17.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 300/32


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1347/2007

tas-16 ta’ Novembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali ta’ Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) 8

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-istandards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1725/2003 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fl-14 ta’ Settembru 2002.

(2)

Fit-30 ta’ Novembru 2006, il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika Standard Internazzjonali ta’ Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 Operating Segments (Segmenti Operattivi) (traduzzjoni mhux uffiċjali), minn issa 'l quddiem imsejjaħ “IFRS 8”. L-IFRS 8 jistipula r-rekwiżiti għall-iżvelar ta’ tagħrif dwar is-segmenti operattivi ta’ entità. L-IFRS 8 jissostitwixxi l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 14 dwar ir-rapportaġġ Segmentali.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) tikkonferma li l-IFRS 8 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1725/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1725/2003

“l-Istandard Internazzjonali ta’ Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 Segmenti Operattivi”, jiddaħħal kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRS 8 kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard mid-data tal-bidu tas-sena finanzjarja 2009 tagħha.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 261, 13.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 611/2007 (ĠU L 141, 2.6.2007, p. 49).


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TA’ RAPPORTAĠĠ FINANZJARJU

IFRS 8

IFRS 8 — SegmentI Operattivi

“Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ kkupjar għall-użu personali jew skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org”

STANDARD INTERNAZZJONALI TA’ RAPPORTAĠĠ FINANZJARJU 8

Segmenti operattivi

PRINĊIPJI ĊENTRALI

1

Entità għandha tiżvela informazzjoni biex tippermetti lil dawk li jagħmlu użu mir-rapporti finanzjarji tagħha biex jevalwaw in-natura u l-effetti finanzjarji ta’ l-attivitajiet tan-negozju li tidħol fihom u l-kuntesti ekonomiċi li fih topera.

FIRXA TA’ L-APPLIKAZZJONI

2

Dan l-IFRS għandu japplika:

(a)

għar-rapporti finanzjarji separati jew individwali ta’ entità:

(i)

li l-istrumenti ta’ debitu jew kapital tagħha jiġu nnegozjati f'suq pubbliku (f'borża domestika jew barranija jew f'suq finanzjarju barra l-borża (OTC), inkluż swieq lokali u reġjonali); jew

(ii)

li ssottomettiet, jew tinsab fil-proċess biex tissottometti, ir-rapporti finanzjarji tagħha ma’ kummissjoni tat-titoli finanzjarji jew organizzazzjoni regolatorja oħra bil-għan li jinħarġu kwalunkwe sett ta’ strumenti f'suq pubbliku; kif ukoll

(b)

għar-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ grupp b'entità prinċipali:

(i)

li l-istrumenti ta’ debitu jew ta’ ekwità tagħha jiġu nnegozjati f'suq pubbliku (f'borża domestika jew barranija jew f'suq finanzjarju barra l-borża (OTC), inkluż swieq lokali u reġjonali); jew

(ii)

li ssottomettiet, jew tinsab fil-proċess biex tissottometti, ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha ma’ kummissjoni tat-titoli finanzjarji jew organizzazzjoni regolatorja oħra bil-għan li jinħarġu kwalunkwe sett ta’ strumenti f'suq pubbliku.

3

Jekk entità li mhix meħtieġa biex tapplika dan l-IFRS tagħżel li tiżvela informazzjoni dwar segmenti li ma jikkonformawx ma’ dan l-IFRS, m'għandhiex tiddeskrivi l-informazzjoni bħala informazzjoni segmentali.

4

Jekk rapport finanzjarju ikun fih kemm ir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ entità prinċipali li taqa' fl-ambitu ta’ dan l-IFRS kif ukoll bħala r-rapporti finanzjarji separati ta’ l-entità prinċipali, informazzjoni segmentali tkun meħtieġa biss fir-rapporti finanzjarji konsolidati.

SEGMENTI OPERATTIVI

5

Segment operattiv huwa sezzjoni minn entità:

(a)

li jidħol f'attivitajiet tan-negozju li minnhom jista’ jaqla’ u jonfoq (inkluż dħul u nfiq b'rabta ma’ transazzjonijiet ma’ sezzjonijiet oħra ta’ l-istess entità);

(b)

li r-riżultati tal-ħidma tiegħu huma regolarment analizzati mill-kap operattiv ta’ l-entità li jieħu d-deċiżjonijiet, biex jieħu d-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi li għandhom jiġu allokati lis-segment u biex jivvaluta r-rendiment tiegħu; u

(ċ)

li għalih hija disponibbli biżżejjed informazzjoni diskreta finanzjarja.

Segment operattiv jista’ jidħol f'attivitajiet tan-negozju li minnhom għad irid ikollu dħul, pereżempju, operazzjonijiet ġodda jistgħu jkunu segmenti operattivi qabel ma jibda jkollhom dħul.

6

Mhux kull parti ta’ entità hija neċessarjament segment operattiv jew parti minn segment operattiv. Pereżempju, kwartieri tal-kumpanija jew xi dipartimenti funzjonali jistgħu ma jkunux qed idaħħlu flus jew jistgħu jdaħħlu flus li huma biss inċidentali għall-attivitajiet ta’ l-entità u ma jkunux segmenti operattivi. Għall-finijiet ta’ l-IFRS, il-pjanijiet tal-benefiċċji ta’ l-irtirar mill-impieg ta’ entità mhumiex segmenti operattivi.

7

It-term “kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet” jidentifika funzjoni, mhux neċessarjament maniġer b'titlu speċifiku. Dik il-funzjoni hija li talloka r-riżorsi lil, u tanalizza r-rendiment tas-segment operattiv ta’ entità. Spiss il-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet ta’ entità huwa l-uffiċjal kap eżekuttiv jew l-uffiċjal kap operattiv imma, pereżempju, jista’ jkun grupp ta’ diretturi eżekuttivi jew oħrajn.

