9.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 262/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1175/2007

tat-8 ta’ Ottubru 2007

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (1), u partikolarment l-Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika jew grupp ta' persuni li jagħmlu l-inbid huma mitluba li jwasslu kull prodott sekondarju tal-proċess mill-inbid għad-distillazzjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 (2) jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-obbligu għad-distillazzjoni u l-Artikolu 49 tiegħu jipprovdi għal ċerti eżenzjonijiet possibbli.

(3)

Minkejja l-miżuri diġà stabbiliti mill-Ungerija, jidher li d-distillaturi ta' dan l-Istat Membru ma għandhomx biżżejjed kapaċità li jiddistillaw il-prodotti sekondarji kollha. Għalhekk, l-Ungerija għandha tawtoriżża l-eżenzjoni ta' ċerti kategoriji ta' produtturi mill-obbligu li jiddistillaw il-prodotti sekondarji tal-proċess ta' l-inbid.

(4)

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Awissu 2007 sabiex l-eżenzjoni mogħtija lill-Ungerija tkun tgħodd għas-sena kollha ta' l-inbid.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni ta' l-inbejjed,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Bħala eżenzjoni mill-Artikolu 49(4)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000, l-Ungerija tista' tistabbilixxi li mis-sena tas-suq 2007/2008, il-produtturi li ma jeċċedux il-livell ta' produzzjoni ta' 500 hl minnhom fil-post individwali tagħhom jistgħu jonoraw l-obbligu li jwasslu l-prodotti sekondarji għad-distillazzjoni billi dawk il-prodotti jiġu rtirati taħt superviżjoni.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1.)

(2)   ĠU L 194, 31.7.2000, p. 45. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 923/2007 (ĠU L 201, 2.8.2007, p. 9.)