9.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 291/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1314/2007

tat-8 ta’ Novembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 499/96 f'dak li jirrigwarda l-kwoti tariffarji tal-Komunità għal ċerti prodotti tal-ħut u tas-sajd li joriġinaw mill-Islanda

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/96 tad-19 ta’ Marzu 1996 li jintroduċi u li jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi tal-Komunità għal ċerti prodotti tas-sajd u ta’ żwiemel ħajjin li joriġinaw fl-Islanda (1), b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Lulju 2007 ntlaħaq qbil dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fiż-Żona Ekonomika Ewropea permezz tal-Ftehim għat-Tkabbir taż-ŻEE, iffirmat bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja u l-Pajjiżi Applikanti taż-ŻEE.

(2)

Sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-adozzjoni tal-Ftehim dwar it-Tkabbir taż-ŻEE ta’ l-2007, intlaħaq qbil dwar Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, li jipprovdi għall-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Tkabbir taż-ŻEE. Dak il-Ftehim ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/566/KE tat-23 ta’ Lulju 2007 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fiż-Żona Ekonomika Ewropea u f'erba' ftehimiet relatati (2).

(3)

Il-Ftehim ta’ l-2007 dwar it-Tkabbir taż-ŻEE jipprovdi għal Protokoll addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles KE-Islanda ta’ l-1972. Dan il-Protokoll addizzjonali jipprovdi għal kwoti annwali ġodda mingħajr dazju fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti prodotti tal-ħut u tas-sajd li joriġinaw fl-Islanda.

(4)

Sabiex jiġu implimentati l-kwoti tariffarji l-ġodda huwa meħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 499/96 jiġi emendat.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2594/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (3), jipprovdi għal sistema ta’ ġestjoni għall-kwoti tariffarji li għandha tintuża skond l-ordni kronoloġika tad-dati tad-dikjarazzjonijiet tad-dwana. Għal raġunijiet ta’ simplifikar, l-istess sistema għandha tapplika għall-kwoti tariffarji pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 499/96.

(6)

Il-kwoti tariffarji pprovduti fil-Protokoll addizzjonali għandhom jitqiesu bħala mhux kritiċi fil-kuntest ta’ l-Artikolu 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Għalhekk, l-Artikoli 308(c)(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament m'għandhomx japplikaw.

(7)

Skond il-Protokoll addizzjonali, il-volum mhux użat tal-kwota tariffarja għall-awwist tan-Norveġja ffriżat għall-2007 għandu jgħaddi għall-kwota tariffarja korrispondenti għall-2008.

(8)

Skond id-Deċiżjoni 2007/566/KE l-kwoti tariffarji l-ġodda jridu japplikaw mill-1 ta’ Settembru 2007. Dan ir-Regolament għalhekk għandu japplika mill-istess data u jidħol fis-seħħ immedjatament.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 499/96 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 2 u 3 huma mibdula b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Il-kwoti tariffarji stipulati f'dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti skond l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Madankollu, l-Artikoli 308c(2) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 ma għandhomx japplikaw għall-kwoti tariffarji bin-numri ta’ l-ordni 09.0810 u 09.0811.

Artikolu 3

Fejn il-kwota tariffarja bin-Nru ta’ l-ordni 09.0810 għall-kodiċi NM 0306 19 30 għall-awwist tan-Norveġja ffriżat ma tkunx totalment eżawrita sa tmiem l-2007, il-volum li jibqa' għandu jgħaddi għal fuq il-kwota tariffarja korrispondenti għall-2008.

Għal dan il-għan, allokazzjonijiet mill-kwota tariffarja għall-2007 għandhom jitwaqqfu fit-tieni jum ta’ xogħol fil-Kummissjoni wara l-1 ta’ April 2008. Fil-jum tax-xogħol ta’ wara, il-bilanċ mhux użat tal-kwota tariffarja għall-2007 għandu jsir disponibbli taħt il-kwota tariffarja korrispondenti għall-2008.

Minn dik id-data 'l quddiem l-ebda allokazzjonijiet retroattivi u l-ebda qligħ ma għandhom ikunu possibbli fuq il-kwota tariffarji partikolari għall-2007.”

(2)

L-Anness huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 75, 23.3.1996, p. 8. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1921/2004 (ĠU L 331, 5.11.2004, p. 5).

(2)   ĠU L 221, 25.8.2007, p. 1.

(3)   ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 499/96 jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

Nru ta’ l-Ordni.

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Volum tal-kwota

Il-kwota tad-dazji

(%)

“09.0810

0306 19 30

Awwisti tan-Norveġja ffriżati (Nephrops norvegicus)

 

 

Mill-1.9. sal-31.12.2007: 520 tunnellata

0

Mill-1.1. sal-31.12.2008: 520 tunnellata

0

Mill-1.1. sat-30.4.2009: 174 tunnellata

0

09.0811

0304 19 35

Flettijiet tar-redfish (Sebastes spp.), friski jew imkessħa

 

 

Mill-1.9. sal-31.12.2007: 750 tunnellata

0

Mill-1.1. sal-31.12.2008: 750 tunnellata

0

Mill-1.1. sat-30.4.2009: 250 tunnellata

0 ”