8

Għal bosta entitajiet, it-tliet karatteristiċi ta’ segmenti operattivi deskritti fil-paragrafu 5, kjarament jidentifikaw is-segmenti operattivi tagħhom. Madankollu, entità tista’ tipproduċi rapporti fejn l-attivitajiet tan-negozju ġew ippreżentati b'modi diversi. Jekk il-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet juża aktar minn ġabra waħda ta’ informazzjoni segmentali, fatturi oħrajn jistgħu jidentifikaw sett singolu ta’ sezzjonijiet li jikkositwixxu s-segmenti operattivi ta’ entità, inkluż in-natura ta’ l-attivitajiet tan-negozju ta’ kull sezzjoni, l-eżistenza ta’ maniġers responsabbli għalihom, u informazzjoni ppreżentata lill-bord tad-diretturi.

9

Ġeneralment, segment operattiv ikollu maniġer tas-segment, li jkun iwieġeb direttament lil u jżomm kuntatt regolari mal-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet, li jiddiskuti attivitajiet operattivi, riżultati finanzjarji, previżjonijiet jew pjanijiet għas-segment. It-terminu “maniġer tas-segment” jidentifika funzjoni, mhux neċessarjament maniġer b'titlu speċifiku. Il-kap operattiv li jieħu d-deċizjonijiet jista’ wkoll ikun il-maniġer tas-segment għal xi segmenti operattivi. Maniġer wieħed jista’ jkun maniġer tas-segment għal aktar minn segment operattiv wieħed. Jekk il-karatteristiċi f'paragrafu 5 japplikaw għal aktar minn sett wieħed ta’ sezzjonijiet f'organizzazzjoni imma jkun hemm biss sett wieħed li għalihom il-maniġers tas-segmenti jridu jwieġbu, dan is-sett ta’ sezzjonijiet jikkostitwixxi s-segmenti operattivi.

10

Il-karatteristiċi fil-paragrafu 5 jistgħu japplikaw għal tnejn jew aktar settijiet ta’ sezzjonijiet li jikkoinċidu, li għalihom il-maniġers jinżammu responsabbli. Din l-istruttura xi drabi tissejjaħ bħala forma ta’ organizzazzjoni matriċi. Pereżempju, f'ċerti entitajiet, xi maniġers ikunu responsabbli għal linji ta’ prodotti u servizzi differenti madwar id-dinja, filwaqt li maniġers oħra jkunu responsabbli għal żoni ġeografiċi speċifiċi oħra. Il-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet regolarment janalizza r-riżultati operattivi taż-żewġ settijiet ta’ sezzjonijiet, u l-informazzjoni finanzjarja hija disponibbli dwar it-tnejn. F'dik is-sitwazzjoni, l-entità għandha tiddetermina liema sett ta’ sezzjonijiet jikkostitwixxi s-segmenti operattivi b'riferenza għall-prinċipji ta’ qofol.

SEGMENTI RAPPORTABBLI

11

Entità għandha tirrapporta separatament l-informazzjoni dwar kull segment operattiv li:

(a)

ġie identifikat skond il-paragrafi 5-10 jew jirriżulta minn aggregazzjoni ta’ tnejn jew aktar ta’ dawk is-segmenti skond il-paragrafu 12; u

(b)

jeċċedi l-limiti kwantitattivi tal-paragrafu 13.

Il-paragrafi 14-19 jispeċifikaw sitwazzjonijiet oħra li fihom għandha tiġi rrapportata informazzjoni separata dwar segment operattiv.

Kriterji ta’ l-aggregazzjoni

12

Segmenti operattivi bosta drabi juru rendiment finanzjarju fit-tul simili jekk dawn ikollhom karatteristiċi ekonomiċi simili. Pereżempju, marġni grossi medji simili għal żewġ segmenti operattivi jkunu mistennija jekk il-karatteristiċi ekonomiċi tagħhom kienu simili. Tnejn jew aktar segmenti operattivi jistgħu jiġu aggregati f'segment operattiv wieħed jekk l-aggregazzjoni tkun konsistenti mal-prinċipji ta’ qofol ta’ din l-IFRS, is-segmenti għandhom karatteristiċi simili u s-segmenti huma simili f'dan li ġej:

(a)

in-natura tal-prodotti u s-servizzi;

(b)

in-natura tal-proċessi tal-produzzjoni;

(ċ)

it-tip jew klassi ta’ klijenti għal prodotti jew servizzi tagħhom;

(d)

il-metodi użati biex jitqassmu għall-prodotti tagħhom jew biex jiġu pprovduti s-servizzi; kif ukoll

(e)

jekk applikabbli, in-natura ta’ l-ambjent regolatorju, pereżempju, l-operazzjonijiet bankarji, l-assigurazzjoni jew l-utilitajiet pubbliċi.

Limiti kwantitattivi

13

Entità għandha tirrapporta separatament l-informazzjoni dwar segment operattiv li jilħaq kwalunkwe wieħed mil-limiti kwantitattivi li ġejjin:

(a)

id-dħul irrapportat tiegħu, inkluż kemm il-bejgħ lill-klijenti esterni kif ukoll bejgħ jew trasferimenti lill-segmenti oħra, huwa 10 fil-mija jew aktar mid-dħul konsolidat, intern u estern, tas-segmenti kollha operattivi;

(b)

l-ammont assolut tal-profitt jew telf irrapportat huwa anqas minn 10 fil-mija jew aktar mill-akbar ammont, f'ammont assolut, (i) mill-profitt konsolidat irrapportat tas-segmenti operattivi kollha li ma rrapportawx telf, u (ii) mit-telf konsolidat irrapurtat tas-segmenti operattivi kollha li rrapportaw telf;

(ċ)

l-assi tiegħu huma 10 fil-mija jew aktar mill-assi kollha tas-segmenti operattivi kollha.

Segmenti operattivi li ma jilħqu l-ebda wieħed mil-limiti kwantitattivi jistgħu jitqiesu rapportabbli, u jiġu rrapportati separatament, jekk il-maniġment jemmen li l-informazzjoni dwar is-segment tista’ tkun utli għal dawk li jużaw ir-rapporti finanzjarji.

