27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 283/25


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1265/2007

tas-26 ta’ Ottubru 2007

li jistabbilixxi rekwiżiti għal spazjar tal-kanali vokali mill-ajru għall-art għall-Ajru Uniku Ewropew

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2004, dwar l-interoperabilità tax-xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni tat-Traffiku ta’ l-Ajru (ir-Regolament dwar l-interoperabilità) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2004, li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta’ l-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Iż-żieda fil-livelli tat-traffiku ta’ l-ajru fix-xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni tat-Traffiku ta’ l-Ajru (minn hawn ’il quddiem EATMN) ġabu magħhom il-ħtieġa ta’ żieda fil-kapaċità ta’ amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru. Dan wassal għal talba għal titjib operazzjonali – bħar-risettorizzazzjoni ta’ l-ispazju ta’ l-ajru – li, mbagħad, wassal għal talba għal assenjazzjonijiet VHF addizzjonali.

(2)

Minħabba diffikultajiet biex tkun sodisfatta t-talba għal assenjazzjonijiet VHF fuq il- frekwenza ajrunawtika 117975 sa 137 MHz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni bir-radju ċellulari – u meqjusa il-limitazzjonijiet biex jiżdied l-ispettru allokat u/jew l-użu mill-ġdid tal-frekwenza – l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (minn hawn ’il quddiem ICAO) iddeċidiet li tnaqqas l-ispazjar tal-kanali minn 25 għal 8.33 kHz.

(3)

Wara deċiżjonijiet ta’ l-ICAO meħudin fl-1994 u fl-1995, l-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz kien introdott ’il fuq mil-livell tat-titjira (minn hawn ’il quddiem “FL”) 245 fir-Reġjun ICAO EUR f’Ottubru 1999. Għall-bidu 7 Stati infurzaw il-ġarr obbligatorju ta’ dan it-tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz fl-inġenji ta’ l-ajru, bi 23 Stat ieħor jinfurzaw il-ġarr obbligatorju minn Ottubru, 2002.

(4)

Minħabba tbassir ta’ żidiet fit-talba għal assenjazzjonijiet VHF, l-ICAO iddeċidiet fl-2002 li tipproċedi bl-implimentazjoni ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz ’l isfel minn FL245, u talbet lill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) biex tamministra l-implimentazzjoni. Wara dan, Kummissjoni Permanenti ta’ l-Eurocontrol irrakkomandat li ssir l-implimentazzjoni ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz ’il fuq minn FL195 fir-Reġjun ICAO EUR mill-15 ta’ Marzu 2007.

(5)

It-traffiku mistenni li jkompli jikber fis-snin li ġejjin, u dan jimplika talba oħra għal frekwenzi addizzjonali VHF. L-implimentazzjoni ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz ’il fuq minn FL 195 għandu, għalhekk, jitqies biss bħala l-ewwel pass li jeħtieġ evalwazzjoni għal espansjoni possibbli f’waqtha, abbażi ta’ evalwazzjoni sewwa ta’ l-impatt fuq l-operazzjonijiet, is- sikurezza u l-ekonomija.

(6)

Eurocontrol ingħatat il-mandat, skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, biex tiżviluppa r-rekwiżiti għall-introduzzjoni kkoordinata ta’ komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art ibbażati fuq spazjar imnaqqas tal-kanal 8.33 kHz. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-rapport kummissjonat li rriżulta, tat-12 ta’ Ottubru 2006.

(7)

Biex tkun żgurata l-interoperabilità, is-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali 8.33 kHz fuq l-art u fl-ajru jeħtieġ li jkunu konformi ma’ rekwiżiti minimi komuni ta’ rendiment.

(8)

L-applikazzjoni uniformi ta’ proċeduri speċifiċi fl-ispazju ta’ l-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew hija essenzjali biex jinkisbu l-interoperabilità u l-operazzjonijiet kontinwi.

(9)

L-informazzjoni dwar jekk inġenji ta’ l-ajru b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz għandha tkun inkluża fil-pjan tat-titjira, ipproċessata u trażmessa bejn l-unitajiet ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru.

(10)

Dan ir-Regolament ma għandux ikopri operazzjonijiet u taħriġ militari kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(11)

L-Istati Membri ddikjaraw fi stqarrija ġenerali dwar kwistjonijiet militari fir-rigward ta’ l-ajru uniku Ewropew (3) li huma ser jikkooperaw flimkien, waqt li jqisu r-rekwiżiti militari nazzjonali, biex il-kunċett ta’ l-użu flessibbli ta’ l-ispazju ta’ l-ajru jkun applikat b’mod sħiħ u uniformi fl-Istati Membri kollha minn kull min juża l-ispazju ta’ l-ajru. Għal dan il-għan, il-komunikazzjoni vokali mill-ajru għall-art fuq l-ispazjar tal-kanali mnaqqas għal 8.33 kHz imnaqqas għandha tkun implimentata minn kull min juża l-ispazju ta’ l-ajru.

