri qabel it-tnaqqis tat-taxxi jew imposti oħra. Meta l-għajnuna ma tieħux il-forma ta’ sussidju, l-ammont ta’ l-għajnuna li għandu jitqies huwa l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross.

5.   L-għajnuniet li jitħallsu f’diversi pagamenti għandhom isiru skond il-valur tagħhom fil-mument tal-konċessjoni. Ir-rata ta’ l-interessi li għandha tintuża biex isir u jiġi kkalkulat l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross hija r-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-konċessjoni.

6.   Dan ir-Regolament ma japplikax ħlief għall-għajnuniet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li għalihom huwa possibbli li jkun ikkalkulat b’mod preċiż u minn qabel l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross mingħajr ma jkun neċessarju li tkun effettwata analiżi tar-riskju (“għajnuniet trasparenti”). B’mod partikolari:

(a)

l-għajnuniet li jikkonsistu f’self huma kkunsidrati bħala għajnuniet trasparenti minn meta l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ rati ta’ interess applikabbli fis-suq fil-mument tal-konċessjoni ta’ l-għajnuna;

(b)

l-għajnuniet li jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet kapitali m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuniet trasparenti, ħlief jekk l-ammont totali tal-kontribuzzjoni f’kapitali pubbliċi ma taqbiżx il-limitu de minimis;

(ċ)

l-għajnuniet li jikkonsistu f’xi miżuri ta’ investiment kapitali m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuniet trasparenti, ħlief jekk, fil-qafas tas-sistema ta’ investiment kapitali kkonċernat, il-kontribuzzjoni tal-kapitali għal kull intrapriża ma taqbiżx il-limitu de minimis;

(d)

l-għajnuniet individwali mogħtija fil-qafas ta’ sistema ta’ garanziji favur xi intrapriżi li mhumiex intrapriżi f’diffikultà huma kkunsidrati bħala għajnuniet de minimis trasparenti meta l-parti “garanzija” tas-self moħbi ma taqbiżx EUR 56 250 kull intrapriża. Jekk il-parti “garanzija” tas-self moħbi ma tirrapreżentax ħlief frazzjoni ta’ dan il-limitu, l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross tal-garanzija huwa preżunt li jikkorispondi ma’ l-istess frazzjoni tal-limitu msemmi fil-paragrafu 2. Il-garanzija ma tistax taqbeż 80 % tas-self moħbi;

is-sistemi ta’ garanziji huma kkunsidrati wkoll bħala sistemi ta’ għajnuniet trasparenti jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(i)

qabel it-twettiq tagħhom, il-metodoloġija li tippermetti li jkun ikkalkulat l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross inkluż fil-garanzija għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kienet approvata mill-Kummissjoni skond ir-regolamentazzjoni adottata minn din ta’ l-aħħar fil-qasam ta’ l-għajnuniet mill-Istat;

(ii)

il-metodoloġija approvata tiffoka b’mod espliċitu fuq it-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjonijiet moħbija konċernati permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7.   L-għajnuniet de minimis ma jistgħux ikunu akkumulati ma’ l-għajnuniet mill-Istat għall-istess spejjeż ammissibbli jekk din l-akkumulazzjoni twassal għal intensità fl-għajnuna li taqbeż il-livell iffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz tar-regolamentazzjoni Komunitarja.

Artikolu 4

Kontroll

1.   Meta Stat Membru jikkunsidra li jagħti għajnuna de minimis lil xi intrapriża, dan għandu jinfurmaha bil-miktub dwar l-ammont potenzjali ta’ din l-għajnuna (espress f’ammont ekwivalenti għas-sussidju gross) kif ukoll li din l-għajnuna hija waħda de minimis, billi ssir referenza espliċita għal dan ir-Regolament u billi jikkwota t-titolu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Jekk l-għajnuna de minimis tiġi allokata lil diversi impriżi fil-kuntest ta’ reġim u jingħataw ammonti ta’ għajnuna differenti lil dawn l-impriżi, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dan l-obbligu billi jgħarraf lill-impriżi dwar ammont fiss li jikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ għajnuna li jkun jista’ jiġi allokat fil-kuntest ta’ dan ir-reġim. F’dan il-każ, dan l-ammont fiss iservi biex jiġi ddeterminat jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) hux rispettat. L-Istat Membru jrid ukoll jikseb mingħand l-impriża kkonċernata, qabel l-allokazzjoni ta’ l-għajnuna, dikjarzzjoni bil-miktub, jew f’forma elettronika, dwar l-għajnuniet de minimis oħra li tkun irċeviet matul iż-żewġ eżerċizzji fiskali preċedenti u l-eżerċizzju fiskali attwali.

L-Istat Membru għandu jikseb minn kull benefiċjarju dikjarazzjoni li tistabbilixxi li l-ammont ta’ għajnuna miksub minn dan ta’ l-aħħar ma jaqbiżx il-limitu stabbilit fl-Artikolu 3(2). Jekk dan l-ammont jinqabeż, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li l-miżura ta’ għajnuna li wasslet biex jinqabeż dan il-limitu tkun notifikata lill-Kummissjoni jew irkuprata mingħand il-benefiċjarju.

