17.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 272/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1205/2007

tal-15 ta’ Ottubru 2007

li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet ta’ l-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

Miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1470/2001 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazji antidumping definittivi ta’ minn 0 sa 66,1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ lampi florexxenti elettroniċi u integrati (“CFL-i”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) (“l-investigazzjoni oriġinali”). Qabel dak, il-Kummissjoni kienet imponiet dazji proviżorji antidumping bir-Regolament (KE) Nru 255/2001 (3) (ir-“Regolament proviżorju”).

(2)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 866/2005 (4) (“ir-Regolament li jestendi”), il-Kunsill estenda l-miżuri fis-seħħ antidumping biex ikopru wkoll l-importazzjonijiet tas-CFL-i ikkonsenjati mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini. L-estensjoni saret wara investigazzjoni ta’ kontra l-evażjoni mwettqa skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku.

(3)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1322/2006, (“ir-Regolament li jemenda”) il-Kunsill emenda l-miżuri fis-seħħ antidumping. L-emendar sar wara reviżjoni interim imwettqa fir-rigward ta’ l-ambitu tal-prodott. Ir-riżultat ta’ l-investigazzjoni u l-effett tar-Regolament li jemenda kien li l-lampi li jaħdmu b’vultaġġ ta’ kurrent elettriku dirett (“DC-CFL-i”) għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-miżuri. Il-miżuri antidumping kellhom minn hemm ‘il quddiem ikopru biss il-lampi ta’ vultaġġ minn kurrent elettriku alternanti (inkluż lampi ta’ skariku florexxenti kompatti u elettroniċi li jaħdmu b’kurrent elettriku kemm alternanti u kemm dirett) (“AC-CFL-I”).

Investigazzjonijiet korrenti

(4)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ skadenza imminenti, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. It-talba saret fit-18 ta’ April 2006 mill-Federazzjoni Komunitarja ta’ l-Industrija tad-Dawl dwar Lampi Florexxenti Kompatti Integrati (CFL-i) (“l-applikant”) f’isem proporzjon maġġuri, f’dan il-każ iktar minn 25 %, tat-total tal-produzzjoni Komunitarja tas-CFL-i.

(5)

It-talba kienet imsejsa fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx kienet tirriżulta fit-tkomplija tad-dumping u l-ħsara lill-industrija Komunitarja. Wara li ddeterminat, f’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tinbeda reviżjoni, fid-19 ta’ Lulju 2006 l-Kummissjoni bdiet investigazzjoni (5) skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. L-applikant ressaq ukoll talba għal reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tinbeda reviżjoni, il-Kummissjoni, fit-8 ta’ Settembru 2006, bdiet investigazzjoni (6) skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-ambitu tar-rapport interim huwa limitat għal-livell tad-dumping safejn jirrigwarda wieħed mill-produtturi, Lisheng Electronic & Lighting (Xiamen). Ir-reviżjoni msemmija l-aħħar għadha għaddejja u mhix is-suġġett tar-Regolament preżenti.

L-investigazzjoni u l-partijiet ikkonċernati

(6)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, il-produtturi Komunitarji, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ (minn hawn ’il quddiem “l-esportaturi Ċiniżi”), l-importaturi, il-kummerċjanti, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom magħrufa bħala kkonċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż esportatur, dwar il-bidu tar-reviżjonijiet.

(7)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil dawn il-partijiet kollha u lil dawk li għamlu lilhom infushom magħrufa sa l-iskadenza stipulata fl-avviżi tal-bidu.

(8)

Il-Kummissjoni tat ukoll l-opportunità lill-partijiet ikkonċernati direttament biex iwasslu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu smigħ sa l-iskadenza taż-żmien stipulat fl-avviż tal-bidu.

(9)

Minħabba l-għadd milli jidher kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ u ta’ importaturi tal-prodott ikkonċernat, il-kampjunament ġie previst fl-avviż tal-bidu, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Biex tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunament kienx meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni bagħtet formoli għall-kampjunament, fejn talbet informazzjoni speċifika dwar il-medja tal-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet ta’ kull produttur esportatur u importatur ikkonċernat.

(10)

Waslu tweġibiet kompluti minn tliet esportaturi Ċiniżi u tliet importaturi.

(11)

Intbagħat kwestjonarju wkoll lill-produtturi magħrufa fil-pajjiż analogu potenzjali, ir-Repubblika tal-Korea (“Korea”).

(12)

Waslu wkoll tweġibiet għall-kwestjonarji minn erba’ produtturi Komunitarji, żewġ produtturi mill-pajjiż analogu: il-Korea, bejjiegħ (li jimporta wkoll) u seba’ fornituri tal-komponenti ta’ produtturi Komunitarji.

(13)

Il-Kummissjoni talbet u vverifikat it-tagħrif kollu li dehrilha meħtieġ bl-għan li tiddetermina l-probabbiltà tat-tkomplija tad-dumping u l-ħsara, u l-interessi Komunitarji. Saru żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

produttur esportatur fir-RPĊ relatat mal-produttur Komunitarju applikant:

Osram China Lighting Ltd., Belt ta’ Foshan, Provinċja ta’ Guangdong

(b)

produttur esportatur fir-RPĊ relatat mal-produtturi Komunitarji l-oħra

Zhejiang Yankon Group Co Ltd., Belt ta’ Shangyu, Provinċja ta’ Zhejiang

(ċ)

produttur esportatur fir-RPĊ relatat ma’ ebda produttur Komunitarju

Shenzhen Zuoming Electronic Co. Ltd., Belt ta’ Shenzhen, Provinċja ta’ Guangdong

(d)

kummerċjant relatat mal-produtturi Komunitarji l-oħra

Philips Hong Kong Ltd., Ħong Kong SAR

(e)

kummerċjant li mhux relatat ma’ xi produttur Komunitarju

Super Trend Lighting Ltd., Ħong Kong SAR

(f)

produtturi fil-pajjiż analogu

Osram Korea Ltd., Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

Hyosun Electric Co., Ltd., Belt ta’ Paju, ir-Repubblika tal-Korea

(g)

produtturi Komunitarji

Osram GmbH, München u Augsburg, il-Ġermanja u Osram Slovakia, Nove Zamky, is-Slovakkja

Philips Lighting B.V., Eindhoven, l-Olanda u Philips Lighting Poland S.A, Pila, il-Polonja

General Electric Zrt., Budapest u Nagykaniza, l-Ungerija

Sylvania Lighting International, Frankfurt/Main, il-Ġermanja u Leeds, ir-Renju Unit

(h)

importaturi Komunitarji

Electro Cirkel B.V., Rotterdam, l-Olanda

Kemner B.V., Amsterdam, l-Olanda

Omicron UK Ltd., Huntingdon, ir-Renju Unit

(i)

fornituri Komunitarji

ST Microelectronics Srl, Milan, l-Italja

Vitri Electro-Metalurgica S.A., Barċellona, Spanja

(j)

bejjiegħ Komunitarju

IKEA AB, il-Belt ta’ Älmhult, Reġjun ta’ Småland, l-Iżvezja

Il-Perjodu ta’ l-Investigazzjoni

(14)

L-investigazzjoni dwar il-probabbiltà tat-tkomplija u/jew ir-rikorrenza tad-dumping u l-ħsara għar-reviżjoni ta’ l-iskadenza kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2006 (“il-perjodu ta’ l-investigazzjoni għar-reviżjoni” jew “RIP” – review investigation period). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà tat-tkomplija jew ir-rikorrenza tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sa l-aħħar ta’ l-RIP (“il-perjodu kkunsidrat”).

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

Prodott ikkonċernat

(15)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess kif iddeterminat fir-Regolament li jemenda, jiġifieri lampi ta’ skariku florexxenti kompatti u elettroniċi li jaħdmu b’kurrent elettriku alternanti (inklużi lampi ta’ skariku florexxenti kompatti u elettroniċi li jaħdmu b’kurrent elettriku kemm alternanti u kemm dirett), b’tubu tal-ħġieġ wieħed jew iktar, bl-elementi illuminanti u l-komponenti elettroniċi kollha mwaħħla mas-sieq tal-lampa, jew li huma integrati fis-sieq tal-lampa li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), attwalment klassifikabbli fil-kodiċi NM ex 8539 31 90 .

Prodott simili

(16)

Il-Kummissjoni sabet li

is-CFL-i manifatturati u mibjugħa internament fir-RPĊ,

is-CFL-i manifatturati fir-RPĊ u esportati lejn il-Komunità,

is-CFL-i manifatturati u mibjugħa fil-Komunità, u

is-CFL-i manifatturati u mibjugħa internament fil-pajjiż analogu

bażikament għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u użi. Għalhekk, dawn il-prodotti huma simili skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

(17)

Diversi partijiet allegaw li t-tipi ta’ CFL-i importati mir-RPĊ u s-CFL-i manifatturati fil-Komunità ma kinux prodotti simili, billi l-kwalità tal-prodott ikkonċernat (il-ħajja tal-prodott) kienet differenti u billi l-prodott ikkonċernat kellu kategorija differenti ta’ utenti aħħarin (lampi CFL-i għall-konsumatur) mil-lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità (lampi CFL-i għal użi professjonali).

(18)

Fir-rigward ta’ l-allegata differenza bejn il-kwalità tal-lampi CFL-i importati mir-RPĊ u l-lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità, l-istess pretensjoni kienet saret fl-ewwel investigazzjoni u ma ntlaqgħetx fir-Regolament oriġinali. Billi l-pretensjoni ma kellha l-ebda element ġdid li juri li d-deskrizzjoni tal-prodott simili, kif definit fil-premessa 13 tar-Regolament proviżorju, kienet żbaljata, id-definizzjoni tar-Regolament oriġinali, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1322/2006, ġiet sostnuta f’din l-investigazzjoni.

(19)

Fir-rigward ta’ l-allegata differenza bejn l-użu aħħari tal-lampi CFL-i importati u l-lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità, din is-sitwazzjoni ma tbiddilx il-fatt li l-lampi CFL-i importati u l-lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità huma kompletament sostitwibbli minn perspettiva teknika u qegħdin f’kompetizzjoni diretta bejniethom. Barra minn dan, waqt li l-utenti jistgħu jvarjaw u jitfornew permezz ta’ kanali ta’ bejgħ differenti, dan ma jaffettwax il-fatt li tali lampi CFL-i huma teknikament simili u jintużaw għall-istess skopijiet, jiġifieri biex jiġġeneraw id-dawl b’mod li jiffranka l-enerġija.

