20.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 335/27


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1522/2007

tad-19 ta’ Diċembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 795/2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-iskema ta' ħlas waħdieni li hemm provvediment dwarha fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabilixxi ċertu skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 54(5) u 145(d) u (d) d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 (2) jintroduċi regoli għall-implimentazzjoni ta' l-iskema ta' ħlas waħdieni mill-2005.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1182/2007 (3) li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex, jiddefinixxi r-regoli għall-appoġġ diżakkoppjat u l-integrazzjoni ta’ l-appoġġ għall-banana fl-iskema ta’ ħlas waħdieni. Għandhom għalhekk jiġu adottati r-regoli ddettaljati relatati. Dawk ir-regoli ddettaljati għandhom isegwu l-istess linji bħal dawk stabbiliti diġà fir-Regolament (KE) Nru 795/2004 fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa, it-tabakk, il-qoton, il-ħops, il-pitravi, il-kannamieli, iċ-ċikwejra u l-banana.

(3)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 795/2004 għandu jiġi żviluppat aktar fir-rigward tad-definizzjoni ta' mixtliet (nurseries).

(4)

Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 795/2004 jipprovdi għal regoli ddettaljati għall-bdiewa li jkunu għamlu investimenti fil-kapaċità ta' produzzjoni jew li krew pakketti ta' raba’ fit-tul. Dawk id-dispożizzjonijiet jeħtieġu li jiġu adattati sabiex titqies is-sitwazzjoni partikolari tal-bdiewa fis-settur tal-frott u tal-ħaxix li għamlu investimenti bħal dawn jew daħlu għal kuntratti ta' kiri fit-tul qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007.

(5)

L-Istati Membri li ssieħbu mal-Komunità mill-1 ta’ Mejju 2004 stabilixxew sistema ta' identifikazzjoni għall-pakketti tar-raba’ skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Meta qalbu mis-sistema ta' identifikazzjoni l-qadima għal dik ġdida, jista' jkun li l-karatteristiċi ta' ċerti pakketti ta' raba’ kif kienu fl-2003 ma ġewx riflessi b'mod preċiż fis-sistema ta' identifikazzjoni l-ġdida minħabba diffikultajiet tekniċi. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-definizzjoni ta' “ettaru eliġibbli għal dritt ta’ l-art imwarrba” kif jissemma fl-Artikolu 54(2) ta' dak ir-Regolament f'dan il-kuntest f'dawk l-Istati Membri kollha, għandhom ikunu awtorizzati jidderogaw, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 795/2004, mir-referenza għad-data pprovduta għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna liż-żoni matul l-2003, stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 54(2) bil-kundizzjoni li jiżguraw li t-total ta' l-erja agrikola eliġibbli għal dritt tat-twarrib ta' l-art ma jiżdiedx. L-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 795/2004 għandu jkun emendat skond dan. Peress li xi wħud minn dawk l-Istati Membri implimentaw l-Iskema tal-Ħlas Waħdieni mill-1 ta’ Jannar 2007, din id-deroga għandha tapplika minn dik id-data.

(6)

Għal bdiewa li diġà ġew allokati, xtraw jew irċevew drittijiet għall-ħlas sa l-aħħar data ta' applikazzjoni għall-istabbiliment ta' drittijiet għall-ħlas għas-sena tad-determinazzjoni ta' l-ammonti u l-ettari eliġibbli kif jissemma fil-punt M ta' l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-valur u l-għadd tad-drittijiet għall-ħlas tagħhom għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid b'riżultat ta' l-ammonti ta' referenza u l-ettari dderivati mill-integrazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħxejjex. Drittijiet għall-ħlasijiet għat-twarrib ta' l-art u drittijiet soġġetti għal kundizzjonijiet speċjali m'għandhomx jitqiesu f'dan il-kalkolu.

(7)

Skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, ir-riżerva nazzjonali għandha terġa' tiġi kkostitwita bi tnaqqis ta' persentaġġ lineari ta' l-ammonti kollha ta' referenza. Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiċċaraw kif għandhom jipproċedu l-Istati Membri fir-rigward ta' l-integrazzjoni ta' l-ammont ta' referenza għall-frott u l-ħxejjex fir-riforniment tar-riżerva nazzjonali.

(8)

L-Istati Membri li japplikaw il-mudell reġjonali stabbilit fl-Artikolu 59(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandhom jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu l-għadd ta' drittijiet għall-ħlas għal kull bidwi b'riżultat ta' l-integrazzjoni ta' ettari ta' frott u ta' ħxejjex.