(12)

Il-ġestjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat li ma jkunux mgħammra b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz u li jtiru bħala traffiku ta’ l-ajru ġenerali, tista’ twassal għal żieda fl-ammont tax-xogħol ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru u jkollha impatt ħażin fil-livelli ta’ kapaċità u sikurezzata’ EATMN. Sabiex dan l-impatt ikun minimizzat, l-ogħla rati possibbli ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat għandhom ikunu mgħammra b’tagħmir tar-radju bi spazjar tal-kanali 8.33 kHz.

(13)

Inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat tat-tip trasport jirrappreżentaw l-akbar kategorija ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat li jtiru bħala traffiku ta’ l-ajru ġenerali fl-ispazju ta’ l-ajru li għaliha japplika dan ir-Regolament. L-iżgurar li t-tali inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat ikollhom it-tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz għandu, għalhekk, jingħata prijorità.

(14)

Limitazzjonijiet ta’ natura teknika jew finanzjarja jistgħu ma jħallux lil Stati Membri milli jgħammru ċerti kategoriji ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat b’radjijiet b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħarrfa b’dawn il-każijiet.

(15)

Biex jinżammu l-livelli ta’ sikurezza, fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru għandhom jistabbilixxu pjanijiet li jindirizzaw il-ġestjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat li ma jistgħux ikunu mgħammra b’radjijiet b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz.

(16)

Bil-għan li jinżammu u jissaħħu l-livelli eżistenti ta’ sikurezza ta’ l-operazzjonijiet, Stati Membri għandhom ikunu obbligati jiżguraw li l-partijiet interessati jagħmlu evalwazzjoni ta’ sikurezza, inkluża l-identifikazzjoni tal-periklu, evalwazzjoni tar-riskju u l-proċessi ta’ mitigazzjoni. L-implimentazzjoni armonizzata ta’ dawn il-proċessi mas-sistemi koperti minn dan ir-Regolament teħtieġ l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għar-rekwiżiti kollha ta’ interoperabilità u rendiment.

(17)

B’konformità ma’ l-Artikolu 3(3) (d) tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, regoli ta’ implimentazzjoni għall-interoperabilità għandhom jiddeskrivu l-proċeduri speċifiċi ta’ evalwazzjoni ta’ konformità li għandhom jintużaw biex tkun eżaminata l-konformità jew adattabilità għall-użu ta’ kostitwenti kif ukoll għall-verifika ta’ sistemi.

(18)

Il-livell ta’ maturità tas-suq għall-kostitwenti li għalihom japplika dan ir-Regolament huwa tali li l-konformità jew adattabilità tagħhom għall-użu jistgħu jkunu eżaminati b’mod sodisfaċenti permezz ta’ kontroll intern tal-produzzjoni, bl-użu ta’ proċeduri bbażati fuq il-Modulu A fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta’ Lulju 1993, dwar il-moduli għad-diversi fażijiet tal-proċeduri ta’ l-evalwazzjoni tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u l-użu tal-marka ta’ konformità CE, li huma maħsubin biex jintużaw fid-direttivi tekniċi ta’ armonizzazzjoni (4).

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku stabbilit bl-Artikolu 5 (1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u qasam ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għall-introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art ibbażati fuq l-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal sistemi ta’ komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art ibbażati fuq l-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz fuq il-frekwenza ajrunawtika 117975 – 137 MHz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni bir-radju ċellulari, għall-kostitwenti tagħhom u proċeduri assoċjati u għal sistemi ta’ pproċessar ta’ data dwar titjiriet li jservu lil unitajiet ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru li jipprovdu servizzi għal traffiku ta’ l-ajru ġenerali, lill-kostitwenti tagħhom u proċeduri assoċjati.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-titjiriet kollha li joperaw bħala traffiku ta’ l-ajru ġenerali ’il fuq minn FL 195, fl-ispazju ta’ l-ajru tar-reġjun ICAO EUR fejn Stati Membri huma responsabbli għall-provvista ta’ servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru skond ir-Regolament (KE) Nru. 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 4 li għandu japplika wkoll ’l isfel minn FL 195.

4.   Fil-qafas ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 730/2006 (6), Stati Membri jistgħu joħorġu derogi mill-obbligi ta’ ġarr bl-ajru stabbiliti f’dan ir-Regolament għal titjiriet imħaddmin skond regoli ta’ titjiriet viżwali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“spazjar tal-kanali 8.33 kHz” tfisser separazzjoni ta’ 8.33 kHz bejn kanali maġenb xulxin;

(2)

“kanal” tfisser disinjatur numeriku użat flimkien ma’ tagħmir ta’ intonazzjoni ta’ komunikazzjoni vokali, li jippermetti l-identifikazzjoni unika tal-frekwenza għal komunikazzjoni bir-radju u l-ispazjar tal-kanali applikabbli;

(3)

“unità ta’ kontroll ta’ traffiku ta’ l-ajru” (minn hawn ’il quddiem “unità ATC”) tfisser, b’mod varju, ċentru ta’ kontroll taż-żona, unità ta’ kontroll ta’ l-approċċ jew torri ta’ kontroll ta’ ajruplani;

(4)

“ċentru ta’ kontroll taż-żona” (minn hawn ’il quddiem “ACC”) tfisser unità stabbilita biex tagħti servizz ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru lil titjiriet ikkontrollati f’żoni ta’ kontroll taħt ir-responsabbiltà tiegħu;