C.   IL-PROBABBILTÀ TAT-TKOMPLIJA U/JEW IR-RIKORRENZA TAD-DUMPING

1.   Id-dumping ta’ importazzjonijiet tul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni

(20)

Skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk attwalment kienx qed isir dumping u jekk l-iskadenza tal-miżuri kinitx x’aktarx twassal jew le għat-tkomplija jew ir-rikorrenza tad-dumping.

(21)

Skond l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, intużat l-istess metodoloġija ta’ l-investigazzjoni oriġinali. Billi reviżjoni ta’ l-iskadenza ma tipprovdix għall-eżami ta’ bdil fiċ-ċirkostanzi, ma saritx kunsiderazzjoni mill-ġdid dwar jekk il-produtturi kienx jistħoqqilhom jew le li jingħataw trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (“MET” – market economy treatment).

Kampjunament/Kooperazzjoni

(22)

ta’ min ifakkar li fl-investigazzjoni oriġinali, total ta’ disa’ produtturi esportaturi Ċiniżi kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Tnejn minn dawn il-produtturi esportaturi ngħataw l-MET: Lisheng Electronic & Lighting (Xiamen) Co., Ltd u Philips & Yaming Lighting Co., Ltd (il-premessa 15 tar-Regolament proviżorju u l-premessa 14 tar-Regolament oriġinali). Sitta mit-total ta’ disgħa ngħataw it-trattament individwali (“IT” – individual treatment) (il-premessa 35 tar-Regolament proviżorju u l-premessa 17 tar-Regolament oriġinali). Hu nnutat li l-ebda kumpanija li ngħatat l-MET ma kkooperat fl-investigazzjoni attwali dwar ir-reviżjoni ta’ l-iskadenza, u kkooperaw tliet kumpaniji biss minn dawk mogħtija l-IT.

(23)

Minħabba l-għadd milli jidher kbir ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi elenkati fl-ilment, il-kampjunament ġie previst fl-avviż tal-bidu għad-determinazzjoni tad- dumping, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunament ikunx meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha mir-RPĊ intalbu jagħmlu lilhom infushom magħrufa mal-Kummissjoni u jippreżentaw, kif speċifikat fl-avviż tal-bidu, tagħrif bażiku dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni.

(24)

17-il produttur esportatur Ċiniż wieġbu l-formoli tal-kampjunament. L-investigazzjoni ssejset fuq it-tagħrif miksub minn tnejn mill-produtturi esportaturi li kkooperaw u li oriġinarjament kienu ngħataw it-trattament individwali, u wkoll fuq tagħrif mit-tielet wieħed, li oriġinarjament ma kienx ingħata dan it-trattament jew it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq. Dan sar bi qbil ma’ l-awtoritajiet Ċiniżi. Dawn it-tliet produtturi esportaturi kienu jirrappreżentaw iktar minn 30 % tat-total tal-kwantitajiet esportati lejn il-Komunità mir-RPĊ, u iktar minn 40 % tal-kwantitajiet jekk jiġi eskluż l-esportatur Ċiniż li kien suġġett għal dazju ta’ 0 %. Iż-żewġ kumpaniji li ngħataw it-trattament individwali jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-kwantitajiet, li juri biċ-ċar li l-kooperazzjoni minn kumpaniji li la jkunu rċevew it-trattament individwali jew l-istatus ta’ l-ekonomija tas-suq hija baxxa.

(25)

Saru żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tat-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw:

Zhejiang Yankon Group Co Ltd

Shenzhen Zuoming Electronic Co. Ltd

Osram China Lighting Ltd.

Valur normali

Prezzijiet tal-Bejgħ Domestiku bbażati fuq il-Pajjiż Analogu

(26)

Billi kellu jiġi stabbilit il-valur normali abbażi tad-data tal-pajjiż analogu għall-produtturi kollha li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ l-MET, intużat l-istess metodoloġija ta’ l-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, il-valur normali għall-esportaturi Ċiniżi kollha kellu jiġi ddeterminat abbażi tad-data miksuba mill- produtturi f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

(27)

Fl-avviż tal-bidu, il-Messiku ġie kkunsidrat bħala l-pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq fir-rigward ta’ l-esportazzjonijiet Komunitarji tar-RPĊ. Il-Messiku kien diġà ntuża bħala l-pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali.

(28)

Madankollu, ma setgħet tinkiseb l-ebda kooperazzjoni mill-Messiku. Instab li fil-Messiku l-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kienet għalqet qabel beda l-RIP.

(29)

Għalhekk, produtturi f’pajjiżi terzi oħra b’ekonomija tas-suq, inkluża l-Indoneżja, il-Malażja, l-Indja u r-Repubblika tal-Korea (“Korea”), ġew ikkuntattjati bil-ħsieb li jikkooperaw fl-investigazzjoni tar-reviżjoni.

(30)

L-ogħla livell ta’ kooperazzjoni nkiseb mill-Korea, fejn żewġ produtturi ppreżentaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju u kienu lesti li mbagħad isirulhom verifiki fuq il-post. Produttur mill-Malażja wieġeb ukoll għas-sejħa tas-servizzi tal-Kummissjoni iżda d-data ppreżentata kienet fil-parti l-kbira nieqsa. Wieġeb produttur ieħor mill-Indja, iżda l-bejgħ domestiku tiegħu ma kienx rappreżentattiv. Barra minn dan, instab li l-eżistenza ta’ diversi dazji, bħad-dazju tas-sisa protettiv, dazju tas-sisa protettiv speċjali, u l-Custom Educational Duty, kellhom impatt negattiv fuq il-ħelsien tas-suq Indjan. Għalhekk, u meta jitqies li ma nstabx li jeżistu ostakli kbar għall-kompetizzjoni jew il-kummerċ fis-suq Korean, tqies li l-Korea kienet l-għażla l-iktar xierqa bħala l-pajjiż analogu.

(31)

Sussegwentement, bosta produtturi u assoċjazzjonijiet tal-produtturi fil-Korea ġew ikkuntattjati u mistiedna jikkooperaw billi jwieġbu kwestjonarju. Żewġ produtturi fil-Korea wieġbu l-kwestjonarju u kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Konsegwentement, il-kalkoli ġew ibbażati fuq l-informazzjoni vverifikata minn dawn iż-żewġ produtturi.

Prezz ta’ l-Esportazzjoni

(32)

Għaż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw, li kienu ngħataw it-trattament individwali, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kellhom jiġu stabbiliti abbażi tal-prezzijiet attwalment imħallsa minn konsumaturi mhux relatati fil-Komunità, skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(33)

Biex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, saru provvedimenti għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, it-trasport, l-assigurazzjoni, il-maniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż relatati fejn kien applikabbli u ġustifikat.

Marġni tad-Dumping

(34)

Ġew stabbiliti l-marġnijiet tad-dumping għaż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw li rċevew trattament individwali. Għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-medja ppeżata tal-valuri normali tqabblet mal-medja ppeżata tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni għall-Komunità tal-prodott ikkonċernat.

(35)

Dan il-paragun wera l-eżistenza ta’ dumping ta’ aktar minn 50 % għaż-żewġ kumpaniji.

(36)

Fir-rigward tal-marġnijiet tad-dumping ta’ kumpaniji li m’għandhomx it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq jew it-trattament individwali, il-kooperazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji kienet baxxa. F’dan l-isfond, ġew stabbiliti marġnijiet ta’ dumping għall-inqas fil-livell imsemmi fil-paragrafu preċedenti. Dan sar abbażi tal-valuri normali kif deskritt fuq, imqabbla mal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni meħuda mill-esportaturi li kkooperaw u l-operaturi Komunitarji, u minn statistika uffiċjali, kif ivverifikata ma’ l-informazzjoni statistika kunfidenzjali disponibbli għall-Kummissjoni. Il-paragun sar ukoll kif ġie spjegat hawn fuq.

(37)

Ukoll, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjoni tar-reviżjoni minn kumpaniji li kisbu t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq fl-investigazzjoni oriġinali, m’hemmx indikazzjonijiet li l-marġnijiet tad-dumping ivarjaw minn dawk stabbiliti oriġinarjament.

(38)

Għalhekk, partikolarment abbażi ta’ l-evidenza disponibbli mit-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw, l-investigazzjoni turi li hemm evidenza qawwija ta’ dumping kontinwu.

2.   Żviluppi fl-importazzjonijiet jekk jiġu mħassra l-miżuri

Rimarki preliminarji

(39)

It-tliet produtturi esportaturi għandhom il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-ħażniet disponibbli biex jibqgħu jagħmlu volumi kbar ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju. Barra minn hekk, hu enfasizzat li s-suq Komunitarju hu attraenti ħafna minħabba d-daqs tiegħu u d-domanda dejjem tikber għall-prodott ikkonċernat. Għal din ir-raġuni, ħafna produtturi esportaturi Ċiniżi stabbilixxew netwerk ta’ distribuzzjoni żviluppat ferm, li jiffaċilita l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Dan huwa rifless ukoll mill-fatt li kien hemm evażjoni tal-miżuri eżistenti, li wassal għall-estensjoni ta’ dawn il-miżuri għall-Vjetnam, il-Pakistan u l-Filippini bir-Regolament (KE) Nru 866/2005. Anki l-livell ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi kien pjuttost fqir (ara fuq). Barra minn hekk, l-ammont ta’ dumping li ġie identifikat fl-RIP jindika l-probabbiltà tat-tkomplija tad-dumping jekk jiskadu l-miżuri.

Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet fil-Komunità u l-pajjiż esportatur

(40)

Il-prezzijiet fil-Komunità kienu ġeneralment ogħla minn dawk miksuba mit-tliet produtturi esporatuturi Ċiniżi li kkooperaw, għal mudelli paragunabbli fis-suq domestiku tagħhom. Dan jissuġġerixxi li tkun alternattiva attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li jixxiftjaw il-bejgħ lejn il-Komunità kieku l-miżuri antidumping kellhom jiġu mħassra.

Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-prezzijiet fil-pajjiż esportatur

(41)

Matul l-RIP, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi kienu ġeneralment ogħla minn dawk miksuba mit-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, għal mudelli paragunabbli fis-suq domestiku tagħhom. Madankollu, kienu inqas mill-valur normali ddeterminat fil-pajjiż analogu. M’hemmx raġuni biex wieħed jassumi li din ix-xejrat ta’ l-aħħar tkun differenti għall-esportazzjonijiet lejn il-Komunità jekk jiġu rrevokati l-miżuri. Għalhekk, dawn il-fatti jappoġġaw il-konklużjoni li hemm kontinwazzjoni u għallinqas riskju ta’ rikorrenza tad-dumping fir-rigward tal-biċċa l-kbira ta’ l-esportazzjonijiet Ċiniżi.

Ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezzijiet fil-Komunità

(42)

Il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni Ċiniżi lejn pajjiżi terzi kienu bejn wieħed u ieħor fl-istess livell tal-livell tal-prezzijiet fil-Komunità. Madankollu, jekk jiġu rrevokati l-miżuri x’aktarx li s-suq Komunitarju jsir saħansitra aktar attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

Kapaċitajiet mhux użati u ħażniet

(43)

It-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw kollha kienu qrib li jilħqu u jbigħu l-kapaċità produttiva sħiħa tagħhom tul l-RIP. Linji tal-produzzjoni ġodda jistgħu jitwaqqfu relattivament malajr għall-ħtiġijiet ta’ evoluzzjonijiet ġodda tas-suq. Minħabba f’hekk il-probabbiltà hi li l-produtturi Ċiniżi jespandu l-kapaċità produttiva tagħhom b’ħeffa ladarba l-miżuri jiġu rrevokati. Bħala riżultat, id-dumping aktarx li jissokta fuq dik il-bażi.

Prattiċi ta’ evażjoni

(44)

Kif stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2005, il-miżuri eżistenti ġew evitati permezz ta’ konsenji mill-Vjetnam, il-Pakistan u l-Filippini. Sussegwentement, il-miżuri ġew estiżi għall-konsenji tal-prodott ikkonċernat. Għal darba oħra, il-prattiċi ta’ evażjoni misjuba jenfassizzaw l-attrazzjoni tas-suq Komunitarju għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. Hemm probabbiltà kbira li din l-attrazzjoni ġġiegħel lill-produtturi Ċiniżi jesportaw volumi akbar ladarba jiġu rrevokati l-miżuri. Billi l-esportazzjonijiet saru diġà bi prezzijiet ta’ dumping matul l-RIP (bil-miżuri fis-seħħ), id-dumping aktarx li jkompli ladarba l-miżuri jiskadu u sussegwentement jiżdiedu l-volumi ta’ l-esportazzjoni.

Konklużjoni

(45)

Instab li kien hemm dumping f’livelli sinifikanti (iktar minn 50 %) tul l-RIP. Is-suq Komunitarju kien u jibqa’ attraenti minħabba d-daqs tiegħu u d-domanda dejjem tikber għall-prodott ikkonċernat. Minbarra dan, il-livell tal-prezzijiet fis-suq Komunitarju bi prezzijiet sostanzjalment ‘il fuq mil-livelli fir-RPĊ jkabbar tali attrazzjoni. Ladarba l-miżuri jiġu rrevokati, il-produtturi Ċiniżi aktarx li jespandu l-kapaċitajiet tagħhom biex jisfruttaw bidla bħal din fis-sitwazzjoni tas-suq. Dawn il-fatturi kollha meħuda flimkien jagħmlu t-tkomplija tad-dumping probabbli ħafna ladarba l-miżuri jiġu rrevokati.

3.   Il-konklużjoni dwar il-probabbiltà tat-tkomplija u/jew ir-rikorrenza tad-dumping

(46)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hi li d-dumping aktarx jitkompla jekk jiġu rrevokati l-miżuri.

D.   PROBABBILTÀ TAT-TKOMPLIJA JEW IR-RIKORRENZA TAL-ĦSARA

1.   Analiżi skond l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku

(47)

Is-CFL-i huma manifatturati fil-Komunità minn erba’ produtturi:

General Electric Zrt., l-Ungerija, b’sit tal-produzzjoni fl-Ungerija,

OSRAM GmbH, il-Ġermanja, b’siti tal-produzzjoni fil-Ġermanja u s-Slovakkja,

Philips Lighting B.V., Eindhoven, l-Olanda u Philips Lighting Poland S.A, Pila, il-Polonja,

Sylvania Lighting International, il-Ġermanja, b’sit tal-produzzjoni fir-Renju Unit.

(48)

L-erba’ manifatturi li kkooperaw kollha ġejjin minn gruppi multinazzjonali u huma attivi fl-iżvilupp u l-manifattura ta’ firxa kbira ta’ prodotti. Kollha għandhom is-sistemi ta’ bejgħ u distribuzzjoni tagħhom fil-Komunità, kif ukoll f’partijiet oħra tad-dinja.

(49)

Matul l-investigazzjoni, il-manifatturi msemmija qabel ġew eżaminatri fid-dawl ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. Ir-riżultati ddettaljati (ara l-anness) urew stampa komplessa ta’ settur li l-istruttura tiegħu tidher li hi inċerta u fejn l-opinjonijiet huma mħallta, bl-akbar produttur f’termini ta’ volumi tal-produzzjoni favur u l-bqija kontra t-tkomplija bil-miżuri.

(50)

Huwa nnutat li l-ikbar produttur Komunitarju msemmi qabel, imsemmi bħala l-kumpanija B fl-Anness, jipproduċu madwar 48 % tal-produzzjoni Komunitarja u l-output tiegħu għalhekk, huwa ċertament proporzjon kbir tal-produzzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, jistipula li l-Komunità tista’ tieħu miżuri anki jekk ilment jiġi rtirat, jekk dak ikun fl-interess tal-Komunità. Din ir-regola tapplika wkoll mutatis mutandis f’reviżjoni ta’ skadenza fejn ma jkun hemm ebda rtirar kompluta ta’ ilment, iżda produttur Komunitarju jkompli jkun favur il-miżuri. Sakemm dak il-produttur jirrappreżenta proporzjon kbira ta’ l-industrija Komunitarja, bħal f’dan il-każ, id-data dwar il-ħsara tagħha tkun l-aħjar data disponibbli.

(51)

Għaldaqstant, għall-fini ta’ l-analiżi tat-tkomplija u/jew ir-rikorrenza tal-ħsara, ġiet analizzata s-sitwazzjoni tal-kumpanija sostenitur. L-analiżi ta’ l-impatt negattiv li kellhom il-miżuri fuq il-manifatturi Komunitarji l-oħra hija deskritta aktar ’il quddiem taħt “L-interess tal-Komunità”.

2.   Is-sitwazzjoni fis-suq komunitarju

Konsum Komunitarju

(52)

Il-konsum Komunitarju ġie stabbilit abbażi tal-volum tal-bejgħ tal-manifatturi Komunitarji u taċ-ċifri tal-Eurostat dwar il-volum ta’ l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u pajjiżi terzi oħra, debitament aġġustati fejn kien xieraq.

(53)

Il-kodiċi NM 8539 31 90 jista’ jinkludi importazzjonijiet ta’ prodotti minbarra l-prodott ikkonċernat. Għalhekk, saret stima tal-persentaġġ ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’dan il-kodiċi abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-partijiet interessati, l-informazzjoni pprovduta minn min ressaq l-ilment u ġiet ivverifikata ma’ l-informazzjoni statistika kunfidenzjali disponibbli għall-Kummissjoni. Filwaqt li xi drabi jista’ jissostna li d-data sħiħa tal-kodiċi NM tista’ tabilħaqq tirifletti l-volumi u l-valuri ta’ l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-valutazzjoni saret b’mod konservattiv, biex b’hekk ġew imminimizzati dawn l-ammonti. F’kull każ, il-konklużjonijiet huma l-istess kemm jekk tintuża l-modalità konservattiva u kemm jekk id-data sħiħa tal-kodiċi NM. Xi ċifri hawn taħt ġew indiċjati jew mpoġġija f’parenteżi biex titħares l-informazzjoni u/jew statistika kunfidenzjali tal-kumpaniji (bħal dawk li joħorġu minn kodiċijiet ta’ 10 ċifri jew 14-il ċifra).

(54)

Il-konsum Komunitarju żviluppa kif ġej:

Tabella 1

 

2003

2004

2005

RIP

Konsum Komunitarju (miljuni ta’ unitajiet)

112

144

198

214

Indiċi (2003 = 100)

100

129

176

190

(55)

Tul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-prodott ikkonċernat żdied bi 90 %. Din iż-żieda fil-konsum hija parzjalment dovuta għal żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat intenzjonati għall-konsumatur. CFL-i ta’ daqs iżgħar li jixbhu l-bozoz klassiċi inkandexxenti bdew jippenetraw is-suq u, minħabba l-attrazzjoni apparanti tagħhom għall-konsumatur (allegatament minħabba d-disinn u l-prezz baxx tagħhom), qanqlu żieda sinifikanti fid-domanda.

Żvilupp ta’ l-importazzjonijiet

Volumi, sehem tas-suq u prezzijiet ta’ l-importazzjoni mir-RPĊ

(56)

Il-volumi u l-ishma fis-suq ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ żviluppaw skond it-Tabella 2 hawn taħt. F’konformità mas-sejbiet tar-Regolament li jestendi, l-importazzjonijiet irreġistrati taħt il-kodiċi NM 8539 31 90 ikkonsenjati mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini, fil-perjodu mill-2003 sa l-estensjoni tal-miżuri ġew inklużi bħala importazzjonijiet soġġett ta’ dumping hawn taħt. Huwa enfasizzat li din l-inklużjoni ma għandhiex impatt fuq in-natura tax-xejriet deskritti. Billi r-reviżjoni temporanja li għandha x’taqsam ma’ Lisheng Electronics (ara hawn fuq) għadha ma ntemmitx, hu preżunt li l-eżitu ta’ l-investigazzjoni oriġinali (ma nstab l-ebda dumping) hu validu wkoll għal din ir-reviżjoni ta’ l-iskadenza.

Tabella 2

 

2003

2004

2005

RIP

Volum ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping (jingħata biss l-indiċi minħabba l-kunfidenzjalità)

100

148

262

335

Volum ta’ importazzjonijiet mhux oġġett ta’ dumping (ipprovdut l-indiċi biss minħabba l-kunfidenzjalità)

100

147

194

205

Total ta’ importazzjonijiet (eluf ta’ unitajiet)

55 046

81 361

127 860

153 451

Sehem fis-suq ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

bejn 20 % u 30 %

bejn 27 % u 37 %

bejn 37 % u 47 %

bejn 47 % u 57 %

Sehem fis-suq ta’ l-importazzjonijiet mhux oġġett ta’ dumping

bejn 17 % u 27 %

bejn 17 % u 27 %

bejn 17 % u 27 %

bejn 17 % u 27 %

Prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

bejn Eur 1,2 u Eur 1,3

bejn Eur 1,0 u Eur 1,0

bejn Eur 0,9 u Eur 1,0

bejn Eur 0,9 u Eur 1,0

(57)

Bejn l-2003 u tmiem l-RIP, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ żdiedu b’235 %. Is-sehem ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-konsum Komunitarju, fil-frattemp, żdied minn bejn 20 % u 30 % għal bejn 47 % u 57 %.