14

Entità tista’ tikkumbina informazzjoni dwar segmenti operattivi li ma jkunux jilħqu l-limiti kwantitattivi ma’ l-informazzjoni dwar segmenti operattivi oħra li ma jilħqux il-limiti kwantitattivi biex jirriżultaw f'segment rapportabbli, jekk biss is-segmenti operattivi jkollhom karatteristiċi ekonomiċi simili u għandhom komuni l-biċċa l-kbira tal-kriterji ta’ l-aggregazzjoni mniżżla fil-paragrafu 12.

15

Jekk it-total tad-dħul estern irrapportat mis-segmenti operattivi huwa anqas minn 75 fil-mija tad-dħul ta’ l-entità, segmenti operattivi oħra għandhom jiġu identifikati wkoll bħala segmenti rapportabbli (anki jekk dawn ma jilħqux il-kriterji fil-paragrafu 13) sakemm ta’ lanqas 75 fil-mija tad-dħul ta’ l-entità jiġi inkluż fis-segmenti rapportabbli.

16

Informazzjoni dwar attivitajiet tan-negozju oħrajn u segmenti operattivi li mhumiex rapportabbli għandha tiġi kkumbinata u żvelata f'kategorija dwar “is-segmenti l-oħra kollha” separatament mill-elementi rinkonċiljabbli l-oħra fir-rikonċiljazzjonijiet rekwiżiti mill-paragrafu 28. Is-sorsi tad-dħul inklużi fil-kategorija dwar “is-segmenti l-oħra kollha” għandhom jiġu deskritti.

17

Jekk il-maniġment jiddeċiedi li segment operattiv identifikat bħala rapportabbli fil-perjodu immedjatament preċedenti huwa ta’ importanza kontinwa, l-informazzjoni dwar dak is-segment għandha tibga’ tiġi rrapportata separatament fil-perjodu attwali ukoll jekk m'għadhiex tilħaq il-kriterji tar-rapportabbiltà fil-paragrafu 13.

18

Jekk segment operattiv jiġi identifikat bħala segment rapportabbli fil-perjodu attwali skond il-limiti kwantitattivi, data dwar is-segment għal perjodu preċedenti ppreżentat għall-skopijiet komparattivi, għandha tiġi riformulaa biex turi s-segment rapportabbli l-ġdid bħala segment separat, ukoll jekk dak is-segment ma jissodisfax il-kriterji tar-rapportabbiltà, stipulati fil-paragrafu 13, tul il-perjodu preċedenti, sakemm l-informazzjoni rekwiżita ma tkunx disponibbli u l-kost biex tiġi prodotta ma jkunx għoli żżejjed.

19

Jista’ jkun hemm limitu prattiku għall-għadd ta’ segmenti rapportabbli li entità tiżvela separatament, li meta jinqabeż l-informazzjoni dwar is-segment tista’ tkun dettaljata żżejjed. Minkejja li ma ġie deċiż l-ebda limitu preċiż, meta l-għadd ta’ segmenti rapportabbli skond il-paragrafi 13-18 jaqbeż l-għaxra, l-entità għandha tikkunsidra jekk intlaħaqx limitu prattiku.

ŻVELAR

20

Entità għandha tiżvela informazzjoni biex tippermetti lil dawk li jagħmlu użu mir-rapporti finanzjarji tagħha biex jevalwaw in-natura u l-effetti finanzjarji ta’ l-attivitajiet tan-negozju li tidħol fihom u l-kuntest ekonomiku li fih topera.

21

Biex jitwettaq il-prinċipju tal-paragrafu 20, entità għandha tiżvela li ġej għal kull perjodu li għalih ikun ippreżentat rapport finanzjarju:

(a)

informazzjoni ġenerali kif deskritt fil-paragrafu 22;

(b)

informazzjoni dwar il-profitt jew telf irrapportat tas-segment, inkluż id-dħul u l-infiq speċifikati inklużi fil-profitt jew telf irrapportati tas-segment, l-assi tas-segment, l-obbligazzjonijiet tas-segment u l-bażi tal-kalkolu, kif deskritt fil-paragrafi 23-27; kif ukoll

(ċ)

ir-rikonċiljazzjonijiet tat-totali tad-dħul tas-segment, il-profitt jew telf irrapportat tas-segment, l-assi tas-segment, l-obbligi tas-segment u elementi sostanzjali oħra tas-segment ma’ ammonti korrispondenti ta’ l-entità kif deskritt fil-paragrafu 28.

Ir-rikonċiljazzjonijiet ta’ l-ammonti fil-karta tal-bilanċi tas-segmenti rapportabbli ma’ l-ammonti fil-karta tal-bilanċi ta’ l-entità huma meħtieġa għal kull data li fiha ġiet ippreżentata karta tal-bilanċ. Informazzjoni għall-perjodi preċedenti għandha tiġi riformulata kif deskritt fil-paragrafi 29 u 30.

Informazzjoni ġenerali

22

Entità għandha tiżvela l-informazzjoni ġenerali li ġejja:

(a)

fatturi użati biex jiġu identifikati s-segmenti rapportabbli ta’ l-entità, inkluż il-bażi organizzattiva (pereżempju, jekk il-maniġment għażilx li jorganizza l-entità skond id-differenzi bejn il-prodotti u is-servizzi, skond iż-żoni ġeografiċi, il-kuntesti regolatorji, jew skond taħlita ta’ fatturi u jekk s-segmenti operattivi ġewx aggregati); u

(b)

tipi ta’ prodotti u servizzi li minnhom kull segment rapportabbli jkollu dħul.