(5)

“titjiriet imħaddmin skond regoli ta’ titjira viżwali” (titjiriet VFR) tfisser kull titjira mħaddma skond regoli ta’ titjira viżwali kif hemm definit fl-Anness 2 (7) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ta’ l-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;

(6)

“Assenjazzjonijiet VHF” tfisser l-assenjazzjoni ta’ frekwenza VHF lil servizz ajrunawtiku biex jitħaddem tagħmir ta’ komunikazzjoni vokali;

(7)

“sistema ta’offset-carrier” tfisser sistema użata f’sitwazzjonijiet fejn il-kopertura bir-radju ma tistax tkun żgurata b’għaqda ta’ tranżmiter u risiver weħidhom u fejn, biex jitnaqqsu l-problemi ta’ interferenza, is-sinjali jiġu spustjati mill-frekwenza tat-trasportatur prinċipali;

(8)

“kopertura operazzjonali disinjata” tfisser il-volum ta’ l-ispazju ta’ l-ajru li fih jingħata servizz partikulari u li fih is-servizz jingħata protezzjoni tal- frekwenza;

(9)

“operatur” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża li jagħmlu jew joffru li jagħmlu xogħol konness ma’ inġenji ta’ l-ajru;

(10)

“qagħda ta’ ħidma” tfisser l-għamara u t-tagħmir tekniku li bih membru ta’ l-istaff tas-servizzi tat-traffiku ta’ l-ajru jagħmel xogħol konness ma’ l-impjieg tiegħu;

(11)

“radju-telefonija” tfisser forma ta’ komunikazzjoni bir-radju primarjament maħsuba għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-forma ta’ diskors;

(12)

“ittra ta’ ftehim” tfisser ftehim bejn żewġ unitajiet ATC maġenb xulxin li jispeċifika kif ir-responsabbiltajiet ATC rispettivi tagħhom għandhom ikunu kkoordinati;

(13)

“Sistema Integrata ta’ Ipproċessar tal-Pjan Inizjali ta’ Titjira” (minn hawn ’il quddiem “IFPS”) tfisser sistema fix-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni tat-Traffiku ta’ l-Ajru li biha jingħata servizz ċentralizzat ta’ ipproċessar u distribuzzjoni ta’ pjanijiet ta’ titjir li jkollu x’jaqsam mar-riċeviment, il-validazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ pjanijiet ta’ titjir fl-ispazju ta’ l-ajru kopert minn dan ir-Regolament;

(14)

“Inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat” tfisser l-inġenji ta’ l-ajru kollha użati għall-militar, għad-dwana u għall-pulizija;

(15)

“Inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat tat-tip trasport” tfisser inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat bi ġwienaħ fissi ddisinjati biex iġorru persuni u/jew merkanzija.

Artikolu 3

Rekwiżiti ta’ Interoperabilità u Rendiment

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, operaturi għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu, 2008, l-inġenji ta’ l-ajru tagħhom ikunu mgħammra b’tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz.

2.   Minbarra li jkun jiflaħ għall-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz, it-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun jista’ jiġi ntunat għall-kanali 25 kHz spazjati u jopera f’ambjent li juża frekwenzi ta’ offset carrier.

3.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Lulju 2008, l-assenjazzjonijiet vokali VHF jinqalbu kollha għall-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz għal setturi b’livell aktar baxx jew ’il fuq minn FL195.

4.   Il-Paragrafu 3 ma għandux japplika fir-rigward ta’ setturi fejn tintuża s-sistema 25 kHz ta’ offset carrier.

5.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li assenjazzjonijiet VHF xierqa jkunu notifikati lil fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru.

6.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jimplimentaw l-assenjazzjonijiet VHF imsemmija fil-paragrafu 5. Fil-każ li f’ċirkostanzi eċċezzjonali, m’hijiex possibbli li tinkiseb konformità mal-paragrafu 3, Stati Membri għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet lill-Kummissjoni.

7.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li r-rendiment tas-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali 8.33 kHz tagħhom tkun konformi ma’ l-istandards ICAO speċifikati fl-Anness I(1).

8.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali 8.33 kHz tagħhom jippermettu komunikazzjoni vokali aċċettabbli b’mod operazzjonali bejn kontrolluri u piloti fil-kopertura operazzjonali ddisinjata.

9.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li r-rendiment tal-kostitwent ta’ fuq l-art tat-tranżmiter/risiver installat fis-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali 8.33 kHz tkun konformi ma’ l-istandards ICAO speċifikati fl-Anness I(1) fir-rigward ta’ l-istabbiltà ta’ frekwenza, modulazzjoni, sensittività, wisa’ ta’ linja ta’ aċċettazzjoni effettiva u twarrib ta’ kanal fil-ġenb.

10.   Operaturi għandhom jiżguraw li r-rendiment tas-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali 8.33 kHz installati abbord l-inġenji ta’ l-ajru tagħhom bl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tkun konformi ma’ l-istandards ICAO speċifikati fl-Anness I(2).