(58)

Intant l-importazzjonijiet mhux oġġett ta’ dumping żiedu wkoll is-sehem tagħhom fis-suq Komunitarju, għalkemm mhux daqs kemm żiedu l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Matul l-RIP, l-importazzjonijiet mhux oġġett ta’ dumping fis-suq Komunitarju kellhom sehem fis-suq li kien ivarja bejn 17 % u 27 %, ħafna inqas mis-sehem fis-suq ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(59)

Kollox ma’ kollox, l-importazzjonijiet mir-RPĊ, oġġett jew mhux oġġett ta’ dumping, matul l-RIP kellhom sehem fis-suq Komunitarju ta’ madwar 72 %.

(60)

Il-modalità tal-kalkolu tat-tnaqqis tal-prezzijiet taħt dawk tas-suq hija identika għall-modalità deskritta fil-premessa 60 tar-Regolament proviżorju. It-tip ta’ CFL-i esportati lejn il-Komunità mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ (li d-dumping tagħhom ġie stabbilit) ġie kkomparat mat-tip korrispondenti ta’ CFL-i manifatturati mis-sostenitur, u mfisser bħala persentaġġ tal-prezz ex-works tas-sostenitur. Abbażi ta’ dan, irriżulta li l-livell ta’ prezzijiet taħt dawk tas-suq kien ivarja minn 48,2 % sa 61,5 %.

Volumi, ishma fis-suq u prezzijiet ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi oħra

(61)

Sabiex tiġi ppreżentata stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fis-suq Komunitarju, ġew eżaminati wkoll ix-xejriet ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn pajjiżi oħra kkonċernati f’din ir-reviżjoni.

(62)

Il-volumi ta’ l-importazzjonijiet, l-ishma fis-suq u l-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi żviluppaw kif muri fit-tabella 3 hawn taħt (ittieħdu żewġ pajjiżi esportaturi ewlenin).

Tabella 3

 

2003

2004

2005

RIP

Volum ta’ l-importazzjonijiet mill-Malażja

bejn 1 u 2 miljuni ta’ unitajiet

bejn 0 u 1 miljuni ta’ unitajiet

bejn 1 u 2 miljuni ta’ unitajiet

bejn 2 u 3 miljuni ta’ unitajiet

Sehem fis-suq

bejn 1 % u 2 %

bejn 0 % u 1 %

bejn 0 % u 1 %

bejn 0 % u 1 %

Prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet

bejn EUR 1,2 u EUR 1,3

bejn EUR 1,1 u EUR 1,2

bejn EUR 1,2 u EUR 1,3

bejn EUR 1,2 u EUR 1,3

Volum ta’ l-importazzjonijiet mit-Tajwan

bejn 0 u 1 miljuni ta’ unitajiet

bejn 1 u 2 miljuni ta’ unitajiet

bejn 3 u 4 miljuni ta’ unitajiet

bejn 3 u 4 miljuni ta’ unitajiet

Sehem fis-suq

bejn 0 % u 1 %

bejn 0 % u 1 %

bejn 1 % u 3 %

bejn 1 % u 3 %

Prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet

bejn EUR 0 u EUR 1,0

bejn EUR 0 u EUR 1,0

bejn EUR 0 u EUR 1,0

bejn EUR 0 u EUR 1,0

Volum ta’ l-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja)

bejn 3 u 4 miljuni ta’ unitajiet

bejn 4 u 5 miljuni ta’ unitajiet

bejn 7 u 10 miljuni ta’ unitajiet

bejn 7 u 10 miljuni ta’ unitajiet

Sehem fis-suq

bejn 3 % u 4 %

bejn 2 % u 3 %

bejn 4 % u 5 %

bejn 4 % u 5 %

Prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet

bejn EUR 1,0 u EUR 1,1

bejn EUR 1,0 u EUR 1,1

bejn EUR 1,0 u EUR 1,1

bejn EUR 1,0 u EUR 1,1

(63)

Bejn l-2003 u tmiem l-RIP, żidiet żgħar fl-importazzjonijiet li oriġinaw mill-Malażja u t-Tajwan. B’kollox, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi rnexxielhom jiksbu sehem mis-suq minkejja li l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ rnexxielhom jippenetraw is-suq Komunitarju b’suċċess. Madankollu, meta mqabbla ma’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ, L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi issa għandhom parti żgħira.

(64)

Minħabba l-kwantitajiet żgħar li ġew importati, il-prezzijiet misjuba, meħuda minn l-istatistika dwar l-importazzjoni, għal xi pajjiżi, ma tqisux bħala rappreżentattivi għaliex iddevjaw sostanzjalment b’mod ċar mill-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ. Madankollu, m’hemm l-ebda raġuni li tindika li l-produtturi esportaturi f’pajjiżi terzi jistgħu jiddevjaw aktar minn marġinalment mill-prezzijiet mitluba mill-produtturi esportaturi mir-RPĊ. Anki jekk dawn il-prezzijiet tqiesu li huma rappreżentattivi, meta wieħed iqis id-daqs limitat tal-volumi kkonċernati, u n-natura tal-prezz u l-volumi ta’ l-esportazzjoni Ċiniż, ma jkunx hemm impatt fuq is-sejbiet iddettaljati hawn taħt.

3.   Is-sitwazzjoni ekonomika tas-sostenitur

Rimarki preliminarji

(65)

Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, ġew eżaminati l-indikaturi ekonomiċi kollha rilevanti li jaffettwaw l-istat tas-sostenitur waħdieni ta’ l-investigazzjoni.

(66)

Minħabba l-fatt li ċ-ċifri ġejjin minn kumpanija waħda biss, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità ċ-ċifri kollha huma rrappreżentati b’indiċi.

Tabella 4

Produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni installata u r-rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

 

2003

2004

2005

RIP

Produzzjoni

100

107

90

83

Kapaċità tal-Produzzjoni installata

100

100

100

100

Rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

100

107

90

83

(67)

Wara żieda fil-produzzjoni bejn l-2003 u l-2004, il-produzzjoni tas-sostenitur waqgħet bi 22 % mill-2004 sa tmiem l-RIP. Billi l-livell tal-kapaċità tal- produzzjoni installata baqgħet ma nbidlitx, ir-rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità naqset b’korrispondenza mar-rata tal-produzzjoni, jiġifieri bi 22 % mill-2004.

(68)

Ir-raġuni għal livell aktar baxx ta’ produzzjoni (u rati aktar baxxi ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità) hi volumi ta’ bejgħ aktar baxxi fis-suq Komunitarju tat-tip ta’ lampi CFL-i li qed jimmanifattura s-sostenitur.

Tabella 5

Ħażniet

 

2003

2004

2005

RIP

Ħażniet

100

49

0

116

Ħażniet bħala % tal- volumi ta’ bejgħ totali fis-suq Komunitarju

100

49

0

168

(69)

Waqt li d-domanda għal-lampi CFL-i minn dan il-manifattur naqset (ara l-premessa preċedenti), il-livell ta’ ħażniet ta’ lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità żdiedet tul il-perjodu kkunsidrat. Wieħed irid iħares lejn iż-żieda fil-ħażniet tul l-RIP parzjalment fid-dawl tal-fatt li l-lampi CFL-i huma prodott staġonali (b’volumi ta’ bejgħ ogħla qabel u matul il-perjodu l-aktar mudlam tas-sena). Hekk, iż-żieda fil-ħażniet bejn l-2005 u l-RIP hi parzjalment dovuta għall-effetti staġonali. Madankollu, sa ċertu punt hi dovuta wkoll għall-volumi ta’ bejgħ aktar baxxi ta’ lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità matul l-RIP.

(70)

Volumi ta’ bejgħ ta’ lampi CFL-i maħduma fil-Komunità, is-sehem fis-suq tal-konsum Komunitarju u tkabbir

Tabella 6

 

2003

2004

2005

RIP

Volumi ta’ Bejgħ

100

102

103

83

Sehem fis-suq tal-konsum Komunitarju

100

80

59

44

Tkabbir ta’ l-ammont tal- Bejgħ

100

101

93

74

(71)

Il-volumi tal-bejgħ ta’ lampi CFL-i maħduma fil-Komunità mis-sostenitur għas-suq Komunitarju baqgħu relattivament stabbli f’termini assoluti matul l-ewwel snin tal-perjodu kkunsidrat. Matul l-RIP, iżda, ġie nnutat tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ ta’ 20 %.

(72)

Relatat mal-konsum Komunitarju, is-sehem tas-suq ta’ lampi CFL-i mis-sostenitur manifatturati fil-Komunità naqas

Tabella 7

Prezzijiet tal-bejgħ

 

2003

2004

2005

RIP

Prezz medju tal-Bejgħ

100

98

90

88

(73)

Il-prezz medju għall-bejgħ ta’ lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità naqas matul il-perjodu kkunsidrat. Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ kull unità naqas bi 12 % matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 8

Impjiegi, il-pagi u l-produttività kull impjegat

 

2003

2004

2005

RIP

Impjegati

100

97

90

82

Pagi

100

97

90

85

Produttività (lampi CFL-i manifatturati/impjegat fil-produzzjoni)

100

109

101

106

(74)

L-għadd ta’ impjegati naqas matul il-perjodu kkunsidrat kollu, b’riżultat dirett ta’ produzzjoni aktar baxxa fil-konfini tal-Komunità.

(75)

L-infiq fil-pagi naqas skond it-tnaqqis fl-għadd ta’ l-impjegati.

(76)

Il-produttività ta’ l-impjegati fil-produzzjoni żdiedet bi 11 % matul il-perjodu kkunsidrat, jiġifieri l-għadd ta’ l-impjegati fil-produzzjoni naqas aktar mill-għadd ta’ lampi CFL-i maħduma.

Daqs tal-marġni attwali tad-dumping u l-irkuprar mill-effetti tad-dumping ta’ l-imgħoddi

(77)

Fejn jidħol l-impatt ta’ l-iskala tal-marġni attwali ta’ dumping fuq is-sostenitur, apparagun tal-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, dan l-impatt ma jistax jitqies li hu negliġibbli.

(78)

Fid-dawl ta’ dak li ssemma qabel, wieħed jista’ jikkonkludi li s-sostenitur irkupra kompletament mill-effetti tad-dumping ta’ l-imgħoddi.

