25.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 281/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1244/2007

ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 rigward miżuri ta’ implimentazzjoni għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jistipula regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għall-ispezzjoni tal-laħam

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16 u l-Artikoli 18 (3), (7) u (12) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (2), ir-Regolament (KE) Nru 854/2004, u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar kontrolli uffiċjali li twettqu biex jiżguraw il-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mar-regoli tas-saħħa ta’ l-annimali u l-benessri ta’ l-annimali (3) jistipulaw ir-regoli u l-ħtiġijiet dwar is-saħħa fir-rigward ta’ l-ikel li joriġina mill-annimali u l-kontrolli uffiċjali meħtieġa.

(2)

Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għal dawk ir-Regolamenti huma stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta’ Diċembru 2005 li jistipula l-miżuri ta’ implimentazzjoni għal ċerti prodotti skond ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali skond ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (4).

(3)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 854/2004, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li l-veterinarju uffiċjali jista’ ma jkunx preżenti il-ħin kollu waqt l-ispezzjonijiet ta’ l-awtopsja f’ċerti biċċeriji jew stabbilimenti li jittrattaw it-tjur li jiġu identifikati fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ riskju. F’każijiet bħal dawn, l-ispezzjoni ta’ l-awtopsja għandha titwettaq minn awżiljarju uffiċjali, li jista’ jikkontribwixxi biex inaqqas il-piż finanzjarju għall-istabbilimenti b’ kapaċità baxxa.

(4)

Il-kriterji għal derogi bħal dawn għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ riskju. B’mod partikolari, stabbilimenti tal-qatla jew li jwettqu attivitajiet ta’ trattament tat-tjur b’mod mhux kontinwu jaqdu funzjoni soċjali u ekonomika f’komunitajiet rurali. Għalhekk għandu jkun possibbli għal dawk l-istabbilimenti li jibbenefikaw minn derogi bħal dawn sakemm huma jikkonformaw mal-ħtiġijiet legali u ta’ iġjene.

(5)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li l-ħnieżer għat-tismin miżmuma taħt kundizzjonijiet kontrollati ta’ abitazzjoni f’sistemi ta’ produzzjoni sa mill-fatma jeħtieġu biss spezzjoni viżwali. Għandhom jiġu stipulati rekwiżiti aktar speċifiċi għall-kundizzjonijiet li taħthom għandhom ikunu permessi proċeduri ta’ spezzjonijiet ta’ laħam simplifikati iżda bbażati fuq ir-riskju.

(6)

Fl-24 ta’ Frar 2000, il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Miżuri Veterinarji relatati mas-Saħħa Pubblika adotta opinjoni dwar “Ir-reviżjoni tal-proċeduri ta’ spezzjonijiet ta’ laħam”, li għandha x’taqsam mal-prinċipji ġenerali relatati ma’ l-ispezzjonijiet ta’ laħam. Huwa jikkonkludi li s-sistemi kurrenti ta’ spezzjonijiet ta’ laħam jistgħu jittejbu meta supplimentati b’tagħrif mill-katina kollha ta’ produzzjoni, l-użu ta’ Analiżi ta’ Riskju, il-prinċipji tal-Punt ta’ Kontroll Kritiku (HACCP) fl-istabbiliment tal-qatla u s-sorveljanza mikrobijoloġika ta’ l-organiżmi indikaturi tal-feċi.

(7)

Fl-20 u fil-21 ta’ Ġunju 2001, il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Miżuri Veterinarji relatati mas-Saħħa Pubblika adotta opinjoni dwar “L-identifikazzjoni ta’ speċi/kategoriji ta’ annimali li jipproduċu l-laħam f’sistemi ta’ produzzjoni integrati fejn l-ispezzjoni tal-laħam tista’ tiġi riveduta”. Huwa jikkonkludi li diġà hemm għadd ta’ sistemi ta’ produzzjoni fl-Istati Membri fejn il-kriterji għall-applikazzjoni ta’ sistema simplifikata ta’ spezzjoni ta’ laħam qed jintlaħqu.