11.   Id-dokument ta’ l-Organizzazzjoni Ewropea għal Tagħmir ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (Eurocae) speċifikat fl-Anness I (3) għandu jitqies bħala mezz suffiċjenti ta’ konformità fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ stabbiltà ta’ frekwenza, modulazzjoni, sensittività, wisa’ ta’ linja ta’ aċċettazzjoni effettiva u twarrib ta’ kanal fil-ġenb identifikati fl-istandards ICAO speċifikati fl-Anness I(2).

12.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jimplimentaw il-proċessi ta’ notifikazzjoni u koordinazzjoni inizjali fis-sistemi tagħhom ta’ ipproċessar ta’ data ta’ titjiriet skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1032/2006 (8) kif ġej:

(a)

l-informazzjoni dwar il-kapacità 8.33 kHz ta’ titjira għandha tiġi trażmessa bejn unitajiet ATC;

(b)

l-informazzjoni dwar il-kapacità 8.33 kHz ta’ titjira għandha ssir disponibbli fil-qagħda xierqa ta’ ħidma;

(ċ)

il-kontrollur għandu jkollu l-mezzi biex jimmodifika l-informazzjoni dwar il-kapacità 8.33 kHz ta’ titjira.

Artikolu 4

Proċeduri assoċjati

1.   Fornituri u operaturi ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li s-sitt ċifri tad-disinjazzjoni numerika għandhom jintużaw biex jidentifikaw il-kanal li jittrażmetti b’komunikazzjonijiet radju-telefoniċi VHF, ħlief fil-każ fejn kemm il-ħames kif ukoll is-sitt ċifra jkunu żero, f’liema każ l-ewwel erba’ ċifri biss għandhom jintużaw.

2.   Fornituri u operaturi ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ komunikazzjoni vokali tagħhom mill-ajru għall-art ikunu skond id-dispożizzjonijiet ICAO speċifikati fl-Anness I(4).

3.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li l-proċeduri applikabbli għal inġenji ta’ l-ajru mgħammra tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz u inġenji ta’ l-ajru li m’humiex mgħammra b’dan it-tagħmir ikunu speċifikati fl-ittri ta’ ftehim bejn ACCs.

4.   Operaturi li jħaddmu titjiriet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ’il fuq minn FL 195, u aġenti li jaġixxu f’isimhom għandhom jiżguraw li b’żieda ma’ l-ittra S u/jew xi ittri oħra, skond il-każ, l-ittra Y tiddaħħal fil-punt 10 tal-pjan ta’ titjira għal inġenji ta’ l-ajru li jkollhom tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz, jew li l-indikatur STS/EXM833 ikun inkluż fil-punt 18 għal inġenji ta’ l-ajru li ma jkunux hekk mgħammra iżda li jkunu ngħataw eżenzjoni għall-ġarr obligatorju tat-tagħmir. Inġenji ta’ l-ajru li normalment ikunu kapaċi joperaw ’il fuq minn FL 195 mgħammra b’tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz iżda li jippjanaw li jtiru ’l isfel minn dan il-livell għandhom jinkludu l-ittra Y fil-punt 10 tal-pjan ta’ titjira.

5.   Fil-każ ta’ bidla fl-istatus ta’ kapaċità 8.33 kHz għal titjira, l-operaturi jew l-aġenti li jaġixxu f’isimhom għandhom jibagħtu messaġġ ta’ modifika lil IFPS bl-indikatur it-tajjeb imdaħħal fil-punt rilevanti.

6.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħieġa biex jiżguraw li IFPS tipproċessa u tiddistribwixxi l-informazzjoni dwar il-kapaċità 8.33 kHz riċevuta fil-pjanijiet ta’ titjira.

Artikolu 5

Inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat

1.   Stati Membri għandhom jiżguraw li inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat tat-tip trasport ikollhom tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz sa mhux aktar tard mit-3 July 2008.

2.   Mingħajr preġudizzju għal proċeduri nazzjonali għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat, Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Jannar 2008, il-lista ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat tat-tip trasport li ma jkollhomx tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz skond il-paragrafu 1, minħabba:

(a)

irtirar minn servizz operazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2010;

(b)

limitazzjonijiet – li joriġinaw mill-akkwist pubbliku.

Meta limitazzjonijiet li joriġinaw miill-akkwist pubbliku jimpedixxu konformità mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Jannar 2008, id-data sa meta l-inġenji ta’ l-ajru konċernati ser ikunu mgħammra b’tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz. Din id-data m’għandhiex tkun aktar tard mill-31 ta’ Diċembri 2012.

3.   Stati Membri għandhom jiżguraw li inġenji ta’ l-ajru Statali li ma jkunux tat-tip trasport ikollhom tagħmir tar-radju li jiflaħ għall-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz sal-31 ta’ Diċembru 2009.

4.   Bla ħsara għal proċeduri nazzjonali għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar inġenji ta’ l-ajru Statali, Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2009, il-lista ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat tat-tip mhux trasport li ma jkollhomx tagħmir tar-radju li jiflaħ għall-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz skond il-paragrafu 3, minħabba:

(a)

limitazzjonijiet serji ta’ natura teknika jew baġitarja;

(b)

irtirar mis-servizz operazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2010;

(ċ)

limitazzjonijiet li joriġinaw mill-akkwist pubbliku.