Tabella 9

Profitabbiltà, redditu fuq l-investiment u likwidità

 

2003

2004

2005

RIP

Profitt qabel it-taxxa fuq bejgħ fil-Komunità (% tal-bejgħ Komunitarju)

100

126

38

–36

Redditu fuq l-assi totali

100

110

36

–17

Likwidità (% tat-total ta’ bejgħ)

100

94

57

1

(79)

L-indikaturi kollha tar-riżultati finanzjarji hawn fuq juru tendenza lejn profitabbiltà inqas. F’sitwazzjoni ta’ riżultati finanzjarji raġonevoli (wara l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping fl-2001), is-sostenitur gawda perjodu ta’ riżultati finanzjarji b’saħħithom matul l-ewwel snin tal-perjodu kkunsidrat. Madankollu, b’konsegwenza tal-kompetizzjoni minn CFL-i importati li oriġinaw mir-RPĊ, il-volumi tal-bejgħ u l-prezzijiet medji tal-bejgħ naqsu u kellhom effett negattiv fuq ir-riżultati finanzjarji tas-sostenitur. Minkejja li l-miżuri antidumping kienu fis-seħħ, is-sostenitur għamel it-telf matul l-RIP.

Tabella 10

Investimenti u l-possibbiltà ta’ ksib ta’ kapital

 

2003

2004

2005

RIP

Investimenti

100

55

95

71

(80)

Il-livell ta’ l-investiment, kollox ma’ kollox, naqas matul il-perjodu kkonċernat. ta’ min isemmi wkoll li l-livell ta’ l-investiment fil-prodott ikkonċernat b’mod ġenerali kien baxx, kif jixhed il-fatt li l-kapaċità tal-produzzjoni installata ma nbidlitx matul il-perjodu kkunsidrat.

(81)

Is-sostenitur ma rrapporta ebda problema speċifika relatata mal-kapaċità tiegħu ta’ ksib ta’ kapital.

Il-konklużjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tas-sostenitur

(82)

Il-perjodu kkunsidrat kien ikkaratterizzat minn żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ li parzjalment batewha r-riżultati finanzjarji tas-sostenitur fejn jidħlu lampi CFL-i maħduma fil-Komunità. Il-volumi tal-bejgħ u l-valuri tal-bejgħ naqsu t-tnejn u l-profitabbiltà naqset għal-livell ta’ telf matul l-RIP.

(83)

Għalhekk huwa ċar li jekk il-miżuri antidumping jitħallew jiskadu, ir-riżultati finanzjarji tas-sostenitur fir-rigward tal-lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità jiħżienu.

4.   Attivitajiet ta’ importazzjoni tas-sostenitur

Tabella 11

 

2003

2004

2005

RIP

Bejgħ ta’ lampi CFL-i importati

100

323

346

941

Proporzjon tat-total ta’ dħul mill-bejgħ li joriġina minn bejgħ ta’ lampi CFL-i importati

100

104

104

188

(84)

Il-manifattur sostenitur kien stqarr li biex jiddefendi ruħu mill-kompetizzjoni ta’ l-importazzjonijiet u biex iħares sehmu fis-suq Komunitarju, is-sostenitur kien beda jimporta lampi CFL-i mill-pajjiż ikkonċernat.

(85)

Il-volumi ta’ l-importazzjonijiet jirrappreżentaw biss porzjon relattivament żgħir tat-total tal-volumi ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju.

5.   Attivitajiet ta’ esportazzjoni tas-sostenitur

Tabella 12

 

2003

2004

2005

RIP

Bejgħ ta’ esportazzjoni ta’ lampi CFL-i manifatturati fil-Komunità

100

68

46

60

Prezz medju tal-lampi CFL-i esportati maħduma fil-Komunità

100

96

102

87

(86)

L-andament ta’ l-esportazzjoni mis-sostenitur ħżienu matul il-perjodu kkunsidrat. Parti mill-ispjegazzjoni għal dan hi li għal xi swieq ta’ l-esportazzjoni s-sostenitur biddel il-post minn fejn iforni l-lampi CFL-i, mill-manifattura fil-Komunità għal post eqreb lejn is-suq ta’ l-esportazzjoni.

(87)

Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ kull unità esportata kien pjuttost stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, b’tendenza lejn prezzijiet aktar baxxi lejn tmiem l-RIP.

6.   Il-konklużjoni dwar il-probabbiltà tat-tkomplija jew ir-rikorrenza tal-ħsara

(88)

L-investigazzjoni wriet li l-kapaċità produttiva ta’ l-esportaturi Ċiniżi hi sinifikanti u tista’ tiżdied faċilment. Barra dan, il-livelli tal-prezzijiet fil-Komunità jibqgħu attraenti mqabbla ma’ swieq oħra, u fil-Komunità hemm kanali tad-distribuzzjoni stabbiliti sew għall-esportazzjonijiet Ċiniżi. L-esportazzjonijiet Ċiniżi għalhekk aktarx jiżdiedu.

(89)

Il-livelli sinifikanti ta’ dumping u ta’ prezzijiet taħt dawk tas-suq innutati, kif ukoll il-livell baxx ta’ prezzijiet applikati fl-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħrajn, jindikaw li l-volumi ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità msemmija hawn fuq isiru bi prezzijiet ta’ dumping li jkunu inqas mill-prezzijiet u l-ispejjeż tas-sostenitur.

(90)

L-effett flimkien ta’ dawn il-volumi u l-prezzijiet x’aktarx iwassal għad-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sostenitur. Jekk ir-reazzjoni tas-sostenitur għal dan tkunx tnaqqis fil-bejgħ (u għalhekk fil-produzzjoni), tnaqqis fil-prezzijiet, jew it-tnejn, id-deterjorament finanzjarju jkun wieħed sostanzjali.

(91)

Fl-investigazzjoni ma ġewx identifikati fatturi oħrajn li joħolqu dubju dwar l-effett probabbli ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq is-sitwazzjoni tas-sostenitur. B’mod partikolari, aktarx li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina jaqbdu aktar art minn prodotti minn sorsi oħrajn, inklużi manifatturi Komunitarji oħra u l-produttur Ċiniż suġġett għal dazju ta’ 0 % jekk jiskadu l-miżuri. Anki jekk dan ma jseħħx, id-daqs u l-livelli tal-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping ikunu ta’ tali daqs li bi probabbiltà kbira l-importazzjonijiet minn sorsi mhux oġġett ta’ dumping ma jħollux ir-rabta kawżali. Barra minn hekk, ebda fatturi oħra li l-ħsara tista’ tiġi attribwita għalihom ma ġew identifikati. Partikolarment, m’hemmx evidenza li japplika kwalunkwe fattur fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament Bażiku, u ċertament mhux li huwa importanti sal-punt li jkisser ir-rabta kawżali bejn id-dumping u l-ħsara.

(92)

Barra minn hekk ma jistax jitqies li l-importazzjonijiet li jagħmel il-manifattur sostenitur għandu jkollhom impatt sostanzjali fuq il-probabbiltà tat-tkomplija tal-ħsara. F’dan ir-rigward ġie stabbilit li dawn l-importazzjonijiet kienu l-konsegwenza tal-ħtieġa li s-sostenitur jikkompleta l-firxa ta’ prodotti.

(93)

Fuq din il-bażi, wieħed jikkonkludi li hemm il-probabbiltà tat-tkomplija u r-rikorrenza tad-dumping dannuż jekk il-miżuri antidumping fil-konfront ta’ l-importazzjonijiet ta’ CFL-i li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jitħallew jiskadu.

E.   L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

1.   Rimarki preliminarji

(94)

L-ewwelnett, huwa mfakkar (ara l-premessa(50) hawn fuq), li billi l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku jistipula li l-Komunità tista’ tieħu miżuri anki jekk ilment jiġi irtirat jekk it-teħid tal-miżuri jkun fl-interess Komunitarju. A fortiori, din il-possibilità hija miftuħa għall-Komunità f’reviżjoni ta’ skadenza li fiha l-produttur Komunitarju jkompli jkun favur il-miżuri, anki jekk il-manifatturi l-oħra jopponu l-isskutar. Għaldaqstant, u wkoll skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie mistħarreġ jekk iż-żamma tal-miżuri eżistenti antidumping huwiex fl-interess tal-Komunità b’mod ġenerali, u jekk iva għal liema perjodu ta’ żmien. Id-determinazzjoni ta’ l-interess tal-Komunità issejjes fuq il-kunsiderazzjoni tal-ħafna interessi involuti. Fl-investigazzjoni attwali ġiet analizzata sitwazzjoni fejn il-miżuri antidumping kienu diġà ilhom jitħaddmu mill-2001 u għalhekk tippermetti valutazzjoni ta’ kull impatt negattiv bla bżonn fuq il-partijiet ikkonċernati minħabba l-miżuri antidumping korrenti.

(95)

Fuq din il-bażi, ġie mistħarreġ jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà tat-tkomplija jew ir-rikorrenza tad-dumping dannuż, kienx hemm raġunijiet qawwija li jwasslu għall-konklużjoni li ma jkunx fl-interess tal-Komunità li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

2.   L-interess tal-manifattur fil-Komunità li qed isostni l-ilment.

(96)

Kif imsemmi fis-sezzjoni D hawn fuq, teżisti l-probabbiltà tat-tkomplija u r-rikorrenza tad-dumping jekk il-miżuri kellhom jiġu mħassra.

(97)

Teżisti l-probabbiltà, jekk il-miżuri jiġu mħassra, li tissokta s-sitwazzjoni ta’ operat b’telf. L-impjanti tal-manifattura attwalment iħaddmu diversi mijiet ta’ impjegati. Għalhekk ikun fl-interess tal-manifattur Komunitarju sostenitur ta’ l-ilment li miżuri antidumping fil-konfront ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat jerġgħu jiġu imposti.

3.   L-interess ta’ manifatturi oħra fil-Komunità

(98)

B’mod ġenerali, wieħed għandu jenfasizza li, meta titqies l-attività ta’ importazzjoni tal-manifatturi Komunitarji, l-eżistenza ta’ dazji kellha impatt negattiv fuq l-attività tagħhom kollox ma’ kollox. Barra l-spejjeż kawża tad-dazji antidumping b’rabta ma’ l-importazzjoni, il-miżuri ma ħallewhomx jottimizzaw it-taħlita tal-produzzjoni, il-portafoll tal-bejgħ, u b’hekk, il-profitabbiltà tagħhom. L-investiment, il-produzzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u d-deċiżjonijiet strateġiċi l-oħra wkoll ġew affettwati bħala riżultat. Dawn l-effetti negattivi huma aspett importanti li jrid jitqies f’din l-analiżi.

