13.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 294/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1321/2007
tat-12 ta’ Novembru 2007
li jistipula r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-integrazzjoni ta' tagħrif dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili skambjat skond id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’depożitu ċentrali ta’ tagħrif
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(4) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2003/42/KE titlob li jiġu stabbiliti sistemi nazzjonali ta’ rapportar ta’ okkorrenzi, sabiex tiżgura li dan ir-rappurtar ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili jsir, jinġabar, u jiġi evalwat, ipproċessat u maħżun f’databases nazzjonali. |
(2) |
L-Istati Membri għandhom jipparteċipaw fl-iskambju ta’ tagħrif rilevanti u l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ dan it-tagħrif bl-iskop uniku li jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti ta’ l-avjazzjoni, mingħajr ma dan jiddetermina ta’ min ikunu l-ħtija u r-responsabbiltà u l-anqas ma jevalwa s-sikurezza. |
(3) |
Għandu jsir l-aħjar użu mit-teknoloġija moderna għat-trasferiment ta’ tagħrif mingħajr ma jiġi pperikolat il-ħarsien tad-databases kollha. |
(4) |
L-aktar mod effikaċi għall-iskambju ta' għadd kbir ta' tagħrif bejn l-Istati Membri kollha huwa li jinħoloq depożitu ċentrali ta' tagħrif li jirċievi t-tagħrif mid-diversi databases nazzjonali u li jkun aċċessibbli mill-Istati Membri. |
(5) |
Sabiex jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull mekkaniżmu nazzjonali stabbilit skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/42/KE, id-dettalji li jirrigwardaw l-aġġornament ta’ tagħrif fornut mill-Istati Membri għandu jiġi stabbilit permezz ta’ protokoll tekniku li jkun hemm qbil dwaru bejn mill-Kummissjoni u minn kull Stat Membru. |
(6) |
Sabiex ikunu jistgħu jsiru proċeduri ta’ assikurazzjoni tal-kwalità u biex ma jkunx hemm duplikazzjoni f’rapportar ta’ okkorrenzi mill-Istati Membri, it-tagħrif miżmum fid-databases nazzjonali għandu jinżamm ukoll fid-depożitu ċentrali ta' tagħrif. |
(7) |
Sabiex l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/42/KE jiġi applikat sew, id-dritt ta’ aċċess għat-tagħrif skambjat għandu jingħata lil kwalunkwe entità li tirregola s-sikurezza ta' l-avjazzjoni ċivili jew li tinvestiga l-aċċidenti u l-inċidenti ta’ avjazzjoni ċivili fil-Komunità. |
(8) |
B’konformità ma’ l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2003/42/KE, it-tagħrif li joħroġ minn aċċidenti u inċidenti serji investigati skond id-Direttiva 94/56/KE (2) għandu jinżamm f’dawn id-databases ukoll. Madankollu, waqt investigazzjoni, fid-databases għandha tiddaħħal biss dejta fattwali, filwaqt li t-tagħrif sħiħ dwar dawn l-aċċidenti u inċidenti serji jiddaħħal meta titlesta l-investigazzjoni. |
(9) |
Il-Kummissjoni għandha terġa’ teżamina r-rilevanza, fir-rigward ta’ sikurezza, tat-tagħrif skambjat hekk kif jgħaddu sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
(10) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza fl-Ajru imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistipula miżuri li jikkonċernaw l-integrazzjoni ta’ tagħrif rilevanti relatat mas-sikurezza skambjat bejn Stati Membri f’depożitu ċentrali ta’ tagħrif, b’konformità ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/42/KE.
Artikolu 2
Depożitu ċentrali
1. Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi u tmexxi depożitu ċentrali li fih jinżamm it-tagħrif kollu li tirċievi mill-Istati Membri kif stipulat fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/42/KE.
2. Kull Stat Membru għandu jiftiehem mal-Kummissjoni dwar il-protokolli tekniċi relatati ma’ l-aġġornament tad-depożitu ċentrali permezz tat-trasferiment tat-tagħrif rilevanti kollu relatat mas-sikurezza miżmum fid-databases nazzjonali msemmi fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2003/42/KE. B'hekk ikun żgurat li t-tagħrif rilevanti kollu relatat mas-sikurezza miżmum fid-databases nazzjonali jiġi integrat fid-depożitu ċentrali.
3. B’konformità ma’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/42/KE, kwalunkwe entità li tirregola s-sikurezza ta' l-avjazzjoni ċivili jew li tinvestiga l-aċċidenti u l-inċidenti ta’ avjazzjoni ċivili fil-Komunità għandu jkollha aċċess on-line għat-tagħrif kollu miżmum fid-depożitu ċentrali, għajr għat-tagħrif li jidentifika b’mod dirett lill-operatur jew lill-ajruplan suġġett għar-rapport ta’ okkorrenza.
4. It-tagħrif li jista’ jibqa’ kunfidenzjali huwa, l-isem, id-designator code, il-kodiċi tas-sinjal jew in-numru tat-titjira ta’ l-operatur u l-marka ta’ reġistrazzjoni jew in-numru serjali/ta' kostruzzjoni ta’ l-ajruplan.
F’każijiet fejn dan it-tagħrif jitqies bħala neċessarju għall-analiżi tas-sikurezza, għandha tintalab l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istat Membru li jkun għadda t-tagħrif.
Artikolu 3
Tagħrif dwar l-investigazzjonijiet
Waqt l-investigazzjoni, it-tagħrif fattwali bażiku dwar l-aċċidenti u l-inċidenti serji għandu jiġi trasferit għad-depożitu ċentrali. Meta titlesta l-investigazzjoni, għandu jiddaħħal it-tagħrif kollu, inkluż, meta disponibbli, sinteżi bl-Ingliż tar-rapport finali ta’ l-investigazzjoni.
Artikolu 4
Eżaminazzjoni mill-ġdid
Hekk kif jgħaddu sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha terġa’ teżamina r-rilevanza, fir-rigward ta’ sikurezza, tat-tagħrif miżmum u skambjat.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Novembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Jacques BARROT
Viċi President
(1) ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23.
(2) ĠU L 319, 12.12.1994, p. 14.
(3) ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1900/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 377, 27.12.2006, p. 176).