(9)

Id-data għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, dwar l-għażliet ipprovduti fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandha tiġi stabbilita.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 795/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(11)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 795/2004 hu emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (c) jiġi sostitwit b'li ġej:

“(c)

‘uċuh tar-raba’ permanenti’ għandha tfisser uċuh tar-raba’ kkoltivati mingħajr rotazzjoni minbarra mergħat permanenti li jokkupaw l-art għal ħames snin jew aktar u li tagħti ħsad ripetut inkluż mixtliet, u msaġar ta' rotazzjoni qasira (kodiċi NM ex 0602 90 41 ), bl-eċċezzjoni ta uċuh tar-raba’ multi annwali u l-mixtliet ta' dawk l-uċuh tar-raba’ multiannwali”.

(b)

Wara l-punt (k), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(l)

‘Mixtliet’ huma dawk kif iddefiniti fil-punt G/5 ta' l-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/115/KE (*1) rigward id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi, il-lista ta' prodotti agrikoli, l-eċċezzjonijiet għad-definizzjonijiet u r-reġjuni u d-distretti rigward l-istħarriġ ta' l-istruttura ta' l-azjendi agrikoli.

(*1)   ĠU L 38, 12.2.2000, p. 1.” "

(2)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-investimenti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex, id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun l-1 ta’ Novembru 2007.”

(b)

Fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-investimenti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun l-1 ta’ Novembru 2007.”;

(c)

Fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-kiri fit-tul fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun l-1 ta’ Novembru 2007.”;

(3)

Fl-Artikolu 32(4) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament, fil-każ li l-Istati Membri ġodda fl-ambitu ta' l-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jkunu ltaqgħu ma' diffikultajiet tekniċi biex jiddeterminaw il-limiti ta' ċerti pakketti ta' raba’ b'konsegwenza tat-transizzjoni mis-sistema ta' identifikazzjoni tal-pakketti tar-raba’ eżistenti fid-data msemmija fl-Artikolu 54(2) ta' dak ir-Regolament għas-sistema ta' identifikazzjoni għall-pakketti ta' raba’ msemmija fl-Artikolu 20 ta' dak ir-Regolament, jistgħu jidderogaw mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 sabiex jistabbilixxu r-referenza għad-data pprovduta għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna liż-żoni għall-2003 fit-30 ta’ Ġunju 2006. Għandhom jieħdu azzjoni biex jipprevjenu kwalunkwe żieda sinifikanti fl-erja totali eliġibbli għal drittijiet ta' twarrib. Madankollu l-Bulgarija u r-Rumanija jistgħu jiffissaw it-30 ta’ Ġunju 2007 bħala dik id-data.”

(4)

Il-Kapitolu 6c li ġej għandu jiddaħħal qabel il-Kapitolu 7:

“KAPITOLU 6 C

L-INKLUŻJONI TAS-SETTUR TAL-FROTT U TAL-ĦXEJJEX FL-ISKEMA TAL-ĦLAS WAĦDIENI

Artikolu 48f

Regoli ġenerali

1.   Għall-finijiet ta' l-istabbiliment ta' l-ammont u d-determinazzjoni tad-drittijiet għall-ħlas fil-kuntest ta' l-integrazzjoni tas-settur tal-frott u tal-ħxejjex fl-iskema tal-ħlas waħdieni, l-Artikoli 37 u 43 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandhom japplikaw suġġetti għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 48g ta' dan ir-Regolament u, fil-każ li l-Istat Membru jkun għamel użu mill-possibilità pprovduta fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, fl-Artikolu 48h ta' dan ir-Regolament.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 795/2004, għall-allokazzjoni ta' drittijiet għall-ħlas li jirriżultaw mill-integrazzjoni tas-settur tal-frott u tal-ħxejjex fl-iskema tal-ħlas waħdieni, l-Istati Membri jistgħu jgħaddu għall-identifikazzjoni tal-bdiewa eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2008.

3.   Skond kif ikun il-każ, l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu japplika għall-valur tad-drittijiet għall-ħlas kollha li kienu jeżistu qabel l-integrazzjoni ta' l-appoġġ għall-frott u l-ħxejjex u għall-ammonti ta' referenza kkalkolati għall-appoġġ finanzjarju għall-frott u l-ħxejjex.

4.   Il-perċentwali ta' tnaqqis iffissat mill-Istati Membri skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jgħodd għall-ammonti ta' referenza li jikkorrispondu għall-prodotti tal-frott u l-ħxejjex integrati fl-iskema ta' ħlas waħdieni.

5.   Il-perjodu ta' ħames snin imsemmi fl-Artikolu 42(8) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 m'għandux jerġa' jibda għad-drittijiet għall-ħlas li jirriżultaw mir-riżerva nazzjonali li l-ammont tagħha jkun ġie kkalkulat mill-ġdid jew miżjud skond l-Artikoli 48g u 48h ta' dan ir-Regolament.

