24.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 280/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1238/2007

tal-23 ta’ Ottubru 2007

dwar l-istipular ta' regoli fir-rigward tal-kwalifiki tal-membri tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Aġenzija Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jirrevoka ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 76 (1) (h) u l-Artikolu 89 tagħhom,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jagħti s-setgħa lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-Aġenzija) biex tieħu deċiżjonijiet individwali fir-rigward tar-reġistrazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll jistabbilixxi l-Bord ta' l-Appell qabel tali deċiżjonijiet individwali jistgħu jiġu appellati.

(2)

L-Artikolu 89 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dettaljati li jikkonċernaw il-kwalifiki meħtieġa għall-membri tal-Bord.

(3)

Il-Bord għandu jkun ippresjedut minn persuna li jkollha esperjenza rikonoxxuta fil-liġi Komunitarja.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwalifiki tal-membri tal-Bord ta' l-Appell

1.   Il-Bord ta' l-Appell għandu jikkonsisti minn membri kkwalifikati teknikament u legalment. Il-President tal-Bord għandu jkun kkwalifikat fil-liġi.

2.   Il-membri kkwalifikati teknikament u dawk li jbiddluhom għandhom ikollhom laurea universitarja jew kwalifika ekwivalenti u għandhom ikollhom esperjenza professjonali sostanzjali fil-valutazzjoni tal-perikli, il-valutazzjoni ta' l-esponiment jew fl-immaniġġjar tar-riskji fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem jew ir-riskji ambjentali tas-sustanzi kimiċi jew f’oqsma relatati.

3.   Il-membri kkwalifikati legalment u dawk li jbiddluhom għandhom ikunu ggradwati fil-liġi u jkollhom esperjenza rikonoxxuta fil-liġi Komunitarja.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1. Ikkoreġuta bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.