Informazzjoni dwar profitt jew telf, assi u obbligazzjonijiet

23

Entità għandha tirrapporta kalkolu ta’ profitt jew telf u l-assi totali ta’ kull segment rapportabbli. Entità għandha tirrapporta kalkolu ta’ obbligazzjonijiet għal kull segment rapportabbli jekk tali ammont ikun regolarment ipprovdut lill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet. Entità għandha wkoll tiżvela li ġej dwar kull segment rapportabbli jekk l-ammonti speċifikati jkunu inklużi fil-kalkolu tal-profitt jew telf tas-segment analizzat mill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet, jew xorta oħra jkunu regolarment ipprovduti lill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet, anki jekk mhux inklużi f'dak il-kalkolu tal-profitt jew telf tas-segment:

(a)

id-dħul minn klijenti esterni;

(b)

id-dħul minn transazzjonijiet ma’ segmenti operattivi oħrajn fi-ħdan l-istess entità;

(ċ)

id-dħul mill-interessi;

(d)

l-ispiża fuq l-interessi;

(e)

id-deprezzament u l-ammortizzament;

(f)

l-elementi sostanzjali ta’ dħul u infiq żvelat skond il-paragrafu 86 u l-IAS 1 Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanazjarji [traduzzjoni mhux uffiċjali];

(g)

l-interess ta’ l-entità fil-profitt jew it-telf ta’ assoċjati jew proġetti konġunti rrappreżentati bil-metodu ta’ l-ekwità;

(h)

l-ispiża jew id-dħul mit-taxxa fuq id-dħul; kif ukoll

(i)

l-elementi sostanzjali mhux f'kontanti minbarra d-deprezzament u l-ammortizzament.

Entità għandha tirrapporta d-dħul mill-interessi separatament mill-ispiża fuq l-interessi għal kull segment rapportabbli ħlief jekk il-parti l-kbira tad-dħul tas-segment ikun mill-interessi u l-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet primarjament joqgħod fuq id-dħul nett mill-interessi biex jevalwa r-rendiment tas-segment u jieħu d-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi li għandhom jiġu allokati lis-segment. F'dik is-sitwazzjoni, entità tista’ tirrapporta d-dħul mill-interessi ta’ dak is-segment nett mill-ispiża fuq l-interessi u tiddikjara li qed tagħmel dan.

24

Entità għandha wkoll tiżvela dan li ġej dwar kull segment rapportabbli jekk l-ammonti speċifikati jkunu inklużi fil-kalkolu ta’ l-assi tas-segment analizzat mill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet, jew xorta oħra jkunu regolarment ipprovduti lill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet, ukoll jekk mhux inklużi f'dak il-kalkolu ta’ l-assi tas-segment:

(a)

l-ammont ta’ investiment f’ assoċjati jew proġetti konġunti rrappreżentati bil-metodu ta’ l-ekwità; u

(b)

l-ammonti ta’ żidiet għall-assi mhux kurrenti (1) apparti mill-istrumenti finanzjarji, assi ta’ taxxa differita, assi ta’ benefiċċji ta’ l-irtirar mill-impieg (ara l-IAS 19 Il-Benefiċċji ta’ l-Impjegat (traduzzjoni mhux uffiċjali) il-paragrafi 54-58) u drittijiet li joriġinaw minn kuntratti ta’ l-assigurazzjoni.

KALKOLU

25

L-ammont għal kull element ta’ segment irrapportat għandu jkun il-kalkolu rrapportat lill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet bl-iskop li jieħu d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi lis-segment u jevalwa r-rendiment tiegħu. Tibdil u tħassir li jsiru fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji ta’ entità u l-allokazzjoni ta’ dħul, spejjeż, u qliegħ jew telf għandhom jiġu inklużi biex jiġi determinat il-profitt jew telf irrapportat tas-segment biss fil-każ li dawn ikunu inklużi fil-kalkolu tal-profitt jew telf tas-segment użat mill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet. Bl-istess mod, dawk l-assi u obbligazzjonijiet biss li huma inklużi fil-kalkoli ta’ l-assi u obbligazzjonijiet tas-segment użati mill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjoni għandhom jiġu rrapportati għal dak is-segment. Jekk ammonti jiġu allokati fil-profitt jew it-telf, l-assi jew l-obbligazzjonijiet irrapportati tas-segment, dawn l-ammonti għandhom jiġu allokati b'mod raġonevoli.

26

Jekk il-kap operattiv li jieħu d-deċiżjoni juża biss kalkolu wieħed ta’ profitt jew telf ta’ segment operattiv, u ta’ l-assi jew obbligazzjonijiet tas-segment fl-evalwazzjoni tar-rendiment tas-segment u fid-deċiżjoni dwar kif jiġu allokati r-riżorsi, il-profitt jew telf, l-assi u l-obbligazzjonijiet tas-segment għandhom jiġu rrapportati skond dawk il-kalkoli. Jekk il-kap operattiv li jieħu d-deċiżjoni juża aktar minn kalkolu wieħed ta’ profitt jew telf ta’ segment operattiv, u ta’ l-assi jew obbligazzjonijiet tas-segment, il-kalkoli rrapportati għandhom jkunu dawk li l-maniġment jemmen li ntgħażlu skond il-prinċipji tal-kalkolazzjoni l-aktar konsistenti ma’ dawk użati fil-kalkolu ta’ l-ammonti korrispondenti fir-rapporti finanzjarji ta’ l-entità.

27

Entità għandha tagħti spjegazzjoni tal-kalkoli ta’ profitt jew telf, l-assi u l-obbligazzjonijiet tas-segment għal kull segment rapportabbli. Ta’ lanqas, entità għandha tiżvela dan li ġej:

(a)

il-bażi tal-kontabbiltà ta’ kwalunkwe transazzjonijiet bejn segmenti rapportabbli;

(b)

it-tip ta’ kwalunkwe differenzi bejn il-kalkoli tal-profitti jew telf tas-segmenti rapportabbli u l-profitt jew telf ta’ l-entità qabel l-ispiża jew dħul mit-taxxa tad-dħul u l-operazzjonijiet li ma tkomplewx (sakemm ma jkunux jidhru mir-rikonċiljazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 28). Dawk id-differenzi jistgħu jinkludu politiki ta’ kontabbiltà u politiki ta’ allokazzjoni ta’ spejjeż minfuqa fiċ-ċentru li jkunu meħtieġa biex tinftiehem l-informazzjoni tas-segment irrapportata;

(ċ)

it-tip ta’ kwalunkwe differenzi bejn il-kalkoli ta’ l-assi tas-segmenti rapportabbli u l-assi ta’ l-entità (sakemm ma jkunux jidhru mir-rikonċiljazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 28). Dawk id-differenzi jistgħu jinkludu politiki ta’ kontabbiltà u politiki ta’ allokazzjoni ta’ assi ta’ użu konġunt meħtieġa biex tinftiehem l-informazzjoni tas-segment irrapportata;