6.   Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1), l-Artikoli 12 sa 17, l-Artikolu 20 u l-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex, l-ewwel sena ta' applikazzjoni ta' l-iskema tal-ħlas waħdieni għandha tkun is-sena li fiha l-Istat Membru jiddetermina l-ammonti u l-ettari eliġibbli kif jissemma fil-punt M ta' l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, filwaqt li jitqies il-perjodu transitorju fakultattiv ta' tliet snin, kif jissemma fit-tielet paragrafu ta' dak il-punt.

Artikolu 48g

Regoli speċifiċi

1.   Jekk, sa l-aħħar data għall-applikazzjoni għall-istabbiliment tad-drittijiet għall-ħlas stabbilita skond l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, il-bidwi ma jkollux id-dritt għal ħlasijiet inkella jkollu biss drittijiet għat-twarrib, jew drittijiet soġġetti għal kundizzjonijiet speċjali, huwa għandu jirċievi drittijiet għall-ħlas, ikkalkulati skond l-Artikoli 37 u 43 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għall-frott u l-ħaxix.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll meta l-bidwi jkun kera bi drittijiet ta' ħlas bejn l-ewwel sena ta' applikazzjoni ta' l-iskema tal-ħlas waħdieni u s-sena ta' l-integrazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħaxix.

2.   Jekk il-bidwi ġie allokat jew xtara jew irċieva drittijiet ta' pagament sa l-aħħar data għall-applikazzjoni għall-istabbiliment ta' drittijiet għall-ħlas stabbiliti skond l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, il-valur u l-għadd ta' drittijiet għall-ħlas li għandu, jridu jiġu kkalkulati mill-ġdid b'dan il-mod:

(a)

l-għadd ta' drittijiet għall-ħlas għandu jkun l-istess bħall-għadd ta' drittijiet għall-ħlas fis-sjieda tiegħu, miżjud bl-għadd ta' ettari stabbiliti skond l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għall-frott u l-ħxejjex, patata għall-ikel u mixtliet;

(b)

il-valur għandu jinkiseb billi s-somma tal-valur tad-drittijiet ta' pagament tiegħu u l-ammont ta' referenza kkalkulat skond l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għall-appoġġ finanzjarju għall-frott u l-ħxejjex tiġi diviża bin-numru stabbilit skond il-punt (a) ta' dan il-paragrafu.

Drittijiet għall-ħlasijiet għat-twarrib ta' l-art u drittijiet soġġetti għal kundizzjonijiet speċjali m'għandhomx jitqiesu fil-kalkolu msemmi f'dan il-paragrafu.

3.   Id-drittijiet għall-ħlas mikrija qabel id-data għat-tressiq ta' applikazzjoni taħt l-iskema ta' ħlas waħdieni stipulati skond l-Artikolu 12 għandhom jitqiesu fil-kalkolu msemmi fil-paragrafu 2. Madankollu, id-drittijiet għall-ħlas mikrija permezz ta' klawsola kuntrattwali kif jissema fl-Artikolu 27, qabel il-15 ta’ Mejju 2004, għandhom jitqiesu fil-kalkolu msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu biss jekk il-kundizzjonijiet tal-kiri jistgħu jiġu aġġustati.

Artikolu 48h

Implimentazzjoni reġjonali

1.   Meta Stat Membru jkun għamel użu mill-għażla pprovduta fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-bdiewa għandhom jirċievu għadd ta' drittijiet għall-ħlas li jkun ugwali għall-għadd ta' ettari ġodda eliġibbli għall-frott u l-ħxejjex, patata għall-ikel u mixtliet skond l-Artikolu 59(4) ta' dak ir-Regolament.

Il-valur tad-drittijiet għall-ħlas jiġi kkalkulat skond il-paragrafi 2 u 3 ta' l-Artikolu 59 u l-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 63 ta' dak ir-Regolament.

L-ewwel sena ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 59(4) ta' dak ir-Regolament għandha tkun l-2008.

2.   Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-għadd addizzjonali ta' drittijiet għal kull bidwi fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi skond il-punt M ta' l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għall-frott u l-ħaxix, il-patata għall-ikel u l-mixtliet.”;

(5)

L-Artikolu 49b li ġej qed jiddaħħal qabel l-Artikolu 50:

“Artikolu 49b

L-integrazzjoni tal-frott u l-ħxejjex

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2008, id-deċiżjoni li jkunu ħadu fir-rigward ta' l-alternattivi msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, imqassma skond il-prodotti, is-sena u, fejn xieraq, ir-reġjuni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008. Madankollu, l-Artikolu 1(3) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1276/2007 (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 11).

(2)   ĠU L 141, 30.4.2004, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 608/2007 (ĠU L 141, 2.6.2007, p. 31).

(3)   ĠU L 273, 17.10.2007, p. 1.