(8)

Fl-14 u l-15 ta’ April 2003, il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Miżuri Veterinarji relatati mas-Saħħa Pubblika adotta opinjoni dwar “Ir-reviżjoni ta’ l-ispezzjoni ta’ laħam fl-għoġiela tal-vitella”, li tgħid li l-ispezzjoni viżwali ta’ għoġiela tal-vitella mrobbija f’sistemi integrati hija biżżejjed għall-ispezzjoni ta’ rutina, iżda li sakemm ma tkunx inqerdet it-tuberkolożi ta’ l-ifrat, is-sorveljanza għat-tuberkolożi ta’ l-ifrat għandha titkompla fl-annimali bovini kemm fl-azjendi kif ukoll fil-biċċeriji.

(9)

Fis-26 ta’ Novembru 2003, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni dwar “It-tuberkolożi fl-annimali ta’ l-ifrat: ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-istrateġiji ta’ kontroll”, li tikkonkludi li eżaminazzjoni effiċjenti fl-awtopsja tan-nodi linfatiċi speċifiċi u tal-pulmuni tirrappreżenta element importanti fil-programmi nazzjonali ta’ qirda tat-tuberkolożi ta’ l-ifrat, barra li dawn huma parti integrali tal-programmi ta’ spezzjonijiet veterinarji ta’ laħam immirati lejn il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

(10)

Fl-1 ta’ Diċembru 2004, l-EFSA adottat opinjoni dwar “Reviżjoni ta’ l-ispezzjoni ta’ laħam għaċ-ċanga mrobbija f’sistemi ta’ produzzjoni integrata”, li tgħid li l-inċizjoni tan-nodi linfatiċi għandha tkompli bħala parti minn sistema ta’ spezzjoni riveduta waqt l-awtopsja fir-rigward ta’ laħam biex ikunu jistgħu jinstabu l-leżjonijiet tat-tuberkolożi.

(11)

Fit-18 ta’ Mejju 2006, l-EFSA adottat opinjoni dwar “Evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika u ta’ l-annimali assoċjati ma’ l-adozzjoni ta’ sistema ta’ spezzjoni viżwali fl-għoġiela tal-vitella mrobbija fi Stat Membru (jew parti minn Stat Membru) meqjus bħala ħieles mit-tuberkolożi ta’ l-ifrat.” Din tgħid li fil-każ ta’ għoġiela tal-vitella mrobbija f’unitajiet ta’ produzzjoni integrati u f’merħliet ħielsa uffiċjalment mit-tuberkolożi ta’ l-ifrat, l-ispezzjoni waqt l-awtopsja tista’ tiġi ristretta għall-osservazzjoni u l-palpazzjoni tan-nodi linfatiċi.

(12)

Fit-22 ta’ April 2004, l-EFSA adottat opinjoni dwar “Proċeduri ta’ spezzjoni ta’ laħam għall-ħrief u l-gidien”. Din tgħid li kundizzjonijiet patoloġiċi importanti osservati dwar spezzjonijiet ta’ laħam tal-ħrief u l-gidien jistgħu jkunu djanjostikati permezz ta’ spezzjoni viżwali, u għalhekk jipprevjenu l-kontaminazzjoni minn post għall-ieħor minħabba f’inqas manipulazzjoni.

(13)

Fis-27 u t-28 ta’ Settembru 2000, il-Kumitat Xjentifiku dwar Miżuri Veterinarji relatati mas-Saħħa Pubblika adotta opinjoni dwar “Il-kontroll ta’ taeniosis/cysticercosis fil-bniedem u fl-annimali”. Din tispeċifika l-prerekwiżiti meħtieġa biex jiżguraw kundizzjonijiet ħielsa mis-cysticercosis.

(14)

Fis-26 u s-27 ta’ Jannar 2005, l-EFSA adottat opinjoni dwar “L-evalwazzjoni tar-riskju ta’ spezzjoni riveduta ta’ annimali għall-qatla f’żoni bi prevalenza baxxa ta’ Cysticercus”. Din tenfasizza l-ħtieġa li tevalwa r-riskju preżenti fis-sistemi ta’ produzzjoni differenti ta’ l-għoġiela. Tista’ titwettaq spezzjoni simplifikata waqt l-awtopsja għall-għoġiela li ġejjin minn sistemi ta’ produzzjoni integrati li qabel kienu ġew evalwati li huma ta’ riskju minimu.

(15)

Imsejsa fuq dawn l-opinjonijiet xjentifiċi għandhom jiġu stipulati l-kundizzjonijiet għal proċedura ta’ spezzjoni simplifikata iżda bbażata fuq ir-riskju fir-rigward ta’ l-annimali li jixtarru.