2.   L-Istat Membru għandu biss jikkonċedi għajnuna de minimis wara li jkun ivverifika li din ma twassalx biex l-ammont totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija matul il-perjodu li jkopri l-eżerċizzju fiskali kkonċernat u ż-żewġ eżerċizzji preċedenti jeċċedi l-limiti msemmija fl-Artikolu 3(2) u (3).

3.   Fil-każ fejn Stat Membru ħoloq reġistru ċentrali ta’ l-għajnuniet de minimis li fih informazzjoni kompleta dwar kull għajnuna de minimis li taqa’ fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u konċessa minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru, il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 1(2) ma tibqax tapplika meta r-reġistru jkopri perjodu ta’ tliet snin jew anqas.

4.   Meta għajnuna tingħata minn Stat Membru fuq il-bażi ta’ sistema ta’ garanziji li jagħtu garanzija li hija ffinanzjata mill-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea permezz ta’ mandat mogħti lill-Fond Ewropew ta’ l-Investiment, il-paragrafu 1(1), tista’ ma tapplikax

F’dawn il-każijiet, tapplika s-sistema ta’ kontroll sewgenti:

(a)

il-Fond Ewropew ta’ l-Investiment jistabbilixxi, kull sena u fuq il-bażi ta’ informazzjoni li l-intermedjarji finanzjarji għandhom jagħtuh, lista ta’ benefiċjarji ta’ l-għajnuna u ta’ l-ammont ekwivalenti għas-sussidju gross miksub minn kull benefiċjarju; il-Fond Ewropew ta’ l-investiment jibgħat din l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat jittrażmetti l-informazzjoni lill-benefiċjarji finali ta’ l-għajnuna fit-tliet xhur wara r-riċeviment;

(ċ)

l-Istat Membru kkonċernat jikseb dikjarazzjoni minn kull benefiċjarju li tistabbilixxi li l-ammont ta’ għajnuna de minimis miksub minn dan ta’ l-aħħar ma jaqbiżx il-limitu de minimis. Jekk dan l-ammont jinqabeż, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li l-miżura ta’ għajnuna li wasslet biex jinqabeż dan il-limitu tkun notifikata lill-Kummissjoni jew irkuprata mingħand il-benefiċjarju.

5.   L-Istati Membri jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-reġistri hekk kostitwiti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha neċessarja biex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ġewx osservati.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu hija miżmuma:

(a)

għall-għajnuniet de minimis individwali, matul perjodu ta’ għaxar snin li għandhom jiddekorru mid-data tal-konċessjoni ta’ l-għajnuna;

(b)

għas-sistemi ta’ għajnuniet de minimis, matul perjodu ta’ għaxar snin li jibdew jgħoddu mid-data ta’ l-għotja ta’ l-aħħar għajnuna individwali skond is-sistema kkonċernata.

6.   Fuq talba miktuba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtu, fi żmien għoxrin jum ta’ xogħol jew kwalunkwe perjodu itwal iffissat fit-talba, kull informazzjoni li l-Kummissjoni tqis li hija neċessarja biex tkun tista’ tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ġewx rispettati, partikolarment l-ammont totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija lil xi intrapriża partikolari u lis-settur agrikolu ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 5

Abrogazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandu jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-għajnuniet konċessi qabel l-1 ta’ Jannar 2008 lill-intrapriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli, bil-kundizzjoni li l-imsemmija għajnuniet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1 sa 4, ħlief għar-rekwiżit ta’ referenza espliċita għal dan ir-Regolament, imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 4(1). Kull għajnuna li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet hija vvalutata mill-Kummissjoni b’konformità ma’ l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u n-noti applikabbli f’dan il-qasam.

2.   Kwalunkwe għajnuna de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 applikabbli għas-settur tal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli sad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, titqies li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għalhekk hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

3.   ma’ l-iskadenza tal-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, l-għajnuniet de minimis li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkomplu japplikaw fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet previsti b’dan ir-Regolament matul perjodu supplimentari ta’ sitt xhur.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u l-perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU C 151, 5.7.2007, p. 16.

(3)  ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9.

(4)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

(5)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

(6)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 875/2007 (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6).

(7)  Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002 fil-kwistjoni C-113/00, Spanja v il-Kummissjoni, Rek. 2002 p. I-7601, punt 73.

(8)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(9)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(10)  ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.


ANNESS

L-ammont massimu totali ta’ l-għajnuniet de minimis mogħtija lill-intrapriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli lil kull Stat Membru, skond l-Artikolu 3(3)

(EUR)

BE

51 532 500

BG

23 115 000

CZ

26 257 500

DK

59 445 000

DE

297 840 000

EE

3 502 500

IE

40 282 500

EL

75 382 500

ES

274 672 500

FR

438 337 500

IT

320 505 000

CY

4 327 500

LV

5 550 000

LT

11 572 500

LU

1 777 500

HU

44 497 500

MT

870 000

NL

165 322 500

AT

40 350 000

PL

119 542 500

PT

47 782 500

RO

98 685 000

SL

8 167 500

SK

11 962 500

FI

26 752 500

SE

30 217 500

UK

152 842 500