Meta limitazzjonijiet li joriġinaw miill-akkwist pubbliku jimpedixxu konformità mal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2009, id-data sa meta l-inġenji ta’ l-ajru konċernati ser ikunu mgħammra b’tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz. Din id-data m’għandhiex tkun aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015.

5.   Fornituri ta’ servizz tat-traffiku ta’ l-ajru għandhom jiżguraw li inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat li ma jkollhomx tagħmir tar-radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 KHz jistgħu jkunu akkomodati, sakemm ikunu jistgħu jiġu ttrattati b’sikurezza fil-limiti ta’ kapaċità tas-sistema ta’ l-amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru b’assenjazzjonijiet UHF jew VHF ta’ 25 kHz.

6.   Stati Membri għandhom jippubblikaw il-proċeduri għall-ġestjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat li m’humiex mgħammra b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz f’pubblikazzjonijiet nazzjonali ta’ informazzjoni ajrunawtika.

7.   Fornituri ta’ servizz ta’ traffiku ta’ l-ajru għandhom jikkomunikaw kull sena lill-Istat Membru li jkun ħatarhom, il-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat mhux mgħammra bi spazjar tal-kanali b’8.33 kHz, waqt li jitqiesu l-limiti ta’ kapaċità assoċjati mal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 6.

Artikolu 6

Rekwiżiti ta’ sikurezza

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull bidla fis-sistemi eżistenti msemmija fl-Artikolu 1(2) jew l-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda jkunu ppreċeduti minn evalwazzjoni ta’ sikurezza, inklużi l-identifikazzjoni tal-perikolu, l-evalwazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni, immexxi mill-partijiet interessati.

Matul din l-evalwazzjoni ta’ sikurezza, ir-rekwiżiti ta’ sikurezza speċifikati fl-Anness II għandhom jitqiesu bħala minimu.

Artikolu 7

Konformità jew adattabilità għall-użu ta’ kostitwenti

1.   Qabel ma joħorġu dikjarazzjoni tal-KE ta’ konformità jew adattabilità għall-użu msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, fabbrikanti ta’ kostitwenti tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jivvalutaw il-konformità jew l-adattabilità għall-użu ta’ dawn il-kostitwenti b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III, fil-Parti A għal dan ir-Regolament, bla ħsara għall-paragrafu 2.

2.   Proċessi ta’ ċertifikazzjoni ta’ kapaċità għall-użu fl-ajru li jkunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), meta jkunu applikati għal kostitwenti fl-ajru tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2), għandhom jitqiesu bħala proċeduri aċċettabbli għall-evalwazzjoni ta’ konformità ta’ dawn il-kostitwenti jekk ikunu jinkludu indikazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ interoperabilità, rendiment u sikurezzata’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Verifika ta’ sistemi

1.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru li jistgħu juru jew li wrew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV għandhom iwettqu verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2) b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III, fil-Parti Ċ.

2.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru li ma jistgħux juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV għandhom jappaltaw lil korp notifikat il-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2). Din il-verifika għandha titmexxa b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III, fil-Parti D.

Artikolu 9

Rekwiżiti addizzjonali

1.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li membri ta’ l-istaff kollu relatat ikunu konxji kif imiss bir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u jkunu mħarrġin biżżejjed għall-funzjonijiet ta’ l-impjieg tagħhom.

2.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li membri ta’ l-istaff li jħaddem l-IFPS involut fl-ippjanar ta’ titjiriet ikunu konxji kif imiss bir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u jkunu mħarrġin biżżejjed għall-funzjonijiet ta’ l-impjieg tagħhom.

3.   Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom:

(a)

jiżviluppaw u jżommu manwali ta’ operazzjonijiet li jkollhom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa biex l-istaff kollu relatat ikun jista’ japplika dan ir-Regolament;

(b)

jiżguraw li l-manwali msemmija fil-punt (a) jkunu aċċessibbli u jinżammu aġġornati u li l-aġġornament u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal ġestjoni xierqa ta’ kwalità u ta’ konfigurazzjoni tad-dokumentazzjoni;

(ċ)

jiżguraw li l-metodi tax-xogħol u l-proċeduri ta’ operazzjoni jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament.

4.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-servizz ċentralizzat ta’ ipproċessar u distribuzzjoni ta’ l-ippjanar tat-titjiriet:

(a)

jiżviluppa u jżomm manwali ta’ operazzjonijiet li jkollhom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa biex l-istaff kollu relatat ikun jista’ japplika dan ir-Regolament;

(b)

jiżgura li l-manwali msemmija fil-punt (a) jkunu aċċessibbli u jinżammu aġġornati u li l-aġġornament u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal ġestjoni xierqa ta’ kwalità u ta’ konfigurazzjoni tad-dokumentazzjoni;

(ċ)

jiżgura li l-metodi tax-xogħol u l-proċeduri ta’ operazzjoni jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament.

5.   Operaturi identifikati fl-Artikolu 3(1) għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-istaff li jħaddem tagħmir bir-radju jkun konxju kif imiss b’dan ir-Regolament, u li jkun imħarreġ biżżejjed biex juża dan it-tagħmir u li, kemm jista’ jkun, istruzzjonijiet ikunu disponibbli fil-kabina tal-piloti.