(d)

it-tip ta’ kwalunkwe differenzi bejn il-kalkoli ta’ l-obbligazzjonijiet tas-segmenti rapportabbli u l-obbligazzjonijiet ta’ l-entità (sakemm ma jkunux jidhru mir-rikonċiljazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 28). Dawk id-differenzi jistgħu jinkludi politiki ta’ kontabbiltà u politiki ta’ allokazzjoni ta’ obbligazzjonijiet ta’ użu konġunt meħtieġa biex tinftiehem l-informazzjoni tas-segment irrapportata;

(e)

it-tip ta’ kwalunkwe bidliet minn perjodu preċedenti fil-metodi tal-kalkolu użati biex jiddeterminaw il-profitt jew telf irrapportat tas-segment u l-effett, fejn applikabbli, ta’ dawn il-bidliet fuq il-kalkolu tal-profitt jew telf tas-segment;

(f)

it-tip u l-effett ta’ kwalunkwe allokazzjonijiet asimetriċi għas-segmenti rapportabbli. Pereżempju, entità tista’ talloka spiża ta’ deprezzament lil segment mingħajr ma talloka l-assi deprezzabbli relatati lill-istess segment.

Rikonċiljazzjonijiet

28

Entità għandha tipprovdi rikonċiljazzjonijiet għal dan kollu li ġej:

(a)

it-total tad-dħul tas-segmenti rapportabbli fid-dħul ta’ l-entità;

(b)

it-total tal-kalkoli tal-profitt jew telf tas-segmenti rapportabbli fil-profitt jew telf ta’ l-entità qabel l-ispiża tat-taxxa (jew id-dħul tat-taxxa) u l-operazzjonijiet li ma jitkomplewx. Madankollu, jekk entità talloka lis-segmenti rapportabbli elementi bħal spiża tat-taxxa (jew dħul tat-taxxa), l-entità tista’ tirrikonċilja t-total tal-kalkoli tal-profitt jew telf tas-segmenti mal-profitt jew telf ta’ l-entità wara li jkunu ddaħħlu dawk l-elementi;

(ċ)

it-total ta’ l-assi tas-segmenti rapportabbli fl-assi ta’ l-entità;

(d)

it-total ta’ l-obbligazzjonijiet tas-segmenti rapportabbli mill-obbligazzjonijiet ta’ l-entità jekk l-obbligazzjonijiet tas-segment ikunu rrapportati skond il-paragrafu 23;

(e)

it-total ta’ l-ammonti tas-segmenti rapportabbli għal kull element sostanzjali informattiv ieħor żvelat fl-ammonti korrispondenti għall-entità.

L-elementi sostanzjali kollha ta’ rikonċiljazzjoni għandhom ikunu identifikati u deskritti separatament. Pereżempju, l-ammont għal kull aġġustament sostanzjali meħtieġ għar-rikonċiljazzjoni tal-profitt jew telf ta’ segment rapportabbli mal-profitt jew telf ta’ entità li joriġina minn politiki differenti ta’ kontabbiltà għandhom ikunu identifikati u deskritti separatament.

Dikjarar mill-ġdid ta’ informazzjoni diġà rrapportata

29

Jekk entità tbiddel l-istruttura interna ta’ l-organizzazzjoni b'mod li tikkawża bidla fil-kompożizzjoni tas-segmenti rapportabbli, l-informazzjoni korrispondenti għall-perjodi preċedenti, inkluż għall-perjodi interim, għandhom ikunu ddikjarati mill-ġdid sakemm l-informazzjoni ma tkunx disponibbli u l-kost biex tinġabar ma jkunx eċċessiv. Id-deċiżjoni dwar jekk l-informazzjoni hijiex disponibbli u jekk il-kost biex tinġabar huwiex eċċessiv tittieħed għal kull element individwali li jiġi żvelat. Wara bidla fil-kompożizzoni tas-segmenti rapportabbli tagħha, entità għandha tiżvela jekk hi ddikjaratx mill-ġdid l-elementi korrispondenti ta’ l-informazzjoni segmentali għall-perjodi preċedenti.

30

Jekk entità tbiddel l-istruttura interna ta’ l-organizzazzjoni b'mod li tikkawża bidla fil-kompożizzjoni tas-segmenti rapportabbli u jekk l-informazzjoni segmentali għall-perjodi preċedenti, inkluż il-perjodi interim, ma tkunx ġiet iddikjarata mill-ġdid biex tirrifletti l-bidla, l-entità għandha tiżvela fis-sena li fiha seħħet il-bidla l-informazzjoni segmentali għall-perjodu attwali kemm dwar il-bażi l-antika kif ukoll dwar il-bażi l-ġdida ta’ segmentazzjoni, sakemm l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx disponibbli u l-kost biex tinġabar ma jkunx eċċessiv.

ŻVELAR FL-ENTITÀ KOLLHA

31

Il-paragrafi 32-34 japplikaw għall-entitajiet kollha soġġetti għal din l-IFRS inkluż dawk l-entitajiet li għandhom segment rapportabbli wieħed. Xi attivitajiet ta’ negozju ta’ entitajiet mhumiex organizzati abbażi tad-differenzi fi prodotti u servizzi relatati jew tad-differenzi fiż-żoni ġeografiċi ta’ l-operazzjonijiet. Tali segmenti rapportabbli ta’ entità jistgħu jirrapportaw dħul minn firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi essenzjalment differenti, jew aktar minn segment rapportabbli wieħed tagħha jista’ jipprovdi essenzjalment l-istess prodotti u servizzi. Bl-istess mod, segmenti rapportabbli ta’ entità jistgħu jżommu assi differenti f’żoni ġeografiċi differenti u jirrapportaw dħul minn klijenti f’żoni ġeografiċi differenti, jew aktar minn segment rapportabbli wieħed tagħha jista’ jopera fl-istess żona ġeografika. L-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 32-34 għandha tingħata biss jekk ma tkunx ingħatat bħala parti mill-informazzjoni tas-segment rapportabbli kif meħtieġa minn dan l-IFRS.