(16)

Id-disponibilità ta’ tagħrif dwar il-katina ta’ l-ikel 24 siegħa qabel il-qatla għandha tkun prerekwiżit qabel issir spezzjoni fuq il-laħam ibbażata fuq ir-riskju mingħajr l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ inċiżjoni. Għalhekk, kull meta tiġi applikata proċedura simplifikata ta’ spezzoni ta’ laħam, l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel m’għandux ikun jista’ jibbenefika mill-arranġamenti tranżitorji stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 tal-5 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi l-arranġamenti trażitorji għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE) No 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (5).

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru 2074/2005 jistabbilixxi l-metodi analitiċi għas-sejba tal-kontenut tal-velenu amnesiku fil-frott tal-baħar (amnesic shellfish poison (ASP)) fil-partijiet tal-molluski li jittieklu. Il-Metodu 2006.02 ASP ELISA, kif ippubblikat fil-Ġurnal AOAC ta’ Ġunju 2006, għandu jitqies bħala metodu ta’ screening alternattiv għall-metodu kromatografiku likwidu ta’ rendiment għoli (high-performance liquid chromatography (HPLC)) għas-sejba ta’ l-ASP fil-molluski bivalvi. Il-metodu ELISA għandu l-vantaġġ li jista’ jeżamina għadd kbir ta’ kampjuni b’mod relattivament ekonomiku.

(18)

Il-Parti D tal-Kapitolu IX tat-Taqsima IV ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tistipula li, fejn xieraq, is-solipedi għandhom jiġu eżaminati għal glanders. Eżaminazzjoni dettaljata ta’ l-awtopsja għal glanders għandha tkun obbligatorja għal dawk is-solipedi jew għal-laħam li ġej minnhom li joriġina minn pajjiżi li mhumiex ħielsa minn din il-marda.

(19)

Ir-Regolament (KE) Nru 2074/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(20)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2074/2005 hu emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu li ġej qiegħed jiddaħħal:

“Artikolu 6 b

Rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mal-kontrolli uffiċjali għall-ispezzjoni ta’ laħam għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 854/2004

Ir-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mal-kontrolli uffiċjali għall-ispezzjoni ta’ laħam huma stipulati fl-Anness VI b.”

(2)

Il-Kapitolu II ta’ l-Anness III huwa emendat skond l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(3)

It-test fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament qiegħed jiddaħħal bħala l-Anness VI b.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206; kif ikkoreġut bil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55; kif ikkoreġut bil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006.

(3)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; kif ikkoreġut bil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006.

(4)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1664/2006 (ĠU L 320, 18.11.2006, p. 13).

(5)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 479/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 46).


ANNESS I

Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005, il-Kapitolu II qiegħed jinbidel b’dan li ġej:

“KAPITOLU II

METODU GĦAS-SEJBA TA’ VELENU AMNESIKU FIL-FROTT TAL-BAĦAR (ASP)

Il-kontenut totali ta’ velenu amnesiku fil-frott tal-baħar (ASP) fil-partijiet ta’ molluski li jittieklu (il-ġisem kollu jew kwalunkwe parti separata) għandu jinstab permezz ta’ l-użu tal-metodu kromatografiku likwidu ta’ rendiment għoli (HPLC) jew kwalunkwe metodu ieħor internazzjonali rikonoxxut.

Madankollu, għall-finijiet ta’ screening, jista’ jintuża wkoll il-metodu 2006.02 ASP ELISA kif ippubblikat fil-Ġurnal AOAC ta’ Ġunju 2006 għas-sejba tal-kontenut totali ta’ ASP fil-partijiet tal-molluski li jittieklu.

Jekk ir-riżultati jiġu kkontestati, il-metodu ta’ riferiment għandu jkun il-metodu HPLC.”


ANNESS II

L-ANNESS VI b

REKWIŻITI APPLIKABBLI GĦALL-KONTROLLI UFFIĊJALI FL-ISPEZZJONI TA’ LAĦAM

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Anness għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ akkomodazzjoni u sistemi integrati ta’ produzzjoni’ tfisser tip ta’ biedja ta’ l-annimali fejn l-annimali jinżammu taħt kundizzjonijiet li huma konformi mal-kriterji stipulati fl-Appendiċi;

(b)

‘annimal żgħir bovin’ tfisser annimal żgħir ta’ kwalunkwe sess, li m’għandux aktar minn 8 xhur;

(c)

‘annimal żgħir ovin’ tfisser annimal ovin ta’ kwalunkwe sess, li m’għandu l-ebda inċiżur permanenti ħiereġ mill-ħanek u li m’għandux aktar minn 12-il xahar;

(d)

‘annimal żgħir kaprin’ tfisser annimal kaprin ta’ kwalunkwe sess, li m’għandux aktar minn 6 xhur;

(e)

‘merħla’ tfisser annimal jew grupp ta’ annimali miżmuma f’impriża bħala unità epidemjoloġika; jekk iktar minn merħla waħda tkun miżmuma fuq waħda mill-impriżi, kull waħda minn dawn il-merħliet għandha tifforma unità epidemjoloġika distinta;

(f)

‘impriża’ tfisser kull stabbiliment, kostruzzjoni jew, fil-każ ta’ razzett fil-miftuħ, kull post li jinsab ġewwa t-territorju ta’ l-istess Stat Membru, li fih jinżammu, jitrabbew jew jitqandlu l-bhejjem;

(g)

‘stabbiliment li jwettaq qtil mhux kontinwu jew attivitajiet mhux kontinwi ta’ trattament tat-tjur’ tfisser biċċerija jew stabbiliment li jittratta t-tjur magħżul/a mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ riskju, li fih/a, b’mod partikolari, il-qtil jew l-attivitajiet ta’ trattament tat-tjur ma jsiru la waqt il-jum kollu kemm hu ta’ xogħol u lanqas waqt jiem sussegwenti ta’ xogħol matul il-ġimgħa.

2.   Spezzjonijiet ta’ awtopsja fi stabbilimenti li jwettqu qtil mhux kontinwu jew attivitajiet mhux kontinwi ta’ trattament tat-tjur.

(a)   Skond il-punt 2(b) tal-Kapitolu II tat-Taqsima III ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li l-veterinarju uffiċjali jista’ ma jkunx preżenti l-ħin kollu tul l-ispezzjoni ta’ l-awtopsja, sakemm jitħarsu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-istabbiliment ikkonċernat huwa stabbiliment li jwettaq qtil mhux kontinwu jew attivitajiet mhux kontinwi ta’ trattament tat-tjur u li għandu biżżejjed faċilitajiet biex jaħżen il-laħam b’anormalitajiet sakemm tkun tista’ ssir spezzjoni finali ta’ l-awtopsja mill-veterinarju uffiċjali;

(ii)

awżiljarju uffiċjali jwettaq l-attivitajiet ta’ spezzjoni waqt l-awtopsja;

(iii)

il-veterinarju uffiċjali huwa preżenti fl-istabbiliment mill-inqas darba kuljum waqt l-attivitajiet tal-qatla jew wara li dawn ikunu diġà twettqu;

(iv)

l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet proċedura biex tevalwa fuq bażi regolari ir-rendiment ta’ l-awżiljarji uffiċjali f’dawn l-istabbilimenti, inklużi:

s-sorveljanza ta’ rendiment individwali,

il-verifika ta’ dokumentazzjoni fir-rigward ta’ sejbiet waqt l-ispezzjonijiet u tqabbil mal-karkassi korrispondenti,

il-kontrolli ta’ karkassi fil-maħżen.

(b)   L-analiżi tar-riskju mwettqa mill-awtorità kompetenti kif imsemmi fil-punt 1(g) biex jiġu identifikati l-istabbilimenti li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga stipulata fil-punt 2(a) għandha tikkunsidra mill-inqas wieħed minn dawn l-elementi li ġejjin:

(i)

l-għadd ta’ annimali maqtula jew ittrattati kull siegħa jew kuljum;

(ii)

l-ispeċi u l-klassi ta’ annimali maqtula jew ittrattati;

(iii)

il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-istabbiliment;

(iv)

it-twettiq ta’ l-attivitajiet ta’ qatla jew trattament fil-passat;

(v)

l-effettività ta’ miżuri addizzjonali fil-katina ta’ l-ikel għax-xiri ta’ annimali għall-qatla li jittieħdu biex tiġi ggarantita s-sikurezza fl-ikel;

(vi)

l-effettività tas-sistema msejsa fuq l-HACCP;

(vii)

ir-rekords ta’ verifika;

(viii)

ir-rekords storiċi ta’ l-awtorità kompetenti ta’ spezzjonijiet ante-mortem u post-mortem.