6.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti fil-pubblikazzjonijiet nazzjonali ta’ informazzjoni ajrunawtika.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi-President


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 9.

(4)  ĠU L 220, 30.8.1993, p. 23.

(5)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(6)  ĠU L 128, 16.5.2006, p. 3.

(7)  L-Għaxar edizzjoni – Lulju 2005 – www.icao.int

(8)  ĠU L 186, 7.7.2006, p. 27.

(9)  ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1.


ANNESS I

Standards u dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 4

1.

Kapitolu 2 “Servizz Mobbli Ajrunawtiku”, taqsima 2.1 “Karatteristiċi tas-sistema ta’ komunikazzjoni VHF mill-ajru għall-art” u taqsima 2.2 “Karatteristiċi tas-sistema ta’ l-installazzjonijiet fuq l-art” ta’ l-Anness 10 ta’ ICAO, Volum III, Parti 2 (L-Ewwel edizzjoni – Lulju 1995 li tinkorpora l-Emenda Nru 80).

2.

Kapitolu 2 “Servizz Mobbli Aeronawtiku”, taqsima 2.1 “Karatteristiċi tas-sistema ta’ komunikazzjoni VHF mill-ajru għall-art”, taqsima 2.3.1 “Funzjoni ta’ trasmissjoni” u taqsima 2.3.2 “Funzjoni ta’ Riċeviment” bl-esklużjoni tas-sotto-taqsima 2.3.2.8 “VDL – Rendiment ta’ Immunità għal Interferenza” ta’ l-Anness 10 ta’ ICAO, Volum III, Parti 2 (L-Ewwel edizzjoni – Lulju 1995 li tinkorpora l-Emenda Nru 80).

3.

Speċifikazzjoni ta’ Rendiment Operazzjonali Minima ta’ l-Eurocae għal Risiver-Transmitter VHF ta’ l-Ajru li jaħdem fuq medda ta’ frekwenza 117,975 – 137,000 MHz, Dokument ED-23B, Emenda 3, Diċembru, 1997.

4.

Taqsima 12.3.1.4 “Spazjar tal-kanali 8.33 kHz” ta’ ICAO PANS-ATM Dok. 4444 (L-Erbatax-il edizzjoni – 2001 li tinkorpora l-Emenda Nru 4).


ANNESS II

Rekwiżiti ta’ sikurezza msemmija fl-Artikolu 6

1.

Ir-rekwiżiti ta’ interoperabilità u rendiment speċifikati fl-Artikolu 3(1) u (12) għandhom jitqiesu bħala rekwiżiti ta’ sikurezza.

2.

Ir-rekwiżiti ta’ proċeduri assoċjati speċifikati fl-Artikolu 4(1) u (2) għandhom ukoll jitqiesu bħala rekwiżiti ta’ sikurezza.

3.

Ir-rekwiżiti ta’ l-inġenji ta’ l-ajru ta’ l-Istat speċifikati fl-Artikolu 5(1), (3), (5) u (7) għandhom jitqiesu bħala rekwiżiti ta’ sikurezza.

4.

Ir-rekwiżiti li jsostnu l-konformità speċifikata fl-Artikolu 9(1), (3), (5) u (6) għandhom ukoll jitqiesu bħala rekwiżiti ta’ sikurezza.

5.

Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li l-kontrollur tal-“Human Machine Interface” fejn jintwerew il-kanali VHF ikun konsistenti mal-proċeduri radju-telefoniċi VHF.

6.

Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jevalwaw l-impatt ta’ nżul ta’ inġenji ta’ l-ajru mingħajr tagħmir ta’ radju b’kapaċità ta’ spazjar tal-kanali 8.33 kHz ‘l isfel minn FL195, waqt li jqisu fatturi bħall-għoli minimu biex jaqsmu minn naħa għal oħra b’sikurezza, u jistabbilixxu jekk humiex meħtieġa modifiki għall-kapaċità tas-settur jew għal disinn/strutturi ta’ l-ispazju ta’ l-ajru.

7.

Stati Membri għandhom jiżguraw li jitħaddmu bidliet minn 25 għal 8.33 kHz għal perjodu ta’ prova ta’ mill-inqas 4 ġimgħat, li matulu ikun ġie ivverifikat tħaddim b’sikurezza, qabel ma ssir il-koordinazzjoni fit-tabella COM2 ta’ ICAO Dok 7754.

8.

Stati Membri għandhom jiżguraw li bidliet minn 25 għal 8.33 kHz isiru waqt li jitħarsu l-kriterji ta’ ippjanar tal-frekwenza ta’ ICAO deskritti fil-Parti II – “Kriterji ta’ l-Ippjanar ta’ l-Assenjazzjoni ta’ Frekwenza ta’ Komunikazzjonijiet VHF mill-Ajru għall-Art” tal-Manwal ta’ Ġestjoni ta’ Frekwenza EUR – ICAO EUR Dok 011 (2005).


ANNESS III

PARTI A:

REKWIŻITI GĦALL-EVALWAZZJONI TAL-KONFORMITÀ JEW L-ADATTABILITÀ GĦALL-UŻU TA’ KOSTITWENTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 7

1.