Informazzjoni dwar prodotti u servizzi

32

Entità għandha tirrapporta dħul minn klijenti esterni għal kull prodott u servizz, jew kull grupp ta’ prodotti u servizzi simili, sakemm l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx disponibbli u l-kost biex tinġabar ma jkunx eċċessiv, u f'dan il-każ dan il-fatt għandu jiġi ddikjarat. L-ammonti ta’ dħul irrapportati għandhom ikunu ibbażati fuq l-informazzjoni finanzjarja użata biex jitħejjew ir-rapporti finanzjarji ta’ l-entità.

Informazzjoni dwar żoni ġeografiċi

33

Entità għandha tirrapporta l-informazzjoni ġeografika li ġejja, sakemm l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx disponibbli u l-kost biex tinġabar ma jkunx eċċessiv:

(a)

id-dħul mill-klijenti esterni (i) imqassma skond il-pajjiż fejn l-entità hija rreġistrata, u (ii) imqassma f'total skond il-pajjiżi barranin kollha li minnhom l-entità jkollha dħul. Jekk id-dħul mill-klijenti esterni mqassam skond pajjiż barrani wieħed huwa sostanzjali, dan id-dħul għandu jiġi ddikjarat separatament. Entità għandha tiżvela l-bażi tat-tqassim tad-dħul minn klijenti esterni lill-pajjiżi individwali;

(b)

assi mhux kurrenti (2) barra l-istrumenti finanzjarji, assi ta’ taxxa differita, assi tal-benefiċċji ta’ l-irtirar mill-impieg, jeddijiet li joriġinaw mill-kuntratti ta’ l-assigurazzjoni (i) li jinsabu fil-pajjiż tar-reġistrazzjoni ta’ l-entità u (ii) li jinsabu fil-pajjiżi barranin kollha bħala total fejn l-entità għandha l-assi. Jekk l-assi minn pajjiż barrani wieħed ikunu sostanzjali, dawn l-assi għandhom ikunu ddikjarati separatament.

L-ammonti rrapportati għandhom ikunu ibbażati fuq l-informazzjoni finanzjarja użata biex jitħejjew ir-rapporti finanzjarji ta’ l-entità. Jekk l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx disponibbli u l-kost biex tinġabar ma jkunx eċċessiv, dan il-fatt għandu jiġi żvelat. Entità tista’ tipprovdi, barra l-informazzjoni meħtieġa f'dan il-paragrafu, is-subtotali ta’ l-informazzjoni ġeografika dwar gruppi ta’ pajjiżi.

Informazzjoni dwar klijenti prinċipali

34

Entità għandha tagħti informazzjoni dwar sa fejn tasal id-dipendenza tagħha fuq il-klijenti prinċipali tagħha. Jekk id-dħul minn transazzjonijiet minn klijent estern wieħed jammontaw għal 10 fil-mija jew aktar tad-dħul ta’ l-entità, l-entità għandha tiddikjara dan il-fatt, l-ammont totali tad-dħul minn kull klijent bħal dan, u l-identità tas-segment jew segmenti li qed jirrapportaw dan id-dħul. L-entità ma tinħtieġx li tiżvela l-identità ta’ klijent prinċipali jew l-ammont tad-dħul li kull segment jirrapporta minn dak il-klijent. Għall-finijiet ta’ dan l-IFRS, grupp ta’ entitajiet magħruf għall-entità li qed tirrapporta li jkun taħt kontroll komuni għandu jiġi meqjus bħala klijent wieħed, u gvern (nazzjonali, stat, provinċjali, territorjali, lokali jew barrani) u entitajiet magħrufa għall-entità li qed tirrapporta li jkunu taħt il-kontroll ta’ dak il-gvern għandhom jitqiesu bħala klijent wieħed.

DATA TA’ TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

35

Entità għandha tapplika dan l-IFRS għar-rapporti finanzjarji annwali tagħha għall-perjodi li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2009 jew wara. L-applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika dan l-IFRS għar-rapporti finanzjarji għal perjodu qabel l-1 ta’ Jannar 2009, għandha tiżvela dan il-fatt.

36

Informazzjoni segmentali għal snin preċedenti li tkun irrapportata bħala informazzjoni komparattiva għas-sena inizjali ta’ l-applikazzjoni għandha tiġi riformulata biex tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din l-IFRS, sakemm l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx disponibbli u l-kost li tinġabar ma jkunx eċċessiv.

REVOKA TA’ L-IAS 14

37

Din l-IFRS tidħol minflok l-IAS 14 Rapportar Segmentali.


(1)  Għal assi kklassifikati skond preżentazzjoni tal-likwidità, l-assi mhux kurrenti huma assi li jinkludu ammonti mistennija li jiġu rkuprati aktar minn tnax-il xahar wara d-data tal-karta tal-bilanċ.

(2)  Għal assi kklassifikati skond preżentazzjoni tal-likwidità, l-assi mhux kurrenti huma assi li jinkudu ammonti mistennija li jiġu rkuprati aktar minn tnax-il xahar wara d-data tal-karta tal-bilanċ.

Appendiċi A

Termini mfissra

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS.

Segmenti operattivi

Segment operattiv huwa parti minn entità:

(a)

li jidħol f'attivitajiet tan-negozju li minnhom jista' jaqla' u jonfoq (inkluż dħul u nfiq b'rabta ma’ transazzjonijiet ma’ partijiet oħra ta’ l-istess entità);

(b)

li r-riżultati tal-ħidma tiegħu huma regolarment analizzati mill-kap operattiv ta’ l-entità li jieħu d-deċiżjonijiet, biex jieħu d-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi li għandhom jiġu allokati lis-segment u biex jivvaluta r-rendiment tiegħu; u

(ċ)

li għalih hemm disponibbli informazzjoni diskreta finanzjarja.