(99)

Wieħed jintebaħ li l-Kumpanija A kienet ħabbret, apparti l-produzzjoni Ewropea tagħha, strateġija li tixtri mir-RPĊ. Wieħed għalhekk jikkonkludi li l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri ma jkunx fl-interess ta’ dan il-manifattur.

(100)

Żewġ manifatturi Komunitarji oħra, (identifikati bħala “Kumpanija C” u “Kumpanija D” fl-anness) it-tnejn opponew l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri. Waqt li dawn il-kumpaniji t-tnejn jixtru s-CFL-i mir-RPĊ, it-tnejn għad għandhom produzzjoni sostanzjali fil-Komunità. Għal din ir-raġuni, ma jistax jiġi eskluż li l-miżuri antidumping imorru kontra l-interessi ta’ dawn iż-żewġ produtturi għaż-żmien il-medju

4.   L-interess tal-fornituri

(101)

Diversi fornituri, li jirrappreżentaw ammont sinifikanti tat-total ta’ provvisti lill-industrija Komunitarja, ikkooperaw mal-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Għajr wieħed il-fornituri kollha esprimew appoġġ għat-tkomplija tal-miżuri u esprimew tħassib dwar telf ta’ negozju jekk l-eżistenza tal-manifattura tas-CFL-i fil-Komunità tiġi pperikolata. Dawn il-fornituri meħudin f’daqqa jħaddmu diversi mijiet ta’ impjegati f’postijiet tax-xogħol fil-Ġermanja, Spanja, l-Italja, is-Slovakkja u l-Ungerija.

(102)

Għalhekk jista’ jiġi konkluż li jkun fl-interess tal-fornituri li miżuri antidumping jiġu imposti mill-ġdid fil-konfront ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat.

5.   L-interess ta’ importaturi/kummerċjanti u bejjiegħa bl-imnut

(103)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil 8 importaturi/kummerċjanti tal-prodott ikkonċernat. Waslu tweġibiet mingħand 3 importaturi li jirrappreżentaw biss kemm xejn aktar minn 1 % tat-total tal-volum ta’ l-importazzjonijiet lejn il-Komunità tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat. Il-prodott ikkonċernat huwa importanti għat-tliet kumpaniji kollha u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat jikkorrispondi għal bejn 10-70 % tat-total tal-bejgħ ta’ kull kumpanija. Dan il-bejgħ kien mistenni jiżdied meta titqies iż-żieda mistennija fil-konsum ta’ dan il-prodott f’temp għaż-żmien il-medju. Kumpanija waħda li tirrappreżenta s-settur tal-bejgħ bl-imnut ħadet l-inizjattiva wkoll li tagħmel lilha nnifisha magħrufa.

(104)

Tnejn mill-importaturi u l-unika kumpanija li tirrappreżenta s-settur tal-bejgħ bl-imnut esprimew oppożizzjoni ċara kontra t-tkomplija tal-miżuri, waqt li t-tielet importatur identifikat kemm il-vantaġġi u kemm l-iżvantaġġi tal-miżuri li qed jitħaddmu. It-tliet kumpaniji kollha affermaw li l-Komunità tiddependi mill-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ billi l-produzzjoni tal-Komunità ma tistax tissodisfa d-domanda tas-suq. Barra dan, enfasizzaw li l-konsum fil-Komunità kien mistenni jiżdied b’mod sinifikanti. Ġie rikonoxxut ukoll iżda li l-miżuri fis-seħħ impedew ’l hekk imsejħa lampi tal-grad Ċ ta’ l-ispettri ta’ kwalità baxxa milli jidħlu b’mod sinifikanti fis-suq Komunitarju. Meta wieħed iqis il-fatt li l-konsumatur jista’ jsibha diffiċli biex jiddistingwihom mil-lampi tal-grad B ta’ kwalità ogħla, l-abolizzjoni tal-miżuri tista’ tfisser li l-lampi grad B li huma fil-qalba tan-negozju ta’ l-importaturi milquta jkollhom diffikultà biex jikkompetu.

6.   L-interess tal-konsumatur u l-iżvilupp tal-prodott ikkonċernat fis-suq Komunitarju

(105)

Diversi partijiet interessati sostnew li d-dazji antidumping imorru kontra l-politika Komunitarji favur l-iffrankar ta’ l-enerġija, peress li jirriżultaw fi prezzijiet tal-bejgħ eċċessivi għall-konsumatur u għalhekk inaqqqsu l-bejgħ ta’ lampi li jiffrankaw l-enerġija(CFL-i). Għall kuntrarju, kien hemm parti li sostniet li s-sospensjoni tal-miżuri tkun ta’ ħsara għall-politika Komunitarja dwar l-ambjent għax is-CFL-i li jinħadmu ċ-Ċina fihom aktar merkurju u għalhekk għandhom impatt negattiv akbar fuq l-ambjent meta jintremew minn dawk prodotti fil-Komunità.

(106)

Il-miżuri antidumping huma mmirati biex jindirizzaw l-iżvantaġġi kompetittivi inġusti li jirriżultaw mill-prattiċi tad-dumping ta’ l-importazzjonijiet lejn il-Komunità. L-eżistenza ta’ politiki Komunitarji oħra bħala tali ma teskludix l-impożizzjoni u t-tkomplija tad-dazji kemm-il darba dawn ikunu meħtieġa.

(107)

Minkejja dan, l-investigazzjoni wriet li l-konsum u d-domanda għall-prodott ikkonċernat żdiedu b’ħeffa kbira fis-suq Ewropew u din iż-żieda fid-domanda probabbli hi l-konsegwenza taż-żieda fl-interess fost konsumaturi Ewropej li jnaqqsu l-ispiża tagħhom ta’ l-enerġija u b’hekk jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli. Hu ċar ukoll li l-miżuri fis-seħħ għandhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet bl-imnut tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità. Dan fisser li l-konsumaturi li setgħu qalbu minn bozoz inkandexxenti għall-prodott ikkonċernat ma setgħux jagħmlu dan minħabba d-differenza sostanzjali fil-prezz tal-bejgħ bl-imnut bejn dawn il-prodotti – differenza li kompliet taggrava inter alia bil-miżuri fis-seħħ. B’dan il-għan il-provvista fis-suq tal-prodott ikkonċernat fi kwantitajiet suffiċjenti u bi prezzijiet raġonevoli jridu għalhekk jiġu kkunsidrati wkoll fil-valutazzjoni ta’ l-interess tal-Komunità f’dan il-każ.

(108)

Dan għandu jitqies fl-isfond tal-politika Komunitarja biex jitrawwem l-użu ta’ lampi li jiffrankaw l-enerġija, li jista’ biss isaħħaħ l-argumenti msemmija hawn fuq.

(109)

Meta jitqiesu l-iżviluppi probabbli fis-suq, hemm probabbiltà kbira li tkomplija tal-miżuri titfa’ piż sinifikanti fuq il-konsumatur għaż-żmien il-medju u fit-tul.

(110)

B’reazzjoni għall-pubblikazzjoni, il-manifattur fil-Komunità li jappoġġa l-ilment argumenta li l-miżuri fis-seħħ ma kellhomx effett sinifikanti ta’ żieda fuq il-prezzijiet tal-konsumaturi fil-Komunità. Fir-rigward ta’ dan l-argument, għandu jiġi nnutat li filwaqt li jista’ jkun vera li l-prezz tal-konsumatur ta’ xi mudelli naqas mindu ġew imposti l-miżuri, ma jistax jinċaħad li dazji sa massimu ta’ 66 % li ġew estiżi iktar bl-evażjoni ta’ importazzjonijiet bilfors kellhom effett ta’ żieda fuq il-prezz. Barra minn hekk, fl-Istat Membru bl-ikbar suq tal-bejgħ bl-imnut, skond id-data tas-sostenitur stess, il-prezzijiet ta’ tlieta minn ħames mudelli kienu ogħla fil-bidu ta’ l-2006 milli fil-bidu ta’ l-2001. Il-kumpanija msemmija bħala l-kumpanija A fl-Anness iddikjarat li ma kienx ċar jekk il-kwerelant irtirax il-kwerela tiegħu. Kif ġie ddikjarat qabel, il-manifattur fil-Komunità li jsostni l-kwerela qiegħed jippreserva l-kwerela tiegħu.

(111)

Xi partijiet interessati affermaw ukoll li l-miżuri jmorru kontra l-interess tal-Komunità għax il-manifatturi Komunitarji m’għandhomx il-kapaċità li jissodisfaw id-domanda u l-importazzjonijiet huma għaldaqstant meħtieġa biex tiġi żgurata l-provvista fis-suq.

(112)

L-iskop tal-miżuri antidumping mhux li jipprojbixxi l-importazzjonijiet u lanqas li jillimita l-provvista tas-CFL-i fis-suq Komunitarju. Kif intwera hawn fuq il-miżuri li qed jitħaddmu ma kinux detrimentali għall-importazzjonijiet. Għall-kuntrarju, il-konsum dejjem jikber wassal għal żieda kemm f’termini assoluti u kemm fis-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-perjodu kkunsidrat. Madankollu, jidher biċ-ċar li f’temp ta’ żmien medju, l-impatt fuq il-provvista li jkun ġej mit-tkomplija bil-miżuri jista’ jkun aktar sinifikanti

(113)

Xi partijiet interessati kienu barra minn hekk iddikjaraw li l-miżuri li qed jitħaddmu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq Komunitarju billi ftit operaturi biss huma kapaċi jixtru lampi CFL-i mingħand il-produtturi fir-RPĊ li huma suġġetti għal dazji żero jew baxxi ħafna. Operaturi oħra għandhom biss aċċess għas-suq limitat billi dawn jistgħu jimportaw biss mingħand produtturi esportaturi li jkunu suġġetti għal dazji għoljin.

(114)

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku jirreferi għall-bżonn li jiġu rrimedjati l-effetti tad-dumping dannuż li joħolqu tgħawwiġ tal-kummerċ. Għal dan l-għan, l-impożizzjoni tal-miżuri għandha tgħin biex jixxejjen il-vantaġġ ta’ l-esportaturi li jirriżulta mid-dumping. B’hekk id-dazji jgħinu biex jinżammu l-istess kundizzjonijiet għal minn naħa waħda, il-produtturi Komunitarji, l-esportaturi ta’ pajjiżi terzi u l-esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat fejn ma rriżulta ebda dumping u min-naħa l-oħra, l-esportaturi li nstab li kienu qed joperaw bi prattiċi ta’ dumping. Il-fatt li xi esportaturi huma suġġetti għal dazji ogħla minn oħrajn jirrifletti sempliċement marġnijiet ta’ dumping differenti bejn esportaturi differenti u għalhekk ma jirriżultax f’diskriminazzjoni jew tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn importaturi b’aċċess għal sorsi differenti fir-RPĊ. Barra minn dan, l-investigazzjoni wriet li l-operaturi Komunitarji jista’ jkollhom aċċess għall-provvista ta’ CLF-i minn għadd ta’ produtturi fil-Komunità kif ukoll mill-Pajjiż ikkonċernat u pajjiżi terzi u ma tressqet l-ebda evidenza li ssostni l-pretensjoni li xi operaturi huma esklużi mill-aċċes għas-suq. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjoni għandha tkun li t-tkomplija bil-miżuri jkollha effett sinifikanti fuq il-konsumatur f’termini ta’ prezzijiet bl-imnut, u d-disponibbiltà tal-provvista, b’mod partikolari għaż-żmien il-medju u fit-tul.

7.   Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità u d-dewmien tal-miżuri

(115)

L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Bażiku jipprevedi li għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-bżonn li jiġu eliminati l-effetti ta’ tgħawwiġ tal-kummerċ mid-dumping dannuż u produttur wieħed, li jirrappreżenta proporzjon sostanzjali tal-produzzjoni Komunitarja, qed isofri l-effetti tad-dumping dannuż stabbiliti mill-investigazzjoni. Kontra dan madankollu, jeżistu kunsiderazzjonijiet sostanzjali li jwasslu għall-konklużjoni li hu fl-interess tal-Komunità li ma tkomplix bil-miżuri; l-industrija Komunitarja nfisha tiddependi b’mod qawwi mill-importazzjonijiet mir-RPĊ biex tissodisfa d-domanda, li qed tikber b’ħeffa kbira; xi produtturi Komunitarji stess mhumiex favur it-tkomplija tal-miżuri, u ntwera li l-miżuri għandhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-konsumatur u għalhekk fuq l-għażla magħmula mill-konsumaturi dwar jekk jixtrux CFL-i jew bozoz inkandexxenti inqas effiċjenti.

(116)

Wara li ġew ikkunsidrati l-interessi kollha kkonċernati, hu konkluż li l-bilanċ ġenerali ta’ l-interessi rilevanti hu li l-miżuri ma jitkomplewx. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija qabel dwar l-interessi tal-produttur li jappoġġa t-tkomplija, meta jitqiesu fil-konfront ta’ l-interessi kkonċernati u partikolarment dawk tal-produtti l-oħra tal-Komunità, għaż-żmien il-qasir ikun fl-interess tal-Komunità li tkompli bil-miżuri għal perjodu ieħor ta’ aġġustament. Għalhekk ikun xieraq li l-miżuri jinżammu għal sena waħda biss qabel ma jiskadu. Wara dan iż-żmien l-effetti negattivi probabbli fuq il-konsumaturi u operaturi oħrajn ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji li l-manifatturi Komunitarji jkunu qed jiksbu minn dawn il-miżuri.

F.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(117)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet maħsuba r-rakkomandazzjoni li l-miżuri eżistenti ma jitkomplewx wara sena. Huma ngħataw ukoll perjodu biex fih iressqu l-kummenti u l-pretensjonijiet wara l-pubblikazzjoni. Ebda kumment li wasal wara l-pubblikazzjoni kien tali li seta’ jbiddel il-konklużjonijiet li hemm f’dan ir-regolament.

(118)

Jirriżulta minn dan ta’ hawn fuq li d-dazji antidumping m’għandhomx jitkomplew wara sena.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1.   Qed jiġi hawn impost dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ lampi ta’ skariku florexxenti kumpatti u elettroniċi li jaħdmu b’kurrent elettriku alternanti (inklużi lampi ta’ skariku florexxenti kumpatti u elettroniċi li jaħdmu b’kurrent elettriku kemm alternanti u kemm dirett), b’tubu tal-ħġieġ wieħed jew aktar, bl-elementi li jagħtu d-dawl u l-komponenti elettroniċi kollha mwaħħla mas-sieq tal-lampa, jew li huma integrati fis-sieq tal-lampa, li jaqgħu fil-kodiċi NM ex 8539 31 90 (il-kodiċi TARIC 8539 31 90 95) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping applikabbli fuq il-prezz nett liberu fuq il-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju fuq il-prodotti manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju antidumping

(%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures Co., Ltd Luoyang, Changzhou, Jiangsu Changzhou 213104

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

59,5

A234

City Bright Lighting (Shenzhen) Ltd Shenzhen

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

17,1

A235

Deluxe Well Enterprises Ltd Block 17-18, Hong Qiao Tao Industrial Zone Bao An Yuan Shenzhen

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

37,1

A236

Lisheng Electronic & Lighting (Xiamen) Co., Ltd Xiamen

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

0,0

A237

Philips & Yaming Lighting Co., Ltd 1805 Hu Yi Highway Malu Jia Ding District Shangai 201801

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

32,3

A238

Sanex Electronics Co., Ltd 1 Xiangyang Road, Xiangcheng Town, Xiangcheng District, Suzhou, Jiangsu,

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

20,2

A239

Shenzhen Zuoming Electronic Co. Ltd Shenzhen, Guangdong

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

8,4

A240

Zhejiang Sunlight Group Co., Ltd 129 Fengshan Road, Zhejiang Shangyu 213104

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

35,3

A241

Il-kumpaniji l-oħra kollha

66,1

A999

3.   Id-dazju definittiv antidumping ta’ 66,1 % u li hu applikabbli għall- importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina hu b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ l-istess prodott imsemmi fil-paragrafu 1 ikkunsenjati mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini kemm jekk ikun iddikjarat li joriġina mir-Repubblika tal-Vjetnam, ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini u kemm jekk le (il-kodiċi TARIC 8539 31 90 92).

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ sena wara li jkun daħal fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 15 ta’ Ottubru 2007

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)   ĠU L 195, 19.7.2001, p. 8. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1322/2006 (ĠU L 244, 7.9.2006, p. 1).

(3)   ĠU L 38, 8.2.2001, p. 8.

(4)   ĠU L 145, 9.6.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1322/2006.

(5)   ĠU C 167, 19.7.2006, p. 13.

(6)   ĠU C 217, 8.9.2006, p. 2.


ANNESS

Kumpanija A

(a)   Kwantitajiet importati

Matul l-RIP il-Kumpanija A importat bejn 50 u 60 miljun lampa CFL-i mill-pajjiż ikkonċernat. F’termini ta’ volumi mibjugħa fis-suq Komunitarju, il-Kumpanija A importat bejn 70 % u 80 % tal-bejgħ tagħha. F’termini ta’ valur, il-prodotti importati ġġeneraw inqas dħul. Filwaqt li l-volumi importati kienu jirrappreżentaw madwar tliet darbiet tal-volumi manifatturati fil-Komunità, f’termini ta’ dħul għall-Kumpanija A l-importazzjonijiet iġeneraw kemm xejn aktar minn 50 % tat-total tad-dħul mill-bejgħ Komunitarju.

(b)   Ir-relazzjoni mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat

Il-Kumpanija A għandha żewġ produtturi esportaturi relatati fil-pajjiż ikkonċernat. Il-Kumpanija A tixtri l-biċċa l-kbira ta’ l-importazzjonijiet tagħha mingħand dawn iż-żewġ produtturi esportaturi relatati. Fl-RIP, dawn iż-żewġ produtturi esportaturi esportaw 47 % tal-produzzjoni tagħhom lejn il-KE.

(ċ)   Strateġija ta’ xiri ta’ importazzjonijiet, difensiva (temporanja) jew strateġika (għat-tul)

Il-Kumpanija A ħadet deċiżjoni strateġika għat-tul, li tixtri mill-pajjiż ikkonċernat minħabba li tista’ toffri l-firxa sħiħa tal-prodotti lill-klijenti tagħha.

(d)   Produzzjoni fil-Komunità

Il-Kumpanija A hija t-tieni l-akbar manifattur ta’ CFL-i fil-Komunità, u timpjega bejn wieħed u ieħor 600 persuna għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi kkunsidrat. Skond il-Kumpanija A għandhom jiġu installati żewġ linji tal-produzzjoni oħra fil-fabbrika tagħha, għal żieda ta’ 15-20 miljun unità li bihom tkun qed iżżid madwar nofs il-kapaċità tal-produzzjoni attwali tagħha. Il-linji ta’ produzzjoni l-ġodda huma maħsuba għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

Bħal fil-każ tal-manifatturi l-oħra fil-Komunità, il-produzzjoni tal-Kumpanija A fil-Komunità tikkonsisti prinċipalment fl-immuntar ta’ komponenti minn diversi sorsi. F’dan il-każ, ftit inqas minn nofs dawn il-komponenti jinxtraw mill-Komunità. Ir-regoli ta’ l-oriġini huma rregolati mil-Liġi tad-Dwana, partikolarment bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (1) li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, partikolarment l-Artikoli 22 sa 27. L-investigazzjoni wriet li l-prodott ikkonċernat għandu klassifikazzjoni doganali differenti mill-komponenti importati. Din ir-riklassifikazzjoni tirriżulta minn trasformazzjoni sostanzjali tal-komponenti. Għal dawn ir-raġunijiet, u abbażi ta’ l-informazzjoni miġbura f’din l-investigazzjoni jista’ għalhekk jiġi konkluż li l-prodotti kkonċernati manifatturati mill-Kumpanija A huma ta’ oriġini Komunitarja.

(e)   Il-post tal-kwartieri ġenerali u l-azzjonisti ewlenin

Il-Kumpanija A hija diviżjoni ta’ grupp ta’ kumpaniji Ewropew kbir bil-kwartieri ġenerali fil-Komunità.

(f)   Il-post tad-dipartimenti għar-Riċerka u l-Iżvilupp

Iċ-ċentru ewlieni għar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kumpanija A jinsab fi Stat Membru. Barra minn dan, il-maġġoranza ta’ l-impjanti tar-riċerka u l-iżvilupp, speċjalment dawk marbuta ma’ l-iżvilupp tal-proċess tal-produzzjoni, jinsabu viċin ta’ l-impjanti tal-produzzjoni, jiġifieri fi Stat Membru ieħor u fil-pajjiż ikkonċernat.

Kumpanija B

(a)   Kwantitajiet importati

Maul l-RIP, il-Kumpanija B importat bejn 11 u 18-il miljun lampa CFL-i mill-pajjiż ikkonċernat. F’termini ta’ volumi mibjugħa fis-suq Komunitarju, il-Kumpanija B importat bejn 20 % u 30 % tal-bejgħ tagħha tul l-RIP.

F’termini ta’ valur, il-prodotti importati ġġeneraw inqas dħul. Il-prodotti importati ġġeneraw bejn 15 % u 20 % tat-total ta’ dħul.

(b)   Ir-relazzjoni mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat

Il-Kumpanija B għandha produttur esportatur relatat fil-pajjiż ikkonċernat. Il-kapaċità tal-produzzjoni ta’ dan il-produttur esportatur relatat kienet bejn wieħed u ieħor 40 miljun unità tul l-RIP, jew ftit inqas mill-kapaċità tal-produzzjoni tal-Kumpanija B fl-impjanti tagħha fil-Komunità. Madankollu, tul l-RIP, il-Kumpanija B ma importat l-ebda CFL-i mingħand dan il-produttur esportatur relatat, imma mingħand produtturi esportaturi indipendenti.

Produttur esportatur indipendenti minnhom fil-pajjiż ikkonċernat, b’kapaċità ta’ produzzjoni sinifikanti u bejgħ lill-Komunità sinifikanti, allega li l-Kumpanija B uriet l-intenzjoni li takkwistah. Il-produttur esportatur allega li l-Kumpanija B ma għandhiex tkun inkluża fid-definizzjoni tal-produzzjoni Komunitarja billi wriet interess f’akkwisti ta’ produtturi esportaturi indipendenti fil-pajjiż ikkonċernat u, għaldaqstant, tkun aktar protetta minn dumping dannuż ladarba dan jew xi akkwist ieħor iseħħ. L-allegazzjoni ma kienet issostanzjata bl-ebda evidenza dokumentata u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

(ċ)   Strateġija ta’ xiri ta’ importazzjonijiet, difensiva (temporanja) jew strateġika (għat-tul)

Il-Kumpanija B tikkunsidra l-importazzjonijiet tagħha bħala mossa difensiva. Din qed tasserixxi li l-importazzjonijiet tagħha huma ta’ natura temporanja u mistennija li jittiħdilhom posthom minn CFL-i manifatturati fil-Komunità. Fil-fatt, wara tmiem l-RIP, il-Kumpanija B kienet fil-proċess li tinstalla kapaċità ġdida f’wieħed mill-impjanti tagħha fil-Komunità.

(d)   Produzzjoni fil-Komunità

Il-Kumpanija B hija l-akbar produttur fil-Komunità. Din timpjega bejn wieħed u ieħor 700 persuna għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Bħal fil-każ ta’ produtturi oħra fil-Komunità, il-produzzjoni tal-Kumpanija B fil-Komunità tikkonsisti prinċipalment fl-immuntar ta’ komponenti minn diversi sorsi. F’dan il-każ, kważi l-komponenti kollha qed jinxtraw mill-Komunità.

(e)   Il-post tal-kwartieri ġenerali u l-azzjonisti ewlenin

Il-Kumpanija B hija diviżjoni ta’ grupp ta’ kumpaniji kbir Ewropew bil-kwartieri ġenerali fil-Komunità.

(f)   Il-post tad-dipartimenti tar-Riċerka u l-Iżvilupp

Iċ-ċentru ewlieni għar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kumpanija B jinsab fi Stat Membru. Barra dan, xi impjanti għar-riċerka u l-iżvilupp speċjalment dawk marbuta ma’ l-iżvilupp tal-proċess tal-produzzjoni jinsabu viċin l-impjanti tal-produzzjoni, jiġifieri f’żewġ Stati Membri oħra (inklużi l-impjanti għall-komponenti) u fil-pajjiż ikkonċernat.

Kumpanija Ċ

(a)   Kwantitajiet importati

Matul il-perjodu kkunsidrat il-Kumpanija Ċ importat bejn 3 u 7 miljun lampa CFL-i mill-pajjiż ikkonċernat. F’termini ta’ volumi mibjugħa fis-suq Komunitarju, il-Kumpanija Ċ importat bejn 30 % u 40 % tal-bejgħ tagħha.

F’termini ta’ valur, il-prodotti importati ġġeneraw inqas dħul. Il-prodotti importati ġġeneraw biss bejn 20 % u 30 % tat-total ta’ dħul.

(b)   Ir-relazzjoni mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat

Il-Kumpanija Ċ għandha produttur esportatur relatat fil-pajjiż ikkonċernat, li mingħandu tixtri l-biċċa l-kbira ta’ l-importazzjonijiet tagħha. Il-kapaċità ta’ dan il-produttur esportatur relatat kienet bejn wieħed u ieħor ħames darbiet akbar mill-kapaċità tal-produzzjoni tal-Kumpanija Ċ fl-impjanti tagħha fil-Komunità.

(ċ)   Strateġija ta’ xiri ta’ importazzjonijiet, difensiva (temporanja) jew strateġika (għat-tul)

Il-Kumpanija Ċ iddikjarat li kienet deċiżjoni strateġika għat-tul li tixtri mill-pajjiż ikkonċernat minħabba li dan seta’ joffri l-firxa sħiħa tal-prodotti lill-klijenti tagħha. Minħabba l-prezzijiet ta’ xiri baxxi u l-ispejjeż baxxi tal-ġarr tal-merkanzija, iċ-ċirkostanzi skond il-kumpanija ma jġibu magħhom l-ebda vantaġġ ekonomiku bil-produzzjoni fl-UE ta’ din ix-xorta ta’ prodotti kkonċernati f’volumi li jissodisfaw id-domanda.

(d)   Produzzjoni fil-Komunità

Il-Kumpanija Ċ timpjega bejn wieħed u ieħor 450 persuna fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, prinċipalment fil-fabbriki tagħha fi Stat Membru. Il-produzzjoni tal-Kumpanija Ċ fil-Komunità tikkonsisti prinċipalment fl-immuntar ta’ komponenti minn diversi sorsi. Inqas minn nofs dawn il-komponenti qed jinxtraw mill-Komunità. L-investigazzjoni wriet li l-prodott ikkonċernat għandu klassifikazzjoni doganali differenti mill-komponenti importati. Din ir-riklassifikazzjoni tirriżulta minn trasformazzjoni sostanzjali tal-komponenti. Għal dawn ir-raġunijiet, u abbażi ta’ l-informazzjoni miġbura f’din l-investigazzjoni, ġie konkluż li l-prodotti kkonċernati manifatturati mill-Kumpanija Ċ huma ta’ oriġini Komunitarja.

(e)   Il-post tal-kwartieri ġenerali u l-azzjonisti ewlenin

Il-Kumpanija Ċ hija diviżjoni ta’ grupp ta’ kumpaniji kbir bil-kwartieri ġenerali f’pajjiż terz. Madankollu, il-kwartieri ġenerali tal-Kumpanija Ċ, li hija entità legali separata, jinsabu fil-Komunità.

Minkejja li tagħmel parti minn grupp globali bil-kwartieri ġenerali f’pajjiż terz, il-Kumpanija Ċ hija kompetenti bis-sħiħ biex tieħu kull deċiżjoni kummerċjali dwar il-produzzjoni, l-importazzjoni u l-istrateġija tal-bejgħ fejn għandhom x’jaqsmu s-CFL-i għas-suq Komunitarju.

(f)   Il-post tad-dipartimenti għar-Riċerka u l-iżvilupp

Iċ-ċentru ewlieni għar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kumpanija Ċ għall-prodott ikkonċernat jinsab fi Stat Membru tal-Komunità. Barra minn dan, xi riċerka u żvilupp isiru wkoll fil-kwartieri ġenerali fl-istat terz. Barra minn hekk, ir-riċerka u żvilupp, speċjalment dawk marbuta mal-proċess tal-produzzjoni, jinsabu wkoll viċin ta’ l-impjanti tal-produzzjoni, jiġifieri fil-Komunità u fil-pajjiż ikkonċernat.

Kumpanija D

(a)   Kwantitajiet importati

Matul il-perjodu kkunsidrat il-Kumpanija D importat bejn 2 u 3 miljun lampa CFL-i mill-pajjiż ikkonċernat. F’termini ta’ volumi mibjugħa fis-suq Komunitarju, il-Kumpanija D importat bejn 50 % u 60 % tal-bejgħ tagħha.

F’termini ta’ valur, il-prodotti importati ġġeneraw inqas dħul. Il-prodotti importati ġġeneraw inqas minn bejn 40 % u 50 % tat-total ta’ dħul.

(b)   Ir-relazzjoni mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat

Il-Kumpanija D ma għandha ebda produttur esportatur relatat fil-pajjiż ikkonċernat. L-importazzjonijiet mill-pajiż ikkonċernat qed jinxtraw mingħand produtturi esportaturi indipendenti.

(ċ)   Strateġija ta’ xiri ta’ importazzjonijiet, difensiva (temporanja) jew strateġika (għat-tul)

Il-Kumpanija D iddikjarat li hi deċiżjoni strateġika għat-tul li tixtri mill-pajjiż ikkonċernat, minħabba li dan jista’ joffri l-firxa sħiħa tal-prodotti lill-klijenti tagħha. Skond il-kumpanija, ikun ta’ vantaġġ ekonomiku li tipproduċi din ix-xorta ta’ prodott ikkonċernat fl-UE f’volumi li jissodisfaw id-domanda.

(d)   Produzzjoni fil-Komunità

Il-Kumpanija D timpjega bejn 35 u 85 persuna għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, prinċipalment fil-fabbrika tagħha fil-Komunità. L-attività tal-manifattura tagħha tikkonsisti prinċipalment fl-immuntar ta’ komponenti, li inqas minn nofshom jinxtraw mill-UE. L-investigazzjoni wriet li l-prodott ikkonċernat għandu klassifikazzjoni doganali differenti mill-komponenti importati. Din ir-riklassifikazzjoni tirriżula minn trasformazzjoni sostanzjali tal-komponenti. Għal dawn ir-raġunijiet, u abbażi ta’ l-informazzjoni li nġabret f’din l-investgazzjoni, ġie konkluż li l-prodotti kkonċernati manifatturati mill-Kumpanija D huma ta’ oriġini Komunitarja.

(e)   Il-post tal-kwartieri ġenerali u l-azzjonisti ewlenin

Matul l-RIP, il-Kumpanija D kienet tapparteni lil grupp ta’ ekwità privata. Madankollu, wara tmiem l-RIP, il-Kumpanija D inxtrat minn manifattur f’pajjiż terz. Il-Kumpanija D għandha l-kwartieri ġenerali korporattivi tagħha fil-Komunità.

(f)   Il-post tad-dipartimenti tar-Riċerka u l-Iżvilupp

Iċ-ċentri kollha tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kumpanija D huma bbażati fil-Komunità.


(1)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).