L-attivitajiet ta’ verifika għandhom juru l-konformità ta’ kostitwenti mar-rekwiżiti ta’ rendiment ta’ dan ir-Regolament, jew l-adattabilità għall-użu tagħhom filwaqt li dawn il-kostitwenti jkunu qegħdin joperaw fl-ambjent ta’ l-ittestjar.

2.

L-applikazzjoni mill-fabbrikant tal-modulu deskritt fil-Parti B għandha titqies bħala proċedura adatta ta’ evalwazzjoni ta’ konformità biex tiżgura u tiddikjara l-konformità ta’ kostitwenti. Proċeduri ekwivalenti jew aktar stretti huma wkoll awtorizzati.

PARTI B:

MODULU TA’ KONTROLL TA’ PRODUZZJONI INTERNA

1.

Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura li permezz tagħha l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità li jwettaq l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2, jiżgura, u jiddikjara li l-kostitwenti msemmija jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu jfassal dikjarazzjoni bil-miktub ta’ konformità jew adattabilità għall-użu skond l-Anness III (3) għar-Regolament (KE) Nru 552/2004.

2.

Il-fabbrikant għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-paragrafu 4 u hu jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu jżommha, għal perjodu li jagħlaq mill-inqas 10 snin wara li l-aħħar kostitwenti jkunu nħadmu, għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti ta’ sorveljanza għal finijiet ta’ spezzjoni u għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru li jintegraw dawn il-kostitwenti fis-sistemi tagħhom. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu jgħarraf lill-Istati Membri dwar fejn u kif id-dokumentazzjoni teknika ta’ hawn fuq tista’ ssir disponibbli.

3.

Meta l-fabbrikant ma jkunx stabbilit fil-Komunità, għandu jaħtar il-persuna(i) li tqiegħed/iqiegħdu l-kostitwenti fis-suq Komunitarju. Din il-persuna/dawn il-persuni għandha/għandhom tgħarraf/jgħarrfu lill-Istati Membri dwar fejn u kif id-dokumentazzjoni teknika tista’ ssir disponibbli.

4.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tippermetti li tkun stmata l-konformità tal-kostitwenti mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Għandha, sa fejn ikun rilevanti għal din l-evalwazzjoni, tkopri d-disinn, il-fabbrikazzjoni u l-operazzjoni tal-kostitwenti.

5.

Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità jew adattabilità għall-użu mad-dokumentazzjoni teknika.

PARTI Ċ:

REKWIŻITI GĦALL-VERIFIKA TA’ SISTEMI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 8(1)

1.

Il-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha turi l-konformità ta’ dawn is-sistemi mar-rekwiżiti ta’ interoperabilità, rendiment u sikurezza ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ evalwazzjoni li jirrifletti l-kuntest operazzjonali ta’ dawn is-sistemi. B’mod partikolari:

il-verifika ta’ sistemi għal komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art għandha turi li l-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz għal komunikazzjonijiet vokali VHF mill-ajru għall-art ikun qed jintuża skond l-Artikolu 3(3) u li r-rendiment tas-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali 8.33 kHz ikunu konformi ma’ l-Artikolu 3(7);

il-verifika ta’ sistemi għall-ipproċessar ta’ data dwar titjiriet għandha turi li l-funzjonalità deskritta fl-Artikolu 3(12) tkun qiegħda tiġi implimentata tajjeb.

2.

Il-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha titmexxa skond prattika adatta u rikonoxxuta ta’ ittestjar.

3.

L-għodda ta’ l-ittestjar użata għall-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandu jkollha funzjonalitajiet adatti.

4.

Il-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġ mill-Anness IV (3) għar-Regolament (KE) Nru 552/2004, inklużi l-elementi li ġejjin:

deskrizzjoni ta’ l-implimentazzjoni;

ir-rapport ta’ spezzjonijiet u ittestjar miksubin qabel ma s-sistema tiddaħħal fis-servizz.

5.

Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jmexxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:

jiddetermina l-ambjent ta’ l-evalwazzjoni operazzjonali u tekniku xieraq li jirrifletti l-ambjent operazzjonali;

jivverifika li l-pjan ta’ l-ittestjar jiddeskrivi l-integrazzjoni ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) f’ambjent ta’ evalwazzjoni operazzjonali u tekniku;

jivverifika li l-pjan ta’ l-ittestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti applikabbli ta’ interoperabilità, rendiment u sikurezza ta’ dan ir-Regolament;

jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u l-pjan ta’ l-ittestjar;

jippjana l-organizzazzjoni ta’ l-ittestjar, l-istaff, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma ta’ l-ittestjar;

iwettaq l-ispezzjonijiet u l-ittestjar kif speċifikat fil-pjan ta’ l-ittestjar;

jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet u ta’ l-ittestjar.

6.

Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) mħaddmin f’ambjent ta’ evalwazzjoni operazzjonali jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ interoperabilità, rendiment u sikurezza ta’ dan ir-Regolament.

7.

Wara li jissodisfaw it-tmiem tal-verifika ta’ konformità, fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jagħmlu d-dikjarazzjoni tal-KE ta’ verifika ta’ sistema u jippreżentawha lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza flimkien mal-fajl tekniku kif meħtieġ mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru. 552/2004.