Appendiċi B

Emendi għal IFRSs oħra

L-emendi għal dan l-appendiċi għandhom jiġu applikati għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2009 jew wara. Jekk entità tapplika dan l-IFRS għal xi perjodu aktar bikri, dawn l-emendi għandhom jiġu applikati għal dak il-perjodu ta' qabel. Fil-paragrafi emendati, it-test il-ġdid qed ikun sottolineat u t-test imħassar maqtugħ b'linja minn nofsu.

B1

Referenzi għal IAS 14 Rapportar Segmentali ġew emendati għal IFRS 8 Segmenti Operattivi fil-paragrafi li ġejjin:

il-paragrafu 20 ta' l-IAS 27 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati

paragrafu 130(d)(i) ta' l-IAS 36 Deterjorazzjoni ta’ l-Assi.

B2

Fl-IFRS 5 Assi mhux kurrenti Miżmuma għall-Bejgħ u Operazzjonijiet li ma Jitkomplewx, il-paragrafu 41 huwa emendat kif ġej:

“41.

Kull entità għandha tiżvela l-informazzjoni li ġejja fin-noti għall-perjodi li fihom ass mhux kurrenti (jew grupp ta' bejgħ) kien ikklassifikat jew bħala miżmum għall-bejgħ jew bħala mibjugħ:

(d)

fejn applikabbli, is-segment rapportabbli li fih l-assi mhux kurrenti (jew il-grupp ta' bejgħ) hija ppreżentata skond l-IAS 14 Rapportar Segmentali IFRS 8 Segmenti Operattivi.

B3

Fl-IFRS 6 It-Tfittxija u l-Evalwazzjoni tar-Riżorsi Minerali, il-paragrafu 21 jiġi emendat kif ġej:

21.

Entità għandha tagħżel politika ta' kontabbiltà għall-allokazzjoni ta' assi ta' tfittix u evalwazzjoni lill-unitajiet li jiġġeneraw l-flus jew kategoriji ta' unitajiet li jiġġeneraw il-flus għall-fini ta' l-ivvalutar ta' tali assi fir-rigward tad-deterjorazzjoni. Kull unità jew grupp ta' unitajiet li tiġġenera l-flus li għaliha ass ta' tfittix jew evalwazzjoni ġie allokat m'għandhiex tkun akbar minn segment ibbażat fuq jew il-format tar-rapportar primarju jew sekondarju ta' l-entità segment operattiv magħżul skond l-IAS 14 Rapportar Segmentali l-IFRS 8 Segmenti Operattivi .

B4

Fl-IAS 2 Inventarji, il-paragrafi 26 u 29 qed jiġu emendati kif ġej:

“26.

Pereżempju, inventarji użati f'segment tan negożju operattiv wieħed jistgħu jkollhom użu differenti għall-entità mill-istess tip ta' inventarji użati f'segment tan negożju operattiv ieħor. Madankollu, differenza fil-pożizzjoni ġeografika ta' l-inventarji (jew fir-regoli rispettivi tat-taxxa), weħida, mhix biżżejjed biex tiġġustifika l-użu ta' formuli ta' l-ikkostjar differenti.”

“29.

L-inventarji huma normalment reġistrati bil-valur nett realizzabli oġġett b'oġġett. F'ċerti ċirkostanzi, madankollu, jista' jixraq li oġġetti simili jew relatati jitgħaqdu fi grupp wieħed. Dan jista' jkun il-każ ma' oġġetti fl-inventarju relatati ma' l-istess linja tal-prodotti li jkollha miri jew użi finali simili, li jkunu prodotti u kummerċjalizzati fl-istess żona ġeografika, u li ma jistgħux jiġu valutati b'mod prattiku separatament mill-oġġetti l-oħra f'dik il-linja tal-prodotti. Mhux sewwa li l-inventarji jitqiesu abbażi ta' klassifika ta' inventarju, pereżempju, prodotti lesti, jew l-inventarji kollha f'segment industrijali jew ġeografiku operattiv partikolari. Fornituri tas-servizzi ġeneralment jakkumulaw l-ispejjeż fir-rigward ta' kull serviżż li għalih jintalab prezz tal-bejgħ separat. Għalhekk, kull tali servizz qed jiġi ttrattat bħala element separat.”

B5

Fl-IAS 7 Dikjarazzjonijiet tal-Likwidità, il-paragrafu 50 qed jiġi emendat kif ġej:

“50.

Informazzjoni addizzjonali tista' tkun rilevanti biex tinftiehem il-pożizzjoni finanzjarja u l-likwidità ta' entità. Żvelar ta' din l-informazzjoni, flimkien ma' kummentarju mill-maniġment, huma mħeġġa li jsiru u jistgħu jiġu inklużi:

(d)

l-ammont ta' ċaqliq tal-kontanti li joriġinaw mill-attivitajiet operattivi, ta' investiment jew finanzjament ta' kull segment industrijali jew ġeografiku rrapportat rapportabbli (ara IAS 14 Rapportar Segmentali IFRS 8 Segmenti Operattivi ).”

B6

Fl-IAS 19 Benefiċċji għall-Impjegati, l-eżempju mogħti biex jispjega l-paragrafu 115 qed jiġi emendat kif ġej:

“Eżempju biex jispjega l-paragrafu 115

Entità ma tkomplix b'segment tan-negozju operattiv u l-impjegati tas-segment li ma jitkompliex ma jigwadanjaw ebda benefiċċju ieħor …”

B7

Fl-IAS 33 Qliegħ kull Sehem, il-paragrafu 2 jinbidel kif ġej:

2.

Dan l-Istandard għandu japplika:

(a)

għar-rapporti finanzjarji separati jew individwali ta' entità:

(i)

li l-ishma ordinarji jew l-ishma ordinarji potenzjali tagħha jiġu nnegozjati f'suq pubbliku (f'borża domestika jew barranija jew f'suq finanzjarju barra l-borża (OTC), inkluż swieq lokali u reġjonali); jew

(ii)

li ssottomettiet, jew tinsab fil-proċess biex tissottometti, ir-rapporti finanzjarji tagħha ma' kummissjoni tat-titoli finanzjarji jew organizzazzjoni regolatorja oħra bil-għan li jinħarġu ishma ordinarji f'suq pubbliku; kif ukoll

(b)

għar-rapporti finanzjarji konsolidati ta' grupp b'entità prinċipali:

(i)

li l-ishma ordinarji jew l-ishma ordinarji potenzjali tagħha jiġu nnegozjati f'suq pubbliku (f'borża domestika jew barranija jew f'suq finanzjarju barra l-borża (OTC), inkluż swieq lokali u reġjonali); jew

(ii)

li ssottomettiet, jew tinsab fil-proċess biex tissottometti, ir-rapporti finanzjarji tagħha ma' kummissjoni tat-titoli finanzjarji jew organizzazzjoni regolatorja oħra bl-għan li jinħarġu ishma ordinanrji f'suq pubbliku.

B8

Fl-IAS 34 Rapportar Interim Finanzjarju, il-paragrafu 16 qed jiġi emendat kif ġej:

16.

Entità għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja, bħala minimu, fin-noti għar-rapporti interim finanzjarji, jekk tkun ta' importanza jew jekk ma tkunx żvelata x'imkien ieħor fir-rapport interim finanzjarju. L-informazzjoni għandha normalment tiġi rrapportata abbażi tas-sena finanzjarja sal-lum. Iżda, l-entità għandha wkoll tiżvella kwalunkwe avvenimenti jew transazzjonijiet li huma essenzjali biex jinftiehem il-perjodu interim attwali:

(g)

l-informazzjoni segmentali li ġejja dħul tas-segment u riżultati tas-segment tas-segmenti tan-negozju jew segmenti ġeografiċi, hi x'inhi l-bażi primarja ta' l-entità għar-rapportar segmentali (żvelar ta' informazzjoni data segmentali hija rekwiżita fir-rapport interim finanzjarju ta' entità jekk biss l-IAS 14 Rapportar Segmentali l-IFRS 8 Segmenti Operattivi jkunu jeħtieġu li l-entità tiżvela informazzjoni data segmentali fir-rapporti finanzjarji annwali tagħha); :

(i)

dħul minn klijenti esterni, jekk mhux inkluż fil-kalkolu tal-profitt jew telf segmentali analizzat mill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet jew xorta oħra pprovdut regolarment lill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet;

(ii)

dħul ġenerat bejn is-segmenti, jekk inkluż fil-kalkolu tal-profitt jew telf segmentali analizzat mill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet jew xorta oħra pprovdut regolarment lill-kap operattiv li jieħu d-deċiżjonijiet;

(iii)

kalkolu ta' profitt jew telf tas-segment;

(iv)

assi totali li għalihom kien hemm bidla sostanzjali mill-ammont żvelat fl-aħħar rapporti finanzjarji annwali;

(v)

deskrizzjoni tad-differenzi mill-aħħar rapporti finanzjarji annwali abbażi tas-segmentazzjoni jew abbażi tal-kalkolu tal-profitt jew telf segmentali;

(vi)

rikonċiljazzjoni tat-total tal-kalkoli tal-profitt jew telf tas-segmenti rapportabbli fil-profitt jew telf ta' l-entità qabel l-ispiża tat-taxxa (jew id-dħul tat-taxxa) u l-operazzjonijiet li ma jitkomplewx. Madankollu, jekk entità talloka lis-segmenti rapportabbli elementi bħal spiża tat-taxxa (jew dħul tat-taxxa), l-entità tista' tirrikonċilja t-total tal-kalkoli tal-profitt jew telf tas-segmenti mal-profitt jew telf wara li jkunu ddaħħlu dawk l-elementi. L-elementi sostanzjali ta' rikonċiljazzjoni għandhom ikunu identifikati u deskritti separatament f'dik ir-rikonċiljazzjoni;

…”

B9

IAS 36 Deterjorazzjoni ta’ l-Assi qed tiġi emendata kif deskritt hawn taħt.

Il-paragrafu 80 huwa emendat kif ġej:

80.

Għall-fini ta' l-ittestjar tad-deterjorazzjoni, il-valur tat-twillija miksub f'kombinament tan-negożju għandu, mid-data ta' l-akkwist, jiġi allokat lil kull unità ta' l-akkwirent li tiġġenera l-flus, jew gruppi ta' unitajiet li jiġġeneraw l-flus, li huma mistennija jibbenefikaw mis-sinerġiji tal-kombinament, irrispettivament jekk l-assi jew l-obbligazzjonijiet l-oħra tan-negozju li qed jinbiegħ jiġux assenjati lil dawk l-unitajiet jew gruppi ta' unitajiet. Kull unità jew grupp ta' unitajiet li għalihom il-valur tat-twillija ġie allokat b'dan il-mod għandha:

(b)

ma tkunx akbar minn segment operattiv bbażati fuq jew il-format tar-rapportar primarju jew sekondarju ta' l-entità magħżul skond l-IAS 14 Rapportar Segmentali l-IFRS 8 Segmenti Operattivi .

Il-paragrafu 129 huwa emendat kif ġej:

129.

Entità li tirrapporta informazzjoni segmentali skond l-IAS 14 Rapportar Segmentali l-IFRS 8 Segmenti Operattivi għandha tiżvela li ġej għal kull segment rapportabbli bbażat fuq il-format tar-rapportar primarju ta' l-entità:

Fil-paragrafu 130, is-subparagrafi (ċ)(ii) u (d)(ii) qed jiġu emendati kif ġej:

130.

(c) (ii)

jekk l-entità tirrapporta informazzjoni segmentali skond l-IAS 14 l-IFRS 8, is-segment rapportabbli li għalih jappartjeni l-ass, ibbażat fuq il-format tar-rapportar primarju ta' l-entità.

130.

(d) (ii)

l-ammont tat-telf mid-deterjorazzjoni rikonoxxut jew miġjub lura skond il-klassi ta' l-assi u, jekk l-entità tirrapporta informazzjoni segmentali skond l-IAS 14 l-IFRS 8, skond is-segment rapportabbli bbażat fuq il-format tar-rapportar primarju ta' l-entità; kif ukoll