3.   Rekwiżiti għal spezzjoni msejsa fuq ir-riskju ta’ laħam, mingħajr inċiżjonijiet.

(a)   Skond il-punt 2 tal-Parti B tal-Kapitolu IV tat-Taqsima IV ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, l-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-proċeduri ta’ spezzjonijiet ta’ l-awtopsja ta’ ħnieżer għat-tismin għal spezzjoni viżwali, sakemm jitħarsu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel irid jiżgura li l-annimali jinżammu taħt kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ abitazzjoni u sistemi ta’ produzzjoni integrati kif stipulat fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness;

(ii)

l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel m’għandux jibbenefika mill-arranġamenti transitorji fir-rigward tat-tagħrif tal-katina ta’ l-ikel kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005;

(iii)

l-awtorità kompetenti għandha timplimenta jew tordna l-implimentazzjoni ta’ sorveljanza seroloġika u/jew mikrobijoloġika regolari ta’ għadd magħżul ta’ annimali msejsa fuq analiżi ta’ riskju fir-rigward ta’ sogru eżistenti fejn tidħol is-sikurezza ta’ l-ikel f’annimali ħajjin u li hija rilevanti f’livell ta’ azjenda.

(b)   Permezz ta’ deroga mir-rekwiżiti speċifiċi tal-Kapitoli I u II tat-Taqsima IV ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, il-proċeduri ta’ spezzjoni ta’ annimali bovini, ovini u kaprini żgħar jistgħu jitnaqqsu għal spezzjoni viżwali b’palpazzjoni limitata, sakemm jitħarsu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel irid jiżgura li l-annimali jinżammu taħt kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ abitazzjoni u sistemi ta’ produzzjoni integrati kif stipulat fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness;

(ii)

l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel irid jiżgura li l-annimali żgħar bovini jitrabbew f’merħla uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolożi ta’ l-ifrat;

(iii)

l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel m’għandux jibbenefika mill-arranġamenti transitorji fir-rigward tat-tagħrif tal-katina ta’ l-ikel kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005;

(iv)

l-awtorità kompetenti għandha timplimenta jew tordna l-implimentazzjoni ta’ sorveljanza seroloġika u/jew mikrobijoloġika regolari ta’ għadd magħżul ta’ annimali msejsa fuq analiżi ta’ riskju fir-rigward ta’ sogru eżistenti fejn tidħol is-sikurezza ta’ l-ikel f’annimali ħajjin u li hija rilevanti f’livell ta’ azjenda;

(v)

spezzjoni ta’ l-awtopsja ta’ annimali bovini żgħar għandha tinkludi f’kull ħin il-palpazzjoni tan-nodi linfatiċi retrofarinġali, tal-bronki u medjastinali.

(c)   Fil-każ li tinstab xi anormalità, il-karkassi u l-ġewwieni għandhom ikunu suġġetti għal spezzjoni sħiħa ta’ awtopsja kif stipulat fil-Kapitoli I u II tat-Taqsima IV ta’ l-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi fuq il-bazi ta’ analiżi ta’ riskju li laħam b’ċerti anormalitajiet żgħar kif definit mill-awtoritajiet kompetenti, li m’huma ta’ ebda riskju għas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-bniedem, m’għandux għalfejn ikun suġġett għal spezzjoni sħiħa ta’ awtopsja.

(d)   Annimali bovini, ovini u kaprini żgħar u ħnieżer miftuma li ma jmorrux direttament mill-azjenda fejn twieldu ġo biċċerija jistgħu jitpoġġew f’azjenda oħra darba biss (għat-trobbija jew għat-tismin) qabel ma jintbagħtu f’biċċerija. F’każi bħal dawn:

(i)

ċentri regolatorji ta’ assemblaġġ jistgħu jintużaw għal annimali żgħar bovini, ovini jew kaprini bejn l-azjenda ta’ l-oriġini u l-azjenda ta’ trobbija jew ta’ tismin, kif ukoll bejn dawn l-azjendi u l-biċċerija;

(ii)

it-traċċabilità għandha tiġi żgurata f’livell ta’ l-annimal individwali jew f’dak ta’ grupp ta’ annimali.

4.   Rekwiżit addizzjonali għall-eżaminazzjoni ta’ l-awtopsja fis-solipedi.

(a)   Laħam frisk ġej minn solipedi mrobbija f’pajjiżi li mhumiex ħielsa mill-marda tal-glanders skond l-Artikolu 2.5.8.2. tat-Terrestrial Animal Health Code ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali m’għandux jitpoġġa fuq is-suq, sakemm laħam bħal dan ma jkunx ġej mis-solipedi li jkunu ġew eżaminati għall-glanders skond il-punt D tal-Kapitolu IX tat-Taqsima IV ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

(b)   Laħam frisk mis-solipedi li ġie djanjostikat bil-glanders għandu jiġi ddikjarat bħala mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem kif stipulat fil-punt D tal-Kapitolu IX tat-Taqsima IV ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

Appendiċi għall-Anness VI b

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ‘kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ akkomodazzjoni u sistemi integrati ta’ produzzjoni’ tfisser li l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel għandu jikkonforma mal-kriterji stipulati hawn taħt:

(a)

l-għalf kollu għandu jkun inkiseb minn faċilità li tipprovdi l-għalf skond ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1); meta fibra jew prodotti tar-rabà jingħataw lill-annimali bħala għalf, dawn għandhom jiġu ttrattati kif xieraq, u fejn possibbli, fil-forma mnixxfa u/jew irrumblati;

(b)

safejn ikun possibbli għandha tiġi applikata sistema all-in/all-out. Fejn l-annimali jiddaħħlu ġo merħla, dawn għandhom jinżammu iżolati skond kemm meħtieġ mis-servizzi veterinarji biex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ mard;

(c)

l-ebda annimal m’għandu jkollu aċċess għall-faċilitajiet ta’ barra sakemm l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel ma jkunx jista’ juri permezz ta’ analiżi ta’ riskju għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti li l-perjodu ta’ żmien, il-faċilitajiet u ċ-ċirkostanzi tal-faċilitajiet ta’ barra ma jservux ta’ perikolu biex jintroduċu l-mard fil-merħla;

(d)

għandu jkun disponibbli tagħrif li jikkonċerna l-annimali mit-twelid sal-qatla u dwar il-kundizzjonijiet ta’ kif jiġu ttrattati kif stipulat fit-Taqsima III ta’ l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(e)

jekk jiġu pprovduti faċilitajiet għall-irqad lill-annimali, il-preżenza ta’ mard għandha tiġi evitata permezz ta’ trattament xieraq għall-materjal użat f’dawn il-faċilitajiet;

(f)

il-persunal fl-azjendi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ iġjene stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(g)

għandhom jiġu stipulati proċeduri li jikkontrollaw l-aċċess għall-post fejn jinżammu l-annimali;

(h)

l-istabbiliment m’għandux jipprovdi faċilitajiet għat-turisti jew għall-kampeġġ sakemm l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel ma jkunx jista’ juri permezz ta’ analiżi tar-riskju għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti li l-faċilitajiet huma separati kif meħtieġ mill-unitajiet ta’ trobbija ta’ l-annimali u li l-kuntatt dirett u indirett bejn il-bnedmin u l-annimali mhuwiex possibbli;

(i)

l-annimali m’għandux ikollhom aċċess għal munzelli ta’ skart jew għal skart ġej mid-djar;

(j)

għandu jkun hemm pjan ta’ kontroll u ta’ ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara;

(k)

l-għalf m’għandux jintuża sakemm l-operatur tal-kummerċ ta’ l-ikel ma jurix permezz ta’ analiżi ta’ riskju għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti li l-għalf ma jista’ jittrażmetti l-ebda riskju lill-annimali;

(l)

l-iskart u s-sediment minn pjanti tat-trattament tad-drenaġġ m’għandhomx jintremew f’żoni aċċessibbli għall-annimali jew jintużaw bħala fertilizzanti fil-mergħat biex jikbru l-ħxejjex, li jintużaw biex jagħlfu l-annimali, sakemm dawn ma jiġux ittrattati kif xieraq u ma jissoddisfawx lill-awtorità kompetenti.


(1)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1.