PARTI D:

REKWIŻITI GĦALL-VERIFIKA TA’ SISTEMI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 8(2)

1.

Il-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha turi l-konformità ta’ dawn is-sistemi mar-rekwiżiti ta’ l-interoperabilità, rendiment u sikurezza ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ evalwazzjoni li tirrifletti l-kuntest operazzjonali ta’ dawn is-sistemi. B’mod partikolari:

il-verifika ta’ sistemi għal komunikazzjonijiet mill-ajru għall-art għandha turi li l-ispazjar tal-kanali 8.33 kHz ikun qiegħed jintuża għall-komunikazzjonijiet vokali VHF mill-ajru għall-art skond l-Artikolu 3(3) u li r-rendiment tas-sistemi ta’ komunikazzjoni vokali 8.33 kHz tkun konformi ma’ l-Artikolu 3(7);

il-verifika ta’ sistemi għall-ipproċessar ta’ data dwar titjiriet għandha turi li l-funzjonalità deskritta fl-Artikolu 3(12) tkun implimentata tajjeb.

2.

Il-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha titmexxa skond prattika ta’ ittestjar adatta u rikonoxxuta.

3.

L-għodda ta’ l-ittestjar użata għall-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandu jkollha funzjonalitajiet adatti.

4.

Il-verifika ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġ mill-Anness IV(3) għar-Regolament (KE) Nru 552/2004, inklużi l-elementi li ġejjin:

deskrizzjoni ta’ l-implimentazzjoni;

ir-rapport ta’ spezzjonijiet u ittestjar miksubin qabel ma’ s-sistema tiddaħħal fis-servizz.

5.

Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiddetermina l-ambjent ta’ l-evalwazzjoni operazzjonali u tekniku xieraq li tirrifletti l-ambjent operazzjonali u għandu jkollu attivitajiet ta’ verifika mwettqa minn korp notifikat.

6.

Il-korp innotifikat għandu jmexxi l-attivitajiet ta’ verifika u b’mod partikolari għandu:

jivverifika li l-pjan ta’ l-ittestjar jiddeskrivi l-integrazzjoni ta’ sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) f’ambjent ta’ evalwazzjoni operazzjonali u tekniku;

jivverifika li l-pjan ta’ l-ittestjar jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti applikabbli ta’ interoperabilità, rendiment u sikurezza ta’ dan ir-Regolament;

jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u l-pjan ta’ l-ittestjar;

jippjana l-organizzazzjoni ta’ l-ittestjar, l-istaff, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma ta’ l-ittestjar;

iwettaq l-ispezzjonijiet u l-ittestjar kif speċifikat fil-pjan ta’ l-ittestjar;

jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati ta’ spezzjonijiet u ta’ l-ittestjar.

7.

Il-korp innotifikat għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fl-Artikolu 1(2) mħaddma f’ambjent ta’ evalwazzjoni operazzjonali jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ interoperabilità, rendiment u sikurezza ta’ dan ir-Regolament.

8.

Meta jissodisfa t-tmiem tal-ħidmiet ta’ verifika, il-korp innotifikat għandu jifformula ċertifikat ta’ konformità fir-rigward tal-ħidmiet li jkun wettaq.

9.

Wara, il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jagħmel dikjarazzjoni tal-KE dwar il-verifika tas-sistema u jippreżentaha lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza flimkien mal-fajl tekniku kif meħtieġ mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru. 552/2004.


ANNESS IV

Kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8

1.

Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jkollu stabbiliti metodi ta’ rappurtaġġ fl-organizzazzjoni li jiżguraw u juru imparzjalità u indipendenza ta’ ġudizzju fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ verifika.

2.

Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li membri ta’ l-istaff involuti fil-proċessi ta’ verifika jwettqu l-kontrolli bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-akbar kompetenza teknika possibbli u li jkunu liberi minn kull pressjoni u inċentiv, b’mod partikolari ta’ tip finanzjarju, li tista’ tħalli effett fuq il-ġudizzju tagħhom jew fuq ir-riżultati tal-kontrolli tagħhom, b’mod partikolari minn persuni jew gruppi ta’ persuni milqutin mir-riżultati tal-kontrolli.

3.

Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li l-istaff involut fil-proċessi ta’ verifika jkollu aċċess għat-tagħmir li jippermettilu jwettaq tajjeb il-kontrolli meħtieġa.

4.

Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li membri ta’ l-istaff involut fil-proċessi ta’ verifika jkollhom taħriġ tekniku u professjonali xieraq, tagħrif sodisfaċenti dwar ir-rekwiżiti tal-verifiki li jkollhom iwettqu, esperjenza adegwata f’dawn l-operazzjonijiet, u l-ħila meħtieġa biex jagħmlu d-dikjarazzjonijiet, rekords u rapporti biex juri li l-verifiki twettqu.

5.

Il-fornitur ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandu jiżgura li membri ta’ l-istaff involuti fil-proċessi ta’ verifika jkunu jistgħu jwettqu l-kontrolli tiegħu b’imparzjalità. Ir-rimunerazzjoni tagħhom ma għandhiex tiddependi fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa jew fuq ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli.